Lessiku

katalogu ta' kliem jew lessemi ta' lingwi partikolari

Il-lessiku huwa l-vokabolarju ta’ persuna, ta’ lingwa jew ta’ fergħa ta’ għarfien (eż. l-għarfien nawtiku jew mediku). Fil-lingwistika, il-lessiku huwa inventarju ta’ lessemi ta’ lingwa. Il-kelma lessiku ġejja mill-kelma Griega λεξικόν (lexikon), li ġejja minn λεξικός (lexikos) li tfisser “tal-kliem jew għall-kliem”.[1]

It-teoriji lingwistiċi ġeneralment iqisu li l-lingwi umani fihom żewġ partijiet: il-lessiku, li essenzjalment huwa katalogu tal-kelmiet ta’ lingwa; u l-grammatika, jiġifieri sistema ta’ regoli li jippermettu li l-kelmiet jintużaw fi frażi jew f’sentenza u jagħmlu sens. Il-lessiku jitqies li jinkludi wkoll morfemi mehmuża, li ma jistgħux jintużaw waħedhom bħall-kelmiet (eż. il-biċċa l-kbira tal-affissi).[2] F’xi analiżijiet, il-kliem kompost u ċerti klassijiet ta’ espressjonijiet idjomatiċi u kollokazzjonijiet oħra jitqiesu wkoll bħala parti mil-lessiku. Id-dizzjunarji jirrappreżentaw tentattivi ta’ elenkar, f’ordni alfabetika, tal-lessiku ta’ lingwa partikolari; madankollu, is-soltu l-morfemi mehmuża ma jiġux inklużi.

Daqs u organizzazzjoni

immodifika

Lessiku jkun magħmul minn lessemi. Il-lessemi mhumiex elementi atomiċi iżda fihom komponenti fonoloġiċi u morfoloġiċi. Meta jiġi deskritt lessiku, is-soltu jintuża approċċ ġenerali b’deskrizzjoni minima. Sabiex jiġi deskritt id-daqs ta’ lessiku, il-lessemi jiġu miġbura flimkien f’lemmi. Lemma hija grupp ta’ lessemi ġġenerati mill-morfoloġija tal-inflettiva. Il-lemmi jiġu rrappreżentati fid-dizzjunarji b’kelmiet prinċipali (spiss b’tipa grassa) li jelenkaw id-diversi forom tal-lessemi u kwalunkwe forma irregolari, peress li wieħed ikollu jitgħallem dawn il-forom irregolari biex ikun jista’ juża l-lessemi b’mod korrett. Il-lessemi li jiġu derivati minn kellma permezz tal-morfoloġija derivattiva jitqiesu bħala lemmi ġodda. Il-lessiku jiġi organizzat ukoll skont kategoriji miftuħa jew magħluqa. Il-kategoriji magħluqa, bħad-determinaturi jew il-pronomi, qajla jingħataw lessemi ġodda; il-funzjoni tagħhom hija primarjament sintattika. Il-kategoriji miftuħa, bħan-nomi u l-verbi, ikollhom mekkaniżmi ta’ ġenerazzjoni attivi ħafna u l-lessemi tagħhom ikunu iktar semantiċi.

Lessikalizzazzjoni u mekkaniżmi oħra fil-lessiku

immodifika

Rwol ċentrali tal-lessiku huwa id-dokumentazzjoni ta’ normi u ta’ konvenzjonijiet stabbiliti. Il-lessikalizzazzjoni huwa l-proċess li bih kelmiet ġodda, li jkunu jintużaw komunement, jidħlu fil-lessiku. Peress li l-lessikalizzazzjoni[3] tista’ timmodifika l-lessemi fonoloġikament u morfoloġikament, huwa possibbli li sors etimoloġiku uniku jiddaħħal f’lessiku wieħed b’żewġ forom jew iktar. Dawn il-pari spiss ikunu qrib xulxin semantikament. Żewġ eżempji huma “sistemiku” vs “sistematiku” u “impjega” vs “implika”.[4]

Il-mekkaniżmi, li ma jeskludux lil xulxin, huma[5]:

  • L-Innovazzjoni[6]; il-ħolqien ippjanat ta’ għeruq ġodda (sikwit fuq skala kbira), bħas-slang jew it-taħdit informali.
  • Is-self ta’ kliem barrani.
  • Il-ħolqien ta’ kliem kompost; it-twaħħid ta’ żewġ lessemi f’kelma waħda.
  • L-abbrevjazzjoni ta’ kliem kompost.
  • L-akronimi; it-taqsira tal-kliem kompost billi jintużaw l-ewwel ittri, bħal NASA u laser (minn “LASER”).
  • L-inflezzjoni; bidla morfoloġika ma’ kategorija, bħan-numru jew it-temp.
  • Id-derivazzjoni; bidla morfoloġika li tirriżulta f’bidla ta’ kategorija.
  • L-agglutinazzjoni; it-twaħħid ta’ morfemi f’kelma waħda.

Neoloġiżmi (kelmiet ġodda)

immodifika

In-neoloġiżmi huma kandidati ġodda biex isiru lessemi, li jekk jintużaw komunement tul iż-żmien, isiru parti mil-lessiku ta’ lingwa. In-neoloġiżmi ħafna drabi jiġu introdotti mit-tfal li jipproduċu forom ħżiena bi żball.[7] Sorsi komuni oħra huma s-slang u r-reklamar.

Neoloġiżmi li jżommu l-ħoss tas-sors estern tagħhom

immodifika

Jeżistu żewġ tipi ta’ self minn sorsi esterni (neoloġiżmi bbażati fuq sorsi esterni based on external sources) li jżommu l-ħoss tas-sors estern tagħhom, jiġifieri lingwa barranija:

  • Is-self li juża lessemi mil-lingwa sors għall-ħolqien ta’ neoloġiżmi (magħruf bħala neoloġizzazzjoni): kliem minn lingwa barranija li ma jinbidilx ortografikament, kliem minn lingwa barranija li jinbidel ortografikament, u kliem misluf.
  • Is-self li juża lessemi mil-lingwa fil-mira għall-ħolqien ta’ neoloġiżmi: it-tqabbil fonosemantiku, it-tqabbil fonetiku semantiċizzat u t-tqabbil fonetiku.

Kliem minn lingwa barranija li jinbidel jew li ma jinbidilx ortografikament u kliem misluf

immodifika

Dawn li ġejjin huma eżempji tal-espansjoni lessikali esterna li jużaw lessemi mil-lingwa sors għall-ħolqien ta’ neoloġiżmi, elenkati f’ordni mill-iktar xebħ fonetiku għal-lessema oriġinali fil-lingwa sors (l-ewwel eżempju) sa l-inqas xebħ fonetiku (l-aħħar eżempju)[8]:

  • Kliem minn lingwa barranija li ma jinbidilx ortografikament (bil-Ġermaniż: Gastwort; litteralment “kelma mistiedna”) u li ma jiġix assimilat.
  • Kliem minn lingwa barranija li jinbidel ortografikament (bil-Ġermaniż: Fremdwort, litteralment “kelma barranija”), eż. adattament fonetiku.
  • Kliem misluf (bil-Ġermaniż: Lehnwort) li jiġi assimilat għalkollox, eż. adattament morfemiku.

Tqabbil fonosemantiku, tqabbil fonetiku semantiċizzat u tqabbil fonetiku

immodifika

Dawn li ġejjin huma eżempji tal-espansjoni lessikali esterna u interna fl-istess ħin li jużaw lessemi mil-lingwa fil-mira għall-ħolqien ta’ neoloġiżmi iżda li xorta jibqgħu jixbħu l-ħoss tal-lessemi fil-lingwa sors[8]:

  • Tqabbil fonosemantiku: il-lessemi mil-lingwa fil-mira jkunu oriġinarjament simili għal-lessemi tal-lingwa sors kemm fonetikament kif ukoll semantikament.
  • Tqabbil fonetiku semantiċizzat: il-lessemi mil-lingwa fil-mira jkunu oriġinarjament simili għal-lessemi tal-lingwa sors fonetikament, u ma tantx semantikament.
  • Tqabbil fonetiku: il-lessemi mil-lingwa fil-mira jkunu oriġinarjament simili għal-lessemi tal-lingwa sors fonetikament iżda mhux semantikament.

Rwol tal-morfoloġija

immodifika

Mekkaniżmu ieħor jinvolvi l-ġenerazzjoni ta’ lessemi bit-twaħħid ta’ morfemi ma’ lessemi oħra skont ir-regoli ta’ lingwa. Pereżempju, is-suffiss “-abbli” s-soltu jiżdied mal-verbi tranżittivi, eż. “paragunabbli” (“paraguna” + “-abbli” bir-regola tat-twaqqigħ tal-vokali a meta tinzerta l-istess bħall-bidu tas-suffiss), iżda mhux għall-verbi tranżittivi kollha, eż. “bekabbli” (“beka” + “abbli” bir-regola tat-taqqigħ tal-vokali a meta tinzerta l-istess bħall-bidu tas-suffiss) mhux tajba u titqies bħala żball.

Ħolqien ta’ kliem kompost

immodifika

Kelma komposta hija lessema magħmula minn diversi lessemi stabbiliti, li semantikament ma tkunx is-somma tas-semantika ta’ dawk il-kostitwenti. Il-kliem kompost jista’ jiġi interpretat permezz ta’ analoġija, permezz tas-sens komun, u l-iktar permezz tal-kuntest.[3] Il-kliem kompost jista’ jkollu strutturi morfoloġiċi sempliċi jew kumplessi. Is-soltu l-parti ta’ quddiem tal-kelma jew ir-ras ikollha bżonn tinfletti biex ikun hemm qbil. Il-ħolqien ta’ kliem kompost jista’ jirriżulta f’lessemi ta’ proporzjon kbir wisq. Dan jiġi kkumpensat minn mekkaniżmi li jnaqqsu t-tul tal-kliem. Dan l-aħħar intwera li fenomenu simili jseħħ fil-media soċjali wkoll meta jintużaw hashtags (jiġifieri s-simbolu #) komposti biex jinħolqu hashtags itwal li xi kultant ikunu iktar popolari mill-hashtags kostitwenti individwali li jiffurmaw il-hashtag komposta.[9] Il-ħolqien ta’ kliem kompost huwa l-iktar strateġija komuni biex jiġu ffurmati kelmiet ġodda mil-lingwa għall-oħra.

Mekkaniżmi dijakroniċi

immodifika

Il-lingwistika storika komparattiva tistudja l-evoluzzjonijiet tal-lingwi u tagħti ħarsa dijakronika lejn il-lessiku. L-evoluzzjoni tal-lessiċi f’lingwi differenti sseħħ permezz ta’ mekkaniżmu parallel. Tul iż-żmien, il-forzi storiċi jsawru l-lessiku, jagħmluha iktar faċli biex dak li jkun jitgħallmu, u spiss joħolqu l-illużjoni li hemm regolarità kbira fil-lingwa.

Dawn huma xi eżempji ta’ mekkaniżmi dijakroniċi differenti:

  • L-assimilazzjoni fonoloġika: il-modifika tal-kliem misluf biex jaqbel b’mod iktar effettiv mal-istruttura tal-ħoss ta’ lingwa oħra. Madankollu, jekk kelma mislufa tinstema’ wisq “barranija”, jista’ jagħti l-każ li r-regoli dwar l-inflezzjoni jew id-derivazzjoni ma jkunux jistgħu jittrasformawha.
  • L-analoġija: kelmiet ġodda jiġu sottoposti għar-regoli dwar l-inflezzjoni jew id-derivazzjoni li jkunu analogi għal dawk ta’ kelmiet bi struttura tal-ħoss li tkun simili.
  • L-enfasi: il-modifika tal-aċċent jew l-enfasi tal-kelmiet.
  • Il-metafora: forma ta’ estensjoni semantika.

Lessiku tat-tieni lingwa

immodifika

It-terminu “lessiku” ġeneralment jintuża fil-kuntest ta’ lingwa waħda. Għaldaqstant, wieħed ġeneralment jaħseb li l-kelliema multilingwi jkollhom diversi lessiċi. Il-kelliema ta’ varjanti lingwistiċi (pereżempju tal-Portugiż Ewropew u tal-Portugiż tal-Brażil) jistgħu jitqiesu li għandu lessiku wieħed. Għalhekk, cash dispenser (Ingliż Brittaniku) u automatic teller machine jew ATM (Ingliż Amerikan) ikunu mifhuma kemm mill-kelliema tal-Ingliż Brittaniku kif ukoll minn dawk tal-Ingliż Amerikan, minkejja li kull grupp juża djaletti differenti.

Meta l-lingwisti jistudjaw lessiku, jikkunsidraw pereżempju x’jikkostitwixxi kelma, ir-relazzjoni bejn kelma u kunċett, l-aċċess lessikali u n-nuqqas ta’ aċċess lessikali, l-intersezzjoni tal-fonoloġija, tas-sintassi u tat-tifsira f’kelma, ir-relazzjoni bejn il-morfoloġija u l-kelma, l-istruttura tal-vokabolarju f’lingwa partikolari, l-użu tal-lingwa, l-akkwiżizzjoni tal-lingwa, l-istorja u l-evoluzzjoni tal-kliem (etimoloġija), u r-relazzjonijiet bejn il-kliem li spiss jiġu studjati fi ħdan il-filosofija tal-lingwa.

Fil-psikolingwistika, fin-newrolingwistika u fil-lingwistika komputazzjonali, ġew proposti diversi mudelli ta’ kif il-lessiċi jiġu organizzati u kif il-kliem jista’ jinsilet.

Referenzi

immodifika
  1. ^ λεξικός in Henry George Liddell, Robert Scott, A Greek–English Lexicon (Perseus Digital Library). Sc. βιβλίον biblios 'book'.
  2. ^ Dominiek, Sandra; Taft, Marcus (1994). Morphological structure, lexical representation, and lexical access. Lawrence Erlbaum Associates, Publishers. ISBN 9780863779268.
  3. ^ a b Geert, Booij (2005). The grammar of words : an introduction to linguistic morphology. Oxford textbooks in linguistics. Oxford University Press. ISBN 0-19-928042-8.
  4. ^ Skeat, Walter (2010-04-17). A Concise Etymological Dictionary of the English Language. Forgotten Books. p. 648. ISBN 978-1-4400-5722-9.
  5. ^ Ornan, Uzzi (2003). The Final Word — Mechanism For Hebrew Word Generation. Haifa: Haifa University Press.
  6. ^ Metcalf, Allan (2002). Predicting New Words — The Secrets of Their Success. Boston: Houghton Mifflin Company. ISBN 0-618-13006-3.
  7. ^ Jaeger, Jeri J. (2005). Kid's slips: what young children's slips of the tongue reveal about language development. Psychology Press. ISBN 978-0-8058-3579-3.
  8. ^ a b Language Contact and Lexical Enrichment in Israeli Hebrew, Ghil'ad Zuckermann, Palgrave Macmillan, 2003, p. 8.
  9. ^ Suman Kalyan Maity, Ritvik Saraf and Animesh Mukherjee (2016). #Bieber + #Blast = #BieberBlast: Early Prediction of Popular Hashtag Compounds. In ACM CSCW, San Francisco, CA.