Borobudur

tempju Buddista f'Ġava, l-Indoneżja

Borobudur, spelluta wkoll bħala Barabudur (bl-Indoneżjan: Candi Borobudur, bil-Ġavaniż: ꦕꦤ꧀ꦝꦶꦧꦫꦧꦸꦝꦸꦂ, b'ittri Rumani: Candhi Barabudhur) huwa tempju tal-Buddiżmu Mahayana tas-seklu 9 fid-Distrett ta' Magelang, mhux wisq 'il bogħod mir-raħal ta' Muntilan, fil-Ġava Ċentrali, l-Indoneżja. Huwa l-ikbar tempju Buddista fid-dinja.[1][2][3] It-tempju jikkonsisti minn disa' pjattaformi mtarrġin, sitta kwadri u tlieta ċirkolari, b'stupa ċentrali fuq nett. It-tempju huwa mżejjen b'2,672 panew bir-riljievi u oriġinarjament b'504 statwa tal-Buddha. L-istupa ċentrali hija mdawra bi 72 statwa tal-Buddha, kull waħda bilqiegħda fi ħdan stupa vojta minn ġewwa u bit-toqob minn barra.[4]

Veduta tat-Tempju ta' Borobudur mill-Majjistral

It-tempju nbena fis-seklu 9 matul ir-renju tad-Dinastija Sailendra, u d-disinn tat-tempju jsegwi l-arkitettura Buddista Ġavaniża, li tħallat flimkien it-tradizzjoni indiġena Indoneżjana tal-qima tal-antenati u l-kunċett Buddista tal-ksib tan-nirvāṇa. It-tempju fih influwenzi tal-arti Gupta li jirriflettu l-influwenza tal-Indja fir-reġjun[5], għalkemm hemm biżżejjed xeni u elementi indiġeni inkorporati biex Borobudur jitqies bħala tempju Indoneżjan uniku.[6][7] Il-monument huwa santwarju tal-Buddha u post tal-pellegrinaġġi Buddisti. Il-vjaġġ tal-pellegrini jibda fil-bażi tal-monument u jsegwi mogħdija madwar il-monument, u jibqa' tiela' sa fuq nett minn tliet saffi simboliċi tal-kożmoloġija Buddista: Kāmadhātu (id-dinja tax-xewqat), Rūpadhātu (id-dinja tal-forom) u Arūpadhātu (id-dinja tan-nuqqas ta' forom). Il-monument jiggwida lill-pellegrini permezz ta' sistema estensiva ta' turġien u kurituri u ġrajja rrakkontata f'1,460 panew bir-riljievi mal-ħitan u mal-balavostri. Borobudur fih waħda mill-ikbar u l-iżjed ġabriet kompluti ta' riljievi Buddisti fid-dinja.

L-evidenza tissuġġerixxi li Borobudur inbena fis-seklu 9 u sussegwentement ġie abbandunat fis-seklu 14 wara d-deklin tar-renji Induisti fil-gżira ta' Ġava u l-konverżjoni tal-Ġavaniżi għall-Iżlam.[8] L-għarfien dinji bl-eżistenza tat-tempju ġie mqanqal fl-1814 minn Sir Thomas Stamford Raffles, li dak iż-żmien kien il-mexxej Brittaniku ta' Ġava, li ġie infurmat fejn kien jinsab mill-Indoneżjani tal-post.[9] Minn dak iż-żmien Borobudur ġie ppreservat permezz ta' diversi xogħlijiet ta' restawr. L-ikbar proġett ta' restawr sar bejn l-1975 u l-1982 mill-gvern Indoneżjan u mill-UNESCO, wara li l-monument tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

Borobudur huwa l-ikbar tempju Buddista fid-dinja, u flimkien ma' Bagan fil-Myanmar u ma' Angkor Wat fil-Kambodja jitqies bħala wieħed mill-aqwa siti arkeoloġiċi tax-Xlokk tal-Asja. Borobudur għadu popolari għall-pellegrinaġġi, u l-Buddisti fl-Indoneżja jiċċelebraw Jum il-Vesak fil-monument. Borobudur huwa l-iżjed attrazzjoni turistika fl-Indoneżja li jżuruha nies.[10][11][12]

Etimoloġija

immodifika

Bl-Indoneżjan, it-tempji antiki jissejħu candi; b'hekk in-nies tal-post jirreferu għat-Tempju ta' Borobodur bħala Candi Borobudur. It-terminu candi bejn wieħed u ieħor jiddeskrivi wkoll l-istrutturi tal-qedem, pereżempju d-daħliet u l-banjijiet. L-oriġini tal-isem Borobudur, ġejja minn "Boro" jiġifieri kbir u "Budur" li tirreferi għall-Buddha.[13] L-isem ta' Borobudur inkiteb għall-ewwel darba fil-ktieb ta' Raffles dwar l-istorja ta' Ġava.[14] Raffles kiteb dwar monument imsejjaħ Borobudur, iżda ma hemm l-ebda dokument iktar antik li jissuġġerixxi l-użu tal-istess isem. L-uniku manuskritt Ġavaniż antik li jagħti ħjiel dwar monument imsejjaħ Budur bħala santwarju Buddista mqaddes huwa n-Nagarakretagama, miktub minn Mpu Prapanca, studjuż Buddista tal-qorti Majapahit, fl-1365.[15] Il-biċċa l-kbira tal-candi ngħataw isem villaġġ fil-qrib. Li kieku l-isem segwa l-konvenzjonijiet tal-lingwa Ġavaniża u tassew ingħata isem xi villaġġ fl-inħawi msejjaħ Bore, suppost il-monument kellu jingħata l-isem ta' "BudurBoro". Raffles kien tal-fehma li Budur setgħet tikkorrispondi għall-kelma bil-Ġavaniż modern Buda ("tal-qedem"), jiġifieri "Boro tal-qedem". Huwa ssuġġerixxa wkoll li l-isem seta' oriġina minn boro, li tfisser "kbir" jew "onorevoli" u Budur għall-Buddha. Madankollu, arkeologu ieħor jissuġġerixxi li t-tieni komponent tal-isem (Budur) ġej mit-terminu Ġavaniż bhudhara ("muntanja").[16]

Etimoloġija possibbli oħra skont l-arkeologu Olandiż A.J. Bernet Kempers tissuġġerixxi li Borobudur nibet minn pronunzja ssimplifikata lokali Ġavaniża tal-Biara Beduhur, miktub bis-Sanskrit bħala Vihara Buddha Uhr. It-terminu Buddha-Uhr jaf ifisser "il-belt tad-Buddhi", filwaqt li terminu possibbli ieħor, Beduhur, li x'aktarx huwa terminu Ġavaniż antik, li għadu jeżisti llum il-ġurnata fil-vokabularju tal-Baliniż, bit-tifsira ta' "post għoli", inbena miz-zokk dhuhur jew luhur (għoli). Dan jissuġġerixxi li Borobudur tfisser vihara ta' Buddha li tinsab f'post għoli jew fuq għolja.[17]

Il-kostruzzjoni u l-inawgurazzjoni ta' binja Buddista sagra — possibbilment referenza għal Borobudur — issemmiet f'żewġ tinqixiet, li t-tnejn ġew skoperti f'Kedu, fid-Distrett ta' Temanggung. It-tinqix ta' Karangtengah, datat fit-824, isemmi binja sagra msejħa Jinalaya (il-livell ta' dawk li għelbu x-xewqat dinjin u kisbu l-illuminazzjoni), inawgurata minn Pramodhawardhani, bint Samaratungga. It-tinqix ta' Tri Tepusan, datat fit-842, jissemma fis-sima, l-artijiet ħielsa mit-taxxa mogħtija minn Çrī Kahulunnan (Pramodhawardhani) biex jiġu żgurati l-finanzjament u l-manutenzjoni ta' Kamūlān imsejjaħ Bhūmisambhāra.[18] Kamūlān ġejja mill-kelma mula, li tfisser "il-post tal-oriġini", u hija binja sagra biex tagħti ġieħ lill-antenati, x'aktarx tad-Dinastija Sailendra. Casparis issuġġerixxa li Bhūmi Sambhāra Bhudhāra, li bis-Sanskritu tfisser "il-muntanja tal-virtujiet ikkombinati tal-għaxar stadji tal-Boddhisattva", kienet l-isem oriġinali ta' Borobudur.[19]

Tliet tempji

immodifika
 
Mappa li turi li Borobudur jinsab f'linja dritta ma' żewġ tempji oħra

Borobudur jinsab madwar 40 kilometru (25 mil) fil-Majjistral ta' Yogyakarta u 86 kilometru (53 mil) fil-Punent ta' Surakarta, fuq żona elevata bejn żewġ vulkani, Sundoro-Sumbing u Merbabu-Merapi, u żewġ xmajjar, Progo u Elo.[20] Skont leġġenda lokali, iż-żona magħrufa bħala l-Pjanura ta' Kedu hija post "sagru" Ġavaniż u ġiet imlaqqma bħala "l-ġnien ta' Ġava" minħabba l-fertilità agrikola kbira tal-post.[21]

Matul ir-restawr fil-bidu tas-seklu 20, ġie skopert li tliet tempji Buddisti fir-reġjun, Borobudur, Pawon u Mendut, huma ppożizzjonati tul linja dritta.[22] X'aktarx li kienet teżisti xi tip ta' rabta ritwali bejn it-tliet tempji, għalkemm x'kienet ir-rabta eżatt ħadd ma jaf.

Ipoteżi ta' lag antik

immodifika
 
Statwa esposta tal-Buddha fi ħdan l-istupi tas-saffi ta' fuq ta' Borobudur

L-ispekulazzjoni dwar l-eżistenza ta' lag fl-madwar it-tempju kienet is-suġġett ta' diskussjoni intensa fost l-arkeologi fis-seklu 20. Fl-1931, artist u studjuż Olandiż tal-arkitettura Induista u Buddista, W.O.J. Nieuwenkamp, żviluppa ipoteżi li l-Pjanura ta' Kedu xi darba kienet lag u Borobudur inizjalment kien jirrappreżenta fjura tal-lotus f'wiċċ il-lag. Ingħad li Borobudur inbena fuq għolja ta' 265 metru (869 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar u 15-il metru (49 pied) 'il fuq mill-qiegħ ta' dan il-paleolag li nixef.[23]

Dumarçay flimkien mal-Professur Thanikaimoni ħadu kampjuni tal-ħamrija fl-1974 u mill-ġdid fl-1977 minn trunċiera ta' prova li kienu tħaffru fl-għolja, kif ukoll mill-pjanura fin-Nofsinhar. Dawn il-kampjuni iktar 'il quddiem ġew analizzati minn Thanikaimoni, li eżamina l-kontenut tat-trab dakkari u ta' spori fihom biex jidentifika t-tip ta' veġetazzjoni li kienet tikber fiż-żona għall-ħabta tal-kostruzzjoni ta' Borobudur. Ma sabu l-ebda trab dakkari jew spori fil-kampjuni li kienu karatteristiċi ta' xi veġetazzjoni li tikber f'ambjent akkwatiku bħal lag, għadira jew marġ. Iż-żona madwar Borobudur milli jidher kienet imdawra bis-siġar tal-palm u bir-raba' għall-ħabta tal-kostruzzjoni tal-monument, u dan għadu l-każ illum il-ġurnata. Caesar Voûte u l-ġeomorfologu Dr J.J. Nossin fi studji fuq il-post li wettqu fl-1985-1986 reġgħu eżaminaw l-ipoteżi ta' lag madwar Borobudur u kkonfermaw l-assenza ta' lag madwar it-tempju għall-ħabta tal-kostruzzjoni tat-tempju u tal-użu attiv tiegħu bħala santwarju. Dawn is-sejbiet imsejħa A New Perspective on Some Old Questions Pertaining to Borobudur ġew ippubblikati f'pubblikazzjoni tal-2005 tal-UNESCO bit-titlu "The Restoration of Borobudur" (Ir-Restawr ta' Borobudur).

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Il-plakka tat-tniżżil ta' Borobudur fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

Il-Kumplessi tat-Tempju ta' Borobudur ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (vi) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ".[3]

Kostruzzjoni

immodifika
 
Pittura ta' G.B. Hooijer (għall-ħabta tal-1916-1919) b'rikostruzzjoni tax-xena ta' Borobudur fl-aqwa tiegħu

Ma hemm l-ebda rekord magħrufa tal-kostruzzjoni jew l-iskop maħsub ta' Borobudur. Id-durata tal-kostruzzjoni ġiet stmata permezz tat-tqabbil tar-riljievi mnaqqxin fuq is-saff moħbi tal-bażi tat-tempju u l-kitbiet minquxa li normalment kienu jintużaw fid-dokumenti rjali matul is-sekli 8 u 9. Borobudur x'aktarx li ġie stabbilit għall-ħabta tat-800 W.K.[24] Dan jikkorrispondi għall-perjodu bejn is-760 u t-830 W.K., jiġifieri l-quċċata tat-tmexxija tad-dinastija Sailendra fir-renju ta' Mataram fil-Ġava ċentrali[25], meta l-poter tagħhom kien jinkorpora mhux biss l-Imperu Srivijayan iżda wkoll in-Nofsinhar tat-Tajlandja, ir-renji Indjanizzati tal-Filippini, it-Tramuntana ta' Malaya (Kedah, magħrufa wkoll fit-testi Indjani bħala l-istat Induista antik ta' Kadaram).[26] Huwa stmat li l-kostruzzjoni damet 75 sena u tlestiet matul ir-renju ta' Samaratungga fit-825.[27]

Hemm inċertezza dwar il-mexxejja Induisti u Buddisti f'Ġava għall-ħabta ta' dak iż-żmien. Il-membri tad-dinastija Sailendra kienu magħrufa bħala segwaċi qalila tal-Buddiżmu, għalkemm xi kitbiet minquxa fil-ġebel li nstabu f'Sojomerto jissuġġerixxu wkoll li setgħu kienu Induisti. Dak iż-żmien inbnew bosta monumenti Induisti u Buddisti fil-pjanuri u fil-muntanji madwar il-Pjanura ta' Kedu. Il-monumenti Buddisti, inkluż Borobudur, inbnew għall-ħabta tal-istess żmien bħat-tempju Induista ta' Prambanan iddedikat lil Shiva. Fis-732 W.K., ir-Re Sanjaya segwaċi ta' Shiva kkummissjona santwarju ta' Shivalinga biex jinbena fuq l-għolja ta' Wukir, 10 kilometri (6.2 mili) biss fil-Lvant ta' Borobudur.[28]

Il-kostruzzjoni ta' tempji Buddisti, inkluż Borobudur, dak iż-żmien kienet possibbli bis-saħħa tas-suċċessur immedjat ta' Sanjaya, Rakai Panangkaran, li ta l-permess tiegħu biex is-segwaċi Buddisti jkunu jistgħu jibnu dawk it-tempji.[29] Fil-fatt, biex juri r-rispett tiegħu, Panangkaran ta l-villaġġ ta' Kalasan lill-komunità Buddista, skont kif hemm miktub fid-Dokument ta' Kalasan tas-778 W.K.[30] Dan wassal biex xi arkeologi jemmnu li qatt ma kien hemm kunflitt serju minħabba r-reliġjon f'Ġava peress li kien possibbli li re Induista jkun patrun tal-istabbiliment ta' monument Buddista; jew li re Buddista jaġixxi bl-istess mod fir-rigward ta' monument Induista. Il-battalja tat-856 fuq il-promontorju ta' Ratubaka seħħet ferm wara u kienet battalja politika.[31] Kien hemm klima ta' koeżistenza paċifika fejn kien hemm l-involviment tad-dinastija Sailendra f'Lara Jonggrang.[32]

Abbandun

immodifika
 
L-istupi tas-saffi ta' fuq ta' Borobudur.

Borobudur baqa' moħbi għal sekli sħaħ taħt saffi ta' rmied vulkaniku u veġetazzjoni tal-ġungla. Il-fatti marbuta mal-abbandun tiegħu għadhom misteru. Mhuwiex magħruf meta l-użu attiv tal-monument u l-pellegrinaġġi Buddisiti lejh waqfu ħesrem. Xi żmien bejn id-928 u l-1006, ir-Re Mpu Sindok ittrasferixxa l-belt kapitali tar-Renju ta' Medang lejn ir-reġjun tal-Lvant ta' Ġava, wara sensiela ta' żbroffar vulkaniku; mhuwiex ċert jekk dan wassalx għall-abbandun tat-tempju, iżda diversi sorsi jsemmu dan iż-żmien bħala l-iżjed perjodu probabbli tal-abbandun. Il-monument jissemma vagament saħansitra għall-ħabta tal-1365, fin-Nagarakretagama ta' Mpu Prapanca, li nkiteb matul l-era tal-Majapahit u jsemmi "l-vihara f'Budur".[33] Soekmono (1976) isemmi wkoll t-twemmin popolari li t-tempji ġew abbandunati meta l-popolazzjoni kkonvertiet għall-Iżlam fis-seklu 15.

 
Fuq l-istupa prinċipali ta' Borobudur f'nofs is-seklu 19 kien inbena torri panoramiku tal-injam.

Il-monument ma ntesiex għalkollox, għalkemm il-ġrajjiet folkloristiċi gradwalment inbidlu mill-glorja tal-imgħoddi tiegħu għal twemmin iktar superstizzjuż assoċjat max-xorti ħażina u l-miżerja. Żewġ ġrajjiet antiki Ġavaniżi magħrufa bħala babad mis-seklu 18 isemmu każijiet ta' xorti ħażina jew seħta assoċjati mal-monument. Skont il-Babad Tanah Jawi (jew l-Istorja ta' Java), il-monument kien fattur fatali għal Mas Dana, ribelli li rribella kontra Pakubuwono I, ir-re ta' Mataram fl-1709. Issemma li l-għolja tar-"Redi Borobudur" ġiet assedjata u r-ribelli tilfu u ngħataw il-piena tal-mewt mir-re. Fil-Babad Mataram (jew l-Istorja tar-Renju ta' Mataram), il-monument ġie assoċjat max-xorti ħażina tal-prinċep eredi tas-Sultanat ta' Yogyakarta fl-1757. Minkejja tabù kontra ż-żjarat lejn il-monument, "huwa ħenn għall-kavallier li kien maqbud f'gaġġa (jiġifieri l-istatwa f'waħda mill-istupi bit-toqob) li ma felaħx ma jmurx jarah". Malli reġa' lura lejn il-palazz tiegħu, huwa marad u miet l-għada.[34]

Skoperta mill-ġdid

immodifika
 
Terrazza fuq it-tempju ta' Borobudur fl-1913.

Wara li nħakmet, Ġava sfat taħt l-amministrazzjoni Brittanika mill-1811 sal-1816. Il-gvernatur maħtur kien il-Logutenent Gvernatur-Ġeneral Thomas Stamford Raffles, li wera interess kbir fl-istorja ta' Ġava. Huwa kkollezzjona antikitajiet Ġavaniżi u ħa noti permezz ta' kuntatti mal-abitanti lokali matul iż-żjara tiegħu madwar il-gżira. Fi żjara ta' spezzjoni lejn is-Semarang fl-1814, huwa ġie infurmat dwar monument kbir f'nofs il-ġungla qrib il-villaġġ ta' Bumisegoro. Huwa ma setax jara s-sit hu stess, iżda bagħat lil Hermann Cornelius, inġinier Olandiż li, fost esplorazzjonijiet oħra għall-antikitajiet, skopra l-kumpless ta' Sewu fl-1806-1807 u investigah. F'xahrejn, Cornelius u tim ta' 200 raġel qatgħu s-siġar, ħarqu l-veġetazzjoni u neħħew il-ħamrija u r-radam biex jiżvelaw il-monument. Minħabba l-periklu ta' ċediment, ma setax jiżvela l-galleriji kollha. Huwa rrapporta s-sejbiet tiegħu lil Raffles, u inkluda diversi tpinġijiet. Minkejja li Raffles semma l-iskoperta u x-xogħol iebes ta' Cornelius u t-tim ta' rġiel fi ftit sentenzi biss, huwa ġie kkreditat bl-iskoperta mill-ġdid tal-monument, bħala dak li żvelaha għall-attenzjoni tad-dinja.[35]

Christiaan Lodewijk Hartmann, resident tar-reġjun ta' Kedu, kompla x-xogħol ta' Cornelius, u fl-1835, il-kumpless kollu ġie żvelat minn taħt ir-radam u l-ħamrija. L-interess tiegħu f'Borobudur kien iktar personali milli uffiċjali. Hartmann ma kitibx rapporti dwar l-attivitajiet tiegħu, b'mod partikolari, il-ġrajja allegata li skopra statwa kbira tal-Buddha fl-istupa prinċipali. Fl-1842, Hartmann investiga l-istupa prinċipali, għalkemm dak li skopra mhuwiex magħruf u l-istupa prinċipali attwalment hija vojta.[35]

Imbagħad, il-gvern Olandiż tal-Indji tal-Lvant ikkummissjona lil Frans Carel Wilsen, uffiċjal tal-inġinerija Olandiż, li studja l-monument u pinġa mijiet ta' skizzi. Jan Frederik Gerrit Brumund inħatar ukoll biex iwettaq studju dettaljat tal-monument, li tlesta fl-1859. Il-gvern kien beħsiebu jippubblika artiklu bbażat fuq l-istudju ta' Brumund issupplimentat bit-tpinġijiet ta' Wilsen, iżda Brumund irrifjuta li jikkoopera. B'hekk imbagħad il-gvern ikkummissjona lil studjuż ieħor, Conradus Leemans, li kkompila monografija bbażata fuq is-sorsi ta' Brumund u ta' Wilsen. Fl-1873 ġiet ippubblikata l-ewwel monografija tal-istudju dettaljat ta' Borobudur, segwita mit-traduzzjoni tagħha bil-Franċiż sena wara. L-ewwel ritratt tal-monument ittieħed fl-1872 mill-inċiżur Olandiż-Fjamming Isidore van Kinsbergen.[36]

 
Borobudur fl-1872.

L-apprezzament tas-sit żviluppa bil-mod, u għal xi żmien it-tempju kien sors tajjeb ta' tifkiriet oriġinali minnu u ta' dħul għall-"kaċċaturi tat-tifkiriet" u għall-ħallelin. Fl-1882, l-ispettur ewlieni tal-artefatti kulturali rrakkomanda li Borobudur jiġu żarmat għalkollox ġebla ġebla u li r-riljievi jiġu rilokati f'mużewijiet minħabba l-kundizzjoni mhux stabbli tal-monument. B'hekk, il-gvern ħatar lil Willem Pieter Groeneveldt bħala l-kuratur tal-kollezzjoni arkeoloġika tas-Soċjetà Batavjana tal-Arti u tax-Xjenzi, sabiex iwettaq investigazzjoni dettaljata tas-sit u jivvaluta l-kundizzjoni reali tal-kumpless; ir-rapport tiegħu indika li dawn il-biżgħat ma kinux ġustifikati u rrakkomanda li t-tempju jitħalla intatt.[37]

Borobudur tqies bħala s-sors ta' tifkiriet, u partijiet mill-iskulturi tiegħu nsterqu, uħud saħansitra bil-kunsens tal-gvern kolonjali. Fl-1896, ir-Re Chulalongkorn tas-Siam żar Ġava u talab u ngħata l-permess biex jieħu d-dar miegħu tmien tagħbijiet ta' skulturi fil-karrettuni minn Borobudur. Dawn kienu jinkludu tletin opra meħuda minn għadd ta' panewijiet ta' riljievi, ħames xbihat tal-Buddha, żewġ iljuni, gargoyle, diversi motivi ta' kala mit-turġien u mid-daħliet, u statwa ta' gwardjan (dvarapala). Bosta minn dawn l-artefatti, l-iktar l-iljuni, id-dvarapala, il-kala, il-makara u l-ispieri ġganteski llum il-ġurnata jinsabu għall-wiri fis-sala tal-Arti ta' Ġava fil-Mużew Nazzjonali ta' Bangkok, it-Tajlandja.[38]

 
Borobudur wara r-restawr ta' Van Erp fl-1911. Ta' min wieħed jinnota r-rikostruzzjoni taċ-chhatra fil-quċċata tal-istupa prinċipali (li mbagħad ġiet żarmata).

Borobudur ġibed l-attenzjoni lejh fl-1885, meta l-inġinier Olandiż Jan Willem IJzerman, il-President tas-Soċjetà Arkeoloġika f'Yogyakarta, għamel l-iskoperta tas-saff moħbi taħt l-art.[39] Ritratti li jiżvelaw ir-riljievi fuq is-saff moħbi ttieħdu fl-1890-1891.[40] L-iskoperta wasslet biex il-gvern Olandiż tal-Indji tal-Lvant jieħu passi biex jissalvagwardja l-monument. Fl-1900, il-gvern stabbilixxa kummissjoni li kienet tikkonsisti minn tliet uffiċjali biex jivvalutaw il-monument: Jan Lourens Andries Brandes, storiku tal-arti, Theodoor van Erp, inġinier u fizzjal tal-armata Olandiża, u Benjamin Willem van de Kamer, inġinier tal-kostruzzjoni mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.

Fl-1902, il-kummissjoni ppreżentat pjan ta' proposta maqsum fi tliet stadji lill-gvern. L-ewwel nett, il-perikli immedjati kellhom jiġu evitati billi jiġu msaħħa mill-ġdid il-kantunieri tat-tempju, billi jitneħħew il-ġebliet li kienu qed joħolqu periklu għall-partijiet biswithom, billi jissaħħu l-ewwel balavostri, u billi jiġu rrestawrati diversi niċeċ, arkati, stupi u l-istupa prinċipali. It-tieni, wara li l-perimetru tal-ispazji miftuħa tat-tempju jiġu magħluqin b'ċint, kellha ssir manutenzjoni kif suppost u d-drenaġġ kellu jittejjeb billi jiġu rrestawrati l-artijiet u mill-iżbokki għall-ilma. It-tielet, il-ġebel kollu li ma kienx f'postu kellu jitneħħa, l-aċċess għall-monument jitnaddaf sal-ewwel balavostri, il-ġebel sfigurat jitneħħa u l-istupa prinċipali tiġi rrestawrata. Il-kost totali ġie stmat dak iż-żmien li kellu jkun madwar 48,800 guilder Olandiż.

 
Il-Buddha li Ma Tlestiex mill-istupa prinċipali ta' Borobudur li issa jinsab fil-Mużew ta' Karmawibhangga, flimkien maċ-chhatra tal-istupa prinċipali ma' dahru. Il-Buddisti għadhom joffrulu l-offerti tagħhom.

Imbagħad ir-restawr twettaq bejn l-1907 u l-1911, immexxi minn Theodor van Erp, billi ntużaw il-prinċipji tal-anastilożi.[41] L-ewwel seba' xhur ta' restawr kienu skavi kontinwi tal-artijiet madwar il-monument f'tentattiv biex jinstabu l-irjus tal-Buddha u l-ġebliet tal-panewijiet neqsin. Van Erp żarma u reġa' bena t-tliet pjattaformi ċirkolari u l-istupi ta' fuq. Waqt ix-xogħlijiet ta' restawr, Van Erp skopra iktar affarijiet li seta' jagħmel biex itejjeb il-monument; b'hekk ippreżenta proposta oħra, li ġiet approvata b'kost addizzjonali ta' 34,600 guilder. Mal-ewwel daqqa t'għajn, Borobudur kien ġie rrestawrat għal kif kien meta kien fl-aqwa tiegħu. Van Erp baqa' għaddej u bir-reqqa kollha wettaq ir-rikostruzzjoni tal-quċċata taċ-chattra (qisha umbrella bi tliet saffi) fuq l-istupa prinċipali. Madankollu, iktar 'il quddiem żarma ċ-chattra, u stqarr li ma kinux intuża biżżejjed ġebliet oriġinali fir-rikostruzzjoni tal-quċċata, li jfisser li d-disinn oriġinali tal-quċċata ta' Borobudur ma kinux magħrufa. Iċ-chattra żarmata issa tinsab maħżuna fil-Mużew ta' Karmawibhangga, ftit mijiet ta' metri fit-Tramuntana minn Borobudur.

Minħabba l-baġit limitat, ir-restawr kien iffoka primarjament fuq it-tindif tal-iskulturi, u Van Erp ma solviex il-problema tad-drenaġġ. Fi żmien ħmistax-il sena, il-ħitan tal-gallerija kien qed jisfrundaw u jċedu, u r-riljievi bdew juru sinjali ta' xquq ġodda u deterjorament. Van Erp uża l-konkos fir-restawr u minnu skulaw imluħa alkaliniċi u l-idrossidu tal-kalċju li ġew ittrasportati lejn il-bqija tal-kostruzzjoni. Dan ikkawża xi problemi, tant li kienet meħtieġa rinnovazzjoni ulterjuri b'mod urġenti.

 
L-inkorporazzjoni tal-konkos u ta' pajp tal-PVC biex tittejjeb is-sistema tad-drenaġġ ta' Borobudur matul ir-restawr tal-1973.

Twettaq xi restawr żgħir ieħor, iżda dan ma kienx biżżejjed għal protezzjoni sħiħa. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija u r-Rivoluzzjoni Nazzjonali Indoneżjana mill-1945 sal-1949, l-isforzi ta' restawr ta' Borobudur waqfu ħesrem. Il-monument kompla jġarrab ħsarat oħra minħabba t-temp u l-problemi tad-drenaġġ, li wasslu biex ir-radam fil-qalba tat-tempju jespandi, u b'hekk jimbotta l-istruttura tal-ġebel 'il barra u jxengel il-ħitan. Sas-snin 50 tas-seklu 20, xi partijiet ta' Borobudur kienu qed jiffaċċjaw periklu imminenti ta' ċediment. Fl-1965, l-Indoneżja talbet lill-UNESCO għal parir dwar modi kif setgħu jiġġieldu kontra l-problema tat-tnawwir ta' Borobudur u ta' monumenti oħra mill-elementi. Fl-1968 il-Professur Soekmono, li dak iż-żmien kien il-kap tas-Servizz Arkeoloġiku tal-Indoneżja, nieda l-kampanja tiegħu "Save Borobudur" (Insalvaw lil Borobudur), fi sforz biex jiġi organizzat proġett enormi ta' restawr.[42]

 
Bolla postali Indoneżjana tal-1968 li kienet tippromwovi r-restawr ta' Borobudur.

Fl-aħħar tas-snin 60 tas-seklu 20, il-gvern Indoneżjan kien talab rinnovazzjoni maġġuri mill-komunità internazzjonali biex il-monument jiġi protett. Fl-1973, tfassal pjan ewlieni għar-restawr ta' Borobudur. Permezz ta' Ftehim dwar il-Kontribuzzjonijiet Volontarji li kellhom jingħataw għat-Twettiq tal-Proġett ta' Preservazzjoni ta' Borobudur (Pariġi, id-29 ta' Jannar 1973), ħames pajjiżi qablu li jikkontribwixxu għar-restawr: l-Awstralja (AUD $200,000), il-Belġju (BEF fr.250,000), Ċipru (CYP £100,000), Franza (USD $77,500) u l-Ġermanja (DEM DM 2,000,000). Imbagħad, il-gvern Indoneżjan u l-UNESCO ħadu ħsieb il-preservazzjoni tal-monument permezz ta' proġett kbir ta' restawr bejn l-1975 u l-1982. Fl-1975, beda x-xogħol reali fuq il-monument. Iktar minn miljun ġebla ġiet żarmata u tneħħiet mill-monument matul ir-restawr, u waħda waħda tpoġġew fil-ġenb qishom biċċiet ta' jig-saw puzzle enormi sabiex jiġu identifikati, ikkatalogati, imnaddfa u ttrattati għall-preservazzjoni individwalment. Borobudur sar sit ta' prova għal tekniki ġodda ta' konservazzjoni, fosthom proċeduri ġodda għall-ġlieda kontra l-mikroorganiżmi li jattakkaw il-ġebla. Il-pedamenti tat-tempju ġew stabilizzati, u l-1,460 panew tnaddfu. Ir-restawr kien jinvolvi ż-żarmar tal-ħames pjattaformi kwadri u t-titjib tad-drenaġġ billi jinbnew kanali tal-ilma inkorporati fil-monument. Ġew miżjuda kemm saffi impermeabbli kif ukoll saffi li jaġixxu bħala filtru. Dan il-proġett kolossali kien jinvolvi madwar 600 persuna għar-restawr tal-monument u sewa total ta' US$6,901,243.

Wara li l-proġett tlesta, l-UNESCO ddeżinjat lil Borobudur bħala Sit ta' Wirt Dinji fl-1991.[3] F'Diċembru 2017, l-idea li xi darba terġa' tiġi installata ċ-chattra fil-quċċata tal-istupa prinċipali ta' Borobudur reġgħet tqajmet. Madankollu, l-esperti qalu li kien meħtieġ studju dettaljat dwar ir-restawr tal-quċċata b'għamla ta' umbrella u sa issa dan il-proġett baqa' ma twettaqx.

Iktar qari

immodifika
  • Luis O. Gomez & Hiram W. Woodward (1981). Barabudur, history and significance of a Buddhist monument. presented at the Int. Conf. on Borobudur, Univ. of Michigan, 16–17 May 1974. Berkeley: Asian Humanities Press. ISBN 0-89581-151-0.
  • August J.B. Kempers (1976). Ageless Borobudur: Buddhist mystery in stone, decay and restoration, Mendut and Pawon, folklife in ancient Java. Wassenaar: Servire. ISBN 90-6077-553-8.
  • John Miksic (1999). The Mysteries of Borobudur. Hongkong: Periplus. ISBN 962-593-198-8.
  • Morton III, W. Brown (January 1983). "Indonesia Rescues Ancient Borobudur". National Geographic. 163 (1): 126–142. ISSN 0027-9358.
  • Adrian Snodgrass (1985). The symbolism of the stupa. Southeast Asia Program. Ithaca, N.Y.: Cornell University. ISBN 0-87727-700-1.
  • Levin, Cecelia. "Enshrouded in Dharma and Artha: The Narrative Sequence of Borobudur's First Gallery Wall." In Materializing Southeast Asia's Past: Selected Papers from the 12th International Conference of the European Association of Southeast Asian Archaeologists, edited by Klokke Marijke J. and Degroot Véronique, 27-40. SINGAPORE: NUS Press, 2013.
  • Jaini, Padmanabh S. "The Story of Sudhana and Manoharā: An Analysis of the Texts and the Borobudur Reliefs." Bulletin of the School of Oriental and African Studies, University of London 29, no. 3 (1966): 533-58.
  • Shastri, Bahadur Chand. “THE IDENTIFICATION OF THE FIRST SIXTEEN RELIEFS ON THE SECOND MAIN-WALL OF BARABUDUR.” Bijdragen Tot De Taal-, Land- En Volkenkunde Van Nederlandsch-Indië, vol. 89, no. 1, 1932, pp. 173–181.
  • SUNDBERG, JEFFREY ROGER. "Considerations on the Dating of the Barabuḍur Stūpa." Bijdragen Tot De Taal-, Land- En Volkenkunde 162, no. 1 (2006): 95-132.

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Largest Buddhist temple". Guinness World Records (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-12.
  2. ^ "Guinness names Borobudur world's largest Buddha temple | The Jakarta Post". web.archive.org. 2014-11-05. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-11-05. Miġbur 2022-08-12.
  3. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Borobudur Temple Compounds". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-12.
  4. ^ Soekmono (1976). Chandi Borobudur: A Monument of Mankind. Pariġi: Unesco Press. ISBN 92-3-101292-4. pp. 35-36.
  5. ^ Rajarajan, R. K. K. (2020-01-01). "Rajarajan 2020 Borobudur et alii A Note on Place Names in Java". In Pedarapu Chenna Reddy, ed., Heritage of Indian History, Culture, and Archaeology (Festschrift to Dr. M.D. Sampath), vol. II, Art and Architecture. Delhi: B.R. Publishing Corporation.
  6. ^ "Borobudur | Visit Indonesia - Official Website for Indonesia Tourism and Travel Information". web.archive.org. 2012-04-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-04-14. Miġbur 2022-08-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  7. ^ Le Huu Phuoc (April 2010). Buddhist Architecture. Grafikol. ISBN 9780984404308.
  8. ^ Soekmono (1976). Chandi Borobudur: A Monument of Mankind. Pariġi: Unesco Press. ISBN 92-3-101292-4. p. 4.
  9. ^ Gunarto, Hary. "Preserving Borobudur's Narrative Walls of UNESCO Heritage, Ritsumeikan RCAPS Occasional Paper" (PDF).
  10. ^ Mark Elliott; et al. (November 2003). Indonesia. Melbourne: Lonely Planet Publications Pty Ltd. pp. 211–215. ISBN 1-74059-154-2.
  11. ^ Mark P. Hampton (2005). "Heritage, Local Communities and Economic Development". Annals of Tourism Research. 32 (3): 735–759.
  12. ^ E. Sedyawati (1997). "Potential and Challenges of Tourism: Managing the National Cultural Heritage of Indonesia". In W. Nuryanti (ed.). Tourism and Heritage Management. Yogyakarta: Gajah Mada University Press. pp. 25–35.
  13. ^ Soekmono (1976). Chandi Borobudur: A Monument of Mankind. Pariġi: Unesco Press. ISBN 92-3-101292-4. p. 13.
  14. ^ Thomas Stamford Raffles (1817). The History of Java (1978 ed.). Oxford University Press. ISBN 0-19-580347-7.
  15. ^ Moens, J.L. (1951). ""Barabudur, Mendut en Pawon en hun onderlinge samenhang (Barabudur, Mendut and Pawon and their mutual relationship)" (PDF). Tijdschrift voor de Indische Taai-, Land- en Volkenkunde. Het Bataviaasch Genootschap van Kunsten en Wetenschappen: 326–386" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-08-10. Miġbur 2022-08-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  16. ^ J.G. de Casparis, "The Dual Nature of Barabudur", f'Gómez u Woodward (1981), pp. 70 u 83.
  17. ^ "Borobudur". web.archive.org. 2014-11-06. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-11-06. Miġbur 2022-08-12.
  18. ^ Drs. R. Soekmono (1988) [1973]. Pengantar Sejarah Kebudayaan Indonesia 2, 2nd ed (5th reprint ed.). Yogyakarta: Penerbit Kanisius. p. 46.
  19. ^ "Walubi - Peringatan Waisak 2003". web.archive.org. 2010-07-03. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-07-03. Miġbur 2022-08-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  20. ^ Troll, Valentin R.; Deegan, Frances M.; Jolis, Ester M.; Budd, David A.; Dahren, Börje; Schwarzkopf, Lothar M. (1 March 2015). "Ancient oral tradition describes volcano–earthquake interaction at merapi volcano, indonesia". Geografiska Annaler: Series A, Physical Geography. 97 (1): 137–166.
  21. ^ Soekmono (1976). Chandi Borobudur: A Monument of Mankind. Pariġi: Unesco Press. ISBN 92-3-101292-4. p. 1.
  22. ^ "From Mendut to Borobudur". web.archive.org. 2008-08-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-08-17. Miġbur 2022-08-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  23. ^ Murwanto, H.; Gunnell, Y; Suharsono, S.; Sutikno, S. & Lavigne, F (2004). "Borobudur monument (Java, Indonesia) stood by a natural lake: chronostratigraphic evidence and historical implications". The Holocene. 14 (3): 459–463.
  24. ^ Soekmono (1976). Chandi Borobudur: A Monument of Mankind. Pariġi: Unesco Press. ISBN 92-3-101292-4. p. 9.
  25. ^ John Miksic (1999). The Mysteries of Borobudur. Hong Kong: Periplus. ISBN 962-593-198-8.
  26. ^ Coedès, George (1968). Walter F. Vella, ed. The Indianized States of Southeast Asia. trans.Susan Brown Cowing. University of Hawaii Press. ISBN 978-0-8248-0368-1.
  27. ^ Paul Michel Munoz (2007). Early Kingdoms of the Indonesian Archipelago and the Malay Peninsula. Singapore: Didier Millet. p. 143. ISBN 978-981-4155-67-0.
  28. ^ W. J. van der Meulen (1977). "In Search of "Ho-Ling"". Indonesia. 23 (23): 87–112.
  29. ^ W. J. van der Meulen (1979). "King Sañjaya and His Successors". Indonesia. 28 (28): 17–54.
  30. ^ Soekmono (1976). Chandi Borobudur: A Monument of Mankind. Pariġi: Unesco Press. ISBN 92-3-101292-4. p. 10.
  31. ^ D.G.E. Hall (1956). "Problems of Indonesian Historiography". Pacific Affairs. 38 (3/4): 353–359.
  32. ^ Roy E. Jordaan (1993). Imagine Buddha in Prambanan: Reconsidering the Buddhist Background of the Loro Jonggrang Temple Complex. Leiden: Vakgroep Talen en Culturen van Zuidoost-Azië en Ocenanië, Rijksuniversiteit te Leiden. ISBN 90-73084-08-3.
  33. ^ "Candi Borobudur, Bentuk dan Perlambang". web.archive.org. 2016-03-05. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-05. Miġbur 2022-08-12.
  34. ^ Soekmono (1976). Chandi Borobudur: A Monument of Mankind. Pariġi: Unesco Press. ISBN 92-3-101292-4. p. 5.
  35. ^ a b Soekmono (1976). Chandi Borobudur: A Monument of Mankind. Pariġi: Unesco Press. ISBN 92-3-101292-4. p. 6.
  36. ^ Soekmono (1976). Chandi Borobudur: A Monument of Mankind. Pariġi: Unesco Press. ISBN 92-3-101292-4. p. 42.
  37. ^ "W.P. Groeneveldt". www.parlement.com (bl-Olandiż). Miġbur 2022-08-12.
  38. ^ John Miksic; Marcello Tranchini; Anita Tranchini (1996). Borobudur: Golden Tales of the Buddhas. Tuttle publishing. p. 29. ISBN 9780945971900.
  39. ^ "Borobudur Pernah Salah Desain -- Jumat, 7 April 2000". web.archive.org. 2007-12-26. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-12-26. Miġbur 2022-08-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  40. ^ Soekmono (1976). Chandi Borobudur: A Monument of Mankind. Pariġi: Unesco Press. ISBN 92-3-101292-4. p. 43.
  41. ^ Dikka, Ardhi. "Caesar (1973). "The Restoration and Conservation Project of Borobudur Temple". Gagasan Sederhana (bl-Indoneżjan). Miġbur 2022-08-13.
  42. ^ "Borobudur - saving Borobudur". www.pbs.org. Miġbur 2022-08-13.