Bagan
Bagan (bil-Burmiż: ပုဂံ; MLCTS: pu.gam, IPA: [bəɡàɰ̃]; li qabel kienet magħrufa bħala Pagan) hija belt antika u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO[1] fir-Reġjun ta' Mandalay tal-Myanmar.[2] Mis-sekli 9 sa 13, il-belt kienet il-kapitali tar-Renju ta' Pagan, l-ewwel renju li wassal għall-unifikazzjoni tar-reġjuni li iktar 'il quddiem iffurmaw il-Myanmar. Fl-eqqel żmien tar-renju bejn is-sekli 11 u 13, iżjed minn 10,000 tempju, pagoda u monasteru Buddisti nbnew fil-pjanura ta' Bagan biss[3], li minnhom għad hemm il-fdalijiet ta' iktar minn 2,200 tempju u pagoda.
Iż-Żona Arkeoloġika ta' Bagan hija attrazzjoni ewlenija għall-industrija l-ġdida tat-turiżmu fil-pajjiż.[4]
Etimoloġija
immodifikaBagan hija l-pronunzja standard attwali tal-kelma bil-Burmiż Pugan (ပုဂံ), li ġiet mill-Burmiż Antik Pukam (ပုကမ်). L-isem klassiku tagħha bil-Pali huwa Arimaddanapura (အရိမဒ္ဒနာပူရ, litteralment "il-belt li tgħaffeġ l-għedewwa"). L-ismijiet l-oħra tal-belt bil-Pali jirreferu għaż-żona estremament niexfa tagħha: Tattadesa (တတ္တဒေသ, "art arida"), u Tampadīpa (တမ္ပဒီပ, "pajjiż il-bronż"). Il-ġrajjiet Burmiżi jirrapportaw ukoll ismijiet klassiċi oħra, fosthom Thiri Pyissaya (သီရိပစ္စယာ; bil-Pali: Siripaccaya) u Tampawaddy (တမ္ပဝတီ; bil-Pali: Tampavatī).[5]
Storja
immodifikaSekli 9 sa 13
immodifikaSkont il-ġrajjiet Burmiżi, Bagan ġiet stabbilita fit-tieni seklu W.K., u ġiet iffortifikata fit-849 W.K. mir-Re Pyinbya, l-34 suċċessur tal-fundatur ta' Bagan tal-qedem.[6] Madankollu, l-istudjużi ewlenin inġenerali jsostnu li Bagan ġiet stabbilita bejn nofs u l-aħħar tas-seklu 9 mill-Mranma (Burmani), li kienu għadhom kemm daħlu fil-wied ta' Irrawaddy mir-Renju ta' Nanzhao. Fost diversi bliet-stati kompetituri ta' xulxin sal-aħħar tas-seklu 10, l-insedjament tal-Burmani kiber kemm fl-awtorità tiegħu kif ukoll fil-kobor tiegħu.[7]
Mill-1044 sal-1287, Bagan kienet il-kapitali kif ukoll iċ-ċentru politiku, ekonomiku u kulturali tal-Imperu ta' Pagan. Matul perjodu ta' 250 sena, il-mexxejja ta' Bagan u s-sinjuruni tagħha bnew iktar minn 10,000 monument reliġjuż (madwar 1,000 stupa, 10,000 tempju żgħir u 3,000 monasteru) f'żona ta' 104 kilometru kwadru fil-pjanura ta' Bagan. Il-belt properuża kibret fid-daqs u l-kobor perċepit tagħha, u saret ċentru kożmopolitan għall-istudji reliġjużi u lajċi, speċjalment korsijiet tal-Pali tal-istudju tal-grammatika u tal-filosofija-psikoloġija (abhidhamma) kif ukoll l-istudji f'varjetà ta' lingwi tal-prosodija, tal-fonoloġija, tal-grammatika, tal-astroloġija, tal-alkimija, tal-mediċina, u tal-istudji legali. Il-belt attirat patrijiet u studenti saħansitra mill-Indja, mis-Sri Lanka u mill-Imperu Khmer.[8]
Il-kultura ta' Bagan kienet dominata mir-reliġjon. Ir-reliġjon ta' Bagan kienet fluwida, sinkretika u skont l-istandards ta' iktar 'il quddiem, mhux ortodossa. Kollox ma' kollox kienet kontinwazzjoni ta' xejriet reliġjużi fl-era tal-Pyu meta l-Buddiżmu Theravada kien jeżisti flimkien mal-Buddiżmu Mahayana, il-Buddiżmu Tantriku, diversi deklinazzjonijiet tal-Induiżmu (Saivita u Vaishana), kif ukoll tradizzjonijiet (nat) animisti nativi. Filwaqt li l-patroċinju rjali tal-Buddiżmu Theravada minn nofs is-seklu 11 kien wassal biex gradwalment tikseb il-primazija, tradizzjonijiet oħra komplew joktru matul il-perjodu ta' Pagan kollu sa livelli bla preċedent.[8]
L-Imperu ta' Pagan sfaxxa fl-1287 minħabba invażjonijiet ripetuti tal-Mongoli (1277-1301). Riċerka reċenti turi li l-armati Mongoli jaf ma laħqux Bagan innifisha, u li anke jekk għamlu dan, il-ħsara li għamlu probabbilment kienet minima.[9] Madankollu, xi ħsara xorta saret. Il-belt, li xi darba kienet tospita xi 50,000 sa 200,000 ruħ, spiċċat f'xejn iktar minn raħal żgħir, u qatt ma reġgħet kisbet il-prominenza tagħha. Il-belt formalment ma baqgħetx il-kapitali ta' Burma f'Diċembru 1297 meta r-Renju ta' Myinsaing sar il-qawwa l-ġdida f'Burma ta' Fuq.[10][11]
Sekli 14 sa 19
immodifikaBagan baqgħet teżisti bħala insedjament uman sas-seklu 15[12], u bħala destinazzjoni tal-pellegrinaġġi matul il-perjodu imperjali kollu. Għadd iżgħar ta' monumenti reliġjużi ġodda u impressjonanti xorta waħda baqgħu jinbnew sa nofs is-seklu 15, iżda wara, il-kostruzzjoni ta' tempji ġodda majnat sew b'inqas minn 200 tempju li nbnew bejn is-sekli 15 u 20.[3] Il-kapitali l-antika baqgħet destinazzjoni tal-pellegrinaġġi iżda l-pellegrinaġġi kienu ffukati fuq xi għoxrin tempju li kienu l-iktar prominenti biss mill-eluf li kien hemm: it-Tempju/il-Pagoda ta' Ananda, ta' Shwezigon, ta' Sulamani, ta' Htilominlo, ta' Dhammayazika, u ftit tempji oħra tul il-mogħdija l-antika. Il-kumplament—eluf ta' tempji inqas famużi u iktar remoti—sfaw mitluqa u bosta minnhom inħakmu mill-elementi.[3]
Għall-ftit tempji li kellhom patroċinju regolari, dan il-patroċinju kontinwu ġab miegħu manutenzjoni regolari tat-tempji kif ukoll żidiet arkitettoniċi li kienu jingħataw bħala donazzjoni mid-devoti. Bosta tempji reġgħu ġew impittrin mill-ġdid b'affreski ġodda apparti jew saħansitra fuq l-affreski oriġinali ta' żmien Pagan, jew ġew mgħammra bi statwi ġodda ta' Buddha. Imbagħad kien hemm sensiela ta' rinnovazzjonijiet "sistematiċi" sponsorjati mill-istat fil-perjodu ta' Konbaung (1752-1885), li fil-maġġoranza tagħhom ma żammewx mad-disinni oriġinali—uħud ġew irtokkati "b'superfiċe mkaħħla kif ġie ġie, bla ebda gosti, arti jew riżultat sodisfaċenti". It-tempji minn ġewwa kienu ngħataw saħansitra żebgħa bajda fuq l-affreski, bħal pereżempju dawk ta' Thatbyinnyu u ta' Ananda. Bosta iskrizzjonijiet impittra u saħansitra affreski ġew miżjuda f'dan il-perjodu.[13]
Seklu 20 sal-preżent
immodifikaBagan tinsab f'żona attiva tat-terremoti, u ġarrbet bosta terremoti tul is-sekli, b'saħansitra iżjed minn 400 irreġistrati bejn l-1904 u l-1975.[14] Terremot kbir seħħ fit-8 ta' Lulju 1975, u laħaq it-8 MM f'Bagan u f'Myinkaba, u 7 MM f'Nyaung-U.[15] It-terremot heżżeż it-tempji, u f'ħafna każijiet bħal dak ta' Bupaya, ġarrbu ħsarat kbar u xi kultant irreversibbli. Attwalment hemm 2,229 tempju u pagoda.[16]
Bosta minn dawn il-pagodi li ġarrbu l-ħsarat ġew restawrati fis-snin 90 mill-gvern militari, li għamel ħiltu biex Bagan issir destinazzjoni turistika internazzjonali. Madankollu, l-isforzi ta' restawr minflok wasslu għat-tmaqdir mifrux mill-istoriċi tal-arti u mill-konservazzjonisti minn madwar id-dinja. Il-kritiċi kienu mgħaddbin li r-restawr sar mingħajr wisq attenzjoni għall-istili arkitettoniċi oriġinali u bl-użu ta' materjali moderni, u li l-gvern fetaħ ukoll korsa tal-golf fil-beraħ, awtostrada pavimentata, u bena torri panoramiku ta' 61 metru. Għalkemm il-gvern kien jemmen li l-mijiet ta' tempji (mhux restawrati) u l-għadd kbir ta' iskrizzjonijiet fuq il-ġebel tal-kapitali antika kienu biżżejjed biex jistħoqqilhom jitniżżlu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, il-belt tniżżlet biss fl-2019, u Bagan damet daqshekk biex jitniżżlu allegatament proprju minħabba r-restawr.[17]
Bagan illum hija destinazzjoni turistika ewlenija fl-industrija emerġenti tal-pajjiż, li kienet ilha fil-mira ta' diversi kampanji ta' bojkottjar. Diversi pubblikazzjonijiet Burmiżi jenfasizzaw li l-infrastruttura turistika żgħira tal-belt se jkollha tespandi malajr anke biex tlaħħaq mal-iċken żieda fit-turiżmu fis-snin li ġejjin.
Fl-24 ta' Awwissu 2016, terremot kbir heżżeż il-parti ċentrali ta' Myanmar u mill-ġdid ikkawża ħsarat estensivi f'Bagan; din id-darba kważi 400 tempju nqerdu. It-Tempju ta' Sulamani u dak ta' Myauk Guni (Guni tat-Tramuntana) ġarrbu ħsarat kbar. Id-Dipartiment Arkeoloġiku ta' Bagan ta bidu għal stħarriġ u sforz ta' rikostruzzjoni bl-għajnuna ta' esperti mill-UNESCO. Il-viżitaturi ma jistgħux jidħlu iktar fi 33 tempju li ġarrbu l-iktar ħsarat.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaFis-6 ta' Lulju 2019, Bagan tniżżlet uffiċjalment bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, 24 sena wara li l-gvern militari nnomina l-belt fl-1995, matul it-43 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji. B'hekk Bagan saret it-tieni Sit ta' Wirt Dinji fil-Myanmar, wara l-Bliet Antiki tal-Pyu. Bħala parti mir-rakkomandazzjonijiet li ngħataw wara d-deżinjazzjoni ta' Bagan, il-gvern tal-Myanmar wiegħed li jkun hemm rilokazzjoni tal-lukandi eżistenti fiż-żona arkeoloġika lejn żona apposta għal-lukandi sal-2028.[1][2][18]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Ġeografija
immodifikaIż-Żona Arkeoloġika ta' Bagan, definita bħala ż-żona ta' 13-il kilometru bi tmien kilometri u ċċentrata madwar il-belt antika ta' Bagan, tikkonsisti minn Nyaung U fit-Tramuntana u Bagan il-Ġdida fin-Nofsinhar, tinsab fil-Punent ta' art enormi mimlija pjanuri f'Burma ta' Fuq ma' lilwa tax-xmara Irrawaddy. Tinsab 290 kilometru fil-Lbiċ ta' Mandalay u 700 kilometru fit-Tramuntana ta' Yangon.
Klima
immodifikaBagan tinsab fin-nofs ta' "żona niexfa" tal-Myanmar, bejn wieħed u ieħor bejn Shwebo fit-Tramuntana u Pyay fin-Nofsinhar. Għad-differenza tar-reġjuni kostali tal-pajjiż, li jkollhom ix-xita ta' kull sena fil-monsoons li tlaħħaq iktar minn 2,500 millimetru, iż-żona niexfa ma tantx tara preċipitazzjoni peress li hija mkennija mix-xita mill-katina muntanjuża ta' Rakhine Yoma fil-Punent.
Is-sorsi klimatiċi disponibbli online jirrapportaw klima pjuttost differenti għal Bagan.
Data klimatika għal Bagan | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja medja °C (°F) | 32
(90) |
35
(95) |
36
(97) |
37
(99) |
33
(91) |
30
(86) |
30
(86) |
30
(86) |
30
(86) |
32
(90) |
32
(90) |
32
(90) |
32
(91) |
Temp. baxxa medja °C (°F) | 18
(64) |
19
(66) |
22
(72) |
24
(75) |
25
(77) |
25
(77) |
24
(75) |
24
(75) |
24
(75) |
24
(75) |
22
(72) |
19
(66) |
23
(72) |
Sors: www.holidaycheck.com[19] |
Data klimatika għal Bagan | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja medja °C (°F) | 28
(82) |
32
(90) |
36
(97) |
39
(102) |
38
(100) |
35
(95) |
33
(91) |
32
(90) |
32
(90) |
31
(88) |
29
(84) |
27
(81) |
33
(91) |
Temp. baxxa medja °C (°F) | 16
(61) |
19
(66) |
24
(75) |
28
(82) |
29
(84) |
27
(81) |
26
(79) |
25
(77) |
25
(77) |
24
(75) |
20
(68) |
17
(63) |
23
(74) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 5
(0.2) |
0.6
(0.02) |
2.6
(0.10) |
16.4
(0.65) |
49.6
(1.95) |
69.8
(2.75) |
126.7
(4.99) |
182
(7.2) |
152.4
(6.00) |
103.6
(4.08) |
25.5
(1.00) |
5.7
(0.22) |
739.9
(29.16) |
Medja ta' jiem bix-xita | 2 | 1 | 2 | 9 | 14 | 21 | 26 | 28 | 24 | 20 | 6 | 2 | 155 |
Sors: www.weatheronline.com[20] |
Veduti panoramiċi
immodifikaArkitettura
immodifikaBagan tispikka mhux biss għan-numru ma jispiċċa qatt ta' binjiet reliġjużi tal-Myanmar, iżda wkoll għall-arkitettura tal-għaġeb tal-binjiet, u l-kontribut tagħhom għad-disinn tat-tempji Burmiżi. L-arti tal-arkitettura tal-pagodi f'Bagan hija turija tal-ħila mill-aqwa tal-artiġjani tal-Myanmar. It-tempji ta' Bagan jistgħu jinqasmu f'żewġ kategoriji wesgħin: it-tempji solidi bi stil ta' stupa u t-tempji vojta minn ġewwa bl-istil gu (ဂူ).
Stupi
immodifikaStupa, li tissejjaħ ukoll pagoda jew chedi, hija struttura kbira, li tipikament ikollha kompartiment bir-relikwi ġewwa. L-istupi jew il-pagodi ta' Bagan evolvew mill-ewwel disinni tal-Pyu, li min-naħa tagħhom kienu bbażati fuq id-disinni tal-istupi tar-reġjun ta' Andhra, partikolarment Amaravati u Nagarjunakonda fix-Xlokk tal-Indja attwali, u fuq livell inqas ta' Ceylon.[21] L-istupi tal-era ta' Bagan min-naħa tagħhom kienu l-prototipi għall-istupi Burmiżi ta' warajhom f'termini ta' simboliżmu, forma u disinn, tekniki tal-bini u saħansitra materjali.[22]
Oriġinarjament, stupa ta' Ceylon kien ikollha qafas emisferiku (bil-Pali: anda, jiġifieri "bajda"), li fuqu kienet tiġi stabbilita kaxxa rettangolari mdawra b'balavostri tal-ġebel (harmika). Xaft kien jagħti lejn il-quċċata tal-istupa u dan kien jirfed diversi umbrelel ċerimonjali. L-istupa hija rappreżentazzjoni tal-kożmos Buddisti: l-għamla tagħha tissimboleġġa lill-Muntanja Meru, filwaqt li l-umbrella armata fuq ix-xogħol bil-brikks tirrappreżenta l-assi tad-dinja.[16] Il-pedamenti bil-brikks spiss kienu jinksew bl-istukko u mżejna bir-riljievi. Pari jew serje ta' orki bħala gwardjani (bilu) kienu tema favorita fil-perjodu ta' Bagan tal-qedem.[23]
Id-disinn oriġinali tal-Induisti gradwalment ġie mmodifikat, l-ewwel mill-Pyu, u mbagħad mill-Burmani f'Bagan, fejn l-istupa bil-mod il-mod żviluppat b'għamla itwal u ċilindrika. L-iktar stupi bikrin ta' Bagan bħal dik ta' Bupaya (għall-ħabta tas-seklu 9) nibtu direttament mill-istil tal-Pyu fi Sri Ksetra. Sas-seklu 11, l-istupa żviluppat b'għamla iktar qisha qanpiena fejn l-umbrelel inbidlu f'sensiela ta' ċrieki li kulma jmur jiċkienu u li kienu jitpoġġew fuq xulxin sa ma jiġu għall-ponta. Fuq iċ-ċrieki, id-disinn il-ġdid sostitwixxa l-harmika b'blanzun tal-lotus. Dan id-disinn imbagħad evolva f'"blanzun tal-banana", li jifforma l-quċċata estiża tal-biċċa l-kbira tal-pagodi Burmiżi. Tliet terrazzi rettangolari jew erbgħa kienu jservu bħala l-bażi tal-pagoda, sikwit b'gallerija ta' madum tat-terrakotta li juru ġrajjiet tal-jataka Buddisti. Il-Pagoda ta' Shwezigon u l-Pagoda ta' Shwesandaw huma l-iktar eżempji bikrin ta' din it-tip ta' pagoda. Eżempji tat-tendenza favur disinn qisu iktar b'għamla ta' qanpiena gradwalment kisbu l-primazija kif wieħed jista' jara fil-Pagoda ta' Dhammayazika (l-aħħar tas-seklu 12) u l-Pagoda ta' Mingalazedi (l-aħħar tas-seklu 13).[24]
Tempji vojta minn ġewwa
immodifikaB'kuntrast mal-istupi, it-tempji vojta minn ġewwa bl-istil gu huma strutturi li kienu jintużaw għall-meditazzjoni, għall-qima u d-devozzjoni lejn Buddha u ritwali Buddisti oħra. It-tempji gu jinqasmu f'żewġ stili bażiċi: id-disinn b'"faċċata waħda" u d-disinn b'erba' faċċati"—essenzjalment daħla prinċipali waħda u erba' daħliet prinċipali. Jeżistu wkoll stili oħra bħal pereżempju b'ħames faċċati u ibridi. L-istil b'faċċata waħda oriġina minn Beikthano fis-seklu 2, u l-istil b'erba' faċċati oriġina minn Sri Ksetra fis-seklu 7. It-tempji, li kellhom karatteristiċi uniċi bħal ħnejjiet ippuntati u l-kompartiment bil-volti, bdew isiru ikbar u iktar grandjużi fil-perjodu ta' Bagan tal-qedem.[25]
Innovazzjonijiet
immodifikaGħalkemm id-disinni tat-tempji Burmiżi evolvew minn stili tal-Induisti u tal-Pyu (u possibbilment anke tal-Mon), it-tekniki tal-volti milli jidher żviluppa f'Bagan stess. L-iktar tempi bikrin bil-volti jmorru lura għas-seklu 11, filwaqt li l-istil bil-volti ma kienx mifrux fl-Indja qabel l-aħħar tas-seklu 12. Ix-xogħol bil-ġebel tal-binjiet juri "livell tal-għaġeb ta' perfezzjoni", fejn ħafna mill-istrutturi immensi ma ġġarrfux minkejja t-terremot qawwi tal-1975.[16] B'xorti ħażina, it-tekniki tal-volti tal-era ta' Bagan tal-qedem intilfu fil-perjodi ta' wara. Wara dan il-perjodu, inbnew biss tempji ferm iżgħar bl-istil gu. Fis-seklu 18, pereżempju, ir-Re Bodawpaya pprova jibni l-Pagoda ta' Mingun (li suppost kellha tkun l-ikbar waħda fid-dinja) bħala tempju b'kompartimenti spazjużi bil-volti iżda ma setax għaliex l-artiġjani u l-bennejja ta' dak iż-żmien kienu laħqu tilfu l-għarfien u s-sengħa tal-bini tal-volti u tal-ħnejjiet ippuntati, tant meħtieġa għall-bini tat-tempji vojta minn ġewwa ta' Bagan.[22]
Innovazzjoni arkitettonika oħra li oriġinat f'Bagan hija t-tempju Buddist bi pjanta pentagonali. Dan id-disinn nibet minn disinni ibridi (bejn disinni b'faċċata u b'erba' faċċati). L-idea kienet li tiġi inkluża l-venerazzjoni tal-Buddha Maitreya, il-ħames Buddha ta' dik l-era u l-Buddha tal-futur, apparti l-erba' l-oħra eżistenti. Il-Pagoda ta' Dhammayazika u l-Pagoda ta' Ngamyethna huma eżempji tad-disinn pentagonali.[16]
Siti kulturali notevoli
immodifikaIsem | Ritratt | Sena tal-kostruzzjoni | Sponsor(s) | Noti |
---|---|---|---|---|
Tempju ta' Ananda | 1105 | Re Kyansittha | Wieħed mill-iktar tempji famużi f'Bagan; għoli 51 metru | |
Pagoda ta' Bupaya | 850 | Re Pyu Saw Hti | Bl-istil tal-Pyu; il-pagoda oriġinali tas-seklu 9 inqerdet b'terremot fl-1975; issa ġiet rikostruwita kompletament u ġiet indurata | |
Tempju ta' Dhammayangyi | 1167–1170 | Re Narathu | L-ikbar tempju f'Bagan | |
Pagoda ta' Dhammayazika | 1196–1198 | Re Sithu II | ||
Tempju ta' Gawdawpalin | 1211–1235 | Re Sithu II u Re Htilominlo | ||
Tempju ta' Gubyaukgyi (Wetkyi-in) | Early 13th Century | Re Kyansittha | ||
Tempju ta' Gubyaukgyi (Myinkaba) | 1113 | Prinċep Yazakumar | ||
Tempju ta' Htilominlo | 1218 | Re Htilominlo | Tempju li fih tliet sulari (għoli 46 metru) | |
Pagoda ta' Lawkananda | 1044–1077 | Re Anawrahta | ||
Tempju ta' Mahabodhi | 1218 | Re Htilominlo | Replika iżgħar tat-Tempju ta' Mahabodhi f'Bodh Gaya, l-Indja | |
Tempju ta' Manuha | 1067 | Re Manuha | ||
Pagoda ta' Mingalazedi | 1268–1274 | Re Narathihapate | ||
Tempju ta' Minyeingon | ||||
Iskrizzjoni ta' Myazedi | 1112 | Prinċep Yazakumar | "Il-Ġebla ta' Rosetta ta' Burma" b'iskrizzjonijiet b'erba' lingwi: bil-Pyu, bil-Mon Antik, bil-Burmiż Antik u bil-Pali | |
Tempju ta' Nanpaya | 1160–1170 | Tempju Indùista bl-istil tal-Mon; jingħad li kien ir-residenza antika ta' Manuha jew inbena fuq is-sit | ||
Tempju ta' Nathlaung Kyaung | 1044–1077 | Tempju Induistà | ||
Tempju ta' Payathonzu | 1200 | Tempju bl-istili Mahayana u Tantriku | ||
Pagoda ta' Seinnyet Nyima u Pagoda ta' Seinnyet Ama | Seklu 11 | |||
Tempju ta' Shwegugyi | 1131 | Re Sithu I | Sithu I ġie assassinat hawnhekk; magħruf għat-twieqi tiegħu bl-f'forma ta' arkati | |
Pagoda ta' Shwesandaw | 1057 | Re Anawrahta | Għolja 100 metru mingħajr ma wieħed jgħodd il-hti fil-quċċata; l-itwal pagoda f'Bagan | |
Pagoda ta' Shwezigon | 1102 | Re Anawrahta u Re Kyansittha | ||
Tempju ta' Sulamani | 1183 | Re Sithu II | ||
Bieb ta' Tharabha | 1020 | Re Kunhsaw Kyaunghpyu u Re Kyiso | L-unika parti li fadal mill-ħitan antiki; datati bir-radjukarbonju għall-ħabta tal-1020[26] | |
Tempju ta' Thatbyinnyu | 1150/51 | Sithu I | L-itwal tempju f'Bagan; 66 metru | |
Pagoda ta' Tuywindaung | Anawrahta |
Mużewijiet
immodifika- Il-Mużew Arkeoloġiku ta' Bagan: l-unika mużew fiż-Żona Arkeoloġika ta' Bagan, fih innifsu mużew fil-beraħ antik millenju. Il-mużew fih tliet sulari u fih oġġetti rari tal-perjodu ta' Bagan tal-Qedem, fosthom l-iskrizzjonijiet oriġinali ta' Myazedi, il-Ġebla ta' Rosetta ta' Burma.
- Il-Palazz ta' Anawrahta: dan il-palazz ġie rikostruwit fl-2003 abbażi tal-pedamenti eżistenti fis-sit tal-palazz l-antik.[27] Madankollu, il-palazz li nbena fuq il-pedamenti nbena bl-ebda evidenza disponibbli kif seta' kien fil-qedem.
Dokumentazzjoni 3D bil-LiDAR
immodifikaIl-Proġett ta' Zamani mill-Università ta' Cape Town, l-Afrika t'Isfel, offra s-servizzi tiegħu għad-dokumentazzjoni spazjali tal-monumenti f'Bagan b'rispons għall-qerda ta' monumenti minħabba terremot ta' Awwissu 2016. Wara żjara ta' tkixxif f'Bagan u laqgħa sussegwenti fl-uffiċċji tal-UNESCO f'Bangkok, it-Tajlandja, fi Frar 2017, il-Proġett ta' Zamani ddokumenta 12-il monument f'Bagan bl-użu tal-LiDAR, matul tliet kampanji fuq il-post bejn l-2017 u l-2018,[28][29] inkluż Kubyauk-gyi (Gubyaukgyi) (298); Kyauk-ku-umin (154); Tha-peik-hmauk-gu-hpaya (744); Sula-mani-gu-hpaya (Sulamani) (748); il-Monument 1053; Sein-nyet-ama (1085); Sein-nyet-nyima (1086); Naga-yon-hpaya (1192); Loka-ok-shaung (1467); Than-daw-kya (1592); il-Monasteru ta' Ananda; u l-Bieb ta' Tharabha, il-bieb tal-belt ta' Bagan tal-qedem.
Trasport
immodifikaBagan hija aċċessibbli bl-ajru, bil-ferrovija, bil-karozza tal-linja, bil-karozza u bid-dgħajsa mix-xmara.
Ajru
immodifikaIl-biċċa l-kbira tat-turisti internazzjonali jtiru lejn il-belt. L-ajruport ta' Nyaung U jipprovdi l-kollegamenti bl-ajru mir-reġjun ta' Bagan u lejh. Diversi linji tal-ajru domestiċi għandhom titjiriet regolari lejn Yangon, li jdumu xi 80 minuta biex ikopru s-600 kilometru bejn iż-żewġ bliet. It-titjiriet lejn Mandalay idumu bejn wieħed u ieħor 30 minuta u dawk lejn Heho jdumu madwar 40 minuta. L-ajruport jinsab fil-periferija ta' Nyaung U u ddum xi 20 minuta bit-taksi biex tasal f'Bagan mill-ajruport.[30]
Ferrovija
immodifikaIl-belt ta' Bagan hija moqdija wkoll mil-linja ferrovjarja Yangon-Mandalay. Il-kumpanija Myanmar Railways kuljum topera servizz ferrovjarju ta' billejl 'l hemm u 'l hawn bejn Yangon u Bagan (il-ferroviji nri 61 u 62), li jdumu mill-inqas 18-il siegħa. Il-ferroviji għandhom vagun bis-sodod kif ukoll postijiet tal-Ewwel Klassi u postijiet tal-Klassi Ordinarja. Bejn Mandalay u Bagan hemm żewġ servizzi li joperaw kuljum 'l hemm u 'l hawn (il-ferroviji nri 117,118,119 u 120) li jieħdu mill-inqas tmien sigħat. Il-ferroviji għandhom postijiet tal-Ewwel Klassi u postijiet tal-Klassi Ordinarja.[31]
Karozzi tal-linja u karozzi
immodifikaHemm servizzi bil-karozzi tal-linja u bil-karozzi privati li joperaw billejl ukoll minn Yangon u Mandalay li jdumu madwar disa' sigħat u sitt sigħat rispettivament.[32]
Lanċa
immodifikaServizz tal-lanċa "ekspress" jopera bejn Bagan u Mandalay. Tul ix-xmara Irrawaddy, l-iktar lanċa veloċi ddum xi disa' sigħat biex tivvjaġġa 170 kilometru. Is-servizz jopera kuljum fl-eqqel perjodi u joperaw ukoll servizzi inqas veloċi b'waqfiet mal-lejl.
Ekonomija
immodifikaL-ekonomija ta' Bagan hija bbażata b'mod prinċipali fuq it-turiżmu. Minħabba l-ibbojkottjar kontra l-gvern militari preċedenti, l-infrastruttura tat-turiżmu tar-reġjun ta' Bagan għadha mudesta meta mqabbla mal-istandards internazzjonali. Il-belt għandha ftit lukandi standard internazzjonali u bosta appartamenti ġestiti minn familji. Bagan hija wkoll iċ-ċentru tal-industrija Burmiża tal-oġġetti bil-lacquer, li prattikament jiddependi fuq id-domanda mit-turisti. Il-biċċa l-kbira tal-oġġetti bil-lacquer huma destinati għall-ħwienet tat-tifkiriet turistiċi f'Yangon, u għas-swieq dinjin. Barra minn hekk, il-proċess tal-produzzjoni tal-oġġetti bil-lacquer fih innifsu sar attrazzjoni turistika.
Demografija
immodifikaIl-popolazzjoni ta' Bagan fl-aqwa perjodu tal-belt kien stmat li kienet bejn 50,000[33] to 200,000 ruħ.[34] Sa żmien il-wasla tal-industrija tat-turiżmu fis-snin 90 tas-seklu 20, ftit abitati biss kienu jgħixu fil-belt antika ta' Bagan. Iż-żieda fit-turiżmu attirat popolazzjoni mdaqqsa lejn iż-żona. Minħabba li issa fiż-żona tal-belt antika ta' Bagan ma hemmx abitazzjonijiet permanenti, il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tirresjedi f'Bagan il-Ġdida fin-Nofsinhar jew f'Nyaung-U fit-Tramuntana tal-belt antika ta' Bagan. Il-maġġoranza tar-residenti nativi huma Bamar.
Amministrazzjoni
immodifikaIż-Żona Arkeoloġika ta' Bagan hija parti mid-Distrett ta' Nyaung-U fir-Reġjun ta' Mandalay.
Ġemellaġġi
immodifikaBiblijografija
immodifika- Aung-Thwin, Michael (1985). Pagan: The Origins of Modern Burma. Honolulu: University of Hawai'i Press. ISBN 0-8248-0960-2.
- Aung-Thwin, Michael (2005). The mists of Rāmañña: The Legend that was Lower Burma (illustrated ed.). Honolulu: University of Hawai'i Press. ISBN 978-0-8248-2886-8.
- Ministry of Culture, Union of Myanmar (2009). "Royal Palaces in Myanmar". Il-Ministeru għall-Kultura.
- Harvey, G. E. (1925). History of Burma: From the Earliest Times to 10 March 1824. Londra: Frank Cass & Co. Ltd.
- Htin Aung, Maung (1967). A History of Burma. New York u Londra: Cambridge University Press.
- Ishizawa, Yoshiaki; Yasushi Kono (1989). Study on Pagan: research report. Institute of Asian Cultures, Sophia University. p. 239.
- Kala, U (1724). Maha Yazawin (bil-Burmiż). 1–3 (2006, ir-raba' ed. stampata). Yangon: Ya-Pyei Publishing.
- Köllner, Helmut; Axel Bruns (1998). Myanmar (Burma) (ed. bl-illustrazzjonijiet). Hunter Publishing. p. 255. ISBN 978-3-88618-415-6.
- Lieberman, Victor B. (2003). Strange Parallels: Southeast Asia in Global Context, c. 800–1830, volum 1, Integration on the Mainland. Cambridge University Press. ISBN 978-0-521-80496-7.
- Pan Eiswe Star; Soe Than Linn (2010-02-10). "Archaeologists to assist with Cambodia excavations". The Myanmar Times. 26 (509).
- Il-Kummissjoni Storika Rjali ta' Burma (1832). Hmannan Yazawin (bil-Burmiż). 1–3 (2003 ed.). Yangon: il-Ministeru għall-Informazzjoni, Myanmar.
- Rao, V.K. (2013). "The Terracotta Plaques of Pagan: Indian Influence and Burmese Innovations". Ancient Asia. 4: 7.
- Rao, Vinay Kumar. “Buddhist Art of Pagan, 2 Vols.” Published by Agam Kala Publications, New Delhi, 2011. ISBN 978-81-7320-116-5.
- Rao, Vinay Kumar (2013). "The Terracotta Plaques of Pagan: Indian Influence and Burmese Innovations". Ancient Asia. 4: 7.
- Stadtner, Donald M. (2011). Sacred Sites of Burma: Myth and Folklore in an Evolving Spiritual Realm. Bangkok: 2011. ISBN 978-974-9863-60-2.
- Than Tun (December 1959). "History of Burma: A.D. 1300–1400". Journal of Burma Research Society. XLII (II).
- Than Tun (1964). Studies in Burmese History (in Burmese). 1. Yangon: Maha Dagon.
- Tourtellot, Jonathan B. (2004-09-03). "Dictators "Defacing" Famed Burma Temples". The National Geographic Traveler. National Geographic.
- UNESCO (1976). Unesco Courier. 28. Pariġi: UNESCO.
- UNESCO. "Bagan Archaeological Area and Monuments". UNESCO.
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Bagan". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-29.
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Seven more cultural sites added to UNESCO's World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-29.
- ^ a b ċ Stadtner 2011: 216
- ^ "The promise—and the pitfalls". The Economist. 2013-05-23.
- ^ Maha Yazawin Vol. 1 2006: 139–141
- ^ Harvey 1925: 18
- ^ Lieberman 2003: 90–91
- ^ a b Lieberman 2003: 115–116
- ^ Lieberman 2003: 119–120
- ^ Htin Aung 1967: 74
- ^ Than Tun 1959: 119–120
- ^ Aung-Thwin 1985: 196–197
- ^ Stadtner 2011: 217
- ^ Unesco 1976: ix
- ^ Ishizawa u Kono 1989: 114
- ^ a b ċ d Köllner, Bruns 1998: 117
- ^ Tourtellot 2004
- ^ "Bagan named UNESCO World Heritage Site". The Myanmar Times. 2019-07-07. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-07-29. Miġbur 2021-07-29.
- ^ "Temperature Bagan - climate Bagan Myanmar - weather Bagan". archive.is. 2013-01-25. Miġbur 2021-07-29.
- ^ "Weather Bagan".
- ^ Aung-Thwin 2005: 26–31
- ^ a b Aung-Thwin 2005: 233–235
- ^ Falconer, J.; Moore, E.; Tettoni, L. I. (2000). Burmese design and architecture. Hong Kong: Periplus. ISBN 9625938826.
- ^ Aung-Thwin 2005: 210–213
- ^ Aung-Thwin 2005: 224–225
- ^ Aung-Thwin 2005: 38
- ^ "Travel Myanmar". myanmar.gov.mm (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-29.
- ^ "Site - Bagan". zamaniproject.org. Miġbur 2021-07-29.
- ^ "Laser Scanning for Heritage Conservation - Bagan, Myanmar". LiDAR News (bl-Ingliż). 2017-07-01. Miġbur 2021-07-29.
- ^ "Transport options for getting to Bagan Myanmar" (bl-Ingliż). 2019-03-16. Miġbur 2021-07-29.
- ^ "Train travel in Myanmar (Burma) | Train times, fares, tickets, photos". www.seat61.com. Miġbur 2021-07-29.
- ^ "Transport options for gettingt to Bagan Myanmar" (bl-Ingliż). 2019-03-16. Miġbur 2021-07-29.
- ^ Harvey 1925: 78
- ^ Köllner, Bruns 1998: 115
- ^ a b Pan Eiswe Star u Soe Than Linn 2010
Ħoloq esterni
immodifikaWikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Bagan (Bagan) |