Tempju ta' Mahabodhi

tempju Buddista f'Bodh Gaya, l-Indja

It-Tempju ta' Mahabodhi, li jfisser litteralment "Tempju tal-Qawmien il-Kbir"), jew Mahābodhi Mahāvihāra, huwa tempju antik iżda rikostruwit u rrestawrat f'Bodh Gaya, Bihar, l-Indja u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] It-tempju jimmarka l-post fejn il-Buddha jingħad li kiseb l-illuminazzjoni.[2] Bodh Gaya tinsab 15-il kilometru minn Gaya u madwar 96 kilometru (60 mil) minn Patna.

It-Tempju ta' Mahabodhi.

Is-sit fih dixxendent tas-Siġra ta' Bodhi li taħtha l-Buddha kiseb l-illuminazzjoni, u ilu destinazzjoni ewlenija tal-pellegrinaġġi Buddisti għal iktar minn elfejn sena, b'xi elementi li jmorru lura għall-perjodu ta' Ashoka (miet għall-ħabta tal-232 Q.K.). Dak li huwa viżibbli issa fil-post essenzjalment imur lura għas-seklu 5 W.K., jew possibbilment qabel, apparti li saru diversi proġetti ta' restawr mis-seklu 19. Madankollu, l-istruttura attwalment tinkorpora partijiet kbar tal-opri preċedenti, x'aktarx mis-seklu 2 jew 3 W.K.[3] Madankollu, sejbiet arkeoloġiċi mis-sit jindikaw li l-post kien sit ta' qima għall-Buddisti mill-inqas mill-perjodu Maurjan.[4] B'mod partikolari, il-Vajrasana, li tinsab fi ħdan it-tempju stess ġiet datata għas-seklu 3 Q.K.[5]

Bosta mill-eqdem elementi skulturali ġew ittrasferiti fil-mużew biswit it-tempju, u wħud, bħall-ħajt bil-poġġamani mnaqqxa tal-ġebel madwar l-istruttura, ġew sostitwiti b'repliki. Is-sopravivenza tat-tempju prinċipali hija tassew impressjonanti, peress li fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa magħmul mill-brikks miksija bl-istukko, jiġifieri materjali li jifilħu ferm inqas mill-ġebel. Minkejja dan, ma tantx fadal wisq mit-tiżjin skulturali oriġinali.

Il-kumpless tat-tempju jinkludi żewġ torrijiet shikhara kbar bi ġnub dritti; l-ikbar torri huwa għoli iktar minn 55 metru (180 pied). Dan huwa karatteristika stilistika li tkompliet fit-tempji tal-Ġainiżmu u tal-Induiżmu sa llum il-ġurnata, u influwenzat l-arkitettura Buddista f'pajjiżi oħra, fi strutturi bħall-pagoda.

 
Ir-riljiev ta' Bharhut tal-Adorazzjoni tat-Tron tad-Djamanti u s-Siġra ta' Bodhi.

It-Tempju ta' Mahabodhi u t-tron tad-Djamanti ta' Ashoka f'Bodh Gaya nbnew għall-ħabta tal-250 Q.K. Il-kitba bejn il-ħnejjiet chaitya, "Bhagavato Sakamunino/bodho" tfisser "il-binja madwar is-siġra ta' Bodhi tal-Bhagavat Sakamuni". Ta' min jinnota l-użu tal-kelma Bhagavat b'referenza għall-Buddha, peress li l-Induisti jqisuh bħala inkarnazzjoni ta' Vishnu li jissejjaħ ukoll Bhagavat. Il-pilastru b'iljunfant fuqu ta' Ashoka huwa viżibbli għalkemm l-iljunfant ta' fuqu ntilef. Il-freġju ta' Bharhut imur lura għall-ħabta tal-100 Q.K.

Rakkonti tradizzjonali jsostnu li għall-ħabta tal-589 Q.K.[6], Siddhartha Gautama, prinċep żagħżugħ li kien ra t-tbatija tad-dinja u ried itemmha, wasal sax-xtut bil-foresti tax-xmara Phalgu, qrib il-belt ta' Gaya, l-Indja. Hemmhekk huwa qagħad jimmedita taħt siġra tat-tin tal-ispeċi Ficus religiosa li iktar 'il quddiem saret magħrufa bħala s-siġra ta' Bodhi. Skont l-iskritturi Buddisti, wara tlett ijiem u tliet iljieli, Siddharta kiseb l-illuminazzjoni u t-tweġibiet li kien qed ifittex. F'dak il-post inbena t-Tempju ta' Mahabodhi mill-Imperatur Ashoka għall-ħabta tal-260 Q.K.[1]

 
Riljiev ieħor ta' Bharhut fit-Tempju ta' Mahabodhi bikri.

Il-Buddha mbagħad qatta' s-seba' ġimgħat ta' wara jimmedita u jqis l-esperjenza tiegħu f'seba' punti differenti fil-qrib. Diversi postijiet speċifiċi fit-Tempju ta' Mahabodhi attwali huma marbuta mat-tradizzjonijiet ta' dawn is-seba' ġimgħat:[1]

  • L-ewwel ġimgħa qagħad taħt is-siġra ta' Bodhi.
  • Matul it-tieni ġimgħa, il-Buddha baqa' bilwieqfa u ċċassa l-ħin kollu lejn is-siġra ta' Bodhi. Dan il-post huwa mfakkar bl-Istupa ta' Animeshlocha. Din hija magħrufa wkoll bħala l-istupa jew is-santwarju tal-iċċassar u tinsab fil-Grigal tal-kumpless tat-Tempju ta' Mahabodhi. Hemm ukoll statwa tal-Buddha b'ħarstu ċċassata lejn is-siġra ta' Bodhi.
  • Il-Buddha jingħad li mexa 'l hemm u 'l hawn bejn il-post fejn tinsab l-Istupa ta' Animeshlocha u s-siġra ta' Bodhi. Skont leġġenda ffjorixxew il-fjuri tal-lotus tul din il-mogħdija li issa tissejjaħ Ratnachakrama jew il-mogħdija tal-ġojjelli.
  • Il-Buddha qatta' r-raba' ġimgħa qrib Ratnagar Chaitya lejn il-Grigal tas-sit.
  • Il-Buddha qatta' s-sitt ġimgħa ħdejn l-għadira tal-lotus.
  • Il-Buddha qatta' s-seba' ġimgħa taħt is-siġra ta' Rajyatna.

Siġra ta' Mahabodhi

immodifika
 
Is-siġra ta' Bodhi.

Is-siġra ta' Bodhi f'Bodhgaya hija marbuta direttament mal-ħajja tal-Buddha storiku, Siddhartha Gautama, li kiseb l-illuminazzjoni meta kien qed jimmedita taħtha. It-tempju nbena direttament lejn il-Lvant tas-siġra ta' Bodhi attwali li suppost hija dixxendent tas-siġra ta' Bodhi oriġinali.

Skont il-mitoloġija Buddista, jekk ma tikber l-ebda siġra ta' Bodhi fis-sit, l-art madwar is-siġra ta' Bodhi ma jkollha l-ebda pjanta għal distanza ta' karīsa rjali. Fl-art madwar is-siġra ta' Bodhi, l-ebda ħlejqa, lanqas iljunfant ma tista' tersaq.[7]

Skont il-Jatakas, iż-żokkra tad-dinja tinsab f'dan il-punt[8], u l-ebda post ieħor ma jista' jiflaħ għall-piż tal-ksib tal-illuminazzjoni tal-Buddha.[9] Skont tradizzjoni Buddista oħra, meta d-dinja tinqered fi tmiem kalpa, il-Bodhimanda jkun l-aħħar post li jisparixxi, u jkun l-ewwel post li jitfaċċa meta d-dinja terġa' tibda teżisti. Skont it-tradizzjoni wkoll jingħad li hemmhekk jiffjorixxu l-lotus, u jekk jitwieled Buddha matul il-kalpa l-ġdida, il-fjuri tal-lotus jiffjorixxu skont l-għadd ta' Buddhi li jkunu mistennija jitwieldu.[10] Skont leġġenda, fil-każ ta' Gautama Buddha, dakinhar li twieled iffjorixxiet siġra ta' Bodhi.[11]

Kostruzzjoni tat-tempju

immodifika

Stabbiliment Maurjan

immodifika
 
Skoperta tat-tron tad-Djamanti li nbena mill-Imperatur Ashoka għall-ħabta tal-250 Q.K.

Għall-ħabta tal-250 Q.K., madwar 200 sena wara li l-Buddha kiseb l-illuminazzjoni, l-Imperatur Ashoka tal-Imperu Maurjan żar Bodh Gaya sabiex jistabbilixxi monasteru u santwarju fis-sit imqaddes, li llum il-ġurnata għebu.[1]

Madankollu, għad hemm it-tron tad-Djamanti, li kien stabbilixxa taħt is-siġra ta' Bodhi.[12] Huwa maħsub li t-tron tad-Djamanti jew Vajrasana nbena mill-Imperatur Ashoka tal-Imperu Maurjan bejn il-250 u l-233 Q.K. fil-post fejn il-Buddha kiseb l-illuminazzjoni. Illum il-ġurnata jitqies bħala post imqaddes ta' qima u huwa ċ-ċentru ta' bosta festi li jiġu ċċelebrati fit-tempju.[13]

Rappreżentazzjonijiet tal-istruttura bikrija tat-tempju maħsuba bħala protezzjoni għas-siġra ta' Bodhi jinstabu f'Sanchi, fuq it-toraṇi tal-Istupa I, li jmorru lura għall-ħabta tal-25 Q.K., u fuq riljiev mill-poġġaman tal-istupa f'Bhārhut, mill-perjodu bikri ta' Shunga (madwar il-185–73 Q.K.).[14]

Strutturi Sunga

immodifika
 
Rikostruzzjoni tal-pilastri tal-perjodu Sunga f'Bodh Gaya, mill-arkeoloġija (xellug) u minn riljiev artistiku (lemin). Il-pilastri jmorru lura għas-seklu 1 Q.K u r-rikostruzzjoni saret minn Alexander Cunningham.

Kolonni b'bażijiet b'għamla ta' qsari

immodifika

Is-Sunga ġabu magħhom strutturi addizzjonali. B'mod partikolari, instabu kolonni b'bażijiet b'għamla ta' qsari madwar it-tron tad-Djamanti. Huwa maħsub li dawn il-kolonni jmorru lura għas-seklu 1 Q.K., lejn l-aħħar tal-perjodu tas-Sunga. Dawn il-kolonni, li nstabu permezz ta' riċerka arkeoloġika fil-Mogħdija tal-Mixja tal-Buddha fit-Tempju ta' Mahabodhi, jaqblu b'mod preċiż mal-kolonni deskritti fir-riljievi li nstabu mal-pilastri tad-daħla.[15]

Poġġamani

immodifika

Il-poġġamani madwar it-Tempju ta' Mahabodhi f'Bodh Gaya huma pjuttost antiki. Dawn huma ħaġriet antiki tal-ġebla ramlija li jmorru lura għall-ħabta tal-150 Q.K., matul il-perjodu tas-Sunga. Hemm panewijiet imnaqqxa kif ukoll medaljuni, b'bosta xeni simili għal dawk tal-poġġamani kontemporanji tas-Sunga f'Bharhut (150 Q.K.) u f'Sanchi (115 Q.K.), għalkemm ir-riljievi tal-Istupa Nru 2 f'Sanchi spiss jitqiesu bħala l-iżjed antiki.[16][17] Il-poġġamani ġew estiżi matul is-seklu ta' wara, lejn l-aħħar tal-perjodu tal-Gupta (is-seklu 7), bil-granit grezz imżejjen b'ornamenti elaborati qishom weraq u b'figuri żgħar kif ukoll bi stupi. Bosta partijiet tal-poġġamani inizjali ġew żarmati u issa jinsabu fil-mużewijiet, bħall-Mużew Indjan f'Kolkata, u ġew sostitwiti b'kopji tal-ġibs.[18]

Poġġamani tas-Sunga f'Bodh Gaya
Poġġamani oriġinali
Early photographs of the railings (Henry Baily Wade Garrick, 1880).
Fdalijiet tal-poġġamani fil-Mużew Indjan ta' Kolkata.
Xeni ta' devozzjoni
Annimali
Ġrajjiet
Elementi individwali
Il-poġġamani attwali f'Bodh Gaya(il-biċċa l-kbira kopji tal-ġibs)

Tempju piramidali attwali

immodifika
It-Tempju ta' Mahabodhi fil-150-200 W.K. Immaġnijiet reċenti tal-plakka.
It-Tempju ta' Mahabodhi: struttura piramidali bi stupa tonda fil-quċċata.

Filwaqt li Ashoka jitqies bħala l-fundatur tat-Tempju ta' Mahabodhi, l-istruttura piramidali attwali tmur lura għall-Imperu Gupta, fis-sekli 5-6 W.K. Hija identika għall-istili arkitettoniċi tat-tempji Induisti li għadhom jinbnew sa llum il-ġurnata fl-Indja.[1]

Madankollu, din l-istruttura jaf tirrappreżenta r-restawr ta' opra iktar bikrija tas-seklu 2 jew 3: plakka minn Kumrahar li tmur lura għall-150-200 W.K., ibbażata fuq l-iskrizzjonijiet datati ta' Kharoshthi u s-sejbiet ikkombinati tal-muniti ta' Huvishka, diġà turi t-Tempju ta' Mahabodhi bl-għamla piramidali attwali u stupa emisferika żgħira fil-quċċata. Dan ġie kkonfermat mill-iskavi arkeoloġiċi li saru f'Bodh Gaya.[19]

 
Il-quċċata tal-istruttura piramidali bl-istupa.

Huwa maħsub li t-tempju b'għamla ta' piramida mtarrġa oriġina mid-disinn tal-istupi mtarrġa li kienu ġew żviluppati f'Gandhara. It-Tempju ta' Mahabodhi adatta d-disinn ta' Gandhara ta' għadd ta' saffi mtarrġa b'niċeċ bi xbihat tal-Buddha, alternati ma' pilastri Griegi-Rumani, u bi stupa fil-quċċata, bħall-istupi ta' Jaulian. Il-quċċata tal-istruttura fiha stupa emisferika li tifforma elongazzjoni loġika tal-istupi mtarrġa ta' Gandhara.[20]

Dan id-disinn piramidali mtarraġ immarka wkoll l-evoluzzjoni mill-istupa anikonika ddedikata lill-qima tar-relikwi għat-tempju ikoniku b'diversi xbihat tal-Buddha u Bodhisattvas. Dan id-disinn kien influwenti ferm fl-iżvilupp ta' tempji Induisti li nbnew wara. It-torri shikhara b'amalaka qrib il-quċċata llum il-ġurnata jitqies iktar bħala karatteristika tat-tempji Induisti.[21]

It-Tempju ta' Mahabodhi ġie rrestawrat mill-Brittaniċi u mill-Indja wara l-indipendenza.

Il-Buddiżmu majna mal-waqgħa tad-dinastiji li kienu jħaddnuh, wara l-invażjonijiet tal-Unni u l-invażjonijiet Iżlamiċi bikrin tal-Għarab bħal dik ta' Muhammad bin Qasim. Taħt l-Imperu Palareġa' ngħata l-ħajja sew fil-Grigal tas-subkontinent (fejn jinsab it-tempju). Il-Buddiżmu Mahayana ffjorixxa fl-Imperu Pala bejn is-sekli 8 u 12. Madankollu, wara t-telfu li ġarrab l-Imperu Pala kontra d-dinastija Sena, il-pożizzjoni tal-Buddiżmu reġgħet bdiet tmajna u kważi għebet għalkollox fl-Indja.[22] Matul is-seklu 12 W.K., l-armati Torok Musulmani invadew lil Bodh Gaya u r-reġjuni fil-qrib, taħt it-tmexxija ta' Qutb al-Din Aibak u Bakhtiyar Khilji tas-Sultanat ta' Delhi. Matul dan il-perjodu, it-Tempju ta' Mahabodhi ġie abbandunat kważi għalkollox u spiċċa fi stat ta' telqa. L-aħħar superjur tal-patrijiet tat-Tempju ta' Mahabodhi kien Sariputra, li telaq mill-Indja u vvjaġġa lejn in-Nepal fis-seklu 15.[23] Matul is-sekli ta' wara, il-kariga ta' superjur tal-patrijiet jew mahant tal-monasteru ġiet okkupata mid-detentur primarju tal-art tal-inħawi, li kellu s-sjieda tal-artijiet tat-Tempju ta' Mahabodhi.

Fis-seklu 13, il-Buddisti tal-Myanmar/Burma bnew tempju bl-istess isem u mmudellawh fuq it-Tempju ta' Mahabodhi oriġinali.[24]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Xbiha tal-Buddha fit-tempju prinċipali ta' Bodhgaya.

Il-Kumpless tat-Tempju ta' Mahabodhi f'Bodh Gaya ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2002.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' ħames kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Lag ta' Mucalinda

immodifika
 
Statwa ta' Mucalinda tipproteġi l-Buddha fil-Lag ta' Mucalinda.

Jingħad li sitt ġimgħa wara li l-Buddha beda jimmedita taħt is-Siġra ta' Bodhi, is-smewwiet swiedu għal sebat ijiem u niżlet xita qliel. Madankollu, ir-re setgħan tas-sriep, Mucalinda, ġie minn taħt l-art u pproteġa lill-Buddha bil-kappa tiegħu. Meta l-maltempata battiet, ir-re tas-sriep assuma l-għamla umana, għamel inkin quddiem il-Buddha, u reġa' lura fil-hena lejn il-palazz tiegħu.

Is-suġġett tal-Buddha jimmedita taħt il-protezzjoni ta' Mucalinda hija komuni ħafna fl-ikonografija ta' Gautama Buddha f'Laos u fit-Tajlandja. Skultura moderna b'dan is-suġġett tinsab fil-park tal-iskulturi Sala Keoku ta' Bunleua Sulilat.

 
It-Tempju ta' Mahabodhi qabel ma sarlu r-restawr.

Matul is-seklu 13 u mill-ġdid fis-seklu 19, il-mexxejja mill-Myanmar/Burma wettqu r-restawr tal-kumpless tat-tempju u l-ħajt ta' madwaru. Fis-snin 80 tas-seklu 19, il-gvern Brittaniku kolonjali tal-Indja ta' dak iż-żmien beda jirrestawra t-Tempju ta' Mahabodhi taħt it-tmexxija ta' Sir Alexander Cunningham u Joseph David Beglar. Fl-1884, xbieha kbira tal-Buddha tal-perjodu tal-Pāla, li x'aktarx kienet tneħħiet fi stadju iktar bikri għar-residenza tal-Mahant mill-qalba tat-tempju, reġgħet tpoġġiet f'postha oriġinali.[25] Il-bażi tax-xbieha ġiet rikostruwita f'dak iż-żmien u partijiet mill-iskrizzjoni tad-dedika ddaħlet fil-pożizzjoni attwali.[26] L-iskrizzjoni tfakkar id-dedika mill-ġdid lix-xbieha minn Pīṭhīpati Jayasena fis-seklu 13. Fl-1886, Sir Edwin Arnold żar is-sit u taħt il-gwida tal-Ven. Weligama Sri Sumangala ppubblika diversi artikli li ġibdu l-attenzjoni tal-Buddisti għall-kundizzjonijiet ta' telqa tas-sit f'Bodh Gaya. Minn dak iż-żmien 'l hawn l-iskultura ġiet irrestawrata, miżbugħa u indurata u tiġi meqjuma b'mod attiv fil-qalba tat-tempju.[27][28]

Stil arkitettoniku

immodifika
 
It-tempju kif kien fl-1899, ftit wara li sarlu r-restawr fis-snin 80 tas-seklu 19.

It-Tempju ta' Mahabodhi huwa mibni bil-brikks u huwa wieħed mill-eqdem tempji tal-brikks li għadhom eżistenti fil-Lvant tal-Indja. Jitqies bħala eżempju fin tax-xogħol Indjan fil-brikks, u kien influwenti ferm fl-iżvilupp ta' tradizzjonijiet arkitettoniċi oħra iktar 'il quddiem. Skont l-UNESCO, "it-tempju attwali huwa waħda mill-iżjed strutturi bikrin u imponenti li nbnew għalkollox bil-brikks mill-perjodu tal-Gupta" (300-600 W.K.). It-torri ċentrali tat-Tempju ta' Mahabodhi huwa għoli 55 metru (180 pied), u ġie rrinovat ħafna fis-seklu 19. It-torri ċentrali huwa mdawwar b'erba' torrijiet iżgħar, li nbnew bl-istess stil.

It-Tempju ta' Mahabodhi huwa mdawwar fuq l-erba' naħat b'poġġamani tal-ġebel għoljin madwar żewġ metri. Il-poġġamani jiżvelaw żewġ tipi distinti, kemm bħala stil kif ukoll bħala materjali użati. Il-poġġamani iktar antiki, magħmula bil-ġebla ramlija, imorru lura għall-ħabta tal-150 Q.K., u l-oħrajn, mibnija bil-granit grezz mhux illostrat, huwa maħsub li jmorru lura għall-perjodu tal-Gupta. Il-poġġamani iktar antiki fihom xeni bħal dik ta' Lakshmi, l-alla femminili Induista/Buddista tal-ġid, tinħasel bl-iljunfanti; u ta' Surya, l-alla tax-xemx tal-Induisti, riekeb karru miġbud minn erba' żwiemel. Il-poġġamani iktar reċenti fihom figuri ta' stupi (santwarji bir-relikwi) u ta' garudi (ajkli). Huma komuni wkoll il-figuri tal-fjuri tal-lotus.[29]

Kontroll tas-sit

immodifika
 
It-tempju minn ġewwa wara r-restawr.

Għal sekli sħaħ qabel l-"iskoperta" mill-ġdid tat-tempju mill-Ewropej, it-tempju kien post attiv ta' qima mix-Shaiviti u mill-Vaishnavi li kienu jikkunsidraw ukoll lil Buddha bħala inkarnazzjoni ta' Vishnu. Fl-1891, inbdiet kampanja li ppruvat tikseb ir-ritorn tal-kontroll tat-tempju lill-Buddisti, minkejja l-oġġezzjonijiet tal-mahant Induist.[30] Sir Edwin Arnold, l-awtur ta' The Light of Asia, beda jitkellem favur ir-rinnovazzjoni tas-sit u r-ritorn tiegħu taħt il-kontroll tal-Buddisti. Arnold ġie mħeġġeġ jagħmel dan minn Weligama Sri Sumangala Thera.[31] Fl-1891, Anagarika Dharmapala kien qed jagħmel pellegrinaġġ lejn it-Tempju ta' Mahabodhi li kien għadu kemm ġie rrestawrat.[32] Hemmhekk huwa baqa' xxokkjat li t-tempju kien f'idejn patri Shaivit, ix-xbieha tal-Buddha kienet ġiet ittrasformata f'ikona Induista u l-Buddisti ma setgħux iqimu fis-sit. B'riżultat ta' dan, huwa ta bidu għal moviment ta' aġitazzjoni.[33]

Is-Soċjetà ta' Mahabodhi f'Colombo ġiet stabbilita fl-1891 iżda l-uffiċċji tagħha ftit wara ġew ittrasferiti lejn Calcutta fl-1892. Wieħed mill-għanijiet primarji tagħha kien ir-ritorn tat-Tempju ta' Mahabodhi f'Bodh Gaya taħt il-kontroll tal-Buddisti, l-iżjed sit imqaddes importanti minn erba' siti Buddisti antiki ta' pellegrinaġġ. Sabiex jilħaq dan l-għan, Dharmapala fetaħ kawża kontra l-patrijiet Brahmini li kellhom il-kontroll tas-sit għal sekli sħaħ.[34] Wara taqbida twila, inkiseb suċċess biss wara l-indipendenza tal-Indja fl-1947 u sittax-il sena wara l-mewt ta' Dharmapala nnifsu (1933), bir-ritorn parzjali tas-sit taħt il-ġestjoni tas-Soċjetà ta' Mahabodhi fl-1949. B'hekk il-ġestjoni tat-tempju ta' Bodh Gaya ġiet inkarigata f'idejn kumitat magħmul minn għadd indaqs ta' Induisti u ta' Buddisti.[35] Il-kampanja kisbet suċċess parzjali fl-1949, meta l-kontroll għadda mill-mahant Induist għall-gvern statali ta' Bihar, li stabbilixxa l-Kumitat tal-Ġestjoni tat-Tempju ta' Bodh Gaya permezz tal-Att dwar it-Tempju ta' Bodh Gaya tal-1949.[36] Il-kumitat fih disa' membri, u l-maġġoranza tagħhom, inkluż il-president, skont il-liġi jridu jkunu Induisti. L-ewwel patri superjuri tat-Tempju ta' Mahabodhi taħt il-Kumitat tal-Ġestjoni kien Anagarika Munindra, raġel Bengali li kien membru attiv tas-Soċjetà ta' Maha Bodhi.[37]

Fl-2013, il-gvern ta' Bihar emenda l-Att dwar it-Tempju ta' Bodh Gaya tal-1949, biex persuni mhux Induisti jkunu jistgħu jilħqu president tal-kumitat. Fl-2013 ukoll, elf Buddist Indjan ipprotestaw fis-sit tat-Tempju ta' Mahabodhi biex jitolbu li l-kontroll tas-sit jingħadda lill-Buddisti.[38][39] Fost dawn il-Buddisti kien hemm mexxejja bħal Bhante Anand (il-president ta' Akhil Bharatiya Bhikkhu Mahasangh, korp influwenti ta' patrijiet), kif ukoll il-president tal-Bodh Gaya Mukti Andolan Samiti.[40][41] Barra minn hekk, Surai Sasai, imwieled il-Ġappun, laħaq mexxej Buddist importanti fl-Indja, u flimkien ma' Bhante Anand sar wieħed mill-iżjed mexxejja magħrufa ta' din il-kampanja ta' ħelsien tat-tempju mill-kontroll tal-Induisti.[42]

Status u ġestjoni attwali

immodifika
 
Ir-riljiev tal-alla tax-xemx Surya bejn il-pilastri (detall ta' pilastru tal-poġġamani) tas-sekli 2–1 Q.K.

Il-gvern statali ta' Bihar assuma r-responsabbiltà għall-protezzjoni, għall-ġestjoni u għall-monitoraġġ tat-tempju u tal-proprjetajiet tiegħu meta l-Indja kisbet l-indipendenza. Skont l-Att dwar it-Tempju ta' Bodh Gaya tal-1949, tali responsabbiltajiet huma kondiviżi mal-Kumitat tal-Ġestjoni tat-Tempju ta' Bodh Gaya[43], u bord ta' konsulenza. Il-kumitat, li jservi għal mandat ta' tliet snin, skont il-liġi jrid jikkonsisti minn erba' rappreżentant Buddisti u erba' rappreżentanti Induisti, inkluż il-kap tal-monasteru ta' Sankaracharya Math bħala membru Induistia ex officio.[44] Emenda li saret fl-2013 għall-Att dwar il-Ġestjoni tat-Tempju ta' Bodh Gaya tippermetti lill-Maġistrat tad-Distrett ta' Gaya jkun il-President tal-kumitat, anke jekk ma jkunx Induist. Il-Bord ta' Konsulenza jikkonsisti mill-gvernatur ta' Bihar u bejn 20 u 25 membru ieħor, nofshom minn pajjiżi Buddisti barranin.[45]

F'Ġunju 2002, it-Tempju ta' Mahabodhi sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Is-sejbiet kollha ta' artefatti reliġjużi fl-inħawi huma legalment protetti taħt l-Att tas-Sejbien tat-Teżori tal-1878.

 
It-tempju bl-armar tar-restawr fl-2006.

Il-patri superjuri tat-tempju, Bhikkhu Bodhipala, irriżenja fl-2007 wara li ġie akkużat li qata' l-friegħi tas-Siġra ta' Bodhi fuq bażi regolari u beda jbigħhom lill-barranin għal ammonti sinifikanti ta' flus. Gazzetta allegat li xerrejja Tajlandiżi sinjuruni xtraw fergħa bil-kooperazzjoni ta' membri għoljin tal-kumitat tal-ġestjoni tat-tempju. Filwaqt li l-kelliem tat-tempju ddikjara li l-botanisti kienu żabbru s-siġra, is-segretarju tal-affarijiet interni ta' Bihar ordna li s-siġra tiġi eżaminata. Akkuża kriminali tressqet kontra Bodhipala. Jekk jinstab ħati, Bodhipala jkollu jiskonta piena ta' mill-inqas għaxar snin ħabs.[46][47]

Wara tmiem il-mandat tal-kumitat f'Settembru 2007, il-gvern ta' Bihar dewwem il-proċess ta' ħatra ta' Kumitat ġdid u l-maġistrat tad-distrett amministra t-tempju sadanittant. Eventwalment, fis-16 ta' Mejju 2008, il-gvern ħabbar il-ħatra ta' Kumitat tal-Ġestjoni tat-Tempju ġdid.[48]

Minn Ġunju 2017, il-patri superjuri tat-tempju huwa Bhikkhu Chalinda.[49]

Avvenimenti reċenti

immodifika

Fl-2013, il-parti ta' fuq tat-tempju ġiet miksija b'289 kg ta' deheb. Id-deheb kien rigal mir-Re tat-Tajlandja u d-devoti mit-Tajlandja, u ġie approvat mill-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja.[50]

Attakk tal-2013

immodifika

Fis-7 ta' Lulju 2013, għaxar bombi b'intensità baxxa splodew fil-kumpless tat-tempju, u darbu lil ħames persuni. Bomba minnhom kienet tinsab qrib l-istatwa tal-Buddha u oħra kienet tinsab qrib is-Siġra ta' Bodhi. Instabu wkoll tliet bombi li ma ħadux u ġew diżattivati. L-isplużjonijiet seħħew bejn il-5.30 ta' filgħodu u s-6.00 ta' filgħodu.[51][52] It-tempju prinċipali ma ġarrabx ħsarat. L-Uffiċċju tal-Intelligence tal-Indja x'aktarx li allerta lill-uffiċjali statali li kien hemm theddidiet possibbli madwar 15-il jum qabel l-attakk.[53] Fl-4 ta' Novembru 2013, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Investigazzjonijiet ħabbret li l-grupp terroristiku Iżlamiku Indjan Mujahideen kien responsabbli għall-attakk.[54][55]

 
Replika tat-tempju f'Wat Yansangwararam, il-Provinċja ta' Chonburi, it-Tajlandja.

Repliki tat-Tempju ta' Mahabodhi

immodifika

It-Tempju ta' Mahabodhi huwa wieħed mill-iżjed strutturi Buddisti li hemm repliki tiegħu madwar id-dinja, kemm bħala tempji kif ukoll bħala minjaturi[56], fosthom:

  • it-Tempju ta' Zhenjue, Beijing, iċ-Ċina;
  • it-Tempju ta' Mahabodhi, Bagan, il-Myanmar/Burma;
  • Wat Chet Yot, Chiang Mai, it-Tajlandja;
  • il-Pagoda ta' Thatta Thattaha Maha Bawdi, il-Myanmar/Burma; kif ukoll
  • ir-Replika tal-Istupa ta' Bodh Gaya (Chedi Phutthakhaya Chamlong) f'Wat Yansangwararam, il-Provinċja ta' Chonburi, it-Tajlandja.[57]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d e f ġ g Centre, UNESCO World Heritage. "Mahabodhi Temple Complex at Bodh Gaya". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-17.
  2. ^ "World Heritage Day: Five must-visit sites in India". web.archive.org. 2015-08-14. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-08-14. Miġbur 2022-10-17.
  3. ^ Harle, 201; Michell, 228–229.
  4. ^ Fogelin, Lars (2015). An Archaeological History of Indian Buddhism. Oxford University Press. p. 195. ISBN 9780199948239.
  5. ^ Van Schaik, Sam; de Simone, Daniela; Hidas, George (2021). Precious Treasures from the Diamond Throne: Finds from the Site of the Buddha's Enlightenment. British Museum Press. p. 76. ISBN 9780861592289.
  6. ^ Joshi, Nikhil (2019). The Mahabodhi Temple at Bodhgaya: Constructing Sacred Placeness, Deconstructing the 'Great Case' of 1895. Routledge. ISBN 978-1-000-73251-1.
  7. ^ "The Jataka, Vol. IV: No. 479.: Kāliṅga-Bodhi-Jātaka". www.sacred-texts.com. Miġbur 2022-10-17.
  8. ^ Jataka iv.233 (puthuvinābhi).
  9. ^ Jataka iv.229.
  10. ^ DA.ii.412.
  11. ^ DA.ii.425; BuA.248.
  12. ^ Buddhist Architecture, Huu Phuoc Le, Grafikol, 2010 p. 240.
  13. ^ A Global History of Architecture, Francis D. K. Ching, Mark M. Jarzombek, Vikramaditya Prakash, John Wiley & Sons, 2017, p. 570ff.
  14. ^ Sowing the Seeds of the Lotus: A Journey to the Great Pilgrimage Sites of Buddhism, Part I, John C. Huntington. Orientations, November 1985 p. 61.
  15. ^ Cunningham, Alexander (1892). Mahâbodhi, or the great Buddhist temple under the Bodhi tree at Buddha-Gaya. London, W. H. Allen.
  16. ^ Didactic Narration: Jataka Iconography in Dunhuang with a Catalogue of Jataka Representations in China, Alexander Peter Bell, LIT Verlag Münster, 2000, p. 15ff.
  17. ^ Constituting Communities: Theravada Buddhism and the Religious Cultures of South and Southeast Asia, John Clifford Holt, Jacob N. Kinnard, Jonathan S. Walters, SUNY Press, 2012 p. 197.
  18. ^ "Ancient railings around the Mahabodhi Temple, Bodh Gaya 100365". web.archive.org. 2018-05-10. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-05-10. Miġbur 2022-10-17.
  19. ^ Le Huu Phuoc, Buddhist Architecture, pp. 238–248.
  20. ^ Ching, Francis D. K.; Jarzombek, Mark M.; Prakash, Vikramaditya (2010). A Global History of Architecture. John Wiley & Sons. p. 231. ISBN 978-1118007396.
  21. ^ Le Huu Phuoc, Buddhist Architecture, p. 234.
  22. ^ Richard Maxwell Eaton; Professor Richard M Eaton (1993). The Rise of Islam and the Bengal Frontier, 1204–1760. University of California Press. p. 14. ISBN 978-0-520-08077-5.
  23. ^ McKeown, Arthur P. (2018). Guardian of a Dying Flame: Śāriputra (c. 1335-1426) and the End of Late Indian Buddhism. Harvard University Press. p. 463. ISBN 9780674984356.
  24. ^ Coedès, George (1968). Walter F. Vella, ed. The Indianized States of Southeast Asia. Tradott minn Susan Brown Cowing. University of Hawaii Press. ISBN 978-0-8248-0368-1.
  25. ^ J. D. Beglar, photograph of the main image in the Mahābodhi temple, about 1884, http://doi.org/10.5281/zenodo.1162195
  26. ^ Balogh, Dániel (2020). "Pīṭhīpati Puzzles: Custodians of the Diamond Throne," in Precious Treasure from the Diamond Throne. London: British Museum.
  27. ^ "PROFILE ---- Rankot Viharaya - Panadura - Sri Lanka". web.archive.org. 2012-03-25. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-03-25. Miġbur 2022-10-18.
  28. ^ Sarao, K.T.S. (2020). "The History of Mahabodhi Temple at Bodh Gaya". Ċitazzjoni journal għandha bżonn |journal= (għajnuna)
  29. ^ Geary, David; Sayers, Matthew R.; Amar, Abhishek Singh (2012). Cross-disciplinary perspectives on a contested Buddhist site : Bodh Gaya jataka. London: Routledge. pp. 29–40. ISBN 978-0-415-68452-1.
  30. ^ Harvey, Peter (1990). An Introduction to Buddhism: Teachings, History, and Practices.
  31. ^ Barua, Dipak Kumar (1981). Buddha Gaya Temple: Its History. Buddha Gaya Temple Management Committee.
  32. ^ The Maha-Bodhi By Maha Bodhi Society, Calcutta (p. 205).
  33. ^ O'Reilly, Sean and O'Reilly, James (2000) Pilgrimage: Adventures of the Spirit, Travelers' Tales. pp. 81–82. ISBN 978-1-885211-56-9.
  34. ^ Wright, Arnold (1999) Twentieth Century Impressions of Ceylon: its history, people, commerce, industries, and resources, "Angarika Dharmapala", Asian Educational Services. p. 119. ISBN 978-81-206-1335-5.
  35. ^ Bleeker, C. J. and Widengren, G. (1971) Historia Religionum, Volume 2 Religions of the Present: Handbook for the History of Religions, Brill Academic Publishers. p. 453. ISBN 978-90-04-02598-1.
  36. ^ "Amendment allows non-Hindu to head Bodh Gaya temple committee - The Hindu". web.archive.org. 2013-12-08. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-12-08. Miġbur 2022-10-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  37. ^ D.C.Ahir (1994). Buddha Gaya Through the Ages. Delhi: Sri Satguru Publications. pp. 127–133. ISBN 81-7030-409-1.
  38. ^ "Buddhist monks want control of Bodh Gaya temple". Deccan Herald (bl-Ingliż). 2009-11-27. Miġbur 2022-10-21.
  39. ^ "Buddhists challenge Hindu control over centuries-old Mahabodhi temple at Bodh Gaya". India Today (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-21.
  40. ^ Khan, M. I. "'Why are Hindus controlling the Mahabodhi temple?'". Rediff (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-21.
  41. ^ IANS (2018-01-05). "Dalai Lama must urge for Buddhists control over Mahabodhi temple: Monk". Miġbur 2022-10-21.
  42. ^ Doyle, Tara N. (2003). Liberate the Mahabodhi Temple! Socially Engaged Buddhism, Dalit-Style. In: Steven Heine, Charles Prebish (eds), Buddhism in the Modern World. Oxford University Press. pp. 249–280.
  43. ^ Srivathsan, A. (7 July 2013). "Where Buddha became enlightened". The Hindu. ISSN 0971-751X.
  44. ^ "Buddhist Channel | Buddhism News, Headlines | India | Buddhists seek control over Mahabodhi temple management". web.archive.org. 2008-03-30. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-03-30. Miġbur 2022-10-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  45. ^ "The Controversial Bodhgaya Temple (Amendment) Bill 2013 | Biharprabha News, Wiki, Updates, Photos, Blogs". web.archive.org. 2013-08-07. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-08-07. Miġbur 2022-10-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  46. ^ "Buddhist Channel | Buddhism News, Headlines | India | Scandal gnaws at Buddha's holy tree in India". web.archive.org. 2008-04-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-04-09. Miġbur 2022-10-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  47. ^ "DNA: India: No damage to Bodhi tree: Govt". web.archive.org. 2009-02-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-02-14. Miġbur 2022-10-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  48. ^ "Holiest Buddhist shrine gets governing panel, finally". web.archive.org. 2010-06-23. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-06-23. Miġbur 2022-10-21.
  49. ^ "Original" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2017-10-25. Miġbur 2022-10-21.
  50. ^ "300 kg gold gift from Thailand gives Bodhgaya temple a new look : North, News - India Today". web.archive.org. 2014-03-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-03-04. Miġbur 2022-10-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  51. ^ "Serial blasts rock Mahabodhi Temple in Bodh Gaya; terror attack, Centre says - The Times of India". web.archive.org. 2013-07-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-07-09. Miġbur 2022-10-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  52. ^ "5 injured in multiple blasts at Mahabodhi temple in Bodh Gaya - Times of India". web.archive.org. 2017-05-18. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-05-18. Miġbur 2022-10-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  53. ^ "Security beefed up in city, Bodh Gaya - Times Of India". web.archive.org. 2013-07-07. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-07-07. Miġbur 2022-10-21.
  54. ^ "Ranchi document helps NIA crack Bodh Gaya blast case - The Times of India". web.archive.org. 2013-11-06. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-11-06. Miġbur 2022-10-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  55. ^ "Patna terror cell behind Bodh Gaya strike too: NIA - The Hindu". web.archive.org. 2013-11-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-11-09. Miġbur 2022-10-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  56. ^ "The Mahabodhi temple: pilgrim souvenirs of Buddhist, J. Guy, Burlington Magazine, 1991, 133, 3560357" (PDF).
  57. ^ "Wat Yan & Chinese museum Viharn Sien | Self-guided tour | Thailand guide book | Thailand.FalkTime". thailand.falktime.com (bl-Ingliż). 2019-05-28. Miġbur 2022-10-21.