Prambanan

kumpless ta' tempji Induisti f'Yogyakarta, Ġava Ċentrali, l-Indoneżja

Prambanan (bl-Indoneżjan: Candi Prambanan, bil-Ġavaniż: ꦫꦫꦗꦺꦴꦁꦒꦿꦁ, b'ittri Rumani: Rara Jonggrang) huwa kumpless ta' tempji Induisti tas-seklu 9 fir-Reġjun Speċjali ta' Yogyakarta, fin-Nofsinhar ta' Ġava, l-Indoneżja, iddedikati lit-Trimūrti, l-espressjoni ta' alla l-ħallieq (Braħma), il-preservatur (Vixnu) u l-qerried (Xiva). Il-kumpless tat-tempji jinsab madwar 17-il kilometru (11-il mil) fil-Grigal tal-belt ta' Yogyakarta fil-konfini bejn il-provinċji ta' Ġava Ċentrali u ta' Yogyakarta.[1]

Il-Kumpless tat-Tempji ta' Prambanan.

Il-kumpless tat-tempji huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u huwa l-ikbar sit ta' tempji Induisti fl-Indoneżja kif ukoll it-tieni l-ikbar fix-Xlokk tal-Asja wara Angkor Wat, il-Kambodja. Huwa kkaratterizzat mill-arkitettura għolja u ppuntata tiegħu, tipika tal-arkitettura Induista, u mill-binja ċentrali għolja 47 metru (154 pied) fi ħdan il-kumpless il-kbir ta' tempji individwali.[2] Il-kumpless tat-tempji ta' Prambanan oriġinarjament kien jikkonsisti minn 240 struttura ta' tempji, li jirrappreżentaw il-kobor tal-arti u tal-arkitettura Induista ta' Ġava, u jitqies ukoll bħala kapulavur tal-perjodu klassiku fl-Indoneżja. Prambanan jattira bosta viżitaturi minn madwar id-dinja kollha.[3][4]

Kostruzzjoni

immodifika

It-tempji ta' Prambanan huma l-ikbar kumpless ta' tempji Induisti ta' Ġava tal-qedem, u l-ewwel binja tlestiet f'nofs is-seklu 9. X'aktarx li l-kostruzzjoni nbdiet minn Rakai Pikatan u l-istruttura ġiet inawgurata mis-suċċessur tiegħu r-Re Lokapala. Xi storiċi li jaqblu mat-teorija tad-dinastija doppja jissuġġerixxu li l-kostruzzjoni ta' Prambanan x'aktarx li kienet maħsuba bħala t-tweġiba Induista tad-dinastija Sanjaya għat-tempji Buddisti tad-dinastija Sailendra fil-qrib: Borobudur u Sewu; u kienet maħsuba biex timmarka r-ritorn tad-dinastija Sanjaya Induista fil-poter fil-Ġava Ċentrali wara kważi seklu ta' dominju tad-dinastija Sailendra Buddista. Minkejja dan, il-kostruzzjoni ta' dan il-kumpless enormi ta' tempji Induisti rrappreżenta bidla fil-patroċinju tal-qorti ta' Mataram, mill-Buddiżmu Maħajana għall-Induiżmu Xajvita.

L-ewwel tempju li nbena fis-sit għall-ħabta tat-850 W.K. minn Rakai Pikatan tkabbar b'mod estensiv mir-Re Lokapala u minn Balitung Maha Sambu, ir-re Sanjaya tar-Renju Mataram. Kitba qasira b'żebgħa ħamra bl-isem ta' "pikatan" instabet fuq waħda mill-qċaċet tal-balavostri tat-tempju ta' Xiva, u din tikkonferma li r-Re Pikatan kien responsabbli għall-bidu tal-kostruzzjoni tat-tempji.[5]

Il-kumpless tat-tempji huwa marbut mal-kitba ta' Shivagrha tat-856 W.K., maħruġa mir-Re Lokapala, li kienet tiddeskrivi kumpless ta' tempji ta' Xiva simili għal dawk ta' Prambanan. Skont din il-kitba, it-tempju ta' Xiva ġie inawgurat fit-12 ta' Novembru 856. Skont din il-kitba wkoll, it-tempju nbena f'ġieħ Xiva, u l-isem oriġinali tiegħu kien Shiva-grha (id-Dar ta' Xiva) jew Shiva-laya (ir-Renju ta' Xiva).

 
L-istatwa ta' Xiva Mahadeva fil-garbagriha tat-tempju prinċipali.

Skont il-kitba ta' Shivagrha, twettaq proġett tal-ilma pubbliku biex jinbidel il-fluss ta' xmara qrib it-tempju ta' Shivagrha waqt il-kostruzzjoni tat-tempju. Ix-xmara, identifikata bħala x-xmara Opak, issa tnixxi mit-Tramuntana għan-Nofsinhar fuq in-naħa tal-Punent tal-kumpless tat-tempji ta' Prambanan. L-istoriċi jissuġġerixxu li oriġinarjament ix-xmara kellha lilwa iktar lejn il-Lvant u din kienet meqjusa wisq qrib it-tempju prinċipali. L-esperti huma tal-fehma li x-xmara ġiet iddevjata sabiex il-kumpless tat-tempji jkun protett mill-iżbroffar ta' materjali vulkaniċi lahar mill-vulkan Merapi.[6] Il-proġett twettaq billi x-xmara ġiet devjata tul assi tat-Tramuntana għan-Nofsinhar tul il-ħajt ta' barra tal-kumpless tat-tempji ta' Shivagrha. Fejn qabel kienet tnixxi x-xmaraġie mimli bir-radam u ġie livellat sabiex jinħoloq spazju usa' għat-tkabbir tat-tempju u spazju għar-ringieli ta' tempji pervara (komplementari).

Xi arkeologi jipproponu li l-istatwa ta' Xiva fil-garbhagriha (kompartiment ċentrali) tat-tempju prinċipali kienet immudellata fuq ir-Re Balitung, u kienet isservi bħala turija tal-entità divina tiegħu wara l-mewt.[7] Il-kumpless tat-tempji tkabbar mir-rejiet Mataram suċċessivi, fosthom Daksa u Tulodong, biż-żieda ta' mijiet ta' tempji pervara madwar it-tempju ewlieni.

It-torri prasada prinċipali għoli 47 metru, kumpless enormi mdawwar bil-ħitan, jikkonsisti minn 240 struttura. It-tempju ta' Shivagrha Trimurti kien l-ogħla u l-iktar wieħed grandjuż ta' dak iż-żmien. Fil-fatt, il-kumpless tat-tempji huwa l-ikbar kumpless ta' tempji Induisti fil-Ġava tal-qedem, u l-ebda tempju Ġavaniż ieħor qatt ma qabeż l-iskala tiegħu. Prambanan serva bħala t-tempju rjali tar-Renju Mataram, u l-iżjed ċerimonji reliġjużi u sagrifiċċji tal-istat saru hemmhekk. Fil-qofol tar-renju, l-istudjużi jistmaw li mijiet ta' Braħmini bid-dixxipli tagħhom kienu jgħixu fi ħdan il-ħajt ta' barra tal-kumpless tat-tempji. Iċ-ċentru urban u l-qorti ta' Mataram kienu jinsabu fil-qrib, fl-inħawi tal-Pjanura ta' Prambanan.

Abbandun

immodifika
 
Il-kumpless tat-tempji ta' Prambanan bil-vulkan Merapi fl-isfond.

Wara li ntuża u tkabbar għal madwar 80 sena, it-tempji ġew misterjożament abbandunati lejn nofs is-seklu 10. Fis-snin 30 tas-seklu 10, il-qorti Ġavaniża ġiet ittrasferita lejn il-Lvant ta' Ġava minn Mpu Sindok, li stabbilixxa d-dinastija Isyana. Madankollu, mhuwiex ċar x'kienet ir-raġuni reali wara l-abbandun tar-renju ta' Ġava Ċentrali mir-renju Mataram. X'aktarx li dan seħħ minħabba żbroffar devastanti tal-vulkan Merapi, li jinsab madwar 25 kilometru fit-Tramuntana ta' Prambanan, jew minħabba xi taqbida għall-poter. Dak l-avveniment immarka l-bidu tad-deklin tat-tempji, peress li wara ftit ġew abbandunati u bdew jiddeterjoraw.

It-tempji waqgħu għalkollox waqt terremot kbir fis-seklu 16. Għalkemm il-kumpless tat-tempji ma baqgħux ċentru importanti ta' qima, il-fdalijiet madwar l-inħawi kienu għadhom jintgħarfu u baqgħu magħrufa fost il-popli Ġavaniżi lokali iktar 'il quddiem. L-istatwi u l-fdalijiet saru t-tema u l-ispirazzjoni għal-leġġenda ta' Rara Jonggrang.

Il-popli Ġavaniżi lokali fil-villaġġi tal-madwar kienu jafu bil-fdalijiet tat-tempji qabel l-iskoperta mill-ġdid formali, iżda ma kienu jafu xejn dwar l-isfond storiku tagħhom: liema renji kienu qed jirrenjaw jew liema rejiet ikkummissjonaw il-kostruzzjoni tal-monumenti. B'hekk, il-popli lokali ħarġu bi ħrejjef u b'leġġendi biex jispjegaw l-oriġini tat-tempji, b'sensiela ta' miti ta' ġganti, u prinċipessa misħuta. Huma hemżu oriġini tal-għaġeb għal Prambanan u għal Sewu; kien jingħad fil-leġġenda ta' Rara Jonggrang li dawn inħolqu minn għadd ta' xjaten skont l-ordnijiet ta' Bandung Bondowoso.

Skoperta mill-ġdid

immodifika
 
Litografija tal-fdalijiet ta' Prambanan fl-1852.

Fl-1733, Cornelis Antonie Lons, impjegat tal-VOC, ipprovda l-ewwel rapport dwar it-tempji ta' Prambanan fil-ġurnal tiegħu. Lons kien qed jeskorta lil Julius Frederick Coyett, kummissarju tal-VOC tal-Grigal tal-kosta ta' Ġava, għal Kartasura, li dak iż-żmien kienet il-belt kapitali ta' Mataram, renju Ġavaniż lokali setgħan. Matul is-soġġorn tiegħu f'Ġava Ċentrali, huwa kellu l-opportunità li jżur il-fdalijiet tat-tempji ta' Prambanan, li ddeskriva bħala "tempji Braħmini" li jixbħu muntanji tal-ġebel.

Wara d-diviżjoni tas-Sultanat ta' Mataram fl-1755, il-fdalijiet tat-tempji u x-xmara Opak intużaw għad-demarkazzjoni tal-konfini bejn is-Sultanati ta' Yogyakarta u ta' Surakarta, li ġiet adottata bħala l-konfini attwali bejn Yogyakarta u l-provinċja ta' Ġava Ċentrali.

 
Il-fdalijiet tat-tempju ta' Xiva tal-kumpless ta' Prambanan għall-ħabta tal-1895.

It-tempju attira l-attenzjoni internazzjonali fil-bidu tas-seklu 19. Fl-1803, Nicolaus Engelhard, il-Gvernatur tal-kosta tal-Grigal ta' Ġava, għamel waqfa f'Prambanan matul iż-żjarat uffiċjali tiegħu lir-rejiet ta' Ġava; Pakubuwana IV ta' Surakarta u Hamengkubuwana II ta' Yogyakarta. Huwa baqa' impressjonat bil-fdalijiet tat-tempji, u fl-1805 ikkummissjona lil H.C. Cornelius, inġinier stazzjonat f'Klaten, biex jikklerja s-sit mill-veġetazzjoni u mir-radam, ikejjel iż-żona, u jagħmel tpinġijiet tat-tempju. Dan kien l-ewwel sforz li jsir studju u restawr tat-tempji ta' Prambanan.

Fl-1811 matul l-okkupazzjoni Brittanika qasira tal-Indji tal-Lvant Olandiżi, Colin Mackenzie, surveyor imqabbad minn Sir Thomas Stamford Raffles, inzerta t-tempji b'kumbinazzjoni. Għalkemm Sir Thomas sussegwentement ikkummissjona stħarriġ sħiħ tal-fdalijiet, dawn baqgħu mitlaq għal deċennji sħaħ. Ir-residenti Olandiżi ġarrew skulturi magħhom bħala ornamenti għall-ġonna u r-residenti nattivi użaw il-ġebel tal-pedamenti bħala materjal għall-kostruzzjoni. Skavi ta' nofs kedda mill-arkeologi tas-snin 80 tas-seklu 19 komplew jiffaċilitaw is-serq mis-sit u għadd ta' skulturi tat-tempji ttieħdu fil-kollezzjonijiet privati.

Rikostruzzjoni

immodifika
 
Restawr tat-tempju ta' Xiva fil-kumpless ta' Prambanan fi Frar 1940.

Fl-1918, il-gvern kolonjali Olandiż beda r-rikostruzzjoni tal-kumpless u r-restawr veru u proprju beda biss fl-1930. Minħabba l-kobor enormi tas-sit u l-għadd kbir ta' tempji, l-isforzi ta' restawr għadhom għaddejin sa llum il-ġurnata. Sas-snin 30 tas-seklu 20, il-proġett tar-rikostruzzjoni tas-Servizz Arkeoloġiku tal-Indji tal-Lvant Olandiżi wassal għar-restawr ta' żewġ tempji apit (laterali) fil-bitħa ċentrali, u ta' żewġ tempji pervara (anċillari) iżgħar. Fir-rikostruzzjoni ntuża l-metodu tal-anastilożi, fejn il-fdalijiet tat-tempji ġew irrestawrati bl-użu ta' blokok tal-ġebel oriġinali kemm jista' jkun. L-isforzi ta' restawr kienu mxekkla mill-kriżi ekonomika fis-snin 30 tas-seklu 20, u finalment waqfu għalkollox minħabba li faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija fil-Paċifiku (1942-1945), u wara r-Rivoluzzjoni Nazzjonali Indoneżjana (1945-1949). Wara l-gwerra, ir-rikostruzzjoni tat-tempji tkompliet fl-1949, minkejja li l-biċċa l-kbira tat-tpinġijiet tekniċi u tar-ritratti ġarrbu l-ħsarat jew intilfu waqt il-gwerra. Ir-rikostruzzjoni tat-tempju prinċipali ta' Xiva tlestiet fl-1953 u ġiet inawgurata mill-ewwel President tal-Indoneżja Sukarno.

 
Karta tal-flus Indoneżjana ta' 5 rupiah tal-1957 bit-tempju Apit fit-Tramuntana tal-kumpless ta' Prambanan.

Il-gvern Indoneżjan kompla l-isforz ta' rikostruzzjoni biex il-kumpless tat-tempji jitlesta. It-tempju ta' Braħma ġie rikostruwit bejn l-1978 u l-1987, filwaqt li t-tempju ta' Vixnu ġie rikostruwit bejn l-1982 u l-1991. It-tempji ta' Vaħana tar-ringieli tal-Lvant u xi santwarji iżgħar tlestew mill-1991 sal-1993. B'hekk, sal-1993 it-tempji prinċipali għoljin kollha taż-żona ċentrali ta' Prambanan ġew rikostruwiti u tlestew, filwaqt li ġew inawgurati mill-President Suharto flimkien mal-inawgurazzjoni tat-tempju ċentrali tal-kumpless ta' Sewu.

Peress li l-biċċa l-kbira tal-iskulturi tal-ġebel oriġinali kienu nsterqu u ntużaw mill-ġdid f'siti tal-kostruzzjoni remoti, ir-restawr ġie mxekkel sew. Minħabba l-iskala tal-kumpless tat-tempji, il-gvern iddeċieda li jerġa' jibni s-santwarji biss jekk mill-inqas 75 % tal-komponenti oriġinali kienu disponibbli, f'konformità mad-dixxiplina tal-anastilożi. Ir-rikostruzzjoni għadha għaddejja sa llum il-ġurnata, bi sforzi issa ffukati fuq it-tempji pervara (anċillari) tal-kumpless estern. Tempju pervara tan-naħa tal-Lvant, fit-tieni ringiela, in-nru 35, tlesta f'Diċembru 2017.

Sa Frar 2023, mill-224 tempju pervara oriġinali, sitta biss minnhom ġew rikostruwiti kompletament; erba' fuq in-naħa tal-Lvant, wieħed fuq in-naħa tan-Nofsinhar, u wieħed fin-naħa tat-Tramuntana. Tnejn mit-tempji pervara; wieħed fil-kantuniera b'portiċi doppji fil-Grigal u tempju pervara fil-Lvant, ġew rikostruwiti matul l-era kolonjali tal-Indji tal-Lvant Olandiżi għall-ħabta tas-snin 30 tas-seklu 20. L-erba' tempji pervara l-oħra tlestew fl-2015, fl-2017, fl-2019 u fl-2021 rispettivament. Il-biċċa l-kbira tas-santwarji iż-żgħar jaslu biss sal-pedamenti tagħhom. Ir-restawr tat-tempji pervara se jsir fi stadji. Li kieku l-224 tempju pervara kellhom jiġu rrestawrati kompletament, ikun hemm bżonn mill-inqas 200 sena, peress li r-rikostruzzjoni bl-anastilożi ta' tempju pervara ddum minn tmien xhur sa 12-il xahar biex titlesta.

Fil-bidu tas-snin 90 tas-seklu 20, il-gvern neħħa s-suq li kien beda jarma qrib it-tempju u żviluppa mill-ġdid il-villaġġi tal-madwar u l-għelieqi tar-ross bħala park arkeoloġiku. Il-park ikopri żona kbira, mit-triq prinċipali ta' Yogyakarta-Solo fin-Nofsinhar, li tinkludi l-kumpless kollu ta' Prambanan, il-fdalijiet tat-tempji ta' Lumbung u Bubrah, u saħansitra sal-kumpless tat-tempji ta' Sewu fit-Tramuntana. Fl-1992 il-gvern Indoneżjan ħoloq Impriża Limitata b'Sjieda Statali (Persero), imsejħa "PT Taman Wisata Candi Borobudur, Prambanan, dan Ratu Boko". Din l-impriża hija l-awtorità responsabbli wkoll għall-ġestjoni tal-park ta' Borobudur Prambanan Ratu Boko u r-reġjun tal-madwar. Prambanan huwa fost l-iżjed attrazzjonijiet turistiċi viżitati fl-Indoneżja.

Il-pjattaformi fil-beraħ u fuq ġewwa ta' Trimurti fuq in-naħa tal-Punent tat-tempju, fuq in-naħa l-oħra tax-xmara Opak, inbnew biex jittellgħu l-ispettakli taż-żfin klassiku tal-ġrajja epika tradizzjonali tar-Ramayana. Din iż-żifna Ġavaniża tradizzjonali hija ż-żifna antika tal-qorti Ġavaniża. Mis-snin 60 tas-seklu 20, baqgħet issir kull lejla bil-qamar kwinta fit-tempji ta' Prambanan. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-kumpless tat-tempji ta' Prambanan sar fost l-iżjed attrazzjonijiet arkeoloġiċi u kulturali fl-Indoneżja.

Avvenimenti kontemporanji

immodifika
 
Veduta ta' Prambanan billejl.

Mir-rikostruzzjoni tat-tempji prinċipali fis-snin 90 tas-seklu 20, il-kumpless ta' Prambanan reġa' ġie meqjus bħala ċentru reliġjuż importanti għar-ritwali u għaċ-ċerimonji Induisti f'Ġava. Il-komunitajiet Induisti ta' Bali u ta' Ġava f'Yogyakarta u f'Ġava Ċentrali reġgħu qanqlu l-prattiki tagħhom u kull sena jwettqu ċ-ċerimonji sagri tagħhom f'Prambanan, fosthom il-Galungan, it-Tawur Kesanga u n-Nyepi.

It-tempju ġarrab xi ħsarat fit-terremot ta' Yogyakarta fl-2006. Xi ritratti bikrin issuġġerew li għalkemm il-kumpless kien intatt strutturalment, il-ħsara kienet sinifikanti. Biċċiet kbar tal-ġebel, inkluż xi ġebel bit-tinqix, ġew sparpaljati mal-art. It-tempju ngħalaq għall-viżitaturi sa ma saret valutazzjoni sħiħa tal-ħsarat. Eventwalment, il-kap tal-Aġenzija tal-Konservazzjoni Arkeoloġika ta' Yogyakarta ddikjara li kienu meħtieġa xhur sabiex jiġu identifikati l-ħsarat kollha. Minkejja dan, xi ġimgħat wara fl-2006, is-sit reġa' nfetaħ għall-viżitaturi.

 
Pinnaklu mwaqqa' wara l-ħsarat li ġarrab il-kumpless tat-tempji ta' Prambanan.

Hemm interess kbir fis-sit. Fl-2008, 856,029 viżitatur Indoneżjan u 114,951 viżitatur barrani żaru l-kumpless tat-tempji ta' Prambanan. Fis-6 ta' Jannar 2009, ir-rikostruzzjoni tat-tempju ta' Nandi tlestiet. Mill-2009, il-biċċa l-kbira tat-tempji minn ġewwa baqgħu mhux aċċessibbli minħabba raġunijiet ta' sikurezza.

Fl-14 ta' Frar 2014, l-attrazzjonijiet turistiċi ewlenin f'Yogyakarta u f'Ġava Ċentrali, inkluż Borobudur, Prambanan u Ratu Boko, ingħalqu għall-viżitaturi wara li ġew affettwati ferm mill-irmied vulkaniku meta żbroffa l-vulkan Kelud fil-Lvant ta' Ġava, madwar 200 kilometru fil-Lvant ta' Yogyakarta. Il-vulkan Kelud żbroffa fit-13 ta' Frar 2014 u nstemgħu splużjonijiet saħansitra sa Yogyakarta. Erba' snin qabel, Prambanan ħelisha mill-irmied vulkaniku tal-iżbroffar tal-vulkan Merapi tal-2010, peress li r-riħ kien qed jonfoħ lejn il-Punent u affettwa lil Borobudur minflok.

Fl-2012, il-Balai Pelestarian Peninggalan Purbakala Jawa Tengah (BP3) jew l-Awtorità tal-Preservazzjoni tal-Wirt ta' Ġava Ċentrali ssuġġerew li ż-żona f'Prambanan u fil-qrib kellhom tiġi ttrattati bħala santwarju. Iż-żona proposta tinsab fil-Pjanura ta' Prambanan fiha 30 kilometru kwadru fid-distretti ta' Sleman u ta' Klaten, u tinkludi t-tempji ewlenin fl-inħawi bħal Prambanan, Ratu Boko, Kalasan, Sari u Plaosan. Iż-żona tas-santwarju hija ppjanata li tiġi ttrattata b'mod simili għaż-żona arkeoloġika ta' Angkor Wat fil-Kambodja, li tfisser li l-gvern ma għandux jibqa' jagħti permessi għall-kostruzzjoni ta' binjiet ġodda, speċjalment binjiet b'bosta sulari, kif ukoll it-torrijiet BTS fiż-żona. B'hekk din iż-żona suppost tibqa' mħarsa minn kwalunkwe ostruzzjoni viżiva moderna ta' lukandi, ristoranti kif ukoll binjiet u negozji relatati mat-turiżmu.

 
Ċerimonja tradizzjonali Ġavaniża li ssir qrib il-kumpless tat-tempji ta' Prambanan.

Mid-9 sat-12 ta' Novembru 2019, iċ-ċerimonja sagra grandjuża tal-Abhiṣeka kienet issir fil-kumpless tat-tempji. Dan ir-ritwal Induista sar għall-ewwel wara 1,163 sena li t-tempji ta' Prambanan ġew stabbiliti fit-856 W.K. Iċ-ċerimonja tal-Abhiṣeka kienet maħsuba biex tbaħħar, tqaddes u tippurifika t-tempji, u b'hekk it-tempji minħabba f'hekk ma kinux biss sit arkeoloġiku u turistiku, iżda ġew irrestawrati għall-funzjoni oriġinali tagħhom bħala ċentru tal-attività reliġjuża Induista. L-Induisti Indoneżjani jemmnu li din iċ-ċerimonja tal-Abhiṣeka mmarkat punt ta' żvolta għall-konsagrazzjoni mill-ġdid tas-sit u għat-tqanqil mill-ġdid tal-enerġija spiritwali tat-tempji ta' Prambanan.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Kumpless tat-Tempji ta' Prambanan ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Kumpless tat-tempju

immodifika
 
Tpinġija trasversali tar-rikostruzzjoni tal-kumpless tat-tempji ta' Prambanan, b'erba' ringieli ta' tempji pervara madwar it-tliet tempji ċentrali.
 
Mappa tal-kumpless tat-tempji ta' Prambanan, li turi l-konfigurazzjoni konċentrika tal-mandala.

Oriġinarjament kien hemm total ta' 240 tempju fil-kumpless ta' Prambanan. Il-Kumpless tat-Tempji ta' Prambanan kien jikkonsisti minn:

  • 3 Tempji ta' Trimurti: tliet tempji prinċipali ddedikati lil Vixnu, Xiva u Braħma
  • 3 Tempji ta' Vaħana: tliet tempji quddiem it-tempji ta' Trimurti ddeddikati lill-vaħana tal-allat Garuda, Nandi u Hamsa
  • 2 Tempji Apit: żewġ tempji laterali li jinsabu bejn ir-ringieli ta' tempji ta' Trimurti u ta' Vaħana fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar
  • 4 Tempji ta' Kelir: erba' santwarji żgħar li jinsabu fl-erba' punti kardinali lil hinn mill-erba' daħliet prinċipali taż-żona ta' ġewwa
  • 4 Tempji ta' Patok: erba' santwarji żgħar li jinsabu fl-erba' kantunieri taż-żona ta' ġewwa
  • 224 Tempu Pervara: mijiet ta' tempji rranġati f'ringieli kwadri konċentriċi; l-għadd ta' tempji mir-ringiela ta' ġewwa għal dik ta' barra huwa: 44, 52, 60 u 68

Il-kumpless tat-tempji ta' Prambanan huwa magħruf ukoll bħala l-kumpless ta' Rara Jonggrang, għal-leġġenda popolari ta' Rara Jonggrang. Fl-imgħoddi kien hemm 240 tempju f'dan il-kumpless ta' tempji ta' Xiva, kbar jew żgħar. Illum il-ġurnata, it-tmien tempji prinċipali u t-tmien santwarji żgħar fiż-żona ta' ġewwa huma kollha rikostruwiti, iżda sitta biss mill-224 tempju pervara ġew rinnovati. Il-maġġoranza tagħhom iddeterjoraw; li fadal hu għadd ta' ġebel sparpaljati. Il-kumpless tat-tempji ta' Prambanan jikkonsisti minn tliet żoni; l-ewwel iż-żona ta' barra, it-tieni ż-żona tan-nofs li fiha mijiet ta' tempji żgħar, u t-tielet iż-żona ta' ġewwa, l-iżjed żona sagra li fiha tmien tempji prinċipali u tmien santwarji żgħar.

 
Mudell arkitettoniku tal-kumpless tat-tempji ta' Prambanan; oriġinarjament kien hemm 240 tempju f'dan il-kumpless.

Il-kumpless tat-tempji Induisti fi Prambanan huwa msejjes fuq pjanta kwadra b'total ta' tliet żoni, u kull waħda hija mdawra b'erba' ħitan b'erba' daħliet kbar. Iż-żona ta' barra hija spazju kbir immarkat b'ħajt rettangolari. L-iżjed perimetru ta' barra bil-ħitan, li oriġinarjament kien fih 390 metru fuq kull naħa, kien orjentat mill-Grigal għal-Lbiċ. Madankollu, għajr għad-daħla tan-Nofsinhar tiegħu, ma tantx fadal wisq minnu fil-preżent. Il-funzjoni oriġinali mhix magħrufa; x'aktarx li kienet park sagru jew post fejn il-patrijiet kienu jgħixu waqt li jistudjaw (ashram). Il-binjiet tal-madwar tal-kumpless tat-tempji nbnew b'materjal organiku u b'hekk ma hemmx fdalijiet iktar.

Tempju ta' Shiva

immodifika

Iż-żona ta' ġewwa jew il-kumpless ċentrali huwa l-iktar wieħed sagru mit-tliet żoni. Hija pjattaforma kwadra olzata permezz ta' ħajt kwadru tal-ġebel b'daħliet tal-ġebel fuq kull wieħed mill-punti kardinali. L-iżjed kumpless sagru huwa magħmul minn tmien santwarji jew candi prinċipali. It-tliet santwarji prinċipali, ta' Trimurti ("it-tliet forom"), huma ddedikati lil tliet allat: Braħma il-ħallieq, Vixnu il-preservatur u Xiva l-qerried.

 
Is-santwarju prinċipali ddedikat lil Xiva.

It-tempju ta' Xiva huwa l-itwal u l-ikbar struttura fil-kumpless ta' Rara Jonggrang; huwa twil 47 metru u wiesa' 34 metru. It-taraġ prinċipali jinsab fuq in-naħa tal-Lvant. Maġenb id-daħla tal-Lvant tat-tempju ta' Xiva hemm żewġ santwarji żgħar, iddedikati lill-allat gwardjani, Mahakala u Nandhisvara. Madwar it-tempju ta' Xiva hemm bosta galleriji mżejna bil-bassoriljievi li jirrakkontaw il-ġrajja tar-Ramayana mnaqqxa fuq il-ħitan ta' ġewwa tal-balavostri. Sabiex isegwu l-ġrajja bir-reqqa, il-viżitaturi jridu jidħlu min-naħa tal-Lvant u jibdew jagħmlu jsewgwu l-pradakshina jew iduru fid-direzzjoni tal-arloġġ. Il-bassoriljievi tar-Ramayana jibqa' sejrin sal-galleriji tat-tempju ta' Braħma.

 
L-istatwa ta' Durga Mahisasuramardini fiċ-ċella tat-Tramuntana tat-tempju ta' Xiva.

Is-santwarju ta' Xiva jinsab fiċ-ċentru u fih ħames kompartimenti, erba' kompartimenti żgħar f'kull punt kardinali u wieħed prinċipali ikbar fil-parti ċentrali tat-tempju. Il-kompartiment tal-Lvant jikkollega l-kompartiment ċentrali li jospita l-ikbar murti fil-kumpless ta' Prambanan, statwa għolja tliet metri ta' Xiva Maħadeva (l-alla suprem). L-istatwa għandha l-Lakçana (attributi jew simboli) ta' Xiva bħall-kranju u l-minġell fil-kuruna, u t-tielet għajn fuq moħħha; għandha wkoll erba' dirgħajn bis-simboli ta' Xiva fl-idejn: aksamala (żibeġ tat-talb), chamara (għodda li biha jinqatel id-dubbien), u trisula (trident). Xi storiċi jemmnu li x-xbieha ta' Xiva Maħadeva kienet maħsuba biex tippersonifika lir-re Balitung bħala l-inkarnazzjoni mill-ġdid ta' Xiva. Għalhekk, meta miet, inbena tempju biex jiġi kkommemorat bħala Xiva. L-istatwa ta' Xiva tinsab bilwieqfa fuq pjattaforma tal-lotus fuq pedestall Yoni bi sriep Nāga mnaqqxa fuq in-naħa tat-Tramuntana tal-pedestall.

It-tliet kompartimenti ż-żgħar l-oħra fihom statwi ta' allat Induisti relatati ma' Xiva: il-konsorti tiegħu Durga, ir-rishi Agastya u Ganexa, ibnu. Statwa ta' Agastja tinsab fil-kompartiment tan-Nofsinhar, il-kompartiment tal-Punent fih statwa ta' Ganexa, filwaqt li l-kompartiment tat-Tramuntana fih statwa ta' Durga Mahisasuramardini fejn Durga tidher bħala l-qattiela tax-xitan b'għamla ta' barri. Is-santwarju ta' Durga jissejjaħ ukoll it-tempju ta' Rara Jonggrang (tfisser verġni rqiqa bil-Ġavaniż), għal-leġġenda Ġavaniża tal-prinċipessa ta' Rara Jonggrang.

Tempji ta' Braħma u Vixnu

immodifika

Iż-żewġ santwarji prinċipali l-oħra huma dawk ta' Vixnu fit-Tramuntana tas-santwarju ta' Xiva, u dak ta' Braħma fin-Nofsinhar. Iż-żewġ tempji jħarsu lejn il-Lvant u t-tnejn li huma għandhom sala kbira waħda ddedikata lill-allat rispettivi; it-tempju ta' Braħma fih l-istatwa ta' Braħma u t-tempju ta' Vixnu fih l-istatwa ta' Vixnu. It-tempji ta' Braħma u ta' Vixnu huma wesgħin 20 metru u għoljin 33 metru.

Tempji ta' Vaħana

immodifika
 
Statwa ta' barri fit-tempju ta' Nandi jew it-tempju ċentrali ta' Vaħana.

It-tliet santwarji l-oħra quddiem it-tliet tempji prinċipali huma ddedikati lill-vetturi (vaħana) tal-allat rispettivi – il-barri Nandi għal Xiva, iċ-ċinju sagru Hamsa għal Braħma, u t-tajra ta' Vixnu Garuda. Eżatt quddiem it-tempju ta' Xiva hemm it-tempju ta' Nandi, li fih statwa tal-barri Nandi. Maġenbha hemm statwi oħra wkoll, l-istatwa ta' Ċandra, l-alla tal-qamar u ta' Surja, l-alla tax-xemx. Ċandra jidher bilwieqfa fuq il-karru tiegħu miġbud minn għaxar żwiemel, l-istatwa ta' Surja tinsab ukoll bilwieqfa fuq karru iżda miġbud minn seba' żwiemel. Faċċata tat-tempju ta' Braħma hemm it-tempju ta' Hamsa jew ta' Angsa. Il-kompartiment ta' dan it-tempju ma fih l-ebda statwa, iżda x'aktarx li xi darba kien hemm statwa taċ-ċinju sagru. Quddiem it-tempju ta' Vixnu hemm it-tempju ddeddikat lil Garuda. Madankollu, bħat-tempju ta' Hamsa, it-tempju ta' Garuda ma fih l-ebda statwa, għalkemm x'aktarx xi darba kellu l-istatwa ta' Garuda. L-alla Garuda għandu rwol importanti għall-Indoneżja, huwa s-simbolu nazzjonali tal-Indoneżja, u huwa wkoll l-isem tal-linja tal-ajru ta' Garuda Indonesia.

Tempji Apit u santwarji iżgħar

immodifika
 
Tempju Apit, rikostruwit għall-ħabta tas-snin 30 tas-seklu 20.

Bejn dawn ir-ringieli tat-tempju prinċipali, fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar, hemm żewġ tempji Candi Apit. Apit bil-Ġavaniż tfisser "laterali", b'referenza għall-pożizzjoni taż-żewġ tempji maġenb il-bitħa interna fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar. Il-kompartiment fi ħdan it-tempji Apit issa huwa vojt. Mhuwiex ċar għal liema divinitajiet kienu setgħu kienu ddedikati dawn it-tempji Apit. Madankollu, meta wieħed jeżamina l-bassoriljievi fuq il-ħajt ta' barra tat-tempju Apit tan-Nofsinhar, hemm divinità femminili, x'aktarx Sarasvati, ix-Shakti (konsorti) ta' Braħma. Meta wieħed iqis il-panteon Induist irrappreżentat fit-tempji ta' Prambanan, jista' jkun li t-tempju Apit tan-Nofsinhar kien iddedikat lil Sarasvati, filwaqt li t-tempju Apit tat-Tramuntana kien iddedikat lil Lakxmi.

Apparti dawn it-tmien tempji prinċipali, hemm ukoll tmien santwarji iżgħar; erba' Candi Kelir fl-erba' punti kardinali tad-daħliet, u erba' Candi Patok fl-erba' kantunieri taż-żona ta' ġewwa. Kelir bil-Ġavaniż tfisser "ħajt diviżorju", speċjalment b'referenza għall-wayang kulit, il-"ħajt" diviżorju tad-drapp. Tirreferi għal struttura li timblokka d-dħul kardinali prinċipali tal-gopura. Hija simili għall-aling-aling fl-arkitettura ta' Bali. Patok bil-Ġavaniż tfisser "labbra tal-inxir", b'referenza għall-pożizzjoni tas-santwarji "minxura" fl-erba' kantunieri tal-kumpless intern.

Tempji Pervara

immodifika
 
Tempju pervara fil-Majjistral b'portiċi doppji, rikostruwit għall-ħabta tas-snin 30 ta-seklu 20.

Iż-żewġ perimetri mdawra bil-ħitan madwar iż-żewġ btieħi interni huma orjentati lejn l-erba' punti kardinali. Il-perimetru mdawwar bil-ħitan tat-tieni bitħa, ta' 225 metru kull naħa, jinsab madwar żona mtarrġa magħmula minn erba' ringieli ta' 44, 52, 60 u 68 tempju pervara. Rispettivament, kull tempju huwa għoli 14-il metru b'bażi ta' 6×6 metri, b'total ta' 224 struttura. Is-sittax-il tempju li jinsabu fil-kantunieri tar-ringieli huma orjentati lejn żewġ direzzjonijiet; il-208 struttura l-oħra jagħtu lejn waħda mill-erba' punti kardinali. Iż-żona ta' nofs tikkonsisti minn erba' ringieli ta' 224 santwarju żgħir individwali. Hemm ammont kbir minn dawn it-tempji, iżda l-biċċa l-kbira minnhom jinsabu fi stat ta' fdalijiet u ftit minnhom biss ġew rikostruwiti. Dawn ir-ringieli konċentriċi ta' tempji nbnew b'disinn identiku, b'turġien u b'portiċi jħarsu 'l barra, bl-eċċezzjoni tat-tempji pervara tal-kantunieri li għandhom żewġ portiċi. Kull ringiela lejn iċ-ċentru hija kemxejn olzata.

Dawn is-santwarji jissejħu "Candi Perwara" fit-tempji pervara jew Indoneżjani, jiġifieri tempji anċillari jew komplementari, li kienu binjiet addizzjonali tat-tempju prinċipali. Uħud kienu jemmnu li kienu jiġu offerti mill-mexxejja u min-nobbli reġjonali lir-re bħala sinjal ta' sottomissjoni. It-tempji pervara huma rranġati f'erba' ringieli madwar it-tempji ċentrali. Uħud kienu jemmnu li dan l-arranġament kellu x'jaqsam mal-erba' kasti, skont il-klassifikazzjoni tal-kasti tan-nies li kienu jitħallew jidħlu fihom; ir-ringiela l-iktar qrib il-kumpless ċentrali kienet aċċessibbli għall-patrijiet biss, filwaqt li t-tlieta l-oħra kienu rriżervati għan-nobbli, għall-kavallieri, u għan-nies sempliċi rispettivament. Filwaqt li oħrajn kienu jemmnu li l-erba' ringieli tat-tempju pervara ma kellhom x'jaqsmu xejn mal-erba' kasti, iżda kienu sempliċement post ta' meditazzjoni għall-patrijiet u bħala post ta' qima għad-devoti.

 
Daħla paduraksa fit-Tramuntana taż-żona ta' ġewwa tal-kumpless.

Daħliet u ħitan

immodifika

Il-biċċa l-kbira tal-ħitan tal-perimetru u tad-daħliet gapura madwar il-kumpless estern huma neqsin, u għad fadal biss traċċi tal-pedamenti tal-ħitan. Il-ħitan u d-daħliet li jiddemarkaw il-kumpless tan-nofs li fihom ir-ringieli tat-tempji pervara fil-biċċa l-kbira tagħhom għebu wkoll, bl-eċċezzjoni tad-daħla tan-Nofsinhar li ġiet rikostruwita b'suċċess.

Id-daħliet paduraksa fil-kumpless intern fil-biċċa l-kbira huma rikostruwiti; jiġifieri d-daħliet paduraksa tan-Nofsinhar, tal-Punent u tat-Tramuntana, bl-eċċezzjoni biss tad-daħla tal-Lvant li għadha ma ġietx rikostruwita.

Arkitettura

immodifika
 
Immaġni trasversali tat-tempju ta' Xiva.

L-arkitettura tat-tempji ta' Prambanan isegwu t-tradizzjonijiet arkitettoniċi Induisti tipiċi bbażati fuq il-Vastu Shastra. Id-disinn tat-tempji kien jinkorpora arranġamenti f'għamla ta' mandala kif ukoll spieri tipikament għoljin tat-tempji Induisti. Oriġinarjament it-tempji ta' Prambanan kienu msejħa Shivagrha u kienu ddedikati lill-alla Xiva. It-tempji kienu ddisinjati fuq ix-xbieha ta' Meru, il-muntanja sagra, fejn kienu jemmnu li kienu jgħammru l-allat Induisti, u l-post fejn kien jgħammar Xiva. Il-kumpless kollu tat-tempji huwa mudell tal-univers Induista skont il-kożmoloġija Induista u s-saffi ta' Loka.

Bħal Borobudur, it-tempji ta' Prambanan jirrikonoxxu wkoll il-ġerarkija taż-żoni tat-tempji, kienu jvarjaw mill-inqas sagri għall-iżjed sagri. Kull kunċett Induista u Buddista għandu t-termini tiegħu, iżda essenzjalment il-kunċetti huma identiċi. Kemm il-pjanta tas-sit tal-kumpless (orizzontalment) kif ukoll l-istruttura tat-tempji (vertikalment) jikkonsistu minn tliet żoni:

  • Bhurloka (fil-Buddiżmu: Kāmadhātu), l-inqas tempji sagri tal-mortali komuni; il-bnedmin, l-annimali kif ukoll ix-xjaten. Hawnhekk il-bnedmin ikunu għadhom maħkuma miż-żina, mix-xewqat u mill-imġiba mhux sagra tal-ħajja. Il-bitħa esterna u l-bażi ta' kull tempju jissimbolizzaw il-bhurloka.
  • Bhuvarloka (fil-Buddiżmu: Rupadhatu), it-tempji nofsana tan-nies sagri bejn l-inqas u l-iżjed tempji sagri, okkupati mir-rishi, l-axxetiċi u l-allat inferjuri. Hawnhekk in-nies jibdew jaraw id-dawl tal-verità. Il-bitħa nofsanija u l-korp ta' kull tempju jissimbolizzaw il-bhuvarloka.
  • Svarloka (fil-Buddiżmu: Arupadhatu), l-iżjed tempji għoljin u sagri, irriżervati għall-allat. Dawn huma magħrufa wkoll bħala svargaloka. Il-bitħa interna u s-saqaf ta' kull tempju jissimbolizzaw is-svarloka. Is-soqfa tat-tempji ta' Prambanan huma mżejna u inkurunati bir-ratna (bis-Sanskritu: ġojjell), u l-għamla tar-Ratna ta' Prambanan ħadet l-għamla alterata tal-vajra li tirrappreżenta d-djamanti. Fl-arkitettura antika tat-tempji ta' Ġava, Ratna hija l-kontroparti Induista tal-istupa Buddista, u kienet isservi bħala l-pinnaklu tat-tempju. Hemm iktar minn 140 tempju intern, flimkien ma' 30 tempju prinċipali.

Matul ir-restawr, ġie skopert bir li fih pripih (senduq tal-ġebel) taħt iċ-ċentru tat-tempju ta' Xiva. It-tempju prinċipali għandu bir fond 5.75 metri u fih instab senduq tal-ġebel fuq munzell karbonju, ħamrija u fdalijiet ta' għadam maħruq tal-annimali. Hemmhekk instabu folji tad-deheb bil-kitba ta' Varuna (l-alla tal-baħar) u ta' Parvata (l-alla tal-muntanji). Is-senduq tal-ġebel kien fih folji tar-ram, karbonju, ħamrija, irmied, 20 munita, ġojjelli, biċċiet tal-folji tad-deheb u tal-fidda, qxur tal-baħar u 12-il folja tad-deheb (li kienu maqtugħin f'għamla ta' fekruna tal-baħar, serp Nāga, padma, artal u bajda).

Riljievi

immodifika

Ramajana u Bagavata Purana

immodifika
 
Bassoriljiev ta' Ravana jaħtaf lil Sita filwaqt li l-Jatayu fuq ix-xellug jippruvaw jgħinuha.

It-tempju huwa mżejjen b'panewijiet ta' bassoriljievi li jirrakkontaw il-ġrajja epika Induista tar-Ramayana u tal-Bhagavata Purana. Il-panewijiet ġew imnaqqxa tul il-ħajt ta' ġewwa bil-balavostri tal-gallerija madwar it-tliet tempji prinċipali.

Il-panewijiet mal-balavostri jinqraw mix-xellug għal-lemin. Il-ġrajja tibda mid-daħla tal-Lvant fejn il-viżitaturi jduru lejn ix-xellug u jimxu madwar il-gallerija tat-tempji fid-direzzjoni tal-arloġġ. Dan jikkonforma mal-pradaksina, ir-ritwal li jsir mill-pellegrini li jduru fid-direzzjoni tal-arloġġ u jżommu s-santwarju dejjem fuq il-lemin tagħhom. Il-ġrajja tar-Ramayana tibda mal-balavostri tat-tempju ta' Xiva u tkompli fit-tempju ta' Braħma. Mal-balavostri fit-tempju ta' Vixnu hemm sensiela ta' panewijiet bil-bassoriljievi li juru l-ġrajjiet ta' Krixna mill-Bhagavata Purana.

Il-bassoriljievi tar-Ramayana juru kif Sita, il-mara ta' Rama, tinħataf minn Ravana. Ir-re xadina Ħanuman jiġi bl-armata tiegħu biex jgħin lil Rama u jsalva lil Sita. Din il-ġrajja tintwera wkoll permezz taż-żfin klassiku tar-Ramayana, li jsir regolarment kull qamar kwinta fit-teatru fil-beraħ tat-Trimurti fuq in-naħa tal-Punent tal-kumpless imdawwal ta' Prambanan.

Lokapali, Braħmini u Devati

immodifika

Fuq in-naħa l-oħra tal-panewijiet bil-bassoriljievi, il-ħajt tat-tempji tul il-galleriji kien imżejjen bi statwi u b'riljievi ta' devati u ta' għorrief Braħmini. Il-figuri tal-lokapali, il-gwardjani ċelestjali tal-punti kardinali, jinstabu fit-tempju ta' Xiva. L-edituri għorrief Braħmini ta' veda ġew imnaqqxa mal-ħajt tat-tempju ta' Braħma, filwaqt li fit-tempju ta' Vixnu maġenb id-devati divini maskili hemm żewġ apsari femminili.

 
Iljun f'niċċa b'żewġ siġar kalpataru fuq kull naħa tiegħu flimkien ma' par tof kinnaras jew annimali.

Panew ta' Prambanan: Iljun u Kalpataru

immodifika

Il-ħajt estern inferjuri ta' dawn it-tempji ġie mżejjen b'ringiela ta' niċeċ żgħar bi xbieha ta' sinha (iljun) u b'żewġ panewijiet bis-siġar kalpataru (kalpavriksha). Maġenb dawn is-siġriet sagri tat-twettiq tax-xewqat, skont it-twemmin Induista-Buddista, hemm kinnaras jew annimali fuq kull naħa, fosthom par għasafar, ċrievi, nagħaġ, xadini, żwiemel, iljunfanti, eċċ. Id-disinn ta' ljun f'niċċa maġenb is-siġar kalpataru huwa tipiku fil-kumpless tat-tempji ta' Prambanan, u għaldaqstant jissejjaħ "panew ta' Prambanan".

Leġġenda ta' Rara Jonggrang

immodifika
 
Il-bosta tempji sparpaljati ta' Prambanan ispiraw il-leġġenda lokali ta' Rara Jonggrang.

Il-leġġenda popolari ta' Rara Jonggrang tikkollega s-sit tal-Palazz ta' Ratu Boko, l-oriġini tal-istatwa ta' Durga fil-kompartiment tat-Tramuntana tas-santwarju prinċipali, mal-oriġini tal-kumpless tat-tempji ta' Sewu fil-qrib. Il-leġġenda tirrakkonta l-ġrajja tal-Prinċep Bandung Bondowoso, li sar iħobb lill-Prinċipessa Rara Jonggrang, bint ir-Re Boko. Iżda l-prinċipessa rrifjutat il-proposta taż-żwieġ tiegħu minħabba li Bandung Bondowoso kien qatel lir-Re Boko u rrenja fuq ir-renju tagħha. Bandung Bondowoso insista fuq l-unjoni tagħhom, u finalment Rara Jonggrang ġiet imġegħla taqbel maż-żwieġ, iżda imponiet kundizzjoni impossibbli: Bandung kellu jibnilha elf tempju f'lejla waħda.

Il-prinċep beda jimmedita u qajjem bosta ħlejqiet sovranaturali minn taħt l-art. Megħjun minn dawn l-ispirti, irnexxielu jibni 999 tempju. Meta l-prinċep kien wasal biex iwettaq il-kundizzjoni, il-prinċipessa qajmet lill-qaddejja tal-palazz tagħha u ordnat lin-nisa tal-villaġġ biex jitħnu r-ross u jqabbdu n-nar fil-Lvant tat-tempji, bħala tentattiv biex il-prinċep u l-ispirti jemmnu li x-xemx kienet waslet biex titla'. Malli s-sriedaq bdew jiddnu, imfixkla mid-dawl u mill-ħsejjes taż-żerniq, il-ħlejqiet sovranaturali ħarbu lura taħt l-art. Il-prinċep inkorla b'dan l-ingann u bħala tpattija għamel magħmul fuq Rara Jonggrang, u bidilha f'ġebla. Hija saret l-aħħar u l-isbaħ mill-elf statwa tat-tempji. Skont it-tradizzjonijiet, l-elf tempju mhux komplut mill-ispirti sar il-kumpless tat-tempji ta' Sewu fil-qrib (Sewu tfisser "eluf" bil-Ġavaniż), u l-Prinċipessa hija x-xbieha ta' Durga fil-kompartiment tat-Tramuntana tat-tempju ta' Xiva f'Prambanan, li għadha magħrufa bħala Rara Jonggrang jew "Xebba Rqiqa".

Tempji oħra madwar Prambanan

immodifika
 
It-tempji u s-siti arkeoloġiċi fil-Pjanura ta' Prambanan.

Il-Pjanura ta' Prambanan hija mifruxa bejn ix-xaqlibiet tan-Nofsinhar tal-vulkan Merapi fit-Tramuntana u l-katina muntanjuża ta' Sewu fin-Nofsinhar, qrib il-fruntiera attwali tal-provinċja ta' Yogyakarta u d-Distrett ta' Klaten, fil-Ġava Ċentrali. Apparti l-kumpless ta' Lara Jonggrang, il-pjanura, il-wied u l-għoljiet ta' Prambanan, fil-madwar jinsabu wħud mill-iżjed tempji Buddisti bikrin fl-Indoneżja. Mhux 'il bogħod mit-Tramuntana hemm il-fdalijiet tat-tempju ta' Bubrah, it-tempju ta' Lumbung, u t-tempju ta' Sewu. Iktar fil-Lvant hemm it-tempju ta' Plaosan. Fil-Punent hemm it-tempju ta' Kalasan u t-tempju ta' Sari, u iktar lejn il-Punent hemm it-tempju ta' Sambisari. Fin-Nofsinhar il-kumpless ta' Ratu Boko jinsab fuq art iktar għolja. L-iskoperti ta' siti arkeoloġiċi ftit mili 'l bogħod minn xulxin jissuġġerixxu li din iż-żona kienet ċentru urban reliġjuż, politiku u urban importanti.

 
It-tempju Buddist ta' Sewu fi ħdan il-park arkeoloġiku ta' Prambanan b'rabta mal-leġġenda lokali ta' Loro Jonggrang.

Fit-Tramuntana tal-kumpless ta' Lara Jongrang

  • Lumbung. Għandu stil Buddist u jikkonsisti minn tempju wieħed imdawwar b'16-il tempju iżgħar.
  • Bubrah. Tempju Buddist li ġie rikostruwit bejn l-2011 u l-2017.
  • Sewu. Kumpless ta' tempji Buddisti; iktar antik minn Roro Jonggrang. Huwa santwarju prinċipali mdawwar b'bosta tempji iżgħar. Fih statwi ta' gwardjani ppreservati tajjeb ħafna; hemm repliki tagħhom weqfin fil-bitħa ċentrali f'Jogja Kraton.
  • Morangan. Kumpless ta' tempji Induisti mirduma diversi metri taħt l-irmied vulkaniku; jinsab fil-Majjistral ta' Prambanan.
  • Plaosan. Tempji Buddisti, x'aktarx tas-seklu 9. Huma maħsuba li nbnew minn re Induista għar-reġina Buddista tiegħu. Żewġ tempji prinċipali fihom riljievi mill-isbaħ ta' Boddhisatva u ta' Tara, kif ukoll ringieli ta' stupi rqaq.

Fin-Nofsinhar tal-kumpless ta' Lara Jongrang

  • Ratu Boko. Kumpless ta' daħliet iffortifikati, vaski u ħajt għoli tal-ġebel mad-dawra tiegħu, kollha fuq il-quċċata ta' għolja.
  • Sajiwan. Tempju Buddista mżejjen bil-bassoriljievi bil-Jataka rigward l-edukazzjoni. Il-bażi u t-taraġ huma mżejna bi ġrajjiet tal-annimali.
  • Banyunibo. Tempju Buddista msaqqaf b'disinn uniku.
  • Barong. Kumpless ta' tempji Induisti b'bitħa mtarrġa kbira tal-ġebel, li jinsab fuq ix-xaqliba ta' għolja.
  • Ijo. Raggruppament ta' tempji Induisti qrib il-quċċata tal-għolja ta' Ijo. It-tempju prinċipali fih lingam u yoni kbar.
  • Arca Bugisan. Seba' statwi ta' Buddha u ta' Bodhisattva, uħud imġarrfin, b'pożi u b'espressjonijiet differenti.

Fil-Punent tal-kumpless ta' Lara Jongrang

  • Kalasan. Tempju Buddist tas-seklu 8 iddedikat lill-Boddhisattvadevi Tara. L-eqdem tempju fil-pjanura ta' Prambanan, imżejjen b'riljievi mnaqqxin b'mod elaborat.
  • Sari. Fl-imgħoddi kien santwarju għall-patrijiet Buddisti. Tempju tas-seklu 8 b'disa' stupi fuq nett u b'żewġ kompartimenti isfel, it-tnejn maħsuba bħala postijiet ta' meditazzjoni għall-patrijiet.
  • Sambisari. Tempju tas-seklu 9 skopert fl-1966; fl-imgħoddi kien mirdum taħt 6.5 metri ta' rmied vulkaniku. It-tempju prinċipali fih linga u yoni, u l-ħajt ta' madwaru kien fih ix-xbihat ta' Agastja, Durga u Ganexa.
  • Gebang. Tempju Induista żgħir skopert fl-1937 li jinsab qrib it-triq prinċipali tat-Tramuntana ta' Yogyakarta. It-tempju fih l-istatwa ta' Ganexa u t-tinqix interessanti ta' wċuħ fis-sezzjoni tas-saqaf.
  • Gana. Fdalijiet ta' tempju b'bosta riljievi u ġebel skolpit. Fih bosta rappreżentazzjonijiet ta' nani gana b'idejhom mgħollijin. Jinsab fil-Lvant mit-tempju ta' Sewu, fin-nofs ta' kumpless ta' abitazzjonijiet. Ilu jiġi rrestawrat mill-1997.
  • Kedulan. Tempju Induista skopert fl-1994 taħt erba' metri ta' ramel. L-istil arkitettoniku huwa kemxejn identiku għat-tempju ta' Sambisari fil-qrib.

Gallerija

immodifika

Gallerija tar-riljievi

immodifika

Gallerija ta' Prambanan

immodifika

Ara wkoll

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Prambanan Temple Compounds". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-05-24.
  2. ^ "Prambanan Temple Complex". web.archive.org. 2011-10-06. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-10-06. Miġbur 2023-05-24.
  3. ^ "Prambanan Temple Tourism". www.indonesia-tourism.com. Miġbur 2023-05-24.
  4. ^ "Prambanan | For UNESCO World Heritage Travellers". www.worldheritagesite.org. Miġbur 2023-05-24.
  5. ^ Tjahjono Prasodjo; Thomas M. Hunter; Véronique Degroot; Cecelia Levin; Alessandra Lopez y Royo; Inajati Adrisijanti; Timbul Haryono; Julianti Lakshmi Parani; Gunadi Kasnowihardjo; Helly Minarti (2013). Magical Prambanan. Yo. p. 22.
  6. ^ "Alur Sungai Opak di Candi Prambanan Pernah Dibelokkan". Tribunnews.com (bl-Indoneżjan). 2023-05-24. Miġbur 2023-05-24.
  7. ^ Soetarno, Drs. R. second edition (2002). Aneka Candi Kuno di Indonesia (Ancient Temples in Indonesia), pp. 16. Dahara Prize. Semarang. ISBN 979-501-098-0.