Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fl-Iżvizzera
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] L-Iżvizzera rratifikat l-Konvenzjoni fis-17 ta' Settembru 1975.[3]
Mill-2021, l-Iżvizzera għandha 13-il Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, disa' kulturali u erba' naturali. L-ewwel tliet siti li tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983 kienu l-Belt Antika ta' Bern, l-Abbazija ta' Sankt Gallen, u l-Kunvent Benedittin ta' San Ġwann f'Müstair. L-iżjed sit reċenti kienu ż-żewġ foresti li żdiedu mal-Foresti Antiki u Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji u ta' Reġjuni Oħra tal-Ewropa fl-2021. B'kollox hemm ħames siti transnazzjonali: il-Linji Ferrovjarji Retiċi u Monte San Giorgio huma kondiviżi mal-Italja, is-Siti Preistoriċi bil-puntali madwar l-Alpi huma kondiviżi ma' ħames pajjiżi oħra, ix-Xogħol Arkitettoniku ta' Le Corbusier huwa kondiviż ma' sitt pajjiżi oħra, u l-Foresti Antiki u Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji u ta' Reġjuni Oħra tal-Ewropa huma kondiviżi ma' 17-il pajjiż.
Siti ta' Wirt Dinji
immodifikaL-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali.[4]
NB: * Siti transnazzjonali (bl-ikħal)
Sit | Stampa | Post (kanton) | Sena tad-deżinjazzjoni | Kriterji tal-Għażla | Deskrizzjoni |
---|---|---|---|---|---|
Belt Antika ta' Bern | Bern | 1983 | iii (kulturali) | Bern ġiet stabbilita fis-seklu 12 fuq għolja mdawra mix-xmara Aare minn tliet naħat. Matul is-sekli, il-belt żviluppat skont kunċett tal-ippjanar eċċezzjonalment koerenti, u b'hekk żammet il-karattru oriġinali tagħha. Il-belt Medjevali esperjenzat l-introduzzjoni tal-funtani tal-ilma fis-seklu 16 u r-rinnovament u rikostruzzjoni tal-binjiet antiki fis-seklu 18.[5] | |
Abbazija ta' Sankt Gallen | Sankt Gallen | 1983 | ii, iv (kulturali) | L-Abbazija Karolinġja ta' Sankt Gallen ġiet stabbilita fis-seklu 8 u ġiet sekolarizzata fl-1805. Kienet wieħed mill-iżjed monasteri importanti fl-Ewropa. Il-librerija tagħha hija waħda mill-eqdem u l-iżjed rikki fid-dinja u fiha għadd ta' manuskritti prezzjużi, bħall-Pjanta ta' Sankt Gallen. Partijiet mill-binja ġew rikostruwiti bl-istil Barokk fis-seklu 18.[6] | |
Kunvent Benedittin ta' San Ġwann f'Müstair | Grisons | 1983 | iii (kulturali) | Il-Kunvent ta' Müstair huwa monasteru Kristjan tal-perjodu Karolinġju, u ġie stabbilit għall-ħabta tas-775. Il-knisja tospita l-aqwa sensiela ta' affreski figurattivi fl-Iżvizzera, li ġew impittra fl-ewwel nofs tas-seklu 9. Xi affreski ġew impittrin fuq xulxin iżda ġew restawrati fis-seklu 20. Mis-seklu 12, il-kunvent intuża bħala ċentru reliġjuż għas-sorijiet Benedittini.[7] | |
Tliet Kastelli, Ħajt Difensiv u s-Swar tar-Raħal Merkantili ta' Bellinzona | Ticino | 2000 | iv (kulturali) | Il-fortifikazzjonijiet ta' Bellinzona pproteġew id-daħla għall-wied ta' Ticino kif ukoll l-aċċess għal waħda mill-iżjed mogħdijiet muntanjużi importanti tal-Alpi, li twassal għat-Tramuntana tal-Italja. Il-biċċa l-kbira tal-fortifikazzjonijiet imorru lura għas-seklu 15, għalkemm xi partijiet imorru lura għal sekli sħaħ. Is-sit jinkludi żewġ kastelli, Castelgrande u Montebello, li huma kkollegati bi swar, u t-tielet kastell, Sasso Corbaro, li nbena fuq promontorju tal-blat iżolat. Is-sit jinsab f'qagħda eċċellenti ta' konservazzjoni.[8] | |
Alpi Żvizzeri ta' Jungfrau-Aletsch | Bern u Valais | 2001 | vii, viii, ix (naturali) | Dan is-sit jinkorpora waħda mill-ogħla żoni bil-glaċieri fl-Alpi, bi qċaċet bħal Eiger, Mönch, u Jungfrau. Jipprovdi rekord ġeomorfoloġiku tal-proċessi li sawru l-Alpi Għoljin, kif ukoll ħabitat għal diversità ta' annimali u ta' pjanti, li żviluppa f'suċċessjoni ta' avvenimenti wara li rtiraw il-glaċieri. Il-pajsaġġ kellu rwol importanti fl-iżvilupp tat-turiżmu Alpin u tat-tixbit, kif ukoll tal-letteratura u tal-arti. Oriġinarjament, dan is-sit ġie elenkat fl-2001, u fl-2007 il-konfini tas-sit twessgħu.[9] | |
Monte San Giorgio* | Ticino | 2003 | viii (naturali) | Monte San Giorgio, faċċata tal-Lag ta' Lugano, jitqies bħala l-aqwa rekord ta' fossili tal-ħajja tal-baħar mill-Perjodu Triassiku (245-230 miljun sena ilu). F'dak il-perjodu, iż-żona kienet laguna tropikali, li kienet tiffjorixxi bir-rettili, bil-ħut, bil-bivalvi, bl-ammoniti, bl-ekinodermi, u bil-krustaċji. Il-fossili tal-annimali terrestri huma ppreservati wkoll, peress li l-laguna kienet qrib l-art. Il-parti tal-proprjetà fl-Iżvizzera ġiet elenkata fl-2003 u s-sit ġie estiż biex tiġi inkluża l-parti Taljana fl-2010.[10] | |
Vinji Mtarrġa ta' Lavaux | Vaud | 2007 | iii, iv, v (kulturali) | Il-Vinji Mtarrġa ta' Lavaux huma estiżi għal madwar 30 kilometru (19-il mil) tul ix-xtut tat-Tramuntana li jħarsu lejn in-Nofsinhar tal-Lag ta' Ġinevra mill-Kastell ta' Chillon sal-limiti tal-Lvant ta' Lausanne. Imorru lura għas-seklu 11, meta ż-żona kienet ikkontrollata mill-monasteri Benedittini u taċ-Ċisterċensi. L-inbid kien importanti għall-ekonomija lokali matul is-sekli. Iż-żona protetta tinkludi l-villaġġi, il-binjiet individwali, it-toroq u l-mogħdijiet bil-mixi.[11] | |
Linji tal-Kumpanija Ferrovjarja Retika fil-Pajsaġġi ta' Albula / Bernina* | Grisons | 2008 | ii, iv (kulturali) | Il-linji tal-Kumpanija Ferrovjarja Retika fil-pajsaġġi ta' Albula u Bernina huma żewġ linji ferrovjarji storiċi li jaqsmu l-Alpi Żvizzeri. Inbnew fil-bidu tas-seklu 20 biex jipprovdu rottat rapida u faċli lejn bosta insedjamenti Alpini li qabel kienu iżolati. Sabiex il-linji ferrovjarji nbnew, kellhom jingħelbu sfidi tekniċi permezz ta' pontijiet, galleriji u mini. Is-sit huwa kondiviż mal-Italja.[12] | |
Arena Tettonika Żvizzera ta' Sardona | Grisons, Glarus, Sankt Gallen | 2008 | viii (naturali) | L-Alpi ta' Glarus huma kkaratterizzati minn fenomenu ġeoloġiku ewlieni fejn il-blat l-iktar antik tela' fuq is-saffi iktar reċenti fil-proċess tal-formazzjoni tal-muntanji. Peress li din iż-żona hija aċċessibbli ferm, kellha rwol importanti fl-istudji tal-proċessi tettoniċi u tax-xjenzi ġeoloġiċi mis-seklu 18.[13] | |
La Chaux-de-Fonds / Le Locle, l-Ippjanar tal-Irħula tal-Produzzjoni tal-Arloġġi | Neuchâtel | 2009 | iv (kulturali) | Iż-żewġ irħula jinsabu fil-Muntanji Żvizzeri ta' Jura. Minħabba l-art agrikola batuta, l-irħula ffokaw fuq il-produzzjoni tal-arloġġi. Wara n-nirien li ħakmu l-irħula fis-seklu 19, iż-żewġ irħula ġew rikostruwiti biex isostnu din l-industrija unika. Il-produzzjoni artiġjanali ta' industrija bid-djar rurali żviluppat fl-industrija tal-fabbriki tal-aħħar tas-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20. Ir-raħal ta' La Chaux-de-Fonds, bid-diviżjoni tax-xogħol fl-industrija tal-produzzjoni tal-arloġġi, ġiet studjata minn Karl Marx bħala "raħal enormi tal-fabbriki" fil-ktieb tiegħu Das Kapital.[14] | |
Siti Preistoriċi bil-Puntali madwar l-Alpi* | 56 komponent | 2011 | iv, v (kulturali) | Dan is-sit transnazzjonali (kondiviż mal-Awstrija, ma' Franza, mal-Ġermanja, mas-Slovenja u mal-Italja) fih 111-il sit individwali bil-fdalijiet ta' abitazzjonijiet preistoriċi bil-puntali ta' insedjamenti preistoriċi madwar l-Alpi, li nbnew mill-5000 sal-500 Q.K. f'xifer il-lagi, ix-xmajjar jew l-artijiet mistagħdra. Fihom minjiera ta' informazzjoni dwar il-ħajja u l-kummerċ fil-kulturi agrarji Neolitiċi u ta' Żmien il-Bronż fl-Ewropa Alpina. Fl-Iżvizzera hemm 56 komponent.[15] | |
Ix-Xogħol Arkitettoniku ta' Le Corbusier, Kontribut Straordinarju għall-Moviment tal-Moderniżmu* | Vaud, Ġinevra | 2016 | i, ii, vi (kulturali) | Dan is-sit transnazzjonali (kondiviż mal-Arġentina, mal-Belġju, ma' Franza, mal-Ġermanja, mal-Indja, u mal-Ġappun) jinkludi 17-il binja tal-arkitett Franċiż-Żvizzeru Le Corbusier. Le Corbusier kien rappreżentant importanti tal-moviment tal-Moderniżmu, li introduċa tekniki arkitettoniċi ġodda sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-soċjetà li kienet qed tinbidel. Iż-żewġ komponenti li jinsabu fl-Iżvizzera huma Immeuble Clarté u Villa Le Lac.[16] | |
Foresti Antiki u Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji u ta' Reġjuni Oħra tal-Ewropa* | Ticino, Solothurn | 2017 | ix (naturali) | Il-Foresti Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji jintużaw biex jiġi studjat it-tifrix tas-siġar tal-fagu (Fagus sylvatica) fl-Emisferu tat-Tramuntana f'varjetà ta' ambjenti u l-ambjent fil-foresti. Is-sit tniżżel għall-ewwel darba fl-2007 b'komponenti mis-Slovakkja u mill-Ukrajna. Ġie estiż fl-2011, fl-2017, u fl-2021 biex jiġu inklużi l-foresti f'total ta' 18-il pajjiż. Żewġ foresti fl-Iżvizzera żdiedu fl-2021, Forêt de la Vallée de Lodano u Forêt de la Bettlachstock.[17] |
Referenzi
immodifika- ^ "UNESCO World Heritage Centre - The World Heritage Convention". web.archive.org. 2016-08-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-27. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "UNESCO World Heritage Centre - Convention Concerning the Protection of the World Cultural and Natural Heritage". web.archive.org. 2021-02-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-02-01. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Italy - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2021-12-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-01-19. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "UNESCO World Heritage Centre - The Criteria for Selection". web.archive.org. 2016-06-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-12. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Old City of Berne". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Abbey of St Gall". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Benedictine Convent of St John at Müstair". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Three Castles, Defensive Wall and Ramparts of the Market-Town of Bellinzona". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Swiss Alps Jungfrau-Aletsch". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Monte San Giorgio". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Lavaux, Vineyard Terraces". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Rhaetian Railway in the Albula / Bernina Landscapes". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Swiss Tectonic Arena Sardona". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "La Chaux-de-Fonds / Le Locle, Watchmaking Town Planning". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Prehistoric Pile Dwellings around the Alps". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "The Architectural Work of Le Corbusier, an Outstanding Contribution to the Modern Movement". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ "Primeval Beech Forests of the Carpathians and the Ancient Beech Forests of Germany - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2012-03-02. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-03-24. Miġbur 2023-08-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)