Arena Tettonika Żvizzera ta' Sardona
L-Arena Tettonika Żvizzera ta' Sardona (bl-Ingliż: Swiss Tectonic Arena Sardona jew Glarus thrust; bil-Ġermaniż: Glarner Überschiebung) hija żona tettonika ewlenija fl-Alpi tal-Lvant tal-Iżvizzera. Tul iż-żona tettonika, is-saffi tal-blat Żvizzeri ġew olzati laġenba għal iktar minn 100 kilometru lejn it-Tramuntana, 'il fuq mill-Aarmassif estern u l-kumpless Infraelvetiku. L-Arena Tettonika Żvizzera ta' Sardona tifforma l-kuntatt bejn saffi tal-blat Permo-Triassiċi (Żvizzeri) iktar antiki tal-grupp ta' Verrucano u s-saffi (esterni) tal-ġebla tal-ġir inqas antiki (Ġurassiċi u Kretaċji) u s-saffi tal-flysch u tal-molasse Paleoġeniċi.
Iż-żona tettonika ta' Sardona hija mifruxa fuq żona relattivament kbira fil-kantons ta' Glarus, St. Gallen u Graubünden, minħabba l-orjentazzjoni orizzontali tagħha u r-riljiev lokali għoli. Fost il-qċaċet ippuntati l-iktar famużi hemm dawk ta' Lochsite qrib Glarus (ir-raħal) u dik ta' rdum muntanjuż imsejjaħ Tschingelhörner bejn Elm u Flims (fl-istess irdum hemm toqba naturali fil-muntanji magħrufa bħala Martinsloch).
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaFenomeni tettoniċi ta' dan it-tip huma pjuttost komuni f'bosta ktajjen muntanjużi madwar id-dinja, iżda l-Arena Tettonika Żvizzera ta' Sardona hija aċċessibbli ferm u b'hekk kellha rwol importanti fl-iżvilupp tal-għarfien ġeoloġiku dwar il-ħolqien tal-muntanji. Għal din ir-raġuni, iż-żona tettonika fejn tinsab l-arena ġiet iddikjarata bħala żona ġeotopika u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Din iż-żona tettonika fiha 32,850 ettaru ta' pajsaġġ prinċipalment muntanjuż fi 19-il komunità bejn Surselva, Linthtal u Walensee. Fl-arena hemm għadd ta' qċaċet ogħla minn 3,000 metru, bħas-Surenstock (bir-Romansh: Piz Sardona, li minnha ġej isem l-arena), ir-Ringelspitz u l-Pizol.
Fl-2006 il-gvern Żvizzeru għamel l-ewwel proposta biex jiddikjara r-reġjun bħala Sit ta' Wirt Dinji lill-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN). Dak iż-żmien l-IUCN ma ħassitx li ż-żona kellha valur universali straordinarju u rrifjutat il-proposta. L-Iżvizzeri ma qatgħux qalbhom u ressqu proposta oħra f'Marzu 2008, u din id-darba l-proposta ntlaqgħet.
Is-sit ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Lulju 2008.[1][2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut minħabba li "ż-żona hija eżempju eċċellenti ta' ħolqien ta' muntanji permezz ta' kolliżjoni kontinentali u fiha sezzjonijiet b'karatteristiċi ġeoloġiċi u tettoniċi eċċellenti". Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[3]
Il-Mużew Amerikan tal-Istorja Naturali fi New York fih rikostruzzjoni fuq skala kbira tal-Arena Tettonika Żvizzera ta' Sardona.[4]
Storja
immodifikaL-ewwel naturalista li eżamina ż-żona tettonika kien Hans Conrad Escher von der Linth (1767-1823). Escher von der Linth skopra li, kuntrarjament għal-liġi ta' sovrapożizzjoni ta' Steno, is-saffi tal-blat iktar antiki jinsabu fuq is-saffi tal-blat inqas antiki f'ċertu punti tal-Arena Tettonika Żvizzera ta' Sardona. Ibnu Arnold Escher von der Linth (1807-1872), l-ewwel professur tal-ġeoloġijafl-ETH ta' Zürich, immappja l-istruttura f'iktar dettall u kkonkluda li setgħet tkun żona tettonika fuq l-art olzat u tħarbtet bil-kbir. Dak iż-żmien, il-biċċa l-kbira tal-ġeologi kienu jemmnu fit-teorija tal-ġeosinklini, li tiddikjara li l-muntanji jiffurmaw permezz ta' movimenti vertikali fi ħdan il-qoxra tad-Dinja. Escher von der Linth għaldaqstant kellha biċċa għadma iebsa biex jispjega d-daqs taż-żona tettonika kif inhi. Fl-1848 huwa stieden lill-ġeologu Brittaniku Roderick Murchison, awtorità internazzjonali, biex jiġi jagħti titwila lill-istruttura. Murchison kien familjari ma' fenomeni tettoniċi simili fl-Iskozja u qabel mal-interpretazzjoni ta' Escher. Madankollu, Escher innifsu ħassu insikur dwar l-idea tiegħu stess u meta ppubblika l-osservazzjonijiet tiegħu fl-1866, u minflok interpreta l-Arena Tettonika Żvizzera ta' Sardona bħala żewġ antiklini dojoq li kienu ta' taħt fuq. Din l-ipoteżi kienet pjuttost assurda, kif ammetta hu stess privatament.
Is-suċċessur ta' Escher bħala professur fi Zürich, Albert Heim (1849-1937), inizjalment żamm mal-interpretazzjoni tal-predeċessur tiegħu ta' żewġ antiklini. Madankollu, xi ġeologi kien favur l-idea ta' arena tettonika. Wieħed minnhom kien Marcel Alexandre Bertrand (1847-1907), li interpreta l-istruttura fl-1884, wara li qara l-osservazzjonijiet ta' Heims. Bertrand kien midħla tal-Faille du Midi (l-oroġenija Variskana), arena tettonika kbira fl-Ardennes tal-Belġju. Sadanittant, ġeologi Brittaniċi bdew jirrikonoxxu n-natura tal-areni tettoniċi fil-Highlands Skoċċiżi. Fl-1883, Archibald Geikie aċċetta li l-Highlands huma sistema ta' areni tettoniċi. Imbagħad fl-1893 il-ġeologi Żvizzeri Hans Schardt u Maurice Lugeon skoprew li fil-Punent tal-Iżvizzera s-saffi tal-blat Ġurassiċi jinsabu fuq is-saffi tal-molasse inqas antiki wkoll, u argumentaw li l-istruttura tal-Alpi hija ġabra kbira ta' saffi kbar tal-blat li ġew olzati u mħarbta fuq xulxin. Fil-bidu tas-seklu 20, Heim kien konvint ukoll mit-teorija l-ġdida. Hu u ġeologi Żvizzeri oħra bdew jimmappjaw is-saffi tal-blat tal-Iżvizzera f'iktar dettall. Minn dak il-mument 'il quddiem, il-ġeologi bdew jirrikonoxxu l-areni tettoniċi f'bosta ktajjen muntanjużi madwar id-dinja.
Madankollu, xorta waħda ma kienx hemm għarfien dwar minn fejn ġew il-forzi enormi li ċaqilqu s-saffi tal-blat b'dak il-mod. Instabet spjegazzjoni biss bil-wasla tat-teorija tat-tettonika tal-plakek fis-snin 50 tas-seklu 20. Fit-tettonika tal-plakek, il-moviment orizzontali tal-plakek tettoniċi fuq l-astenosfera ratba tad-Dinja jikkawża forzi orizzontali fi ħdan il-qoxra tad-Dinja. Attwalment il-ġeologi jemmnu li l-biċċa l-kbira tal-ktajjen muntanjużi jiġu ffurmati permezz ta' movimenti konverġenti bejn il-plakek tettoniċi.
Referenzi
immodifika- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Swiss Tectonic Arena Sardona". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-06-29.
- ^ "Homepage – UNESCO-Welterbe Tektonikarena Sardona" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-06-29.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Swiss Tectonic Arena Sardona". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-06-29.
- ^ "Homepage – UNESCO-Welterbe Tektonikarena Sardona" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-06-29.