Kastelli ta' Bellinzona
Il-Kastelli ta' Bellinzona huma grupp ta' fortifikazzjonijiet li jinsabu madwar ir-raħal ta' Bellinzona, il-kapitali tal-kanton Żvizzeru ta' Ticino. Il-grupp ta' fortifikazzjonijiet jinsabu fil-widien u fl-għoljiet ta' qabel l-Alpi, u huma magħmula minn swar iffortifikati u tliet kastelli: Castelgrande, Montebello u Sasso Corbaro. Castelgrande jinsab fuq irdum tal-blat b'veduta panoramika tal-wied kollu, u b'sensiela ta' swar li jħarsu l-belt antika u jikkollegawh ma' Montebello. Sasso Corbaro, l-ogħla wieħed mit-tliet kastelli, jinsab fuq promontorju tal-blat iżolat lejn ix-Xlokk meta mqabbel maż-żewġ kastelli l-oħra. Il-Kastelli ta' Bellinzona bis-swar difensivi tagħhom tniżżlu fil-lista ta' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[1]
Storja
immodifikaPreistorja u Żmien ir-Rumani
immodifikaBellinzona dejjem kellha pożizzjoni ġeografika importanti fl-Alpi Żvizzeri. Ir-raħal jinsab ftit kilometri fin-Nofsinhar ta' Arbedo, fejn jiltaqgħu Ticino u Moesa. Diversi mogħdijiet u rotot muntanjużi ewlenin tal-Alpi, li jikkollegaw it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Ewropa, fosthom Nufenen, San Gottardo, Lukmanier u San Bernardino, jiltaqgħu kollha fiż-żona madwar Bellinzona u b'hekk minn dejjem kienet ċentru kummerċjali prinċipali.
Filwaqt li r-reġjun kien okkupat min-Neolitiku bikri, l-ewwel forti nbena lejn l-aħħar tal-ewwel seklu Q.K. fuq l-għolja tal-blat magħrufa bħala Castelgrande matul ir-renju tal-Imperatur Ruman Awgustu. Għalkemm il-forti ġie mitluq fis-sekli ta' wara, ġie rikostruwit u mkabbar ferm fis-seklu 4 W.K. Matul ir-renju ta' Djoklezjanu u Kostantinu nbnew katina ta' kastelli u torrijiet tal-għassa biex jipproteġu t-Tramuntana tal-Italja mill-invażjonijiet. Il-pożizzjoni ta' Bellinzona ġiet rikonoxxuta bħala punt kruċjali fid-difiżi u nbena kastell kbir fuq l-għolja magħrufa bħala Castelgrande. Dan il-kastell, li sar magħruf bl-istess isem tal-għolja, li kien jiflaħ mitt ruħ fih ġie ttestjat fl-475 W.K. meta formazzjoni ta' 900 suldat Alemanniku tilfet kontra gwarniġjon iżgħar tal-kastell.[2]
Wara l-waqgħa tal-Imperu Ruman tal-Punent, l-istati suċċessuri, li kienu jinkludu l-Ostrogoti għall-ħabta tal-500 W.K., l-Imperu Biżantin tal-Lvant għall-ħabta tas-seklu 6, u l-Longobardi mill-568/570, kollha kemm huma ħadu l-kontroll ta' Bellinzona u użaw lil Castelgrande biex ikollhom kontroll fuq il-mogħdijiet u r-rotot muntanjużi tal-madwar. Taħt il-Longobardi, Bellinzona kellha gwarniġjon permanenti biex ir-reġjun ikun protett mill-attakki tat-tribujiet Franki u Alemanniċi. L-istoriku, Gregorju ta' Tours jiddokumenta li invażjoni tal-Franki fil-590 W.K. intemmet meta ltaqgħet ma' reżistenza qalila mid-difensuri Longobardi tal-kastell. Skont leġġenda, lanza li ntefgħet minn difensur qatlet il-kmandant tal-attakk u temmet l-invażjoni. Minn Bellinzona l-Longobardi kienu jikkontrollaw it-traffiku tul ir-rotta kummerċjali importanti minn Varese sa Ponte Tresa, ir-Rotta Muntanjuża ta' Monte Ceneri, Biasca u finalment ir-Rotta Muntanjuża ta' Lukmanier sa Chur. Xi riċerkaturi jemmnu li Bellinzona setgħet kienet il-kapitali ta' kontea li kienet tinkludi l-biċċa l-kbira tal-widien f'Ticino.[2]
Għall-ħabta tas-774 W.K., ir-Renju tal-Franki (li mbagħad sar l-Imperu Karolinġju) kiseb il-kontroll tal-wied ta' Ticino, inkluż Bellinzona. Castelgrande ġie mkabbar b'kappella, appartamenti, torrijiet u barrakki. Il-binjiet u s-swar iktar antiki ġew rikostruwiti u msaħħa. Madankollu, il-parti tan-Nofsinhar tal-kastell inqerdet x'aktarx b'xi nirien aċċidentali għall-ħabta tat-800 W.K.
Medju Evu Bikri
immodifikaMadwar żewġ sekli wara, l-Imperatur Ruman Sagru Otto III, f'tentattiv li jerġa' jikseb is-setgħa tal-glorja ta' Ruma tal-qedem u li jespandi lejn l-Italja, fetaħ il-mogħdijiet muntanjużi ta' Lukmanier u ta' San Bernardo. Il-kontroll ta' Bellinzona kien kruċjali għal din l-espansjoni. Bellinzona ttieħdet minn Milan u ngħatat bħala rigal lill-Isqof ta' Como, li appoġġa lid-dinastija Otto. Fl-1002, wara l-mewt ta' Otto III, il-Markiż Arduino ta' Ivrea ddikjara lilu nnifsu bħala r-Re tal-Italja u rratifika s-sjieda tal-isqof fuq Castelgrande. Sentejn wara, wara li Arduino kien tilef kontra Enriku II, ir-Re tal-Ġermanja, Enriku II reġa' rratifika r-rigal ta' Castlegrande lill-Isqof ta' Como. L-isqof kien is-sid tal-parti ta' ġewwa biss tal-kastell, li saret magħrufa bħala l-Palazz tal-Isqof. Madankollu, ħafna min-nobbli fil-qorti tal-isqof ikkummissjonaw torrijiet u binjiet fi ħdan l-artijiet tal-kastell.[1]
Kunflitti bejn il-Papa u l-Imperatur
immodifikaTaħt il-familja Visconti, Bellinzona ffjorixxiet u Castelgrande ġie mkabbar.
Matul il-Kontroversja tal-Investitura tal-aħħar tas-seklu 11, Bellinzona u l-kastell tagħha spiċċaw taħt il-kontroll tal-familja Hohenstaufen ta' Swabja. Madankollu, fl-1180, Federiku I (Barbarossa) qiegħed il-belt taħt il-ġurisdizzjoni tal-belt ta' Como.[1] Fis-snin ta' wara, Como kellha x-xejra li tappoġġa lill-Papa fil-kunflitti tiegħu mal-Imperu Ruman Sagru. Madankollu, fl-1239, Como żammet mal-Imperatur Federiku II li malajr ċaqlaq il-forzi armati tiegħu f'Bellinzona u saħħaħ lil Castelgrande. Fl-1242, Milan bagħtet forzi Gwelfi (favur il-Papat) taħt il-kmand ta' Simone di Orello biex jieħu l-kontroll ta' Bellinzona. Il-belt u l-kastell ittieħdu u dan dgħajjef lill-Imperatur fin-Nofsinhar tal-Alpi. Madankollu, Bellinzona reġgħet taħt il-ġurisdizzjoni ta' Como fl-1249. Il-kunflitti fit-Tramuntana tal-Italja komplew, Castelgrande ġie assedjat diversi drabi fl-1284, fl-1292 u fl-1303. Matul dan iż-żmien, il-familja Rusca f'Como, li kienet familja Gibellina jew pro-Imperjali, iġġieldet kontra s-setgħa dejjem tikber ta' Milan taħt il-familja Visconti li kienet favur il-Papat, iżda ma tantx kellha suċċess. Għall-ħabta tal-aħħar tas-seklu 13, il-familja Rusca bniet kastell ieħor, Montebello, f'Bellinzona, taħt il-kontroll tagħha. Din kienet għażla tajba għaliex sal-1335 il-familja Rusca tkeċċiet minn Como u kellha tirtira f'Bellinzona. Ħames snin wara, fl-1340, Milan assedjat lil Bellinzona. Wara assedju twil, Milan ħarġet rebbieħa iżda l-familja Rusca tħalliet iżżomm lil Montebello. Il-familji favur il-Papat f'Milan iddominaw lil Bellinzona għal seklu u nofs, għalkemm il-familja Rusca pro-Imperjali xorta waħda okkupat parti minn Bellinzona.[1]
Espansjoni ta' Bellinzona taħt Milan
immodifikaTaħt il-kontroll tal-familja Visconti, il-kummerċ tkattar u Bellinzona kibret. Wara li nfetaħ il-pont ta' Schöllenen, it-traffiku fil-mogħdija muntanjuża ta' San Gottardo żdied għall-ogħla livelli. Matul it-tieni nofs tas-seklu 14, swar twal, magħrufa bħala l-Murata, inbnew tul il-wied kollu tat-Ticino, b'wisa' fil-bażi ta' madwar kilometru f'Bellinzona. Dawn is-swar ippermettew lil Milan tipproteġi u tintaxxa r-rotta kummerċjali tul il-mogħdija muntanjuża ta' San Gottardo. Meta Bellinzona kienet ikkontrollata minn Milan permezz tal-familja Visconti wara l-1340, il-familja Visconti ma kellhiex titlu formali u drittijiet fewdali sal-1396, meta dawn ingħataw mir-Re Wenceslaus. Madankollu, it-tkabbar gradwali ta' Bellinzona ġie mhedded fl-1402 meta miet id-Duka Gian Galeazzo Visconti. Fl-1403 Bellinzona ttieħdet taħt il-kontroll ta' Alberto di Sacco minn Val Mesolcina. Huwa kellu l-kontroll ta' Bellinzona sal-1419 meta nħakmet minn Uri u Obwalden li kienu espandew fil-Wied ta' Leventina. Milan attakkat lil Bellinzona tliet snin wara fl-1422 wara offerta biex tixtri l-belt ġiet irrifjutata mill-Konfederazzjoni Żvizzera. It-truppi minn Uri u Obwalden malajr tkeċċew mill-belt u iktar 'il quddiem tilfu fil-Battalja ta' Arbedo fit-30 ta' Ġunju 1422. Din it-telfa naffret l-intenzjonijiet ta' espansjoni ta' Uri u l-alleati tagħha lejn Lago Maggiore għal xi żmien.[2]
Matul il-perjodu ta' rvellijiet, wara l-mewt ta' Gian Galeazzo Visconti, inbena torri barra l-belt, li mbagħad sar in-nukleu tat-tielet kastell, Sasso Corbaro.
Wara li l-fruntiera bejn Uri u Milan ġiet iffissata fit-trattat ta' paċi tal-1426, fl-1439 Uri reġgħet invadiet Bellinzona. Għalkemm il-ħakma ta' Bellinzona ma rnexxietx, ir-rebħiet tat-truppi Żvizzeri wasslu biex Milan tagħti l-Wied ta' Leventina kollu sa Pollegio lil Uri fl-1441. Wara l-mewt tad-Duka Filippo Maria Visconti fl-1447, Bellinzona għaddiet minn kriżi tas-suċċessjoni bejn Franchino Rusca ta' Locarno u Heinrich ta' Val Mesolcina, li kienu alleati ma' Uri u r-Repubblika Ambrosjana f'Milan. Il-gwerra li faqqgħet wara l-kriżi tas-suċċessjoni damet kważi tliet snin sa meta Francesco I Sforza ħataf il-poter f'Milan. Bellinzona bilġri aċċettat id-dinastija Sforza ġdida, flimkien mal-paċi u l-istabbilità li ġabet magħha.
Madankollu, il-paċi spiċċat ħesrem fl-1478 meta l-Iżvizzeri reġgħu attakkaw lil Bellinzona mingħajr suċċess. Minkejja dan, il-kburija Żvizzera reġgħet ingħatat palata permezz tal-Battalja ta' Giornico li ġiet wara, fejn forza ta' 600 suldat Żvizzeru rebħet kontra 10,000 suldat tat-truppi ta' Milan. Wara l-attakk, Milan bniet il-kastell ta' Sasso Corbaro fis-sit fejn kien hemm torri li kien inbena kważi seklu qabel. Iż-żewġ kastelli l-oħra ġew imsaħħa u l-Murata minn naħa għall-oħra tal-wied ġew rikostruwiti. Il-biċċa l-kbira tal-kastelli u tal-fortifikazzjonijiet moderni jmorru lura għal dan il-perjodu ta' kostruzzjoni fl-aħħar tas-seklu 15.[1]
Assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera
immodifikaFl-1499, kważi seklu u nofs ta' tmexxija taħt Milan intemmew bl-invażjoni ta' Milan stess minn Lwiġi XII ta' Franza. Huwa ħataf Bellinzona u sabiex jilqa' kontra xi attakk mill-Iżvizzeri, iffortifika Castelgrande b'1,000 truppa.[1] Tul ix-xitwa kollha tal-1499/1500, l-irvellijiet f'Bellinzona kibru sa Jannar meta rewwixta armata taċ-ċittadini ta' Bellinzona keċċiet lit-truppi Franċiżi mill-belt. Wara l-ħakma tal-belt minn Ludovico Sforza f'April 1500 u talba għall-protezzjoni minn Franza, Bellinzona ssieħbet fil-Konfederazzjoni Żvizzera fl-14 ta' April 1500. Bellinzona baqgħet taħt l-amministrazzjoni konġunta ta' Uri, Schwyz u Unterwalden sal-ħolqien tar-Repubblika Elvetika wara l-invażjoni tal-Iżvizzera fl-1798 min-naħa ta' Napuljun. Malli l-kastelli ta' Bellinzona ma kinux meħtieġa iktar għad-difiża kontra l-Iżvizzeri, is-swar tħallew jiġu mitluqa. Meta l-għargħar fl-1515 qered parti mill-Murata, il-ħsara ma ssewwietx. Kull kanton okkupa wieħed mit-tliet kastelli bi gwarniġjon żgħir ta' truppi u artillerija antika.[2]
Mill-1803
immodifikaWara l-Att tal-Medjazzjoni fl-1803, Bellinzona saret parti mill-kanton indipendenti ta' Ticino, u l-kastelli saru proprjetà tal-istat. Montebello, Sasso Corbaro u s-swar tal-belt ġew ittraskurati u sal-1900 kienu jinsabu fi stat inwiegħer ta' telqa. Castelgrande kien jintuża bħala arsenal u bħala ħabs għall-kanton. Fl-1850 il-Gvern Federali l-ġdid, imħasseb dwar l-instabbiltà fil-pajjiżi ġirien, bena għadd ta' fortifikazzjonijiet difensivi tul il-mogħdija muntanjuża ta' San Gottardo. Il-proġett ipprovda xogħol għal bosta ċittadini qiegħda ta' Ticino. F'Bellinzona, il-kostruzzjoni inkludiet it-tisħiħ tal-ħitan u l-bini ta' barrakki, li ġew iddisinjati biex jixbħu l-fortifikazzjonijiet Medjevali ta' Bellinzona. Eventwalment din il-fortifikazzjoni saret parti mill-kumpless ta' Castelgrande. Fl-1881, il-gvern ipprova jbigħ Castelgrande iżda ma seta jsib l-ebda xerrej.
L-ewwel tentattivi ta' tiswija tal-fortifikazzjonijiet bdew għall-ħabta tas-sena 1900. Fl-1953, bħala ċelebrazzjoni ta' 150 sena mill-istabbiliment tal-kanton, inbeda proġett kbir ta' tiswija fuq il-kastelli. Madankollu, l-ikbar rikostruzzjoni damet għal xi deċennju u ntemmet fl-1992. Dan il-proġett, taħt l-arkitett ta' Ticino Aurelio Galfetti, ta skop ġdid lil ħafna mill-binjiet u rrestawrahom. Pereżempju, l-artijiet tal-kastell saru park u s-swali ċentrali saru kmamar ta' mużew.
Montebello, li kien proprjetà privata tal-familja Ghiringhelli, ingħata lill-kanton u ġie rrestawrat bejn l-1902 u l-1910. Il-kastell issa jospita l-Mużew Ċiviku li għandu kollezzjoni kbira ta' artefatti arkeoloġiċi. Fl-1871 Sasso Corbaro nxtara minn grupp u ġie kkonvertit f'lukanda u wara żdied ristorant. Fl-1919 il-kanton qiegħed il-kastell taħt protezzjoni sabiex jipprevjeni li l-kastell isirulu modifikazzjonijiet ulterjuri. Il-kastell ġie rrestawrat bejn l-1930 u l- 1935, u fl-1964-1997 kien jospita l-Mużew tal-Arti u tat-Tradizzjonijiet Popolari ta' Ticino.[3]
Castelgrande
immodifikaSit tal-Kastell
immodifikaIs-sit ta' Castelgrande ilu jiġi ffortifikat mill-inqas mill-aħħar tal-ewwel seklu Q.K. u sas-seklu 13 kien l-unika fortifikazzjoni f'Bellinzona. Matul l-istorja, il-kastell ġie deskritt bħala fortizza (qabel is-seklu 13), kastell antik (fis-sekli 14 u 15), kastell (wara l-1506) u l-Kastell ta' San Mikiel (mill-1818).
L-għolja ta' Castelgrande tinkludi naħa kważi vertikali fit-Tramuntana u naħa wieqfa fin-Nofsinhar, iżda hija kważi ċatt u għandha dijametru ta' 150–200 metru. L-għamla naturali tal-għolja ħeġġet kull fortifikazzjoni maħluqa mill-bniedem biex tinbena bl-istess kontorni. Għalkemm il-forti Ruman mhuwiex viżibbli, il-pedamenti Rumani ntużaw għall-kastell li nbena minfloku fil-Medju Evu Superjuri. Minn dan il-kastell, l-unika partijiet viżibbli huma biċċiet żgħar tal-ħitan li għadhom jeżistu sa llum. Il-biċċa l-kbira tal-kastell viżibbli nbniet għall-ħabta tal-1250–1500 b'rinnovazzjonijiet estensivi u xi espansjoni fl-aħħar żewġ deċennji. Il-maġġoranza taż-żona fi ħdan il-ħitan tal-kastell issa hija spazju ċatt miftuħ.
Ir-rekords tas-sekli 11 sa 15, kif ukoll l-evidenza arkeoloġika, jindikaw li l-artijiet tal-kastell xi darba kienu miżgħuda binjiet. Madankollu, il-biċċa l-kbira ta' dawn il-binjiet twaqqgħu mid-Duki ta' Milan biex jilliberaw l-ispazju fuq ġewwa. L-ispazju miftuħ ġie maqsum fi tliet strutturi kbar ta' barra li kienu jservu bħala akkomodazzjoni temporanja għat-truppi li kienu jkunu stazzjonati f'Bellinzona. Taħt id-Duki ta' Milan, il-fortifikazzjonijiet ta' barra ġew estiżi u msaħħa. L-għoli tal-ħitan żdied, inġenerali l-ħitan ġew estiżi, u żdiedu wkoll xi torrijiet. Il-ħitan tal-Punent ġew rikostruwiti għalkollox u ġew ikkollegati mas-swar tal-belt.
Il-ħitan li jisseparaw it-tliet strutturi kollha joforqu mit-Torri l-Iswed tas-seklu 14, li jinsab fiċ-ċentru tal-kastell. Fil-Lvant hemm kumpless ta' binjiet li kienu parti mill-fortizza antika fi ħdan il-kastell. Fin-nofs tagħha hemm l-ogħla torri ta' Castelgrande, it-Torri l-Abjad, li jmur lura għas-seklu 13. Madwar it-Torri l-Abjad hemm il-Palazz tal-Isqof ta' Como (imsemmi fis-seklu 12), li jaf fih xogħol tal-ġebel minn struttura iktar antika tas-seklu 10 jew 11. In-naħa tan-Nofsinhar fil-qrib, li timmarka l-konfini tan-Nofsinhar tal-kastell, inbniet f'żewġ stadji matul is-sekli 13 u 15 fuq il-pedamenti ta' binja preċedenti. Lejn il-Punent tan-naħa tan-Nofsinhar hemm binja li nbniet bħala arsenal matul is-seklu 19, u li ġiet rinnovata fis-seklu 20. Ir-riċerka arkeoloġika żvelat li kien hemm żewġ kappelli f'din l-istruttura, għalkemm il-pedament ta' waħda biss ġew skoperti. Fl-istruttura tal-Punent, tul il-ħitan, jidhru wkoll il-fdalijiet ta' knisja, possibbilment iddedikata lill-Madonna. Il-kumplament tal-binjiet li xi darba kienu jeżistu f'din l-istruttura nqerdu kollha. Fl-istruttura tat-Tramuntana żgur li kien hemm xi binjiet, għalkemm inqerdu wkoll. Il-parti tal-għolja bil-blat ma ġietx iffortifikati b'ħitan qabel is-seklu 14 jew 15.[1]
Attrazzjonijiet
immodifikaIl-kastell jista' jiġi aċċessat permezz ta' lift mill-bażi tal-għolja sal-artijiet tal-kastell jew minn għadd ta' toroq dojoq u weqfin fiċ-ċentru tal-belt li jwasslu sal-artijiet tal-kastell. In-naħa tan-Nofsinhar tospita mużew li fih "l-evidenza ta' 6,500 sena ta' preżenza umana fuq l-għolja... u jkopri l-perjodu mill-ewwel villaġġ Neolitiku sas-seklu 20".[4] Il-mużew jinkludi wkoll s-soqfa mżejna ta' Casa Ghiringhelli u berġa preċedenti, l-Albergo della Cervia, kif ukoll kollezzjoni miz-zekka ta' Bellinzona. Il-mużew huwa miftuħ is-sena kollha. Fil-Punent tal-mużew hemm l-arsenal tas-seklu 19, li issa jospita ristorant.[5]
Montebello
immodifikaSit tal-Kastell
immodifikaMontebello (magħruf bħala l-Kastell iż-Żgħir, il-Ġdid jew tan-Nofs fis-seklu 15, bħala l-Kastell ta' Schwyz mill-1506, u bħala l-Kastell ta' San Martin wara l-1818) jinsab lejn il-Lvant miċ-ċentru tal-belt. Inbena qabel l-1313 għall-familja Rusca li kienet pro-Imperjali, u li okkupat il-kastell wara r-rebħa tal-familja Visconti u l-okkupazzjoni sussegwenti ta' Castelgrande. Sal-aħħar tas-seklu 14, il-kastell spiċċa f'idejn il-familja Visconti. Il-kastell ġie rinnovat u mkabbar bejn l-1462 u l-1490 għal kif inhu llum. Fis-seklu 19 il-kastell ġie mitluq u reġa' ġie rinnovat mill-bidu tal-1903.
Għad-differenza ta' Castelgrande, Montebello ma kienx protett minn karatteristiċi naturali. Madwaru hemm ħniedaq fondi li kienu jipproteġu l-ħitan. Il-kumpless għandu għamla rombojdali u huwa kkollegat mas-swar tal-belt fin-Nofsinhar u fit-Tramuntana. Il-kastell joħroġ fid-dieher it-tliet stadji tal-kostruzzjoni, bil-fortizza ċentrali oriġinali mdawra b'ħitan tas-seklu 14 li mbagħad huma mdawra minn ħitan oħra tas-seklu 15.
Il-fortizza fuq ġewwa tmur lura għal qabel l-1313 u għandha għamla ta' rettangolu irregolari. Milli jidher, it-torri b'parapett bl-amberżuni u b'saqaf skuntrat fuq in-naħa tal-Majjistral tal-fortizza, huwa rikostruzzjoni żbaljata mill-1903. Minn pitturi stampati tas-seklu 17, jidher li fl-imgħoddi kien hemm binja ta' erba' sulari b'saqaf li kien ixaqleb lejn in-naħa ta' ġewwa tal-fortizza. Il-fortizza kienet mibnija b'ħitan għoljin u b'saħħithom fuq barra, u kellha kompartimenti residenzjali u binjiet utilitarji tul il-ħitan ta' ġewwa tagħha. Id-daħla oriġinali tinsab fin-naħa ta' fuq tal-ħitan tal-Punent u tista' tintlaħaq biss permezz ta' garigor taraġ estern. Il-bir fl-istruttura tal-Lvant fuq ġewwa x'aktarx li ilu jeżisti mill-kastell oriġinali.[2]
Il-ħitan tas-seklu 14 kien parzjalment inkluż fil-ħitan tas-seklu 15 li nbena wara, iżda għadhom jidhru xi sezzjonijiet oriġinali. Id-daħla tas-seklu 14 hija mirfuda minn struttura apposta ġejja 'l barra, iżda l-pontijiet li jitilgħu u jinżlu li hemm fuq ġewwa u fuq barra huma riproduzzjonijiet moderni.
Il-ħitan tas-seklu 15 jinsabu 715-il metru mill-kumpless oriġinali, b'ħandaq fuq in-naħa tal-Lvant u ħnejja ttundjata fin-naħa tax-Xlokk. Jinkludu xi partijiet mill-ħitan tas-seklu 14. Barbikan b'għamla ta' ponta ta' vleġġa ġie miżjud mal-Lvant tal-ħandaq u ġie protett b'ħandaq ieħor u b'parapetti bit-toqob fin-naħa tat-Tramuntana. Fuq in-naħa tan-Nofsinhar, ġiet miżjuda daħla oħra mgħammra b'nasba kontra l-għadu matul din l-espansjoni.
Kappella żgħira ddedikata lil San Mikiel tinsab mal-ħitan tal-iktar sezzjoni reċenti li tħares lejn in-Nofsinhar. Din inbniet għall-ħabta tal-1600, u hija waħda mill-ftit binjiet li nbniet fil-kastelli ta' Bellinzona taħt it-tmexxija tat-tliet kantoni Żvizzeri.[1]
Attrazzjonijiet
immodifikaMinbarra l-ħitan, Montebello jospita l-Mużew Arkeoloġiku u Ċiviku. Il-mużew infetaħ fl-1974 u jinsab fit-torri u fil-kwartieri residenzjali preċedenti tal-kastell ta' Montebello. Huwa maqsum f'żewġ sezzjonijiet, waħda tal-istorja u l-oħra tal-arkeoloġija. Fis-sezzjoni tal-istorja hemm diversi kapitelli tas-seklu 15 u fonti rari tal-magħmudija tas-seklu 13, kif ukoll tpinġijiet u skizzi ta' diversi artisti. Din is-sezzjoni tospita wkoll kollezzjoni ta' armi ċerimonjali u militari. Is-sezzjoni tal-arkeoloġija tinkludi bosta oġġetti tal-1400–1500 Q.K., kif ukoll bċejjeċ taċ-ċeramika u tal-ħġieġ, urni funebri, oġġetti ornamentali u ġojjellerija tal-ħadid u tal-bronż li ġew prodotti fl-inħawi tal-kanton. Il-mużew huwa miftuħ minn Marzu sa Novembru.[6]
Sasso Corbaro
immodifikaSit tal-Kastell
immodifikaSasso Corbaro, magħruf ukoll bħala l-Kastell ta' Unterwalden wara l-1506 u bħala l-Kastell ta' Santa Barbara wara l-1818, jinsab madwar 600 metru fix-Xlokk tal-belt fuq għolja tal-blat. Għad-differenza taż-żewġ kastelli l-oħra, Sasso Corbaro mhuwiex integrat fis-swar tal-belt. L-ewwel parti tal-kastell kienet it-torri tal-Majjistral li nbena fl-1478 biex jokkupa l-vojt li kien hemm fid-difiża tal-belt. Fl-1479 gwarniġjon żgħir ġie stazzjonat fit-torri. Matul il-perjodu ta' paċi, it-torri kien jintuża bħala ħabs, għalkemm mill-inqas ħabsi wieħed irnexxielu jaħrab fl-1494. Il-ħitan u t-torri tal-Lbiċ ġew miżjuda wara. Il-kastell intlaqat mis-sajjetti diversi drabi matul is-sekli 16 u 17, u sas-sena 1900 kien qed jaqa' biċċa biċċa.
Il-fortizza għandha għamla kwadra ta' 25 metru b'25 metru fl-irkejjen tal-Grigal u tal-Lbiċ. Il-ħitan tal-Lvant għandhom ħxuna ta' 1.8 metru u ħitan oħra għandhom ħxuna ta' madwar metru. Il-ħitan kollha għandhom parapetti bit-toqob fil-ġnub u amberżuni b'għamla ta' V għad-difiża. Id-daħla li tagħti għall-bitħa interna tinsab fil-ħitan tal-Punent, u fiha evidenza ta' rixtellu tqil. Il-binjiet ta' żewġ sulari mal-ħitan tan-Nofsinhar u tal-Punent kienu kwartieri residenzjali b'saqaf bi fruntun forfċi. Il-kappella tal-kastell tinsab fuq in-naħa tal-Lvant tal-bitħa interna tal-kastell.[2]
Il-fortizza tal-Grigal attwalment fiha erba' sulari, għalkemm ma jeżisti l-ebda rekord dwar l-għoli oriġinali tal-binja. Din kienet tintuża bħala żona residenzjali meta l-kastell kien okkupat.
Attrazzjonijiet
immodifikaAttwalment, il-kastell ta' Sasso Corbaro jospita s-Sala Emma Poglia li hija "kamra tal-injam" li nbniet għall-familja Emma matul is-seklu 17. Oriġinarjament din kienet tinsab fis-sala qrib id-daħla tad-dar tal-familja f'Olivone fil-Wied ta' Blenio, imbagħad il-kamra nxtrat mill-Kanton ta' Ticino fl-1944 u ntużat l-ewwel f'Castelgrande, qabel ma tressqet f'Sasso Corbaro fl-1989. Il-kamra għandha panewijiet sħaħ tal-injam tal-ġewż u tinkludi wkoll stüva jew fuklar għat-tisħin. Fuq il-fuklar hemm l-istemma araldika tal-familja Emma (ajkla u ljun rampanti). Il-mużew jospita wkoll wirjiet temporanji u huwa miftuħ minn Marzu sa Novembru.[7]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIt-Tliet Kastelli, is-Swar, u l-Fortifikazzjonijiet Difensivi tal-Belt Merkantili ta' Bellinzona ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ d e f ġ g għ h Centre, UNESCO World Heritage. "Three Castles, Defensive Wall and Ramparts of the Market-Town of Bellinzona". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-13.
- ^ a b ċ d e f "bellinzonaunesco.ch". www.bellinzonaunesco.ch. Miġbur 2021-10-13.
- ^ "Bellinzona (comune)". hls-dhs-dss.ch (bit-Taljan). Miġbur 2021-10-14.
- ^ "Home - Benvenuti nella regione di Bellinzona e Valli! | bellinzonaevalli.ch". www.bellinzonaevalli.ch (bit-Taljan). Miġbur 2021-10-14.
- ^ "Ristorante Castelgrande |" (bit-Taljan). Miġbur 2021-10-14.
- ^ "Bellinzona Turismo - Montebello". web.archive.org. 2008-10-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-10-29. Miġbur 2021-10-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Bellinzona Turismo - Sasso Corbaro". web.archive.org. 2008-10-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-10-29. Miġbur 2021-10-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)