Kunvent Benedittin ta' San Ġwann f'Müstair

Sit ta' Wirt Dinji fl-Iżvizzera

Il-Kunvent Benedittin ta' San Ġwann f'Müstair (bil-Ġermaniż: Benediktinerinnenkloster St. Johann; bid-djalett Romansh: Claustra benedictina da Son Jon) huwa monasteru Benedittin Medjevali bikri fil-muniċipalità Żvizzera ta' Val Müstair, fil-Kanton ta' Graubünden. Il-kunvent tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[1]

Il-Kunvent Benedittin ta' San Ġwann f'Müstair

Ir-Rinaxximent Karolinġjan kif nafuh illum twettaq bis-saħħa tas-suċċess ta' Karlu Manju bħala re u patrun, kif ukoll bħala xprun għal dak li wieħed jara fil-Kunvent Benedittin ta' San Ġwann. Fl-istorja, l-arti, l-edukazzjoni u r-rikreazzjoni tkattru tassew biss fi żminijiet ta' paċi, għalkemm il-gwerra spiss kienet l-iżjed fattur importanti għal bidla teknoloġika. Fil-Medju Evu bikri, il-kunflitti kostanti bejn ir-Renji tal-Franki xekklu l-progress artistiku li qabel kien miexi ġmielu taħt ir-Rumani meta l-imperu tagħhom kien fil-eqqel tiegħu. Taħt ir-renju prosperuż ta' Karlu Manju, bdiet l-introduzzjoni ta' ordni monastika ġdida fi żmien ta' paċi, u din wittiet it-triq għall-affreski u l-arkitettura li wieħed jara fil-Kunvent Benedittin ta' San Ġwann f'Müstair.[2]

Bħala Kristjan devot, Karlu Manju xtaq li l-poplu tiegħu jkollu l-possibbiltà li jiġi mgħallem skont it-tagħlim tal-knisja, u li r-renju tiegħu jkun stabbli. Wieħed mill-ħafna modi li kiseb dan kien permezz tal-patroċinju tiegħu ta' bosta monasteri fir-Renju tal-Franki. Il-monasteri servew bħala post għat-taħriġ tal-missjunarji, li kienu jintbagħtu lejn iż-żoni ġodda li kienu jinħakmu tal-imperu tiegħu u jwasslu biex il-popli tagħhom jikkonvertu għall-Kristjaneżmu.[3] L-għanijiet tiegħu kienu ffukati l-iktar fuq l-edukazzjoni, u l-missjoni tiegħu bħala re kienet li jipprovdi l-bażi għall-edukazzjoni tal-kleru sabiex b'hekk ikun jista' jeduka lill-membri tal-parroċċa. Dawn il-monasteri servew bħala tila għal ħafna mill-arti u mill-arkitettura tar-Rinaxximent Karolinġjan.

 
Skultura ta' San Ġwann u wħud mill-affreski fl-isfond

L-artiġjani Karolinġjani kienu magħrufa bħala pitturi, ġojjelliera u arġentiera tad-deheb ta' sengħa kbira. Kellhom għal qalbhom it-tiżjin estensiv u grandjuż u dan kienu jwettquh għat-tiżjin tal-manuskritti li kienu jinkitbu mill-patrijiet fl-abbaziji u fil-kunventi bħal dak ta' San Ġwann f'Müstair. Din is-sengħa daqstant avvanzata tkompli tisħaq l-importanza tal-paċi bħala tila għal titjib fl-arti u fl-arkitettura f'ċivilizzazzjoni. Bħalma wieħed jista' jara mix-xbihat tal-affreski ta' San Ġwann, il-pittura kienet tifforma parti kbira mir-Rinaxximent Karolinġjan. L-istil Karolinġjan tal-pittura ġie stabbilit fl-istili Rumani, Kristjani u Ġermaniċi. Il-mod kif kienu jitpittru l-figuri kien ċar li kien stil Ruman, is-suġġett spiss kien ikun Kristjan, u d-disinni ġeometriċi u l-figuri tal-annimali kienu Ġermaniċi. Xbihat Bibbliċi mill-Vanġeli, kif ukoll dawk tar-Re David kienu partikolarment popolari, kif ukoll xi rejiet Karolinġjani, u ovvjament l-immaġni ta' Kristu maestuż.[4]

Jingħad li x'aktarx il-kunvent ġie stabbilit għall-ħabta tas-780 minn isqof ta' Chur[5][6], probabbilment skont l-ordnijiet ta' Karlu Manju. Inbena matul mewġa ta' kostruzzjoni ta' monasteri li kienet tinkludi l-monasteri fil-qrib ta' Cazis, Mistail, Pfäfers, u Disentis. Il-kunvent inbena tul il-mogħdija muntanjuża ta' Val Müstair mill-Alpi tal-Italja u ġie ffortifikat sabiex il-mogħdija muntanjuża setgħet tiġi kkontrollata. Fit-881, il-kunvent għadda għalkollox f'idejn il-kontroll tal-Isqof ta' Chur. Matul is-snin bikrin tal-kunvent, fil-bidu tas-seklu 9, fil-knisja ġew impittra sensiela ta' affreski. Iktar 'il quddiem, fis-sekli 11 u 12, il-kunvent esperjenza t-tieni mewġa ta' tkabbir u żdiedu pitturi ġodda jew ġew impittra fuq l-affreski l-antiki. Dawn il-pitturi ġew skoperti mill-ġdid biss fis-seklu 20.

Fis-seklu 10, żdied it-torri tal-kampnar tal-knisja. Matul it-tkabbir tas-seklu 11, l-Isqof ta' Chur kabbar ir-residenza tiegħu fil-monasteru. Żdiedu wkoll dar fina mat-torri, kjostru, u l-Kappella doppja ta' San Ulrich u San Nikola. Matul it-tkabbir, il-kappella residenzjali ta' żewġ sulari tal-isqof ġiet imżejna wkoll bl-istukko u b'affreski estensivi. Għall-ħabta tas-seklu 12, l-okkupanti tal-monasteru nbidlu minn patrijiet għal sorijiet. Din il-bidla tissemma għall-ewwel darba fl-1167, iżda seħħet xi żmien qabel din id-data. L-ewwel superjur tal-kunvent kien jisimha Adelheid, u dan ġie ddokumentat bejn l-1211 u l-1233.

 
Wieħed mill-affreski Karolinġjani tal-mirakli ta' Kristu

Il-Gwerra ta' Swabja, li kienet tentattiv mill-Asburgi li jaċċertaw il-kontroll fuq il-Kanton ta' Grisons u l-mogħdijiet Alpini ewlenin, wasslet għall-bidu tal-kunvent.[7] Fl-20 ta' Jannar 1499, truppi tal-Asburgi okkupaw il-wied tal-madwar u serqu r-rikkezzi tal-kunvent, iżda malajr kellhom jirtiraw minħabba l-forzi tat-Tliet Legi fil-Battalja ta' Calven. Wara l-battalja, ġie ffirmat armistizju bejn l-Asburgi u t-Tliet Legi. Madankollu, dan l-armistizju dam biss ftit jiem qabel ma reġgħu faqqgħu l-kunflitti bejn l-alleati tal-Konfederazzjoni Żvizzera l-Antika tat-Tliet Legi u t-truppi Asburgi. Dawn il-kunflitti f'qasir żmien eskalaw fil-Gwerra ta' Swabja, li ntemmet f'Settembru 1499 bit-Trattat ta' Basel li ta indipendenza virtwali lill-Konfederazzjoni Żvizzera.

Għall-ħabta tal-1500, il-knisja tal-kunvent ġiet immodifikata minn kostruzzjoni Karolinġjana b'navata waħda għal knisja tal-aħħar tal-Gotiku bi tliet navati. Ftit wara, fl-1524 u fl-1526, permezz tal-Artikli ta' Ilanzer, il-Lega tad-Dar t'Alla rnexxielha ddgħajjef il-poter tal-isqof, li indirettament naqqset l-introjtu tal-kunvent. B'konsegwenza ta' dan, kien hemm kostruzzjoni limitat fil-kunvent minn dak il-mument 'il quddiem.

Fl-ispirtu tal-Kunsill ta' Trento, l-isqof ħareġ sensiela ta' riformi li kienu jirregolaw il-ħajja reliġjuża bejn l-1600 u l-1614. Ir-riformi kienu jinkludu regolamenti ġodda dwar min seta' jirċievi s-sagramenti u dwar il-pubblikazzjoni tal-brevjar jew il-Liturġija tas-Sigħat. Politiki oħra, bħar-rekwiżiti fl-Ordni Benedittina li jkun hemm żoni komuni għall-irqad, ġew irrilassati f'dan iż-żmien.

Matul l-istorja kollha tal-Kunvent Benedittin ta' San Ġwann f'Müstair kien hemm kunflitti bejn l-Isqof ta' Chur, il-Lega Griża u l-Familja Asburga. Is-superjur tal-kunvent jew badessa, u l-awtorità tal-gvern jew il-vogt, sikwit kienu jintgħażlu minn wieħed minn dawn it-tliet setgħat.

 
Riljiev bl-istukko fil-ħajt tat-Tramuntana tal-knisja tal-kunvent

Matul ix-xogħlijiet ta' restawr tas-seklu 20, uħud mill-affreski Rumaneski tas-snin 60 tas-seklu 12 ġew skoperti fil-kunvent. Affreski oħra ġew datati għal żmien ir-renju ta' Karlu Manju. L-UNESCO rrikonoxxiethom bħala "l-ikbar sensiela ta' affreski tal-Iżvizzera, li ġew impittra fit-800 W.K., flimkien ma' affreski u stukko Rumaneski".[1]

Ix-xbihat fl-affreski tal-kunvent għandhom kompożizzjoni bbilanċjata u simetrika, u fil-knisja kollha din toħloq sens ta' ġrajja u ritmu. L-użu rapidu taż-żebgħa u l-użu tal-kuluri jgħajtu fl-affreski donnhom jiġbdu l-attenzjoni lejn ċerti xbihat iktar milli lejn oħrajn, u juru l-kumplessità u l-livell ta' reqqa tas-sengħa tal-artist. Hemm rabta ċara bejn l-affreski tal-kunvent ta' Müstair u dawk fil-Knisja Lombarda ta' Santa Marija ta' Castelseprio, u din wasslet biex xi akkademiċi jemmnu li l-artist tal-kunvent jew kien wieħed lokali jew mill-inqas kien midħla sew tax-xogħol f'dik il-knisja.[8] Waħda mir-raġunijiet prinċipali tal-popolarità tal-pitturi kienet il-fatt li l-litteriżmu ma kienx meħtieġ. B'riżultat ta' dan, il-ġrajjiet tal-Kristjaneżmu u l-messaġġi li l-kleru xtaq jaqsam saru faċilment aċċessibbli għall-mases kemm litterati u kemm le.[9] L-affreski tal-Kunvent ta' San Ġwann f'Müstair jirrakkontaw uħud mill-iżjed ġrajjiet Bibbliċi importanti. Dawn il-ġrajjiet fihom implikazzjonijiet ikbar għall-viżitatur modern għaliex juru x'kienu l-iżjed elementi importanti tal-Kristjaneżmu dak iż-żmien.

Il-knisja oriġinali b'navata waħda u b'ħames apsidi fiha diversi affreski sinifikanti tal-Medju Evu bikri tal-ħabta tat-800 W.K. Il-pitturi huma organizzati f'ħames ringieli estiżi mill-ħajt tan-Nofsinhar sal-ħajt tal-Punent u tat-Tramuntana. Ir-ringiela ta' fuq nett fiha xeni mill-ħajja tar-Re David tat-Testment il-Qadim. It-tliet ringieli ta' taħt juru xeni miż-żgħożija, mill-ħajja u mill-Passjoni ta' Kristu. Ir-ringiela t'isfel nett fiha xeni mill-Kurċifissjoni ta' Sant'Indrija. Fuq il-ħajt tal-Punent ir-ringieli huma marbuta flimkien bl-immaġni tal-Aħħar Ġudizzju.[10] Il-pitturi saru b'firxa limitati ta' kuluri, inkluż l-okra, l-aħmar u l-kannella, u bl-għajnuna tal-"komprensjoni tal-evoluzzjoni ta' ċerti temi ikonografiċi Kristjani, bħal dik tal-Aħħar Ġudizzju".

L-importanza tal-Aħħar Ġudizzju hija element sostanzjali fil-poter tal-knisja fuq il-kongregazzjoni tagħha. L-affresk juri tmiem id-dinja, u l-Aħħar Ġudizzju t'Alla fil-konfront tal-bnedmin kollha. B'hekk in-nies kollha jiġu vvalutati għal dnubiethom, u jekk ikunux talbu għall-maħfra ta' dnubiethom. Għalkemm mhux neċessarjament kull min kien iżur il-knisja kien jemmen il-kontenut tal-affreski fuq il-ħitan tal-knisja, wieħed jista' jixtarr xi konklużjonijiet dwar il-messaġġi li l-knisja kienet qed tipprova twassal dwar l-importanza tal-qrar u sens ta' awtovalutazzjoni fir-rigward il-moralità.

Ħafna mill-affreski sarulhom affreski oħra fuqhom u ftit minnhom biss ġew irrestawrati.

 
Veduta tal-kunvent miċ-ċimiterju żgħir ta' warajh fix-xitwa

L-apsidi u l-ħajt tal-Lvant ġew impittra mill-ġdid fis-seklu 12 b'affreski Rumaneski li juru varjetà ta' temi Bibbliċi, inkluż iċ-ċena ta' Erodi (fejn iż-żfin ta' bint Erodi jwassal għall-qtil ta' Ġwanni l-Battista), in-nisa verġni għorrief u boloh, l-appostli, u San Stiefnu.[11]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Kunvent Benedittin ta' San Ġwann f'Müstair ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Benedictine Convent of St John at Müstair". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-29.
  2. ^ J. Hubert, The Carolingian Renaissance (George Braziller, New York, 1970) p. XI.
  3. ^ M.M. Hilderbrant, the External School in Carolingian Society (Brill, Leiden, 1992) p. 61.
  4. ^ Frasett, p. 102.
  5. ^ "ICOMOS Evaluation Report" (PDF).
  6. ^ Historical Dictionary of Switzerland (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  7. ^ Riezler, Sigmund: Die Grafen von Fürstenberg im Schweizerkriege 1499; Tübingen 1883.
  8. ^ Marco Abate, World heritage: Monumental Sites (Skira Editore, Italja, 2003) p. 288.
  9. ^ Hubert, p. 27.
  10. ^ Niklaus Flüeler, Lukas Gloor, Isabelle Rucki (eds.) (1982). Kulturführer Schweiz (bil-Ġermaniż). Spreitenbach: Limmatdruck AG. pp. 254–5.
  11. ^ Mattew 14:6–11; Mark 6:19–28.