Kumpanija Ferrovjarja Retika
Il-Kumpanija Ferrovjarja Retika (bit-Taljan: Ferrovia Retica (FR); bil-Ġermaniż: Rhätische Bahn (RhB), akronimu li jintuża fil-logo tal-kumpanija; bl-Ingliż: Rhaetian Railway; u bir-Romansch: Viafier retica (VR)) hija kumpanija tat-trasport Żvizzera li ġġestixxi l-ikbar network ta' operaturi ferrovjarji privati b'ferroviji ta' gejġ tal-linji dojoq (1,000 mm) fil-kanton Żvizzeru ta' Grisons.
Servizzi
immodifikaIl-Kumpanija Ferrovjarja Retika topera bħala impriża ferrovjarja li twettaq servizzi reġjonali fuq rotot qosra jew medji, kif ukoll bħala kumpanija ta' ġestjoni tal-infrastruttura tan-network ferrovjarju f'isem il-kanton. Barra minn hekk, il-kumpanija hija impenjata wkoll fl-attivitajiet ta' promozzjoni turistika ta' xi servizzi li toffri hi stess.
Il-kumpanija toffri s-servizzi regolari li ġejjin:
- servizz rapidu: Coira – Sankt Moritz
- servizz lokali: Thusis – Coira – Landquart – Schiers
- servizz lokali: Coira – Disentis
- servizz rapidu: Coira – Landquart – Klosters – Davos
- servizz ekspress reġjonali (RX): Landquart – Scuol-Tarasp mill-mina ta' Vereina
- servizz lokali: Coira – Arosa
- servizz lokali: Scuol-Tarasp – Samedan – Pontresina
- servizz lokali: Sankt Moritz – Tirano (l-Italja)
- servizz lokali: Davos Platz – Filisur
- trasport tal-vetturi mill-mina ta' Vereina: Klosters-Serneus - Sagliains
- trasport tal-vetturi mill-mina ta' Albula: Thusis - Samedan.
Huwa stmat li t-traffiku ġestit mill-Kumpanija Ferrovjarja Retika jlaħħaq it-300,000,000 passiġġier għal kull kilometru u l-54,000,000 tunnellata ta' merkanzija għal kull kilometru.
Uħud mis-servizzi turistiċi jiġu promossi fuq livell kummerċjali. Fost l-iktar servizzi magħrufa hemm il-Bernina Express, li jgħaddi mir-rotta Coira /Landquart-Sankt Moritz-Tirano, u l-Glacier Express, li jgħaddi mir-rotta Zermatt-Coira/Sankt Moritz/Davos.
Storja
immodifikaIl-Kumpanija Ferrovjarja Retika ġiet stabbilita fuq l-inizjattiva tal-Olandiż Willem-Jan Holsboer, li kien il-promutur prinċipali tal-linja ferrovjarja li tgħaddi minn Landquart sa Davos, qabel ma ġie stabbilit in-network ferrovjarju.
Il-kumpanija ġiet stabbilita fis-7 ta' Frar 1888 bl-isem ta' Schmalspurbahn Landquart-Davos AG (LD). Inizjalment il-ħsieb kien li tinbena linja ferrovjarja b'binarji bis-snien biex il-ferroviji jqabbdu sew u jkunu jistgħu jitilgħu t-tlajja' tul ir-rotot. Ġie pproġettat ukoll varjant bi tliet lilwiet. Madankollu, iż-żewġ proġetti ġew abbandunati minħabba s-suċċess tal-linja ferrovjarja ta' San Gottardo u minflok ġie deċiż li tinbeda l-kostruzzjoni ta' linja ferrovjarja tradizzjonali. Il-kostruzzjoni bdiet fid-29 ta' Ġunju 1888.
Fl-1889 infetħet ir-rotta bejn Landquart u Klosters-Serneus u wara tmien xhur infetħet ukoll il-parti finali tar-rotta li twassal sa Davos.
Wara l-proġett ta' tkabbir ta' Holsboer li kien biħsiebu jkabbar il-linji biex ikopru żoni oħra tal-kanton ta' Grisons, l-isem kummerċjali tal-kumpanija ġie mmodifikat u fl-1895 il-kumpanija ngħatat l-isem attwali.
Il-poeta Simon Caratsch fil-poeżija La Ferrovia del Scaletta kkummenta b'ton ironiku ħafna li l-kumpanija kienet ingħatat konċessjonijiet għal għadd kbir ta' linji ferrovjarji, iżda x-xogħlijiet tal-kostruzzjoni ma kinux qed isiru b'pass mgħaġġel.
Il-kumpanija għandha sjieda kważi pubblika għalkollox b'ishma tal-Istat Federali u tal-kanton, b'sehem ta' 5 % f'idejn l-entitajiet privati. Fl-2008, il-persunal tal-kumpanija kien jammonta għal 1,348 persuna.
Il-linji ferrovjarji ta' Albula u ta' Bernina bejn Thusis u Tirano (ir-rotta ewlenija tal-Bernina Express) iddaħħlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-7 ta' Lulju 2008[1] bħala eżempji avvanzati teknikament tal-ġestjoni tal-pajsaġġ muntanjuż fl-għoli u bħala fost l-iktar linji ferrovjarji b'gejġ tal-linji dojoq spettakolari fid-dinja. Dawn il-linji ferrovjarji u waħda mill-erba' linji ferrovjarji fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] It-tlieta l-oħra jinsabu fl-Awstrija[2], fl-Indja[3] u fl-Iran.[4] Id-dokument tan-nomina inizjali kien imfassal biss fuq il-linja ferrovjarja ta' Albula; bis-saħħa tal-protesta tal-popolazzjoni ta' Val Poschiavo u tal-kunsiderazzjoni li l-linja ferrovjarja ta' Bernina, ladarba fiha biss mini qosra, fil-biċċa l-kbira tagħha hija fil-beraħ, b'aspetti panoramiċi tassew mill-isbaħ, ġiet inkluża wkoll il-linja ferrovjarja ta' Bernina.[1]
Linji mhux imwettqa
immodifikaFil-bidu tas-seklu 20 kienu previsti diversi linji ferrovjarji li qatt ma twettqu:
- Il-linja ferrovjarja li tgħaddi minn Chiavenna-Sankt Moritz (il-linja ferrovjarja ta' Maloja, magħrufa wkoll bħala Bergeller Bahn) li kellha tkun linja li tikkollega l-Italja u l-Iżvizzera permezz ta' Maloja. Ix-xogħlijiet tal-kostruzzjoni kienu nbdew, iżda minħabba l-Ewwel Gwerra Dinjija qatt ma tlestew.
- Il-linja ferrovjarja Mesocco-Thusis (il-linja ferrovjarja ta' San Bernardino) kienet proġett bil-ħsieb li tittawwal il-linja ferrovjarja Bellinzona-Mesocco, li qatt ma twettaq minħabba li l-Kunsill Federali kien kontra mill-bidu tas-seklu 20 li jkun hemm linja ferrovjarja alternattiva għal dik ta' San Gottardo, għalkemm fid-digriet federali tat-2 ta' Frar 1923 l-Assemblea Federali kienet tat il-kunsens tagħha għall-konċessjoni tal-kostruzzjoni tal-linja. Barra minn hekk, kien previst skont il-Kunsill Federali tad-19 ta' Ġunju 1922 li l-operat ferrovjarju kellu saħansitra jittawwal bl-istazzjon ta' Bellinzona RhB flimkien ma' dik tal-Ferroviji Federali Żvizzeri (bit-Taljan: Ferrovie Federali Svizzere - FFS), iżda minħabba t-tkabbir urban tal-belt, il-proġett baqa' qatt ma twettaq.
- Il-linja ferrovjarja Scuol-Tösens kienet proġett ieħor; l-istazzjon ta' Tösens, li qatt ma twettaq, suppost kellu jinbena fl-1909 tul il-linja ferrovjarja ta' Resia. Inizjalment, l-istazzjon finali kellu jkun f'Nauders b'linja ferrovjarja ta' madwar 31 kilometru, iżda mbagħad ġie deċiż li l-istazzjon jinbena f'Pfunds, u l-proġett inizjali tal-linja ferrovjarja qatt ma twettaq.
- Il-linja ferrovjarja Davos-Sankt Moritz kienet proġett li kien previst li jgħaddi mill-mogħdija muntanjuża ta' Scaletta bl-Engadina bħala l-punt tal-wasla, u li mbagħad ġie sostitwit bil-linja ferrovjarja ta' Albula li twettqet fl-1904. Il-ħsieb kien li twassal sa Maloja u Chiavenna iżda l-linja ferrovjarja qatt ma twettqet.
- Il-linja ferrovjarja Tirano-Edolo, li kellha tkun kollha fit-territorju Taljan iżda kellha titwettaq u titħaddem mill-Iżvizzeri, li suppost kellha tikkollega ż-żona urbana ta' Valtellina maċ-ċentru tal-parti għolja ta' Valcamonica permezz tal-mogħdija muntanjuża ta' Aprica, u għaldaqstant suppost kellha tikkollega flimkien il-lag magħruf bħala Lago d'Iseo mal-bliet ta' Brescia, Verona e Venezja.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Kumpanija Ferrovjarja Retika fil-Pajsaġġi ta' Albula/Bernina ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji transnazzjonali tal-UNESCO bejn l-Italja u l-Iżvizzera fl-2008.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Tagħrif dwar il-kumpanija
immodifikaInfrastrutturi
immodifikaIn-network ferrovjarju b'gejġ bil-linji dojoq ġestit mill-kumpanija u twil madwar 384 kilometru. 61 kilometru minnhom huma elettrifikati b'kurrent kontinwu ta' 1,000 V (il-linja ferrovjarja Tirano-Sankt Moritz) u 323 kilometru huma elettrifikati b'kurrent alternat ta' 11,000 V (16 2/3 Hz).
Tul dan in-network ferrovjarju hemm 84 mina (fosthom il-linja ferrovjarja ta' Vereina li hija l-itwal waħda b'gejġ bil-linji dojoq fl-Ewropa b'tul ta' 19,042 kilometru - u l-linja ferrovjarja ta' Albula twila 5,865 kilometru) u 383 pont/vijadott. Il-pendil massimu tan-network ferrovjarju b'kurrent alternat hu ta' 4,5 %, filwaqt li dak tal-linja ferrovjarja ta' Bernina jlaħħaq is-7 %.
Il-punt ta' kollegament mal-linji ferrovjarji l-oħra jinsabu f'Landquart, f'Untervaz-Trimmis u f'Coira mal-FFS, f'Disentis/Mustér mal-Matterhorn Gotthard Bahn MGB u f'Tirano man-Network Ferrovjarju Taljan. L-istazzjonijiet ferrovjarji ta' Tirano tan-Network Ferrovjarju Taljan u tal-Kumpanija Ferrovjarja Retika huma qrib xulxin iżda huma distinti.
Il-linji ferrovjarji operattivi huma dawn li ġejjin:
- Coira-Arosa
- Davos-Filisur
- Klosters-Susch/Lavin (linja ferrovjarja ta' Vereina)
- Landquart-Coira-Thusis
- Landquart-Davos
- Pontresina-Scuol-Tarasp (linja ferrovjarja tal-Engadina)
- Reichenau-Disentis
- Tirano-Sankt Moritz (linja ferrovjarja ta' Bernina)
- Thusis-Sankt Moritz (linja ferrovjarja ta' Albula).
Sal-1972 il-Kumpanija Ferrovjarja Retika kien iġġestixxi anke r-rotta Bellinzona-Mesocco (il-linja ferrovjarja Mesolcinese), li kienet elettrifikata b'kurrent kontinwu ta' 1,500 V. Wara li din il-linja ma baqgħetx kummerċjalment vijabbli għall-Kumpanija Ferrovjarja Retika, din għaddiet għand SEFT, l-Assoċjazzjoni għat-Trasport Ferrovjarju Turistiku ta' Bellinzona. Mill-1995, il-parti ta' 13-il kilometru bejn Castione u Cama baqgħet tintuża bħala linja ferrovjarja turistika, u fis-27 ta' Ottubru 2013 tneħħiet ukoll u baqgħet operattiva.
Materjal fuq ir-roti
immodifikaFerroviji lokomotivi:
- Ge 6/6 I
- Ge 6/6 II
- Ge 4/4 I
- Ge 4/4 II
- Ge 4/4 III
- Ge 2/4
Ferroviji elettriċi:
- ABe 4/4
- ABDe 4/4
- ABe 4/4 I
- ABe 4/4 II
- ABe 4/4 III
- ABe 8/12 3501 – 3515 (Stadler Rail Allegra)
- ABe 4/16 3101 – 3105 (simili għall-Allegra, joperaw fis-servizz suburban ta' Coira)
- ABe 4/16 3111 – 3137 (Capricorn)
Biblijografija
immodifika- Ernesto Imperato, Cent'anni e non sentirli, RF Rivista della Ferrovia, ACME Edizioni, p. 22.
- Antonio Stefanini, La Ferrovia rubata, storia del fallito progetto di ferrovia Tirano-Aprica-Edolo, Tip. Poletti - Villa di Tirano, 2013.
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Rhaetian Railway in the Albula / Bernina Landscapes". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-10.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Semmering Railway". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-10.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Mountain Railways of India". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-10.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Trans-Iranian Railway". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-10.