Assedju ta' Malta (1565)
L-Assedju ta' Malta, magħruf ukoll bħala l-Assedju l-Kbir seħħ fl-1565 meta l-Imperu Ottoman attakka l-Gżejjer Maltin li dak iż-żmien kienet taħt idejn il-Kavallieri ta' San Gwann. L-assedju dam kważi erba' xhur, bejn it-18 ta' Mejju sal-11 ta' Settembru 1565.
Assedju ta' Malta | |||||
---|---|---|---|---|---|
Il-wasla tat-Torok f'Malta | |||||
| |||||
Belliġeranti | |||||
Imperu Ottoman | Kavallieri ta' San Ġwann Imperu Spanjol Maltin | ||||
Kmandanti | |||||
Kızıl Ahmedli Mustafa Pasha Piyale Pasha Turgut Reis † Salih Reis Uluç Ali Reis |
Jean de Valette Goncales de Medran† Melchior de Robles† Kurunell Mas † Mathurin Romegas | ||||
Saħħa | |||||
22,000-48,000 | 6,100-8,500 | ||||
Korruti | |||||
<25,000-35,000 | 2,500 truppi 7,000 ċivil 500 skjav |
Fit-18 ta' Mejju 1565, il-flotta Ottomana mmexxija minn Mustafa Paxà, kmandant tal-armata u Pjali Paxà l-ammiral tal-flotta waslet qrib il-kosta ta' Malta. Minn hawn beda l-Assedju l-Kbir li dam sejjer għal 145 jum.
Wara l-waqgħa ta' Tripli, fl-1551, u l-attakk fuq Għawdex fl-istess sena, l-Ordni fittex li jikkonsolida d-difiża ta' madwar il-Port il-Kbir. Ġie deċiż li jinbnew postazzjonijiet difensivi ġodda. Fuq in-naħa tan-Nofsinhar tal-Isla nbena l-Forti San Mikiel. u s-swar li jipproteġu l-Isla min-naħa li tħares lejn Kordin. Mal-Forti Sant'Iermu, li dak iż-żmien kien sempliċement torri żgħir, inbniet fortizza mdaqqsa li setgħet takkomoda ġwarniġjon ta' mitt suldat, u f'każ ta' gwerra anki aktar minn hekk. Il-perimetru tal-Birgu fuq in-naħa tal-Kalkara kif ukoll dak li jħares lejn in-Nofsinhar, ġew imdawra minn linja ta' difiża. Is-swar tal-Imdina u l-Kastell tar-Rabat, Għawdex tħallew f'idejn il-kunsilli amministrattivi rispettivi tagħhom biex ikunu rranġati mill-aħjar li setgħu.[1]
Sa mill-1557 kienu bdew jinxterdu x-xnigħat li t-Torok kienu se jattakkaw lil Malta.[2] Jekk mhux għal ħaġa oħra, dan l-attakk kellu jsir biex is-Sultan Tork jikkastiga u jrażżan l-Ordni ta' San Ġwann talli l-Kavallieri baqgħu jattakkaw il-bastimenti Torok u dawk Musulmani. Dawn l-atti ta' piraterija kienu jsiru biex l-Ordni ta' San Ġwann jaħtaf l-merkanzija, l-armi u l-iskjavi biex dawn jinbiegħu. It-tieni raġuni kienet li s-Sultan kien konxju li jekk Malta taqa' taħt idejh, l-Imperu Ottoman kien ikun għamel akkwist ieħor biex jikseb post strateġiku f'nofs il-Mediterran minn fejn il-qawwa Torka setgħet tattakka l-Punent tal-Ewropa, u għaldaqstant l-Imperu Spanjol.
Id-deċiżjoni finali mill-Porte Sublimi li jattakka lil Malta ttieħdet f'Ottubru 1564.[3] Diġà fl-ewwel xhur tal-1565, l-ispjuni tal-Ordni f'Kostantinopli kienu qed iwasslu informazzjoni lil De Valette, li kien hemm ħafna preparamenti għaddejja fl-arsenali u fit-tarzni tat-Torok, u għaldaqstant l-attakk fuq il-Gżejjer Maltin kien jidher wieħed imminenti. De Valette talab lil diversi mexxejja Insara, l-aktar lill-Imperatur Filippu II, u lill-Papa Piju IV, għall-għajnuna.[4] Huwa bagħat ukoll komunikazzjoni lill-Kavallieri kollha tal-Ordni ta' San Ġwann, imferrxa f'bosta pajjiżi, biex jiġu Malta sabiex jiddefendu l-interessi tal-Ordni.
Preparazzjonijiet għall-Assedju l-Kbir
immodifikaSal-bidu ta' Mejju 1565, tmintax-il jum qabel ma beda l-assedju, l-Ordni ta' San Ġwann kien jista' jgħodd mad-9,000 suldat, bejn truppi merċenarji, voluntiera barranin u suldati Maltin. Mijiet ta' kavallieri tal-Ordni waslu Malta, u b'kollox dawn issa kienu jgħoddu mas-600. Sal-10 ta' Mejju, truppi Spanjoli, ġellieda professjonali (it-tercios), li kienu ntbagħtu minn Filippu II, waslu Malta wkoll.[5] Fl-ewwel jiem ta' Mejju, saru l-aħħar preparamenti biex il-Port u l-madwar ikunu protetti bl-aħjar mod, minkejja n-nuqqas ta' nies biex jaħdmu u l-finanzi stretti; bejn il-ponta tal-Isla u dik tal-Birgu ddendlet katina fil-baħar biex twaqqaf lix-xwieni tal-għadu milli jidħlu 'l ġewwa minn hemm lejn id-daħla ta' Bormla.[6] Ħarġet ordni biex il-merħliet kollha ta' madwar it-Tlett Ibliet jiddaħħlu wara s-swar tal-Birgu biex dawn ma jaqgħux f'idejn l-għadu.[7] Barra minn hekk, il-Forti San Mikiel u s-swar tal-Isla kellhom id-difiżi tagħhom rinfurzati b'diversi modi.[8]
Żbark tal-Forzi Torok - 18 ta' Mejju 1565
immodifikaFit-18 ta' Mejju, il-flotta Ottomana, magħmula minn bosta mijiet ta' bastimenti ta' kull għamla waslet qrib il-kosta ta' Malta. Din kienet qed iġġorr madwar 30,000 raġel. In-numru eżatt hu diskutibbli peress li xi storiċi kontemporanji tal-Assedju jsostnu li kienu aktar, filwaqt li oħrajn isostnu li dawn kienu inqas. Abbord dawn il-bastimenti kien hemm 'l fuq minn 6,000 Ġannizzaru (truppi ġellieda mill-aqwa), u 6,000 Sipahis (arċiera). Ma' dawn kien hemm gwerriera oħra, qaddiefa u eluf ta' awżiljari li kienu mqabbda jġorru l-provvisti. Dan apparti l-inġiniera li fost affarijiet oħra xogħolhom kien li jħaffru t-trinek tad-difiża u l-mini taħt l-art biex jippenetraw is-swar u jisploduhom. It-Torok kellhom ukoll erba' bażiliski, kanuni enormi li kienu jisparaw balal ta' 'l fuq minn 80 libbra.[9] Dawn it-truppi kollha kienu mmexxija minn Mustafa Paxà, il-kmandant tal-armata, u Pjali Paxà, il-kmandant tal-flotta.
Dakinhar tal-wasla tagħhom, madwar 3,000 suldat u oħrajn niżlu l-art, f'Marsaxlokk u f'Marsaskala. Dawn immarċjaw minnufih lejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun. Xi bastimenti żbarkaw it-truppi tagħhom fil-Bajja tal-Ġnejna.[10] Sal-20 ta' Mejju, il-bqija tat-truppi kienu niżlu kollha l-art, u sal-21 ta' Mejju twaqqaf arsenal ta' armi u munizzjon qrib iż-Żejtun. Il-maġġoranza tat-truppi ħaffew lejn il-Marsa fejn hemm armaw it-tined u stabbilew il-kwartieri prinċipali tagħhom. Oħrajn ippożizzjonaw ruħhom fuq l-Għolja ta' Santa Margarita, Bormla, u fil-pront immiraw il-kanuni tagħhom lejn il-belt ċkejkna tal-Birgu.
Tħejjijiet għall-attakk fuq il-Forti Sant'Iermu
immodifikaFil-jiem ta' wara, ammont imdaqqas ta' truppi telgħu lejn l-Għolja Sciberras iġorru magħhom kanuni kbar u żgħar. L-intenzjoni tat-Torok kien li l-assedju jibda billi jkun attakkat u mirbuħ il-Forti Sant'Iermu, u wara jattakkaw l-Isla u l-Forti Sant'Anġlu. B'hekk it-Torok setgħu jakkwistaw il-ponta strateġika ta' tarf din il-peniżola ħalli jdaħħlu u jirmiġġaw l-bastimenti tagħhom mingħajr biża' fil-Port ta' Marsamxett. Mill-ewwel bdew xi bumbardamenti żgħar fuq il-Forti Sant'Iermu.
Min-naħa tiegħu l-Ordni issa kien bagħat mal-400 suldat armat bl-azzarini u arkibusi biex isaħħu d-difiża tal-Fortizza. Sant'Iermu kien armat b'bosta kanuni ta' kull kwalità. Daqs sena qabel, l-Ordni kien bena ravellin lil hinn mill-fortizza, speċi ta' bastjun, fuq in-naħa ta' Marsamxett. Dan kien intenzjonat li minn fuqu d-difensuri ta' Sant'Iermu jisparaw bl-arkibusi lejn l-għadu qabel ma dan iqarreb lejn il-fortizza minn dawk in-naħat. Il-gwarniġġjon tal-Forti kien immexxi mill-gvernatur Fra Giovanni d'Eguaras.[11]
Jibdew l-attakki feroċi
immodifikaFit-28 ta' Mejju, bdew l-ewwel bumbardamenti massiċċi fuq Sant'Iermu, li damu sejrin sigħat sħaħ. Il-ħsejjes tal-kanuni damdmu lil kull min semagħhom u l-balal bdew bil-mod il-mod iwaqqgħu il-ħitan li jħarsu lejn l-għolja u lejn il-kanuni tal-għadu. Il-balal kienu jvarjaw minn dawk żgħar ta' 45 libbra (20 kilogramma) għal oħrajn ta' tmenin libbra u anki akbar.[12] F'mumenti minnhom il-bumbardamenti kienu jieqfu, biex mijiet ta' suldati Torok jassaltaw il-Forti b'taħlita ta' armi tal-idejn, fosthom arkibusi, lanez u vleġeġ. Xi wħud ġarrew is-slielem biex kif jaslu taħt il-fortizza dawn jittantaw jitilgħu mas-swar u jassaltaw lid-difensuri.
Fit-2 ta' Ġunju, il-kursar famuż, Turgut Rais, (magħruf ukoll bħala Dragut) żbarka f'Malta. Anki jekk Turgut ma kellu l-ebda rikonoxximent formali mis-Sultan Tork bħala mexxej, huwa tant kien magħruf għall-kapaċitajiet ta' gwerrier gwapp li mill-ewwel ġie rikonoxxut miż-żewġ mexxejja tal-assedju, Pjali Paxà u Mustafa Paxà bħala l-kap de facto. Dan anki għaliex iż-żewġ kmandanti kienu kelb u qattus fl-imġiba ta' bejniethom.
Fl-ewwel jiem tal-bumbardamenti, is-swar kienu diġà ġarrbu ħafna ħsara. Fil-lejl tat-3 ta' Ġunju, it-Torok, wara ħafna bumbardamenti, telgħu inkiss inkiss mas-sur tar-ravelllin li l-Ordni kien bena maqtugħ għalih b'ċerta distanza mill-forti, u bi ftit ġlied irnexxielhom jaħtfu dan il-post ta' diviża f'idejhom. B'konsegwenza ta' hekk it-Torok akkwistaw post vantaġġuż mill-aqwa biex ikomplu bl-assedju tagħhom fuq il-Forti Sant'Iermu. Sfortunatament meta nbena dan ir-ravellin apparti li ma kienx b'saħħtu biżżejjed biex jirreżisti l-attakki, kellu ċertu għoli li għalkemm tajjeb biex tispara minn fuqu lejn l-għadu fit-trunċieri, ġaladarba jaqa' f'idejn l-għadu, kien iservi ta' vantaġġ għall-għadu għax seta' jispara fuq id-difensuri wara s-swar. Bi ftit ta' żidied fuq ir-ravellin it-Torok bnew difiża fuq dan ir-armaw sistema ta' difiża vantaġġjuża biex minn hemm jisparaw fuq l-istess livell tas-suldati tal-Ordni. Il-Balliju de Negropont bin-nies tiegħu ħareġ minn wara s-swar biex jerġa' jieħu r-ravellin f'idejh iżda ma rnexxielux għax ir-ravellin issa kien miżgħud bil-Ġanissari.[13]
Matul il-ġranet ta' wara, il-bumbardamenti komplew ħraxu. Ma' dawn kien hemm bosta attakki mill-Ġannizzari. Magħhom kienu jimmarċjaw ukoll tat-tnabar, tat-trombi u dawk biċ-ċimbli, kulħadd jgħajjat u jwerżaq kemm jiflaħ biex iwerwru d-difensuri. In-numri kbar tagħhom, madankollu, ma kinux biżżejjed biex jirbħu lid-difensuri wara l-ħitan tal-fortizza. Konsegwentement, esposti kif kienu, in-numru tal-imwiet tagħhom kien enormi. Fjum minnhom, fl-10 ta' Ġunju, inqatlu daqs 1,000 Tork; filwaqt li fl-attakk tal-15 ta' Ġunju nqatlu madwar 400 suldat Tork; fis-16 ta' Ġunju 1,000 suldat ieħor tilfu ħajjithom, u fit-22 ta' Ġunju mietu daqs 2,000 ruħ u sfaw feruti mal-4,000 ruħ. Wieħed dejjem irid jiddubita kemxejn dawn iċ-ċifri esorbitanti għaliex min kien jikteb seta' kien qed jipprova jenfasizza l-eroiżmu u r-rebħiet tal-Ordni billi jesaġera n-numru tat-telfiet kbar tal-għadu.[14]
Skont l-istess storiċi kontemporanji tal-Assedju l-Kbir, id-difensuri wkoll sofrew bit-telf ta' suldati u ta' kavallieri tal-Ordni, biss dawn kien ċiefri ħafna iżgħar. Id-difensuri kienu jkunu rrinforzati minn truppi ġodda li De Valette kien ta' spiss jibgħat minn Sant'Anġlu biex ipattu għat-tellfiet. Madankollu, jum wara l-ieħor il-bumbardamenti u l-attakki tal-għadu bdew dejjem jiħraxu u jħallu l-effett tagħhom, u l-moral u l-enerġija fiżika tad-difensuri kienu qed jonqsu ġmielhom.
Fit-18 ta' Ġunju, waqt wieħed mill-bumbardamenti, Turgut Rais intlaqat f'nasu mit-tifrik li tar għal fuqu meta bomba laqtet blata fil-qrib. Hu miet ftit jiem wara, fl-istess jum li Sant'Iermu ntrebaħ mit-Torok.[15]
Fit-23 ta' Ġunju, lejlet il-festa ta' San Ġwann, sar attakk ieħor mit-Torok li dam sejjer erba' sigħat. Kien f'dan l-attakk enormi li wassal għat-telfa ta' Sant'Iermu. Il-Ġanizzari daħlu minn fuq it-tifrik tas-swar malajr u għelbu l-għadd żgħir ta' difensuri li kien għad fadal fuq saqajhom. Ħafna minn dawn is-superstiti kienu ġew maqtula fuq il-post waqt li oħrajn ittieħdu priġunieri u nbiegħu bħala skjavi.
L-assedju kollu fuq il-Forti Sant'Iermu kien dam mas-26 jum u sewa prezz għoli, kemm għall-għadu kif ukoll għall-Ordni. Jingħad li t-Torok tilfu mill-inqas 6,000 suldat, inkluż nofs l-unità tal-Ġannizzari. Min-naħa tal-Ordni, madwar 1,500 difensur, li kienu jinkludu 89 Kavallier tal-Ordni, kienu nqatlu.[16]
L-għada ta' din ir-rebħa, Ochali Fartas, kursar famuż mit-Tramuntana tal-Afrika li kien ukoll involut fl-assedju, baħħar lejn Tripli biex jakkwista aktar munizzjon, u biex jidfen il-ġisem ta' Turgut Rais.
Issa li l-bandiera Torka kienet qed tittajjar fuq il-Forti Sant'Iermu, u x-xwieni Torok kienu f'Marsaxmett, il-kmandanti setgħu jikkonċentraw fuq il-pjan li jmiss, l-attakk fuq il-Forti San Mikiel u l-Birgu.
Is-sokkors iż-żgħir
immodifikaWaqt li t-Torok bdew jippreparaw biex jattakkaw l-Isla u l-Birgu, fit-2 ta' Lulju waslet armata ta' 700 mitt suldat minn Sqallija. Din kienet tikkonsisti minn suldati Spanjoli, Taljani, Sqallin 20 kanunier u 40 kavallier tal-Ordni, kollha immexxija mill-Kurunell Melchior de Robles. Mal-iżbark f'San Pawl il-Baħar, it-truppi mmarċjaw minnufih lejn l-Imdina. Imbagħad minn hemm De Robles mexxa lit-truppi tiegħu tul l-irdumijiet tan-Nofsinhar ta' Malta, biex jevita t-truppi Torok, għadda minn ħdejn Ħal Kirkop u aktar 'l isfel lejn il-Lvant biex fl-aħħar wasal il-Kalkara. Minn hemm it-truppi qasmu bid-dgħajjes għall-Birgu biex daħlu ġewwa s-swar minn passaġġ (sally port) illum magħrufa bħala t-Toqba tal-Birgu.[17]
Jibda l-attakk massiv fuq l-Isla
immodifikaIt-truppi Torok u l-bumbardiera bil-kanuni tagħhom, ħlief għal xi ftit, irtiraw minn fuq l-Għolja Sciberras u marru lura fil-kamp prinċipali tagħhom il-Marsa. Issa l-inġiniera bdew iħaffru t-trinek ta' difiża u jiffurmaw pjattaformi għall-kanuni fuq l-għolja ta' Kordin, ftit mijiet ta' metri biss 'il bogħod minn naħa tal-Punent tal-Isla, kif ukoll ħejjew irwieħhom fuq l-għoljiet periferiċi ta' Bormla. Ġewwa, lejn l-Marsa bdew jitniżżlu mal-100 dgħajsa ta' ċertu kobor fil-baħar bi tħejjija għall-attakk kontra l-Isla minn dik in-naħa. Sadanittant kienu bdew xi bumbardamenti fuq l-Isla.
De Valette kien ħalla id-difża tal-Forti San Mikiel u tal-Isla f'idejn il-kavallieri tal-Lingwa Taljana, taħt il-kmand ta' Pietro del Monte, (l-istess kavallier li wara l-mewt ta' De Vallette laħaq Gran Mastru). Bejn il-Birgu u l-Isla tqiegħed pont magħmul minn twavel tal-injam marbutin, jgħumu f'wiċċ l-ilma biex minn fuqhom ikunu jistgħu jaqsmu t-truppi tal-Ordni f'kull ħin kif meħtieġ.
L-ewwel attakk kbir fuq l-Isla mit-Torok seħħ fil-5 ta' Lulju u wara dan kien hemm oħrajn. Fil-15 ta' Lulju, eluf ta' Ġanizzari rikbu d-dgħajjes mill-Marsa u qaddfu lejn l-Isla. Il-bumbardiera Torok fetħu n-nar kemm mill-għolja ta' Kordin kif ukoll mill-għoljiet ta' Bormla. Id-difensuri sparaw tiri ta' kanuni fuq id-dgħajjes li kienu qed joqorbu, u rnexxielhom jgħerrqu lil ħafna minnhom. Bosta mill-Ġannissari li kienu fuqhom inqatlu f'dan l-attakk qabel ma setgħu jinżlu l-art. Fl-istess ħin truppi Torok oħra avviċinaw il-Forti San Mikiel min-naħa tal-art, l-aktar bħala manuvra finta biex ifixklu l-attenzjoni tad-difensuri mill-attakk ta' fuq il-baħar. Daqs għaxra mid-dgħajjes il-kbar tal-Ġannizzari qaddfu lejn il-ponta tal-Isla, dik il-parti li tħares lejn il-Birgu biex jippruvaw iqaċċtu l-katina li kienet taqsam il-bajja ta' Bormla. Biss hawn sabu lil stakkament ta' suldati taħt il-kmand ta' Fra de Guiral moħbija taħt is-swar li sparaw għal fuqhom u qatlu ħafna mill-Ġannizzari.[18]
Bi tweġiba għal dan l-attakk feroċi, De Valette bagħat lil Kaptan Romegas u uffiċjali oħra bis-suldati tagħhom lejn l-Isla. Dawn qasmu minn fuq il-pont li kien inbena ftit qabel fil-baħar u ppustjaw ruħhom fuq is-swar qrib il-fortizza ta' San Mikiel. Kien dan il-kontinġent u dak ta' De Guiral li salvaw is-sitwazzjoni għax it-Torok kienu qegħdin minn fuq.
Il-bumbardamenti wara dakinhar ma waqfu xejn. Mit-22 sas-27 ta' Lulju kuljum seħħu aktar bumbardamenti feroċi oħra fuq l-Isla. Ma' dan kien hemm ieħor għaddej fuq il-Birgu. Intużaw erbatax-il batterija minn fuq l-għoljiet ta' madwar dawn is-swar. Bejniethom it-Torok kellhom mas-60 kanun ta' kull tip. Dawk ta' fejn is-San Salvatur fuq l-għoljiet tal-Kalkara kienu qed jattakkaw lis-swar li jħarsu lejn il-Kalkara, magħrufa bħala Ta' Kastilja.
Issa, l-inġiniera Torok bdew ukoll jittantaw iħaffru mina taħt is-swar tal-Isla, qrib fejn kien ippożizzjonat De Robles bit-truppi tiegħu, bl-intenzjoni li jisplodu l-isplussivi u jtajru s-swar. It-tħaffir baqa' għaddej għal ġranet sħaħ, iżda eventwalment, id-difensuri ndunaw x'kien qed jiġri u dawn ħaffru mina oħra min-naħa tagħhom biex ilaqqgħuha ma' dik tat-Torok u jattakkawhom minn hemm.[19]
Attakki fuq l-Isla u l-Birgu
immodifikaIl-bumbardamenti kostanti mit-Torok kienu kbar mhux biss fuq l-Isla iżda wkoll fuq il-Birgu. Mid-9 ta' Lulju, it-Torok kienu bdew jisparaw bil-kanuni tagħhom minn fuq l-Għolja tas-Salvatur (mhux wisq 'il bogħod minn fejn illum nafuh bħala Bighi). Bejn it-22 ta' Lulju u s-27 ta' Lulju żdiedu bil-kwantità u bl-intensità l-attakki fuq il-Birgu u l-Isla. Fit-2 ta' Awwissu, it-Torok nedew attakk ta' bosta sigħat fuq il-Forti San Mikiel. Dakinhar mietu madwar 600 suldat Tork filwaqt li d-difensuri tilfu 40 ruħ.
Għal darb'oħra, fis-7 ta' Awwissu, 12,000 suldat attakkaw kemm is-swar tal-Isla kif ukoll dawk tal-Birgu simultanjament. F'din il-ġurnata, De Valette b'kontinġent żgħir mar personalment jgħin lid-difensuri fuq il-post ta' Kastilja biex jgħin għax l-għadu li kienu għoddu għeleb lis-suldati difensuri. Il-ġlied baqa' sejjer mad-disa' sigħat.
F'daqqa waħda, mingħajr ħadd ma jaf għaliex, it-truppi Torok bdew jirtiraw mill-front u jaħarbu lura lejn il-Marsa. Kulħadd baqa' mbellaħ b'dan l-aġir għax l-għadu kien minn fuq. Mingħajr ma ħadd induna, armata magħmula minn mitt suldat fuq iż-żwiemel immexxija mill-kavallier tal-Ordni Mesquita, u daqs mitt suldat tal-infanterija mmexxija mill-kavallier de Lugny kienu niżlu fil-kamp Tork li dak il-ħin kien nieqes mis-suldati għassiesa. Il-qawwa tal-Ordni ħasdet lil kulħadd u qatlet bosta suldati li kien hemm fil-kamp, l-aktar dawk li kienu qed jirkupraw mill-feriti. Fl-attakk, il-qawwa tal-Imdina tat in-nar lit-tined. It-truppi Torok ta' madwar l-Isla u l-Birgu raw id-dħaħen tan-nar u malajr daħħluha f'rashom li kienet waslet armata mdaqqsa minn Sqallija. Fil-ġenn tal-mument it-truppi Torok abbandunaw il-pożizzjonijiet vantaġġużi li kienu kisbu u ġrew lura lejn il-Marsa. Meta sabu dik il-ħerba fil-kamp tagħhom, bħala tpattija t-Torok telgħu bil-gwarniġġjoni tagħhom lejn ir-Rabat biex jattakkaw l-Imdina. Biss, meta waslu hemm il-kanuni tas-swar tal-Imdina fetħu n-nar fuqhom u dawn malajr kellhom jerġgħu lura minn fejn ġew. [20]
Matul ix-xahar kollu ta' Awwissu seħħu aktar bumbardamenti u attakki tal-infanterija fuq is-swar tal-Birgu u tal-Isla. Il-parti tas-swar tal-Isla fejn kienu stazzjonati t-truppi ta' De Roble u s-swar ta' Kastilja fil-Birgu kienu l-aktar li sofrew. De Roble nnifsu ntlaqat minn tir ta' arkibus u miet. Kien hemm diversi tentattivi biex jitħaffru mini taħt is-swar taż-żewġt ibliet iżda d-difensuri ta' fuq is-swar indunaw bihom u attakkaw lill-invażuri fil-ħin biex jisfrattawlhom il-pjanijiet tagħhom li jisplodu l-fortizzi. Wieħed mill-agħar attakki seħħ fl-20 ta' Awwissu.
Fit-30 ta' Awwissu, Mustafa Paxà ordna attakk massiv ieħor fuq l-Isla. Dan ukoll spiċċa fix-xejn. Wara dan l-attakk ma sarux attakki oħra kbar u l-qawwa tal-Ordni baqgħet wara s-swar tistenna. Kien bħallikieku ż-żewġ għedewwa għejjew u issa bdiet tmurilhom il-ħeġġa li jkomplu jiġġieldu.[21]
Wasla tas-sokkors il-kbir - Irfigħ tal-Assedju
immodifikaFil-fatt hekk ġara. Sal-aħħar ta' Awwissu, il-moral tat-Torok kien qed imajna ġmielu. Uħud mill-ġenerali Torok kienu qatgħu qalbhom li l-assedju kien se jintemm b'suċċess. Mument minnhom, madwar 60 mirkeb Tork dehru jabbandunaw l-assedju u parpru 'l hinn. Mustafa baqa' jsostni li l-assedju għandu jitkompla. Iżda t-truppi Torok kienu qed ibagħtu minn nuqqas ta' munizzjon u provvisti tal-ikel, kif ukoll mis-sħana oppressiva ta' Awwissu.[22]
Finalment, fis-7 ta' Settembru, l-armata l-kbira ta' Don Garcia de Toledo magħmula minn madwar 10,000 suldat waslet Malta. Dawn bdew minnufiħ neżlin l-art fil-Bajja tal-Mellieħa. Bħalma għamlet il-qawwa ta' qabilhom f'Lulju, it-truppi mmarċjaw immedjatament lejn l-Imdina u stazzjonaw ruħhom barra s-swar, fir-Rabat. Ladarba t-truppi żbarkaw, ix-xwieni vojta Nsara salpaw 'il barra mill-Port il-Kbir biex juru lil De Valette li l-għajnuna militari tant mistennija kienet waslet; fl-istess ħin, De Toledo ried juri lill-għadu li issa kien hawn forza militari li wieħed kellu jibża' minnha u li l-għadu issa kien aħjar għalih li jdabbar rasu 'l hemm. Il-bastimenti ta' De Toledo mbagħad baħħru lura lejn Sqallija.[23]
Din il-wirja ta' saħħa kellha l-effett mixtieq. L-għada, it-8 ta' Settembru, il-kmandanti Torok ordnaw lit-truppi tagħhom biex iżarmaw it-tined u jimmarċjaw lejn l-Għolja Sciberras, apparentement bi tħejjija biex jimbarkaw abbord ix-xwieni tagħhom li kienu rmiġġati fil-Port ta' Marsamxett. B'hekk l-assedju fuq il-bliet tal-port imbagħad twaqqaf.
Madankollu, wara ftit, deher li kienet saret bidla fil-pjanijiet. Fil-11 ta' Settembru, il-bastimenti Torok telqu minn Marsamxett mingħajr wisq truppi abbord, u baħħru tul il-kosta tal-Majjistral lejn San Pawl il-Baħar. Dan kien ifisser li l-kmandanti beżgħu li l-flotta tista' tinqabad f'Marsamxett taħt il-mira tal-kanuni tiegħu tal-għadu mill-art. It-truppi Torok għalhekk abbandunaw l-Għolja Sciberras u mmarċjaw fl-istess direzzjoni tal-Majjistral. Jidher li l-ġenerali Torok ma ridux jiġu mrekkna fuq il-peniżola tal-Għolja ta' Sciberras mill-armata ta' Don Garcia. It-Torok għażlu t-terren aktar miftuħ u għalhekk qorbu lejn l-għoljiet tan-Naxxar fejn setgħu jżommu l-aħjar pożizzjoni. B'dan il-mod kienu wkoll qed joqorbu lejn ix-xwieni tagħhom li issa setgħu jgħabbu lit-truppi minn San Pawl il-Baħar.
Il-kmandanti ta' Don Garcia raw dak li kien qed jiġri mis-swar tal-Imdina u ddeċidew li jinżlu minnufiħ biex jattakkaw lit-Torok. Kontinġent militari mdaqqas mmarċja 'l isfel lejn il-Mosta tul il-pjanuri baxxi biex wasal qrib in-Naxxar. Hawnhekk seħħ konfront militari mdemmi. It-truppi Spanjoli u Taljani li kienu għadhom mimlijin b'enerġija u b'entużjażmu mill-ġlied avvanzaw faċilment u attakkaw minnufih. It-Torok eżawriti u demoralizzati ma damux ma bdew jirtiraw b'mod diżordinat, bosta minnhom billi jaqbżu l-ħitan tas-sejjieħ biex jiġru kemm jifilħu lejn ix-xwieni tagħhom sabiex jimbarkaw u jdabbru rashom.
Dakinhar stess billejl, l-armata Torka, jew aħjar dak li kien fadal minnha, salpat bil-moħbi minn San Pawl il-Baħar fid-direzzjoni ta' Istanbul. Bastimenti oħra ħadu r-rotta lejn in-Nofsinhar biex jirritornaw fil-bażijiet tagħhom fit-Tramuntana tal-Afrika.[24]
L-istoriċi kontemporanji ta' dan l-assedju sostnew li matul l-assedju, it-Torok tilfu sa tliet darbiet in-numru tas-suldati Maltin u l-kavallieri tal-Ordni. Xorta waħda, l-Ordni u l-Maltin magħhom kienu ġarrbu telfiet kbir.
Wara l-Assedju
immodifikaIssa kien wasal iż-żmien li l-Gran Mastru u s-segwaċi tiegħu jiddeċiedu jekk jerġgħux jibnu l-fortifikazzjonijiet imfarrka jew jabbandunawx lil Malta darba għal dejjem. Wara l-pożizzjoni erojka u r-rebħa miksuba, l-Ordni kien imħeġġeġ mill-mexxejja tal-pajjiżi Nsara, l-aktar mill-Papa u mill-Imperatur Filippu ta' Spanja, biex il-kavallieri jibqgħu f'Malta. Dan għaliex l-assedju wera kemm kienet importanti il-preżenza tal-Ordni, u d-difiża ta' Malta minn xi attakk tat-Torok fin-Nofssinhar tal-Ewropa. Id-deċiżjoni finalment ittieħdet minn De Valette u sħabu li l-Ordni għandu jibqa' Malta. Biss, biex jagħmlu hekk kien meħtieġ li kemm jista' jkun malajr tinbena fortizza enormi biex tipproteġi kemm il-Port il-Kbir kif ukoll dak ta' Marsamxett. Hekk sar u bis-saħħa ta' hekk inbniet belt ġdida li saret tissejjaħ il-Belt Valletta, il-belt kapitali l-ġdida ta' Malta.
Biblijografija
immodifika- Bonello Giovanni, 'Unpublished Document from Ragusa about the Great Siege of Malta', Histories of Malta, Mysteries and Myths.
- Bonello Giovanni, 'An Overlooked eyewitness's account of over the Great Siege'. Histories of Malta - Versions and Diversions.
- Bradford Ernle, The Shield and the Sword - The Knights of Malta. Fontana Books. 1972.
- Bradford Ernle, The Great Siege - 1565. Penguin. 1970.
- Bonello Givoanni, 'German Soldiers for the Great Siege', The Sunday Times of Malta, April 6, 2008.
- Bonello Giovanni, 'Great Siege, small morsels', Histories of Malta, Vol. 9 - Confessions and Transgressions.
- Cassar George, The Great Siege, 1565 - Separating fact from fiction. Sacra Militia Foundation.2005.
- De Giorgio Roger, A City by an Order. Progress Press Co. Ltd. 1985.
- Ellul Joseph, 1565 - The Great Siege of Malta. Studiografik Ltd / Gutenberg Press.
- Ellul Michael, Fort St Elmo - Malta - A brief history. Progress Press. 1988.
- Lockhead Ian C., 'A pictorial account of the Siege of Malta'. Flair, no 27. May 2010.
- Pickles Tim, Malta 1565 - Last Battle of the Crusades Osprey Publishing Ltd. 1988.
- Stephen Spiteri, The Great Siege - Knights vs Turks - mdlxv. Gutenberg Press. 2005.
- Thake Robert, 'A large unexplored account of the Great Siege'. Treasures of Malta, No. 52, il-Milied 2018, Vol. 11, No. 1. Patrimonju Malti.
Ara wkoll
immodifika- "Il-Għanja tar-Rebħa" – poeżija ta' Dun Karm Psaila
Ħoloq esterni
immodifikaWikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Assedju ta' Malta (1565) |
Referenzi
immodifika- ^ De Giorgio, Roger (1985). A City By An Order (bl-Ingliż). Valletta: Progress Press. pp. 37–59.
- ^ De Giorgio, Roger (1985). A City By An Order. p. 56.
- ^ Spiteri, Stephen C. (2005). The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv (bl-Ingliż). Tarxien: Gutenberg. p. 37.
- ^ De Giorgio, Roger (1985). A City By An Order. pp. 54–56.
- ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. pp. 95, 96, 99.
- ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. p. 40.
- ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. p. 446.
- ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. p. 229.
- ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. p. 24.
- ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. p. 39.
- ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. p. 140.
- ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. pp. 147–151.
- ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. p. 159.
- ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. p. 201.
- ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. p. 208.
- ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. pp. 215–217.
- ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. pp. 241–242.
- ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege Knights vs Turks mdlxv. pp. 251–261.
- ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. pp. 280–287.
- ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. pp. 377–384.
- ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. p. 442.
- ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. pp. 436–440.
- ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. pp. 492–501.
- ^ Spiteri, Stephen C. The Great Siege - Knights vs Turks mdlxv. pp. 504–515.