Mathurin Romegas

Gran Mastru tal-Ordni ta' San Ġwann

Mathurin d'Aux de Lescout, magħruf bħala Mathurin Romegas (1525 jew 1528 – Novembru 1581 f'Ruma), kien nisel tal-familja aristokratika Gascony ta' d'Aux u membru tal-Kavallieri ta' San Ġwann. Kien wieħed mill-akbar kmandanti navali tal-Ordni u Gran Mastru ta’ Malta.

Mathurin Romegas
Gran Mastru tal-Ordni ta' San Ġwann ta' Ġerusalemm

Ħajja
Twelid Mansonville (en) Translate, 1530s
Mewt Ruma, 1581 (Gregorian)
Post tad-dfin Trinità dei Monti (en) Translate
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni patri ġellied

Ħajja bikrija

immodifika

Huwa twieled minn familja nobbli Franċiża b'konnessjonijiet mad- Dar ta' Armagnac. Fl-1542 ingħaqad mal-Kavallieri Ospitallieri u sar kavallier sħiħ xi erba’ snin wara wara li temm l-istudji militari u reliġjużi tiegħu. Huwa malajr għamel isem għalih innifsu bħala ġellied tajjeb b'stamina inkredibbli.[1]

ll-bidu tal-karriera

immodifika

Huwa sar kavallier tal-Ordni f'Diċembru 1546 u serva l-biċċa l-kbira ta' ħajtu fil-kmand tax-xwieni tagħha. Malajr ħa fama mal-baħħara Musulmani fuq l-ilmijiet u x-xtut tal-Mediterran, l-aktar għax kien kontinwament jitqabad magħhom tul il-Kosta tal-Barbarija, il-Levant u l-Baħar Eġew fejn qabad bosta bastimenti u skjavi. Fuq talba tal-Papa hu saħansitra wettaq kampanja qasira, iżda ħarxa kontra l-forzi Protestanti Huguenot f’partijiet tan-Nofsinhar ta’ Franza.

Kiseb l-ewwel fama bis-saħħa ta’ ħarba li dehret mirakoluża minn nawfraġju fl-1555. Ix-xini tiegħu nqaleb waqt maltempata vjolenti f’port ta’ Malta. Meta kienet għaddiet il-maltempa, instemgħet taħbita minn ġewwa l-bastiment maqlub. Saret toqba fil-qiegħ tiegħu u minnha ħareġ Romegas, bix-xadina domestika tiegħu, li b’xi mod irnexxielu joqgħod għal sigħat sa sidru fl-ilma f’bużżieqa tal-arja taħt il-karna tal-bastiment. Il-Gran Mastru de Valette ra dan l-avveniment personalment u żamm lil Romegas bħala ħabib qalb għall-bqija ta’ ħajtu.

Avventuri Navali

immodifika

Waqt li kien ingaġġat mal-Ġeneral tal-Xwieni tal-Ordni, Gozon de Melac, Romegas ġġieled ripetutament mal-galjuni ta’ Turgut Reis, qabad lil Penon de Velez fl-1564, fuq il-kosta tal-Afrika ta’ Fuq biswit Malaga, fortizza ewlenija tal- Pirati tal-Barbarija, u kien sors ta' rabja għas-sultan Ottoman Suleiman. Ftit wara l-qbid tal-Penon de Velez, diversi xwieni Maltin, taħt Romegas u de Giou, attakkaw u qabdu galjun Ottoman kbir, armat sew, taħt il-kmand ta’ Bairan Ogli Reis u b’200 Ġannizzeri abbord, , wara battalja mdemmija ħafna ħdejn Kefalonja. Sid il-bastiment kien Kustir Agha, l-ewnuku ewlieni tas-Seraglio tas-Sultan, u l-merkanzija li kien qed iġorr, stmata li tiswa madwar 80,000 dukat, kienet tiegħu personali u ta’ numru ta’ nisa tas-sultan. Fost il-priġunieri li qabdu kien hemm il-gvernatur tal-Kajr u l-gvernatur ta' Lixandra.Din il-ġrajja wasslet lil Sulejman il-Manjifiku biex jimmobilizza l-forza kbira li attakkat lil Malta fit-18 ta' Mejju 1565, u b'hekk beda l-Assedju l-Kbir ta' Malta.

Matul l-assedju nnifsu, Romegas kellu parti prominenti, fejn mexxa diversi eluf ta’ kavallieri u suldati fid-difiża tal-Port il-Kbir. Meta spiċċa l-assedju, huwa immedjatament kompla jaħbat kontra l-Musulmani fuq il-baħar, u kompla jikabbar il-fama tiegħu bħala gwerrier qalil u difensur tal-Kristjaneżmu.

Waqt il-Battalja ta' Lepanto fl-1571, Romegas serva fuq il-bastiment ewlieni tal-Papa taħt il-kmand tal-Ammiral Marcantonio Colonna. Romegas kien is-superintendent tax-xwieni papali. Reġa’ ġġieled b'mod li jispikka u wara l-battalja ġie mistieden minn Colonna biex imur miegħu Ruma biex jiċċelebraw r-rebħa flimkien.

Fl-1575 Romegas inħatar Ġenerali tax-Xwieni tal-Ordni u ftit wara Gran Pirjol ta' Toulouse. Fl-1577 ġie elett Logutenent tal-Gran Mastru. Bl-profil tiegħu ta’ qlubija u suċċess, deher destinat li eventwalment ikun elett Gran Mastru, iżda minflok ġie mxejjen mill-intriċċi u l-makkinazzjonijiet ta’ diversi membri anzjani tal-Ordni li ppruvaw jużaw il-prestiġju u l-influwenza tiegħu għall-fini tagħhom minflok.

Gran Mastru Rival

immodifika

Fi ħdan l-Ordni u fil-Kunvent Ġenerali żviluppa ħafna riżentiment kontra l-Gran Mastru Jean de la Cassiere minħabba perċezzjoni li l-Ordni sofriet sensiela ta’ umiljazzjoni militari u politiċi matul il-ħakma tiegħu. Fl-1581, dan wassal għal dak li prattikament kien ammutinament, meta l-Kunvent Ġenerali warrab lil La Cassiere u qaflu fil-Forti Sant'Anġlu. B'hekk Romegas sar il-Gran Mastru de facto.[2] Il-Papa bagħat mibgħut speċjali, Gaspare Visconti, biex jinvestiga u fl-istess waqt jamministra l-Ordni sakemm it-tilwima tiġi riżolta.

La Cassiere u Romegas kienu mħarrka lejn Ruma biex jispjegaw l-imġieba tagħhom u jgħidu tagħhom. La Cassiere wasal Ruma fis-26 ta’ Ottubru 1581 u, fuq ordnijiet tal-Papa Girgor XIII, ġie ttrattat b’ħafna rispett u ċerimonja. B’kuntrast, Romegas kien ittrattat b’mod formali u b’ċertu disprezz.

Huwa miet, waħdu u b'qabu maqsuma ġimgħa wara, fl-4 ta’ Novembru 1581.

La Cassiere ġie lliberat minn kull akkuża kontrih b’mod onorevoli u kien irrestawrat fil-pożizzjoni ta’ Gran Mastru. Madankollu, ma għex biżżejjed biex igawdi t-trijonf tiegħu, u miet f’Ruma fil-21 ta’ Diċembru 1581.[3]

Referenzi

immodifika
  1. ^ Capponi (2006), p. 208.
  2. ^ Dandria, David (19 June 2011). "An eventful year for the Order of St John in Malta". Times of Malta. Miġbur 19 November 2014.
  3. ^ Dandria, David (26 June 2011). "1581 affair ended by death, diplomacy". Times of Malta. Miġbur 19 November 2014.

Ħoloq esterni

immodifika
Predeċessur
Jean de la Cassière
Gran Mastru tal-Ordni ta' San Ġwann
(disputibbli)

1581

Suċċessur
Jean de la Cassière