Knejjes u Kunventi ta' Goa

Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Indja

Il-Knejjes u l-Kunventi ta' Goa huwa l-isem li ngħata lil sensiela ta' monumenti reliġjużi f'Goa Velha (jew Goa l-Antika), fl-istat ta' Goa, l-Indja, li ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986.[1]

Il-Katidral ta' Goa

Goa kienet il-belt kapitali tal-Indja u tal-Asja Portugiża u ċentru ta' evanġelizzazzjoni mis-seklu 16.

Il-belt ta' Goa ġiet stabbilita fis-seklu 15 mis-Sultanat Musulman ta' Bijapur bħala port tul ix-xtut tax-xmara Mandovi. Il-belt ittieħdet fl-1510 minn Afonso de Albuquerque bl-għajnuna tal-Induista ta' Goa Timoja, u baqgħet kontinwament taħt it-tmexxija Portugiża sas-seklu 20.[2] Il-popolazzjoni tal-belt ġiet irreġistrata li kienet tlaħħaq iktar minn 200,000 abitant fl-aqwa żmien tagħha u l-belt kienet magħrufa bit-titlu ta' "Ruma tal-Lvant"[3], speċifikament minħabba d-diversi binjiet reliġjużi Kattoliċi sbieħ tagħha.[4]

L-ewwel nies li kkonvertew għall-Kristjaneżmu f'Goa kienu n-nisa nattivi ta' Goa li żżewġu lill-irġiel Portugiżi li waslu ma' Afonso de Albuquerque matul il-konkwista Portugiża ta' Goa fl-1510.[5] F'nofs is-seklu 16, il-belt ta' Goa kienet iċ-ċentru tal-Kristjanizzazzjoni fil-Lvant. Il-Ġiżwiti, il-Franġiskani, id-Dumnikani u ordnijiet reliġjużi Kattoliċi oħrajn stabbilew lilhom infushom f'Goa mis-seklu 16. Huma użaw il-belt bħala l-bażi tagħhom għat-tifrix tal-Kattoliċiżmu fl-Indja. Is-sekli 16 u 17 kienu l-epoka tad-deheb ta' Goa, fejn kien qed jiffjorixxi l-kummerċ u b'hekk kienet tgawdi privileġġi amministrattivi simili għal dawn ta' Liżbona.[6]

 
São Francisco Xavier, l-"Appostlu tal-Lvant".

Fl-ewwel żewġ sekli tal-preżenza Portugiża, inbnew il-biċċa l-kbira tal-knejjes u tal-monasteri li għad hemm fil-belt, u b'hekk attirat l-ammirazzjoni tal-vjaġġaturi li għaddew minn Goa. Dawn il-monumenti jirriflettu l-iskambju kulturali u l-legat tal-Portugiżi: filwaqt li l-forom arkitettoniċi jsegwu dawk Ewropej, inkluż it-tiżjin intern tal-artali, tal-pitturi ta' fuq l-artali, il-pitturi inġenerali u l-għamara, li jirriflettu x-xogħol u l-ħila tal-artisti lokali. Dan kien possibbli minħabba l-preżenza ta' artisti u ta' ħaddiema nattivi kapaċi ta' Goa, u b'hekk ma kienx hemm għalfejn l-importazzjoni ta' artisti Ewropej jew ta' skjavi Afrikani (għad-differenza tal-Brażil kolonjali kontemporanju).

Mill-aħħar tas-seklu 17, il-kompetizzjoni kummerċjali mal-Olandiżi u mal-Brittaniċi wasslet għad-deklin tal-belt ta' Goa. Diversi epidemiji fnew il-belt u x-xmara Mandovi ma baqgħet adegwata għall-vapuri iktar moderni. Il-Viċirè ttrasferixxa ruħu lejn Pangim (Nova Goa) fl-1759, u Velha Goa tilfet l-istatus ta' belt kapitali li kellha uffiċjalment fl-1843.

Ir-Repubblika tal-Indja invadiet u annettiet lil Goa fl-1961, u b'hekk temmet iktar minn 451 sena ta' tmexxija Portugiża kontinwa. Madankollu, l-influwenza kulturali għadha eżistenti sa llum il-ġurnata u hija evidenti fil-monumenti reliġjużi ta' Goa, iddikjarata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986.

Monumenti

immodifika

Knisja tal-Madonna tar-Rużarju

immodifika
 
Il-Knisja tar-Rużarju nbniet bl-istil Manwelin aħħari u hija l-eqdem f'Goa.

Il-Knisja tal-Madonna tar-Rużarju (bl-Ispanjol: Igreja de Nossa Senhora do Rosário) inbniet fl-1543 u hija l-eqdem fost il-knejjes eżistenti ta' Goa Antika. Inizjalment kienet knisja parrokkjali, imbagħad saret knisja kolleġġjali. Minn barra, il-knisja tidher qisha fortizza żgħira; maġenb id-daħla hemm żewġ torrijiet ċilindriċi żgħar b'koppli tipiċi tal-istil Gotiku Aħħari u Manwelin tal-Portugall, b'mod partikolari fir-reġjun ta' Alentejo. Minn ġewwa, tenfasizza l-volti Manwelini tal-kappelli. Fil-kor, maġenb l-artal iddedikat lill-Madonna tar-Rużarju, mal-ħajt hemm lapida mnaqqxa tal-alabastru bi stil Persjan jew Indjan, bil-kitba: "Aqui jaz Dona Catarina, mulher de Garcia de Sa, a qual pede a quem isto ler que peça misericórida a Deus para sua alma" ("Hawnhekk tistrieħ Dona Catarina, il-mara ta' Garcia de Sá, li titlob lil dawk li jaqraw din il-kitba biex jitolbu l-ħniena ta' Alla għal ruħha"). Mal-art taħt il-lapida hemm il-qabar ta' Garcia de Sá (li miet fl-1549), is-suċċessur ta' João de Castro bħala l-Gvernatur tal-Indja.[7][8]

Katidral ta' Sé ta' Goa

immodifika

Goa ġiet elevata għal sede ta' veskovat fl-1534 mill-Papa Pawlu III, u b'hekk inbena katidral b'torri ddedikat lil Katarina ta' Lixandra fl-ewwel deċennji ta' kolonjalizzazzjoni. Il-knisja żgħira, li ma kinitx biżżejjed biex tilqa' l-fidil, ġiet rikostruwita mill-1562, matul l-amministrazzjoni tal-Viċirè Dom Francisco Coutinho. Il-kostruzzjoni saret tassew bil-mod, tant li fl-1619 il-korp biss tal-knisja kien tlesta, u l-faċċata tlestiet biss fl-1631.

Il-Katidral tas-Sè ta' Goa huwa l-ikbar binja li bnew il-Portugiżi fl-Asja, twil 91 metru u wiesa' ħafna, li probabbilment ikkontribwixxa għall-pass kajman tax-xogħlijiet. Il-knisja għandha tliet navati ta' daqs ugwali, korsija ewlenija qisha sala, bħall-katidrali Portugiżi l-oħra ta' żmienu, pereżempju l-Katidral ta' Miranda do Douro (li nbeda fl-1552), ta' Leiria (li nbeda fl-1559) u ta' Portalegre (li nbeda fl-1556).[9] Il-faċċata għandha tliet portali u torri wieħed fuq il-lemin li nqered matul maltempata fl-1766. In-navati tal-knisja għandhom il-volti u huma sseparati b'żewġ ringieli ta' pilastri. Mit-tiżjin fuq ġewwa l-iktar li jispikka huwa l-artal indurat fil-kor.

Bażilika ta' Bom Jesus

immodifika
 
Il-Bażilika ta' Bom Jesus ta' Goa

Is-Soċjetà ta' Ġesù tal-Ġiżwiti waslet f'Goa fl-1542, u l-iżjed figura importanti f'dawk il-jiem bikrin kienet dik ta' Francisco Xavier, meqjus bħala l-Appostlu tal-Lvant għall-ħidma tiegħu fl-evanġelizzazzjoni tal-Asja. Xi żmien wara l-wasla tagħhom, il-Ġiżwiti ħolqu ċentru edukattiv reliġjuż, il-Kulleġġ ta' San Rokku jew São Roque, li kellu librerija enormi u tagħmir għall-istampar, iżda dan il-kumpless inqered fl-1830.[10] Il-monument kbir tal-Ġiżwiti li baqa' qawwi u sħiħ huwa l-Bażilika ta' Bom Jesus, li bdiet tinbena fl-1594 u ġiet ikkonsagrata fl-1605. Fil-kostruzzjoni tagħha ħadem l-inġinier minn Goa Julius Simon u l-Ġiżwit Portugiż Domingos Fernandes. Il-bażilika ssegwi l-mudell tal-knejjes Ġiżwiti Portugiżi bħall-Knisja tal-Ispirtu s-Santu ta' Évora u l-Knisja ta' San Rokku ta' Liżbona. Il-Bażilika ta' Bom Jesus hija tempju b'navata unika; din hija mgħottija b'xorok tal-injam b'kurvatura u ma fiha l-ebda kappella laterali għajr żewġ kappelli fiż-żona tat-transett. Il-faċċata tal-knisja, frott il-ħidma ta' Domingos Fernandes, għandha stil tal-Manjeriżmu u fiha tliet portali u tliet sulari kkompartimentalizzati b'gwarniċi. Fuq il-faċċata hemm korp kbir imżejjen bid-dirgħajn tas-Soċjetà ta' Ġesù u maġenbhom xi skrollijiet.

L-ikbar teżor fuq ġewwa tal-knisja hija l-kappella tat-transett fejn mill-1655 hemm il-fdalijiet ta' Francisco Xavier f'urna tal-fidda fina maħduma minn artisti lokali. L-urna tinsab f'mawżolew maħdum mill-artist minn Firenze, l-Italja, Giovanni Battista Foggini fl-1697. Dan il-monument maħdum bl-irħam Taljan ġie offrut mill-Gran Duka tat-Toskana, Cosimo III tal-familja Medici, u tqiegħed fil-post minn Placido Francesco Ramponi, artist li ntbagħat apposta f'Goa fl-1698 għal dan l-għan. Il-kappella prinċipali għandha artal tad-deheb, li jmur lura għall-ħabta tal-1699, u li huwa ddedikat lill-Bambin Ġesù bi xbieha ta' San Injazju ta' Loyola, il-fundatur tal-Ordni.[11]

Il-Bażilika ta' Bom Jesus f'Goa ġiet ikklassifikata fl-2009 bħala waħda mis-Seba' Għeġubijiet ta' Oriġini Portugiża fid-Dinja.

Knisja ta' San Franġisk ta' Assisi

immodifika
 
Il-kappella prinċipali tal-Knisja ta' San Franġisk ta' Assisi

L-Ordni Franġiskana kienet l-ewwel waħda li stabbiliet ruħha f'Goa, u fl-1517 kisbet il-permess tar-Re Manwel I biex tibni kunvent. Il-knisja bikrija tlestiet fl-1521 iżda nbniet kompletament mill-ġdid mill-1661. Matul dawn ix-xogħlijiet, daħla bi stil Manwelin ġiet ippreservata u ntużat fuq faċċata Manjerista tal-knisja l-ġdida. Dan il-portal, magħmul b'ġebla skura, għandu profil ġej għat-tond u maġenbu hemm l-isferi nawtiċi li huma s-simboli tar-Re Manwel I. Il-faċċata hija dejqa u għolja, b'żewġ torrijiet ottagonali. Quddiem il-knisja hemm salib kbir tal-granit.

Fuq ġewwa hemm navata unika bil-volti u bil-kappelli laterali, u transett miksi bl-istukko u l-pitturi. L-art tal-knisja, bħal knejjes oħra f'Goa, fiha bosta oqbra b'kitbiet u bi stemmi. Il-kappella prinċipali fiha diversi pitturi dwar il-ħajja ta' San Franġisk ta' Assisi u artal indurat kbir mill-ħabta tal-1670 bi xbieha ta' Ġesù fuq is-salib iħaddan b'dirgħajh lil Francis Xavier. Wara l-artal, viżibbli permezz ta' fetħa, hemm tabernaklu mnaqqax, mirfud permezz ta' statwi tal-erba' Evanġelisti, li qabel kienu jesponu s-Sagrament Imqaddes u ċ-ciborium.

Kappella ta' Santa Katarina

immodifika
 
Il-Kappella ta' Santa Katarina

Fl-1510, Afonso de Albuquerque ħakem il-belt ta' Goa. Inbniet kappella maġenb il-ħajt Musulman ta' Goa, fejn seħħet l-invażjoni tal-Portugiżi. Din il-kappella kienet tinsab qrib is-sit tal-Isptar Irjali, fit-Tramuntana tal-Kunvent ta' San Franġisk ħdejn l-Arsenal. Tinsab madwar 100 metru fil-Punent tal-Knisja ta' San Franġisk ta' Assisi. Fl-1534 il-kappella ngħatat l-istatus ta' katidral mill-Papa Pawlu III u sussegwentement ġiet rikostruwita; il-ġebla mnaqqxa bil-kitba ġiet miżjuda matul ir-rikostruzzjoni u tgħid li Afonso de Albuquerque effettivament daħal fil-belt f'dan il-punt preċiż, għaldaqstant huwa maħsub li l-kappella nbniet fil-post fejn fl-imgħoddi kien hemm id-daħla prinċipali tal-belt Musulmana, magħrufa dak iż-żmien bħala Ela.[12]

Hija binja bi pjanta rettangolari u b'navata unika, b'ras kwadrangolari. L-għamla tagħha hija waħda sempliċi u l-faċċata fiha tliet korpi sseparati minn xulxin bil-pilastri. Il-korp ċentrali fih arċitravu dritt assjali b'pedament triangolari u fuqu tieqa fin-nofs ta' żewġ torrijiet tal-kampnari kwadri b'saqaf forfċi. Fuq ġewwa l-knisja għandha navata unika, b'kor tal-ġebel, u b'saqaf ċilindriku b'għamla ta' bettija tal-ġebel.

Fdalijiet tal-Knisja ta' Santu Wistin

immodifika

L-Awgustinjani wkoll waslu f'Goa fis-seklu 16, u stabbilew kunvent u knisja fl-1597. Attwalment, iż-żewġ binjiet huma fdalijiet; il-volta tal-knisja ċediet fl-1842 u l-faċċati waqgħu fl-1936. Mill-fdalijiet tal-knisja, l-iżjed li jispikka huwa l-fdal ta' torri li għadu wieqaf. Huwa magħruf li l-faċċata oriġinali maġenbha kellha żewġ torrijiet enormi ta' ħames sulari, u n-naħa domestika kellha navata unika b'kappelli laterali u transett.

Knisja tad-Divina Provvidenza (São Caetano jew San Gejtanu)

immodifika
 
Il-Knisja ta' San Gejtanu

Fl-1639, it-Teatini waslu f'Goa u stabbilew kunvent. Huma bnew il-Knisja ta' San Gejtanu sal-1665, iddedikata lil San Gejtanu u lill-Madonna tal-Provvidenza, li ġiet iddisinjata mill-arkitetti Taljani Carlo Ferrarini u Francesco Maria Milazzo bi pjanta f'għamla ta' salib Grieg. Il-faċċata hija simili għall-faċċata ddisinjata minn Carlo Maderno għall-Bażilika ta' San Pietru fil-Vatikan. Għandha koppla emisferika enormi mmudellata wkoll fuq il-Bażilika ta' San Pietru. Madankollu, minflok żewġ koppli għandha żewġ torrijiet kwadrangolari. Il-knisja fiha eżempji eċċezzjonali ta' arkitettura Korinzja.

Fin-niċeċ tal-faċċata hemm erba' statwi tal-bażalt ta' San Pawl, San Pietru, San Ġwann l-Evanġelista u San Mattew, u hemm il-kitba "Domus mea, domus oration/s" li tfisser "Id-Dar Tiegħi hija Dar tat-Talb" (imnaqqxa tul il-portal).

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Knejjes u l-Kunventi ta' Goa ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Konservazzjoni u preservazzjoni

immodifika
 
Il-Fdalijiet tal-Knisja ta' Santu Wistin

L-UNESCO ġiet infurmata li ċ-Ċentru tal-Wirt Dinji wettaq missjoni f'Goa f'Jannar 1999 biex tiġi żviluppata proposta ta' proġett abbażi tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali ta' Goa Antika (l-Indja), Guimaraes (il-Portugall) u Brighton & Hove (ir-Renju Unit) għad-dħul fil-Programm Asia Urbs tal-Unjoni Ewropea. Matul din il-missjoni, ġie nnutat li filwaqt li qed isir sforz importanti ta' konservazzjoni tal-monumenti individwali, is-sit kumplessiv mhuwiex koeżiv, kemm viżivament kif ukoll bħala spazju. It-twessigħ tat-toroq, it-telqa ta' xi fdalijiet arkeoloġiċi u l-organizzazzjoni u l-ippjanar moderni tal-pajsaġġ għalqu l-monumenti individwali f'ġonna li ma għandhom l-ebda rabta man-nisġa urbana storika, b'hekk is-sit spiċċa qisu ġabra ta' monumenti għalihom u dan jimmina l-integrità tas-sit bħala eks raħal portwali.[13]

Il-gvern ċentrali tal-Indja, wara konsultazzjonijiet mal-knisja ta' Goa Antika (id-djoċesi Kattolika), l-istat ta' Goa u esperti lokali tal-Fundação Orient (istituzzjoni Portugiża), fost istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet mhux governattivi oħra, u b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-fergħa lokali tal-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja, ħejja proposta ta' proġett għall-konservazzjoni u għall-preservazzjoni urbani. Din il-proposta hija pendenti sakemm tasal l-approvazzjoni mill-gvern ċentrali Indjan u l-ftuħ għall-finanzjament mid-donaturi. Diskussjonijiet sussegwenti mad-Direttur Ġenerali Portugiż għall-Monumenti u l-Binjiet Nazzjonali (DGEMN) irriżultaw f'impenn ta' kollaborazzjoni bejn il-gvern ċentrali tal-Indja u d-DGEMN sabiex jitfassal inventarju tas-sit bħala l-ewwel pass għat-tħejjija ta' pjan ta' ġestjoni tal-konservazzjoni iktar koerenti.

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Churches and Convents of Goa". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-16.
  2. ^ Crowley, Roger (2015). Conquerors: How Portugal Forged the First Global Empire. Londra: Faber & Faber.
  3. ^ de Mendonça, Délio (2002). Conversions and citizenry: Goa under Portugal 1510–1610. New Delhi: Concept Publishing Company. p. 67.
  4. ^ Fernandes, Agnelo. Goa in the international trade (16th-17th centuries). in Essays in Goan history. Concept Publishing Company, 1989 ISBN 817022263X.
  5. ^ de Avezedo, Carlos. The Churches of Goa. Journal of the Society of Architectural Historians. XV, 3. 19. 1956.
  6. ^ "Lameira, Francisco (2006). "Artistas que trabalharam para a Companhia de Jesus na concepção e na feitura de retábulos" (PDF). Artistas e Ártifices e a sua mobilidade no mundo de expressão portuguesa. Actas VII Cóloquio Luso-Brasileiro de História da Arte. Porto. pp. 173–180" (PDF).
  7. ^ Manoel José Gabriel Saldanha. História de Goa: (política e arqueológica). Asian Educational Services, 1990. ISBN 812060590X.
  8. ^ "Garcia de Sá - Portugal, Dicionário Histórico". www.arqnet.pt. Miġbur 2022-08-17.
  9. ^ Nunes Pereira, Nuno. Goan and Christian architecture of the 16th century. in Goa and Portugal: their cultural links. Concept Publishing Company, 1997 ISBN 8170226597.
  10. ^ Dias, Pedro. A construção da casa professa da Companhia de Jesus em Goa. in Carlos Alberto Ferreira de Almeida: in memoriam. Faculdade de Letras da Universidade do Porto.
  11. ^ "543 Jose Pereira, Goan architecture". www.india-seminar.com. Miġbur 2022-08-17.
  12. ^ "Ethos de Goa: Santa Catarina e a Filosofia de vida. Revista BRASIL-EUROPA 131/11. A.A.Bispo (Ed.). Academia Brasil-Europa/ISMPS Revista BRASIL-EUROPA Correspondência Euro-Brasileira©". www.revista.brasil-europa.eu. Miġbur 2022-08-17.
  13. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "UNESCO World Heritage Centre - State of Conservation (SOC 1999) Churches and Convents of Goa (India)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-17.