Katidral ta' Burgos
Il-Katidral ta' Santa Marija ta' Burgos (bl-Ispanjol: Santa Iglesia Basílica Catedral Metropolitana de Santa María de Burgos) huwa knisja Kattolika ddedikata lil Santa Marija li tinsab fiċ-ċentru storiku tal-belt Spanjola ta' Burgos.
Il-kostruzzjoni tal-katidral bdiet fl-1221, bl-istil Gotiku Franċiż ibbażat fuq pjanta ta' salib Latin. Wara kważi 200 sena, il-katidral ġie msebbaħ fis-sekli 15 u 16: bl-ispiri tal-faċċata prinċipali, il-Kappella tal-Kuntistabbli (Capilla del Condestable), il-koppla u t-transett. Dawn huma elementi tal-Gotiku Franċiż karatteristiċi tal-katidral. L-aħħar xogħlijiet ta' importanza (is-Sagristija jew il-Kappella ta' Santa Tekla) saru fis-seklu 18, u l-portali Gotiċi tal-faċċata prinċipali ġew immodifikati wkoll. L-istil tal-katidral huwa Gotiku, għalkemm fih diversi elementi dekorattivi Barokki u Rinaxximentali wkoll. Il-kostruzzjoni u r-rinnovazzjonijiet saru bil-ġebla tal-ġir estratta mill-barrieri tar-raħal fil-qrib ta' Hontoria de la Cantera.
Bosta xogħlijiet ta' artisti straordinarji huma ppreservati fil-katidral, u joħorġu fid-dieher il-ġenju kreattiv ta' arkitetti u ta' skulturi tal-familja Colonia (Juan, Simón u Francisco), l-arkitett Juan de Vallejo, l-iskulturi Gil de Siloé, Felipe Bigarny, Rodrigo de la Haya, Martín de la Haya, Juan de Ancheta u Juan Pascual de Mena, l-iskultur u l-arkitett Diego de Siloé, l-artist tax-xatbiet Cristóbal de Andino, l-artist tal-ħġieġ ikkulurit Arnao de Flandes u l-pitturi Alonso de Sedano, Mateo Cerezo, Sebastiano del Piombo jew Juan Ricci, fost oħrajn.
Id-disinn tal-faċċata prinċipali huwa marbut mal-iżjed stil pur tal-Gotiku Franċiż bħal dak tal-katidrali l-kbar kontemporanji ta' Pariġi u ta' Reims, filwaqt li l-elevazzjoni fuq ġewwa hija simili għall-Katidral ta' Bourges. Il-faċċata tikkonsisti minn tliet sulari flimkien ma' żewġ kampnari laterali kwadri. L-ispiri, li juru influwenza Ġermanika, żdiedu fis-seklu 15 minn Juan de Colonia. Il-portali ta' Sarmental u ta' la Coronería nbnew bl-istil Gotiku tas-seklu 13, filwaqt li l-portal ta' la Pellejería fih influwenzi Rinaxximentali-Platereski tas-seklu 16.
Il-katidral ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-31 ta' Ottubru 1984.[1] Huwa l-uniku katidral Spanjol li tniżżel waħdu fil-lista tal-UNESCO, mingħajr iż-żieda wkoll taċ-ċentru storiku tal-belt (bħal fil-każ ta' Salamanca, Santiago de Compostela, Ávila, Córdoba, Toledo, Alcalá de Henares jew Cuenca) jew ta' binjiet oħra (bħal fil-każ ta' Sivilja). Huwa simili għad-disinn tal-Katidral ta' Brussell, il-Belġju.
Storja tal-katidral
immodifikaBinja Rumaneska tas-seklu 11
immodifikaBurgos saret veskovat fl-1075 bis-saħħa tar-re Alfonso VI "il-Qalbieni" ta' León u Kastilja bl-awtorità tal-Papa Gregorju VII, u b'hekk ingħata kontinwità kanonika bit-tradizzjoni episkopali tad-djoċesi ta' Oca. Il-prelat ta' dan tal-aħħar fil-589 diġà kien irreġistrat bħala firmatarju tat-Tielet Kunsill ta' Toledo matul ir-renju tal-Viżigoti.
Il-monarka ddedika l-kostruzzjoni ta' katidral lil Santa Marija. Id-disinn oriġinali tiegħu mhux magħruf, iżda x'aktarx li kien Rumanesk u simili għax-xogħlijiet kontemporanji bħall-Abbazija ta' Santo Domingo de Silos, il-Monasteru ta' San Pedro de Arlanza ta' San Martín de Tours de Frómista jew il-Katidral ta' Jaca). Hemm evidenza ddokumentata li l-monarka ta b'donazzjoni l-parti ta' barra tal-palazz irjali li kien ta' missieru Ferdinandu I ta' León u knisja żgħira ddedikata lil Santa Marija li kienet għadha qed tinbena.
Fl-1096 il-kostruzzjoni tal-knisja tlestiet. Iżda l-knisja wara ftit saret żgħira wisq għall-ħtiġijiet tal-belt li kienet il-belt kapitali simbolika tar-renju, veskovat b'saħħtu (is-sala kapitolari tal-katidral diġà kellha iktar minn tletin kanonku qabel l-1200) u kulma jmur ċentru dinamiku tan-negozju. Id-deċiżjoni li jinbena katidral ġdid ittieħdet finalment fis-seklu 13. Bħalma kien jiġri spiss dak iż-żmien, il-binja Rumaneska nqerdet (fadal biss xi elementi ta' skulturi biss issa), x'aktarx matul it-tieni kampanja ta' kostruzzjoni tal-katidral il-ġdid fis-snin 40 u 50 tas-seklu 13. F'dak is-sit, imkabbar bit-tiġrif tad-djar fil-qrib, u permezz tad-donazzjonijiet mill-Isqof Marino, inbena katidral Gotiku ġdid.
Pjanta arkitettonika
immodifika
|
Pedamenti Gotiċi u xogħlijiet tas-sekli 13 u 14
immodifikaL-ewwel ġebla tal-katidral il-ġdid tpoġġiet fl-20 ta' Ġunju 1221 fil-preżenza tal-promoturi tal-katidral: ir-re Ferdinandu III "il-Qaddis" ta' Kastilja u l-Isqof Maurice ta' Burgos, isqof tad-djoċesi ta' Burgos mill-1213. Il-Papa Onorju III ta indulġenza lill-kontributuri kollha tal-kostruzzjoni. X'aktarx, l-ewwel arkitett kien xi ħadd anonimu Franċiż, għalkemm xi riċerkaturi jsostnu li kien il-kanonku Johan de Champagne, ikkwotat f'dokument tal-1227, li wisq probabbli nġab lejn Burgos mill-Isqof Maurice nnifsu, wara l-vjaġġ tiegħu lejn Franza u l-Ġermanja biex jirranġa ż-żwieġ bejn il-monarka u Eliżabetta ta' Swabja. Iċ-ċerimonja tat-tieġ saret fil-katidral Rumanesk l-antik.
Il-katidral kien jinsab eżattament fil-punt fejn ix-xaqliba tal-għolja, difiża mill-Kastell ta' Burgos, tibda tiela' 'l fuq. Il-kostruzzjoni nbdiet fuq in-naħa ta' quddiem u fil-presbiterju, fejn l-isqof fundatur indifen. Il-katavru tiegħu iktar 'il quddiem ġie ttrasferit fiċ-ċentru tal-kor. Sal-1240 l-hekk imsejjaħ Mastru Enrique sar l-arkitett ewlieni tax-xogħlijiet ta' kostruzzjoni tal-katidral. Huwa kien responsabbli wkoll għall-kostruzzjoni tal-Katidral ta' León u kien ispirat ċertament mill-Katidral ta' Reims. Ix-xogħol twettaq malajr ħafna u fl-1238, is-sena meta miet il-prelat fundatur, midfun fil-presbiterju, u n-naħa ta' quddiem u l-biċċa l-kbira tat-transett u tan-navati diġà kienu kważi tlestew. Il-konsagrazzjoni tal-katidral seħħet fl-1260, għalkemm is-servizzi ekkleżjastiċi diġà kienu ilhom isiru mill-1230.
Il-kappelli tal-korsiji tlestew bejn it-tieni nofs tas-seklu 13 u l-bidu tas-seklu 14 u nbena kjostru ġdid. Mastru Enrique miet f'Burgos fl-1277 u s-suċċessur tiegħu kien Mastru Juan Pérez. Iktar 'il quddiem ħadlu postu Aparicio Pérez, li kien attiv fl-1327, u Pedro Sánchez de Molina u Martín Fernández, li mietu fl-1396 u fl-1418 rispettivament.
Tkabbir u modifiki tas-sekli 15 sa 18
immodifikaFis-seklu 15 il-familja Colonia, oriġinarjament minn Köln, inkorporat l-ispiri miftuħa tal-faċċata prinċipali (bejn l-1442 u l-1458), il-koppla fuq it-transett u l-Kappella tal-Kuntistabbli. Fis-seklu 16, apparti l-modifiki f'diversi kappelli, bdiet il-kostruzzjoni ta' koppla ġdida minn Juan de Vallejo (għall-ħabta tal-1518-1569) u Felipe Vigarny, li ssostitwiet iċ-cimborio (torri b'koppla ċentrali) li kien inbena minn Juan de Colonia (li ġġarraf minħabba uragan). Dan iċ-cimborio għandu pinnaklu u lanterna ottagonali ta' żewġ sulari mżejna b'mod rikk. Fis-seklu 18 bdiet il-kostruzzjoni tal-Kappella ta' Santa Tekla bl-istil Churrigueresk (li tlestiet fl-1734) fis-sit tal-knisja parrokkjali oriġinali), tal-Kappella tar-Relikwi u tas-Sagristija.
Wieħed mill-iżjed isqfijiet famużi ta' Burgos kien l-istudjuż u l-istoriku tas-seklu 15 Alphonsus.
Restawr fis-sekli 19 u 20
immodifikaIl-Katidral ta' Burgos għad għandu bosta kapulavur tal-arti tas-sekli 13 sa 18, speċjalment minħabba l-fatt li matul is-sekli 19 u 20, ma kien sar l-ebda restawr deċiżiv.
Apparti l-kjostru l-ġdid, li ġie mmodifikat b'mod essenzjali wara l-1800, ġew irrestawrati wkoll il-Kappella ta' Kristu Mqaddes jew tal-Madonna tar-Rimedji, li jinsabu fil-Punent tal-kjostru l-antik. Ir-rinnovazzjoni bdiet bit-trasferiment tal-Kurċifiss Imqaddes ta' Kristu mill-Kunvent ta' Santu Wistin għall-kappella, li mbagħad bdiet tissejjaħ il-Kappella tal-Kristu Mqaddes ta' Burgos. Fis-snin 90 tas-seklu 19, Vicente Lampérez y Romea, l-arkitett prinċipali tal-katidral mill-1887, wettaq restawr estensiv ta' din il-kappella, u neħħa t-tkaħħil tal-ħitan u tal-volti u rrinova għalkollox is-saqaf tan-navata. Barra minn hekk, wettaq it-twieqi Neo-Gotiċi, l-arkati għomja tal-ħitan u l-biċċa l-kbira tal-elementi arkitettoniċi l-oħra.
Bejn l-1899 u l-1911 Lampérez irrestawra wkoll il-kjostru l-ġdid u essenzjalment reġa' rkupra l-għamla oriġinali tiegħu. Fil-kjostru bena t-tielet sular u minflok it-twieqi Barokki żgħar huwa fetaħ it-twieqi oriġinali tal-kjostru li kienu kważi magħluqa għalkollox. L-installazzjoni ta' twieqi ornamentali fuq mudelli u tekniki antiki, tirrappreżenta t-tmiem tar-restawr. Il-kjostru ta' fuq ma nbidel kważi xejn, mentri l-kjostru t'isfel ġie rrestawrat ferm. L-għamla tal-kjostru qisha kustilja, x'aktar Gotiku Aħħari, hija xogħol Lampérez. Qabel ir-restawr, il-kjostru t'isfel kien maqsum f'diversi kompartimenti u b'mod ġenerali kien fi stat ħażin ta' konservazzjoni. X'aktarx li matul ir-restawr tal-kjostru tneħħa t-taraġ li sussegwentement ġie miżjud, u li jinsab fir-rokna ta' ġewwa fuq in-naħa tal-Lbiċ tal-istess kjostru. Sussegwentement, il-konnessjoni bejn iż-żewġ kjostri ġiet stabbilita biss permezz ta' taraġ tal-injam taħt il-Kappella ta' San Ġlormu.
Fir-restawr l-iktar reċenti tal-katidral, mill-arkitett Marcos Rico Santamaría, ġie sostitwit is-saqaf b'wieħed ħafif tal-azzar. Fir-rigward tal-istilla mrikkba b'qisha kustilji, sospiża fit-torri ċentrali tat-transett, għandha wiċċ tal-ħġieġ li permezz tiegħu l-kustilji jidhru mdawlin. Minkejja dan ir-restawr, ma tantx saru tentattivi reċenti biex tiġi mmodifikata l-qalba arkitettonika u skulturali tal-katidral. Fit-12 ta' Awwissu 1994, statwa ta' San Lawrenz waqgħet mit-tarf tat-torri tat-Tramuntana tal-faċċata prinċipali, u b'hekk il-pubbliku malajr induna li l-monument kien jeħtieġ miżuri immedjati ta' protezzjoni u ta' konservazzjoni.
Finalment, interventi kontemporanji notevoli oħra, mingħajr xi modifika kbira tal-katidral, ikkontribwew b'mod sinifikanti għat-titjib tal-qagħda tal-katidral, bħall-eliminazzjoni fil-bidu tas-seklu 20 ta' xi binjiet mehmuża mat-tempju, bħall-Palazz tal-Arċisqof.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Katidral ta' Burgos ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1984 u ż-żona ta' lqugħ tas-sit ġiet immodifikata kemxejn fl-2014.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Fuq barra
immodifikaFaċċata ta' Santa Marija
immodifikaMeta wieħed jinżel it-taraġ li jagħti għall-Pjazza ta' Santa Marija, jasal quddiem il-faċċata tal-Punent tal-katidral, ispirata mill-faċċata tal-katidrali ta' Pariġi u ta' Reims.
Il-Portal ta' Santa Marija jikkonsisti minn tliet ħnejjiet ippuntati. Il-portal ċentrali jissejjaħ il-Bieb Irjali jew il-Bieb tal-Maħfra. Il-portali laterali huma ddedikati lit-Tlugħ is-Sema u l-Kunċizzjoni Immakulata. Dan il-portal inbena fis-seklu 13, u bl-ikonografija tiegħu ddedikata lill-Madonna, kien meqjus bħala l-iżjed manifestazzjoni skulturali importanti tal-arti Gotika f'Kastilja. Il-portali laterali ġew rikostruwiti fl-1663, minħabba li kienu ddeterjoraw ferm, mill-arkitett Juan de Pobes. Fl-1790 il-portal ċentrali ġie rikostruwit bl-istil Neoklassiku, b'arċitravi orizzontali u pediment triangolari. Fit-timpani tal-portali laterali saru riljievi tal-Kunċizzjoni u tal-Inkurunament minn Juan de Pobes, u fl-ispazji triangolari, inbnew żewġ ħnejjiet laterali doppji li jagħtu kenn lill-istatwetti rispettivi.
It-tieni parti tal-faċċata nbniet ukoll fis-seklu 13. Fin-nofs tagħha fiha rużun ta' ispirazzjoni miċ-Ċisterċensi, bit-traċċi ta' stilla b'sitt ponot, jew tas-siġill ta' Salamun.
It-tielet parti fiha gallerija eleganti kollha spiri u diversi pinnakli, u tikkonsisti minn żewġ twieqi kbar bil-paranti u bit-traċċi ta' tliet okuli b'erba' tundjaturi. Taħt it-tmien ħnejjiet li jiffurmaw il-paranti ta' żewġ ħnejjiet hemm l-istatwi tal-ewwel tmien rejiet ta' Kastilja minn Ferdinandu I "il-Manjifiku" ta' León sa Ferdinandu III "il-Qaddis" ta' Kastilja. Fuq hemm ġabra rqiqa ta' ħnejjiet ippuntati bi statwa tal-Madonna bil-Bambin, akkumpanjata bil-kitba Pulchra es et decora ("Kollok ġmiel u sbuħija"), b'allużjoni għal Omm Alla. Din iż-żieda finali saret f'nofs is-seklu 15 minn Juan de Colonia.
Fuq il-bibien laterali tal-ewwel parti ttellgħu żewġ torrijiet kważi identiċi fis-seklu 13. Fihom tliet sulari, b'pilastri mżejna b'pinnakli u bi statwi fil-kantunieri, kif ukoll fetħiet ippuntati mżejnin fuq kull naħa ta' kull sular: waħda bil-paranti u bit-traċċi ta' okulu, miksi bil-ħġieġ ikkulurit, fl-ewwel sular; tnejn irranġati bħala par mingħajr paranti u traċċi, fit-tieni sular; u tnejn oħra rranġati bħala par bil-paranti u bit-traċċi, fit-tielet sular.
F'nofs is-seklu 15, Juan de Colonia fuq dawn it-torrijiet tella' spiri piramidali miftuħa qishom labar b'bażi ottagonali. Il-lavur mirqum tagħhom bla dubju sawwar il-kontorn tal-Katidral ta' Burgos. L-arkitett oriġina minn Köln (bħala Johan von Köln). Id-disinn tiegħu huwa simili għal dak tal-proġett tal-Katidral ta' Köln, li dak iż-żmien kien jeżisti biss fl-iskizzi li jaf kellu l-opportunità li jara. L-ispiri tal-Katidral ta' Köln ġew miżjuda ferm wara. L-ispiri tal-Katidral ta' Burgos ittellgħu permezz tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Isqof Alonso de Cartagena u tas-suċċessur tiegħu Luis de Acuña. L-istemma ta' dan tal-aħħar, flimkien ma' dik tal-monarkija ta' Kastilja u Lèon, jidhru fil-parapetti kkollegati mal-qċaċet tat-torrijiet. F'dawn il-parapetti, l-arkitett Juan żied il-kitba pax vobis u l-iskultura ta' Kristu bil-posti tal-Passjoni tiegħu, f'wieħed minnhom, u l-kitba ecce agnus dei u skultura ta' San Ġwann il-Battista, f'parapett ieħor.
Iż-żewġ turretti poligonali huma karatteristiċi tal-faċċata, imżejna bi ħnejjiet ġejjin għat-tond, bi statwi u b'pinnakli, u fuqhom spiri piramidali. Ġo fihom hemm taraġ spirali li jibqa' tiela' sal-klerestorju u l-volti tan-navati.
Faċċata u Daħla tas-Sarmental
immodifikaId-Daħla tas-Sarmental hija magħrufa inqas. Din id-daħla, li nfetħet fit-transett tan-Nofsinhar u li tħares lejn il-Plaza del Rey San Fernando, u li tiġi aċċessata minn taraġ wieqaf, inbniet għall-ħabta tal-1230 u l-1240. Din id-daħla fiha wieħed mill-aqwa settijiet ta' skulturi Gotiċi Klassiċi tas-seklu 13 fi Spanja. Hija ddedikata lit-tema arkajka ta' Kristu Re, iżda b'laqta innovattiva.
L-element ċentrali u l-iżjed mirqum artistikament huwa t-timpanu, li jiġi attribwit lil artist Franċiż magħruf bħala l-Mastru tal-Beau Dieu ta' Amiens. Li hu ċert hi l-influwenza tal-iskultura tal-Katidral ta' Amiens fid-daħla mirquma. F'dan l-ispazju kważi triangolari li jirrappreżenta lil Ġesù bilqiegħda bħala l-Pantokrator bil-Ktieb tal-Liġi, u madwaru, l-Erba' Evanġelisti: b'mod ikoniku, dawn jidhru jiktbu l-Vanġeli fuq l-iskrivaniji tagħhom. Isfel, isseparati b'arċitravu, jidhru l-appostli bilqiegħda, attribwiti lil artist Franċiż ieħor magħruf bħala l-Mastru tal-Bieb tas-Sarmental. It-timpanu huwa mdawwar bi tliet arċivolti b'24 għaref anzjan tal-Apokalissi, idoqqu jew jintonaw strumenti mużikali Medjevali, diversi kori ta' anġli u allegorija tal-Arti. Dan is-sett ikonografiku kellu jitnaqqax minn skulturi lokali mmexxija mill-mastri Franċiżi.
Id-daħla hija maqsuma bil-paranti fejn tidher miksija b'kanopew bl-effiġja tal-Ħaruf, li jaf ġiet imnaqqxa wkoll mill-Mastru tas-Sarmental) u li tirrappreżenta isqof; skont it-tradizzjoni dan jiġi identifikat bħala D. Mauricio, għalkemm jaf kien ukoll D. Asterio jew San Indalezju, l-ewwel isqof ta' Almería, martri u evanġelizzatur tal-provinċja ta' Burgos. Fuq il-ġnub hemm sitt figuri mnaqqxa, wara l-kumplament tal-portal; erba' minnhom jirrappreżentaw lil Mosè, Aaron, San Pietru u Pawlu l-Appostlu; it-tnejn l-oħra mhumiex faċilment identifikabbli.
Għalkemm il-portal l-iktar li jiġbed l-attenzjoni, wieħed ma jistax jinjora l-bqija tal-faċċata, b'riffieda robusti bil-pinnakli fil-quċċata li saru lejn l-aħħar tas-seklu 13. Iż-żewġ sezzjonijiet ta' fuq, strutturati tul il-linji tal-korp ċentrali tal-faċċata ta' Santa Marija, fihom rużun u fuqu sett ta' galleriji miftuħa bi tliet arkati b'suffitti b'kwadrifolji tripli u mirfuda bil-paranti. Fl-isfond hemm statwa kbira interpretata bħala tal-Liturġija Divina, fejn Kristu jagħti l-Ewkaristija mdawwar bi tnax-il anġlu maġenbu.
Attwalment, it-turisti jistgħu jżuru l-Katidral ta' Burgos mill-Bieb tas-Sarmental biss.
Faċċata u Daħla tal-Coronería
immodifikaIs-saqaf forfċi tat-transett tat-Tramuntana, fl-għoli tal-calle Fernán González iżda fil-pjan, diversi metri ogħla mill-bażi tat-tempju hemm id-Daħla tal-Coronería jew id-Daħla tal-Appostli, li minn ġewwa l-katidral tagħti għan-navata permezz tat-Taraġ tad-Deheb magħmul minn Diego de Siloé. Dan ix-xogħol sar bejn l-1250 u l-1257 mill-artisti lokali qrib il-Mastru Enrique, xi kultant imsejjaħ il-Mastru tal-Coronería. Madankollu, parti mit-temi tal-iskulturi, Gotiċi għalkollox, isegwu t-tradizzjoni Rumaneska. Barra minn hekk, l-ambjent tad-daħla ġie rinnovat fl-1786, bi ħnejja semiċirkolari ta' voussoirs kbar u bi stil Barokk, li ħadet post paranti Gotiku fejn kien hemm il-figura ta' Alla l-Missier. Wara li sar ir-rimudellar, il-Kunsill iddeċiedi li jagħlaq din id-daħla bit-traffiku eċċessiv tal-ġirien li kienu jinżlu fil-parti t'isfel tal-belt bil-provvisti u bl-utensili. B'hekk, dawn in-nies kellhom aċċess għall-katidral permezz tad-Daħla tal-Coronería flimkien mal-pellegrini tal-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu.
Taħt u fuq il-ġnub tad-daħla, u estiżi mal-kumplament tal-ħajt tal-madwar, hemm freġji ta' serje għamja ta' ħnejjiet ippuntati oġivali u bit-trifolji, li fil-parti ta' taħt huma mmuntati fuq par kolonni b'kapitelli veġetali. Taħt din il-gallerija għamja ta' trifolji u ta' kolonni hemm l-istatwi tal-appostli kważi ta' daqs reali ta' bniedem. Hemm sitt appostli fuq kull naħa, mal-ħajt u sseparati mill-ġnub tad-daħla.
It-tliet arċivolti huma miksija bir-riljievi ta' serafim fuq ġewwa, ta' anġli fin-nofs, u ta' xeni tal-irxoxtar tal-mejtin fuq barra. It-timpanu, maqsum f'żewġ partijiet, jirrappreżenta l-Aħħar Ġudizzju. Fuq l-arċitravu ta' fuq id-daħla hemm ir-riljiev ta' xena twila bl-Arkanġlu Mikiel bil-miżien tal-ġudizzju tal-erwieħ; madwaru, fuq ix-xellug, hemm xitan jipprova jagħmel ħiltu biex id-dnubiet tal-erwieħ iwassluhom lejn l-infern, u fuq il-lemin, dar żgħira b'bieb miftuħ li tirrappreżenta d-daħla tal-ġenna, fejn diġà hemm in-nobbli, re, reġina, patri bil-kappa u patri Franġiskan, u l-erwieħ imbierkin. Dan il-motiv ta' psikostażi huwa wirt ikonografiku tal-arti Rumaneska. Fuq nett tat-timpanu hemm motiv ieħor komuni tal-istil Rumanesk, id-Dieżi, b'Kristu fuq it-tron bħala l-imħallef universali, b'dirgħajh mgħollija, juri l-ferita ta' ġenbu, u maġenbu l-Madonna u San Ġwann jitolbuh iħenn għall-erwieħ imsejkna. Fl-apiċi tat-timpanu, fuq sħaba, hemm anġli bil-bandiera tal-Passjoni. It-tentattivi ta' espressjonijiet drammatiċi u mnikkta ta' diversi figuri ta' din il-faċċata jitbiegħdu mill-Klassiċiżmu Franċiż u jwasslu xejra iktar naturalistika u iktar Ispanika.
Din il-faċċata hija meqjusa bħal dik tal-Ġudizzju tal-faċċata tal-Punent tal-Katidral ta' León u bħat-tema ikonografika tal-Katidral ta' Reims u ta' Chartres, kważi bħar-referenza iktar ovvja tad-Daħla tas-Sarmental.
Il-faċċata tal-portal tal-Coronería testendi 'l fuq b'tieqa kbira b'għamla ta' qaws triplu mtarraġ, u fuqha qishom labar bi spiri mmarkati rispettivi, gallerija ta' tliet arkati oġivali, bil-paranti u bit-traċċi ta' tliet ċrieki. Mehmuż mal-paranti hemm tnax-il statwa inkurunati li jalludu għall-esponenti rjali ta' Kastilja u, mehmuż mat-truf tal-arkati hemm l-anġli. Il-faċċata tas-Sarmental, tintemm fuq nett b'qisu poġġaman iffurmat mill-arkati.
Fuq ġewwa
immodifikaFuq ġewwa hemm bosta teżori arkitettoniċi, skulturali u pittoriċi. L-iżjed notevoli jinkludu:
- il-koppla Gotika-Platereska, mibnija minn Juan de Colonia fis-seklu 15;[2]
- il-Kappella tal-Kuntistabbli, bi stil Gotiku Isabelin, mibnija mill-familja Colonia, Diego de Siloé u Felipe Bigarny;
- l-artal Gotiku Spanjol-Fjamming magħmul minn Gil de Siloé għall-Kappella ta' Sant'Anna;
- is-sedji tal-kor Rinaxximentali-Plateresk magħmula minn Bigarny;
- ir-riljievi Gotiċi Aħħarin tal-girola magħmula minn Bigarny;
- id-diversi oqbra Gotiċi u Rinaxximentali;
- it-Taraġ tad-Deheb Rinaxximentali, mibni minn Diego de Siloé fil-bidu tas-snin 20 tas-seklu 16, li ġie mmudellat fuq it-taraġ tal-Cortile Belvedere ta' Bramante (fil-Vatikan);
- il-Kristu Mqaddes ta' Burgos, ix-xbieha bi tradizzjoni ta' devozzjoni kbira;
- il-qabar ta' El Cid u tal-mara tiegħu Doña Jimena, u l-ittra tal-pagament bil-quddiem tiegħu u s-senduq tiegħu;
- l-Arloġġ ta' Papamoscas, arloġġ bi statwa artikolata li tiftaħ ħalqha mat-tokki ta' kull siegħa.
Gallerija
immodifika-
Il-faċċata tal-Katidral ta' Burgos.
-
Il-Katidral mixgħul billekl.
-
Il-Kappella tal-Constable minn ġewwa.
-
Il-Kappella tal-Constable minn barra.
-
Detall fuq barra tal-Kappella tal-Constable.
-
It-torri ottagonali tal-lanterna (cimborrio).
-
In-naħa tan-Nofsinhar mill-Plaza de San Fernando.
-
Is-saqaf bl-istil Mudéjar fil-kamra tal-kor.
-
Il-kappella maġġuri minn ġewwa.
-
It-taraġ tad-deheb.
-
Il-kjostru.
-
Il-Pellejería tal-faċċata tal-Lvant.
-
Detail tal-qabar tal-Constables.
-
Is-senduq ta' El Cid.
-
L-arloġġ ta' Papamoscas.
-
Il-katidral fl-1911.
-
Il-katidral mixgħul billejl matul il-festival tal-2011 tan-Notte Bianca.
-
Il-bieb imqaddes tas-Sena Mqaddsa tal-Ħniena 2015-2016.
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Burgos Cathedral". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-18.
- ^ Burgos, Diario de (2013-09-19). "Juan de Langres le quita a Vigarny la autoría del cimborrio de la catedral". Diario de Burgos . Miġbur 2022-12-18.Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)