San Lawrenz (Latin: Laurentius; Huesca, Spanja, 225 – Ruma, 10 ta' Awwissu 258) kien djaknu tal-Knisja ta’ Ruma, u ħa l-martirju flimkien ma' erba’ djakni oħra li kienu sħabu, erbat ijiem wara l-martirju tal-Papa San Sistu II fil-persekuzzjoni ta’ Valerjanu, fl-10 ta’ Awissu tas-sena 258.

San Lawrenz

San Lawrenz, pittura ta' Spinello Aretino, sek. XIV
Twelid 225
Huesca (Spanja)
Mewt 10 ta' Awwissu 258
Ruma
L-ikbar santwarju Basilka ta' San Lorenzo fuori le Mura ta' Ruma
Festa 10 ta' Awwissu
Attributi Gradilja, palma, dalmatika
Patrun/a koki, librara, bibljotekarji, pumpiera, ħaddiema tal-ħġieġ, djakni permanenti.

San Lawrenz twieled f'Huesca minn familja nobbli minn Aragona fi Spanja. Jingħad illi meta ommu kienet qed tistenna it-twelid tiegħu kienet tara bħal dawl imdawwar magħha. Dan id-dawl misterjuż kien ġie interpretat bħala sinjal illi t-tarbija ġol-ġuf tagħha kellu jxerred id-dawl lil dawk kollha li kienu jgħixu fil-paganiżmu. Lawrenz ħa l-edukazzjoni tiegħu f'Saragoża.

Sistu, Papa futur, kien filosofu u Arċidjaknu ġewwa Ruma meta żar Spanja u hemm sar ħabib kbir ta’ Lawrenz u stiednu jmur miegħu Ruma. Lawrenz aċċetta. Matul il-vjaġġ twil tagħhom għal Ruma għaddew minn Ġenova fejn jingħad li kkonvertew bosta pagani għall-Kristjaneżmu.

Meta wasal Ruma Lawrenz ingħata merħba mill-Papa Fabjanu. Meta laħaq Sistu bħala Papa Sistu II fis-sena 257 w.K., huwa laħħqu Arċidjaknu ta’ Ruma. Hekk sar il-Vigarju u teżorier tal-Knisja biex aktar jassisti lill-Papa Sistu II. Kien ukoll responsabbli ta’ sitt Djakni ta’ Ruma: Agapitu, Feliċissimu, Vinċenz, Ġennaru, Manju u Stefanu.

Il-Martirju

immodifika

Skont it-Tradizzjoni, il-Prefett ta’ Ruma talab lill-Qaddis biex jagħtih id-deheb u l-fidda tal-knisja. San Lawrenz, billi kien jobsor li hu wkoll ma kienx ser idum ma jieħu l-martirju, beda jbigħ kull ma kellha l-Knisja, u l-flus flok tahom lill-Prefett, qassamhom lin-nies fqar tal-Belt. Lill-Prefett ħadlu kemm sab nies foqra, xjuħ u morda. Il-Prefett xegħel bil-għadab u malajr ikkundanna lil San Lawrenz għall-mewt, u ordna li jiġi maħruq ħaj fuq nar bati, li San Lawrenz sofra b’kuraġġ liema bħalu. Wara l-martirju, il-fdal tal-Qaddis indifen fiċ-ċimiterju ta’ Ċirijaka ħdejn it-triq Tiburtina fil-Verano.

Kostantinu l-Kbir bena Bażilika fuq il-qabar tiegħu, li waqgħet u nbniet kemm-il darba. Il-knisja li hemm illum iġġib l-isem ta’ San Lorenzo Fuori le Mura, u tinsab f’idejn il-patrijiet Kapuċċini.

Patrunaġġ

immodifika

San Lawrenz huwa l-qaddis protettur tad-djakni, tal-koki u tal-pumpiera tat-tifi tan-nar. San Ġorġ Preca għażlu bħala l-qaddis patrun tal-magħżulin, it-tfal il-kbar li jattendu fis-Soċjetà tal-MUSEUM.

Sar-raba seklu d-devozzjoni lejn San Lawrenz kienet inxterdet madwar id-dinja kollha u ma damitx ma laħqet Malta. Il-Birgu hu meqjus bħala l-eqdem parroċċa wara l-Katidral tal-Imdina. Tradizzjonalment jinżamm li l-qima lejn San Lawrenz aktarx waslet fil-Birgu bejn l-1283 u l-1410, tul il-ħakma Aragoniża, reġjun li fih twieled il-Qaddis. Meta il-Kavallieri ħadu Malta fl-1530, il-knisja ta’ San Lawrenz saret il-Knisja Konventwali tal-Ordni. Il-festa ta' San Lawrenz bdiet tiġi ċċelebrata mill-Gran Prijur bi tliet quddisiet, bil-vġili u bl-ottava. Nhar il-festa kienet issir purċissjoni solenni bis-sehem ta’ ħafna kavallieri u, xi drabi, bil-parteċipazzjoni tal-Gran Mastru. Prominenti fost dawn kien hemm il-Gran Mastri Perellos u Hompesch li għażlu li jieħdu l-pussess ta’ din il-belt nhar San Lawrenz. Il-Knisja li hemm illum inbniet bejn il-1681 u l-1697 minn Lorenzo Gafà u saret Knisja Kolleġġjata fl-1820.

Kien hemm żmien meta l-festa ta’ San Lawrenz kienet tiġi ċċelebrata daqs l-Imnarja, tant li l-għarus kien jintrabat li wara t-tieġ jieħu lil martu għall-festa ta’ San Lawrenz. Kienet festa ta’ fuq il-baħar, b’ħafna dgħajjes jimlew id-daħliet bejn il-Birgu u l-Isla u l-Birgu u l-Kalkara. Kien hemm snin meta, minbarra fil-Birgu, kien ikun hemm il-logħob tan-nar fix-xatt tal-Kalkara wkoll. Minflok tiġrijiet taż-żwiemel, kif isir fl-Imnarja, fil-festa ta’ San Lawrenz kienu jsiru t-tiġrijiet tad-dgħajjes u jingħataw il-paljijiet lir-rebbieħa.

Fl-aħħar tal-Medjuevu ġewwa Għawdex kien hemm tliet knejjes dedikati għalih, waħda kienet ġewwa ċ-Cittadella, oħra lejn ta’ Għodlien u oħra lejn Ta' Ċangura li spiċċa biex sar ir-raħal ta’ San Lawrenz, villaġġ żgħir fil-punent t'Għawdex, imdawwar minn tliet għoljiet, ta’ Għammar, ta' Gelmus u Ta' Dbieġi.

Id-Dmugħ ta' San Lawrenz

immodifika

Għadd ikbar mis-soltu ta' Persejdi, kwiekeb feġġejja jew shooting stars, jimlew is-sema tal-gżejjer Maltin għall-ħabta tal-10 t'Awwissu ta' kull sena u dan il-fenomenu jissejjaħ id-Dmugħ ta' San Lawrenz peress meta dan jiġri jkun qrib tal-festa tal-qaddis. Skont it-tradizzjoni, wieħed għandu jagħmel xewqa waqt li jkun għaddej dan l-ispettaklu fis-sema u din issir realtà. F'diversi partijiet madwar Malta, Maltin u turisti saru jinġabru biex għal ftit sigħat jaraw il-faxxi tad-dawl jixegħlu s-sema. Dak li joħloq il-faxx dawl hi ġebla żgħira daqs farka ramel. Meta din taħbat mal-atmosfera tad-dinja, b'veloċità ta' madwar 150,000 kilometru fis-siegħa, tieħu n-nar. Dan iseħħ madwar 100 kilometru 'l fuq minn wiċċ id-dinja. B'hekk wieħed ikun qed jara faxx dawl. Imħeġġin mill-Għaqda Maltija tal-Astronomija, bosta saru saħansitra jmorru fil-ponta tal-Aħrax tal-Mellieħa biex jarawhom aktar ċar.