Katidral ta' Bourges

katidral f'Bourges, Cher, Franza

Il-Katidral ta' Bourges (bil-Franċiż: Cathédrale Saint-Étienne de Bourges) huwa knisja Kattolika Rumana u jinsab f'Bourges, Franza. Il-katidral huwa ddedikat lil San Stiefnu u huwa s-sede tal-Arċisqof ta' Bourges. Inbena fuq knisja Rumaneska iktar bikrija mill-1195 sal-1230, u fil-biċċa l-kbira nbena bl-istil arkitettoniku Gotiku Għoli għall-ħabta tal-kostruzzjoni tal-Katidral ta' Chartres. Il-katidral huwa magħruf b'mod partikolari għad-daqs kbir tiegħu u għall-unità tiegħu minn ġewwa, għat-tiżjin tal-portali bl-iskulturi, u għall-kollezzjoni kbira ta' twieqi bil-ħġieġ ikkulurit tas-seklu 13.[1] Bis-saħħa tal-arkitettura Gotika tiegħu, il-katidral tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1992.[2]

Il-Katidral ta' Bourges.

Katidrali iktar bikrin

immodifika

Il-belt iffortifikata ta' Avaricum, il-belt kapitali tat-tribù Gallika tal-Bituriges, inħakmet minn Ġulju Ċesri fl-54 Q.K. u saret il-belt kapitali tal-provinċja Gallo-Rumana ta' Aquitaine. Il-Kristjaneżmu twassal minn San Ursinus ta' Bourges għall-ħabta tat-300 W.K. Dan il-qaddis jitqies bħala l-ewwel isqof. Fis-seklu 6 tissemma knisja "grandjuża" minn Gregorju ta' Tours. Fis-seklu 9, Raoul de Turenne għamel rikostruzzjoni tal-binja iktar antika. Bejn l-1013 u l-1030 katidral ġdid u ikbar inbena mill-Isqof Gauzelin. Bħal knejjes iktar bikrin, inbena mas-swar tal-belt, u fdalijiet tiegħu għadhom jistgħu jinstabu taħt il-katidral attwali.[3]

Għall-ħabta tal-1100, ir-Re Filippu I ta' Franza żied lil Bourges u l-provinċja tagħha mar-renju tiegħu li kulma ma jmur beda jikber. Fl-1145, ibnu Lwiġi VII ta' Franza ppreżenta lil martu l-ġdida Eleanor ta' Aquitaine, u hija ġiet inkurunata formalment bħala r-Reġina ta' Franza fil-katidral Gotiku antik f'Bourges. Fil-bidu tal-1150, l-Arċisqof Pierre de La Châtre kabbar il-katidral l-antik billi żied żewġ korsiji laterali ġodda, waħda fuq kull naħa, kull waħda b'żewġ portali Rumaneski, u ppjana wkoll ir-rikostruzzjoni tal-faċċata tal-Punent.[3]

Katidral Gotiku (sekli 12-13)

immodifika

Taħt arċisqof ġdid, Henri de Sully, inbeda programm iktar ambizzjuż ta' kostruzzjoni. Fl-1181-1182, ir-Re Filippu Awgustu II awtorizza l-kostruzzjoni fuq partijiet tas-swar l-antiki 'l fuq mill-belt. Dokument mill-Isqof Henry de Sully, indika r-rikostruzzjoni totali tal-katidral fl-1195. L-ewwel xogħol kien jinvolvi l-bini ta' knisja inferjuri fi spazju fond sitt metri fejn qabel kien hemm is-swar. Din l-istruttura, b'diżambulatorju doppju, tlestiet għall-ħabta tal-1200. Intużat bħala l-bażi tal-parti li jmiss tal-katidral, ix-chevet jew in-naħa tal-Lvant, li tlestiet għall-ħabta tal-1206. Ix-xogħol imbagħad kompla lejn il-Punent, mill-apsida sal-kor.[4]

Il-katidral inbeda għall-ħabta tal-istess perjodu li nbeda l-Katidral ta' Chartres, iżda l-pjanta bażika kienet differenti ferm. Filwaqt li f'Chartres u f'katidrali Gotiċi Għoljin oħra ż-żewġ korsiji laterali kellhom l-istess għoli daqs in-navata, f'Bourges il-korsiji laterali kellhom għoli differenti, imtarrġin mill-korsija esterna saċ-ċentru. In-navata l-antika ġiet ippreservata għal xi żmien biex tkun tista' tintuża għas-servizzi tal-knisja sa ma tlesta l-kor fl-1214. Imbagħad beda x-xogħol fuq il-ħames korsiji tan-navata l-ġdida. Il-katidral tlesta biżżejjed sal-1225 sabiex ikun jista' jospita kunsill kbir li kkundanna l-ereżija tal-Katariżmu. Ix-xogħol maġġuri fuq in-navata tlesta sal-1235, bl-installazzjoni tal-ħajt diviżorju, li kien jissepara l-kor min-navata.

Il-pass li jmiss kien il-bini tal-qafas tal-injam għas-saff estern tas-saqaf, fuq is-saqaf intern bil-volti. Dan dam mill-1140 sal-1155, u kien jeħtieġ l-injam minn 900 siġra tal-ballut. Ix-xogħol fuq is-saqaf baqa' għaddej sal-1259, meta kien hemm nar li kkawża ħsarat gravi. Il-kostruzzjoni tat-torri tan-Nofsinhar twaqqaf ħesrem, probabbilment bħala kawtela, u x-xogħol twaqqaf ukoll fit-torri tat-Tramuntana.[4]

Sekli 14-16

immodifika

Ix-xogħol fuq il-faċċata baqa' għaddej fl-1314 bil-kostruzzjoni ta' niċċa kbira magħrufa bħala l-Grand Housteau. Spira twila tal-injam ġiet miżjuda mal-katidral, u l-ħitan ġew imsaħħa b'riffieda addizzjonali bl-arkati. Bejn l-1406 u l-1491, inbnew ħdax-il kappella ġdida fil-ġnub tal-katidral bejn ir-riffieda. Dawn ġew imżejna b'mod rikk bl-istil Gotiku aħħari, u kemxejn jistonaw mal-armonija tal-Gotiku Għoli klassiku tal-istruttura iktar bikrija.[4]

Fl-1424 il-katidral ġie mgħammar b'innovazzjoni teknoloġika, arloġġ astronomiku, li għadu jaħdem. It-torri tat-Tramuntana li kien ilu problematiku, sa fl-aħħar tlesta, iżda l-pedamenti tiegħu baqgħu difettużi u kkrolla fil-31 ta' Diċembru 1506. Sabiex jinġabru l-fondi għar-rikostruzzjoni tiegħu, l-Arċisqof Guillaume de Cambrai offra dispensi biex jittiekel il-butir matul ir-Randan lil kull min ikkontribwixxa għall-fond tat-torri. It-torri ssewwa bejn l-1508 u l-1524, u minn hemm 'il quddiem ġie mlaqqam it-Torri tal-Butir.[5]

Wara l-kollass tat-torri fl-1506, il-parti ċentrali ta' fuq tal-faċċata tal-Punent, 'il fuq mill-portali ċentrali, magħrufa bħala l-Grand Housteau, ġiet rikostruwita bl-istil Gotiku Fjammeġġanti. Il-faċċata rikostruwita kellha grupp ta' sitt twieqi ppuntati u żewġ okuli taħt rużun immens, b'porzjon forfċi ppuntat u rużun żgħir magħluq. Minħabba problemi ta' stabbiltà, il-faċċata l-ġdida u t-torrijiet ġew rinfurzati b'riffieda enormi.[6]

L-ispira l-antika tneħħiet fl-1539 u ġiet sostitwita b'oħra ġdida fl-1543-1544. Fl-1549 nar ħakem ix-xorok tas-saqaf tal-korsiji laterali tat-Tramuntana u kkawża ħsarat fit-twieqi ta' taħt, u qered l-orgni wkoll. Din id-darba r-Re Enriku II ta' Franza ħallas għat-tiswijiet. Il-Gwerer tar-Reliġjon Franċiżi kkawżaw ferm iktar ħsarat. Armata Protestanta mmexxija minn Gabriel de Lorges, il-Konti ta' Montmorency, issorprendiet u ħakmet il-belt fis-27 ta' Mejju 1562. Dawn serqu t-teżor tal-katidral, qelbu l-istatwi u kisru wħud mill-iskulturi bil-bassoriljievi. De Lorges kien qed ilesti biex jisplodi l-katidral meta oħrajn ikkonvinċuh ma jagħmilx dan għax riedu jikkonvertuh fi knisja Protestanta.[7]

Sekli 17-18

immodifika

Orgni ġdid ġie installat fil-katidral fl-1667, u għad hemm partijiet minnu li għadhom jintużaw. L-ispira jew il-fleche tal-katidral, rikostruwita erba' darbiet, finalment tneħħiet fl-1745. Fis-seklu 18, il-katridral kollu għadda minn trasformazzjoni ferm ikbar, sabiex jikkonforma mad-duttrini l-ġodda tal-Vatikan. L-artal Gotiku mill-1526 u l-ħajt diviżorju elaborat tal-ġebel skolpit tal-kor mis-seklu 13 tneħħew. Partijiet mill-ħajt diviżorju għadhom viżibbli llum il-ġurnata u jinsabu għall-wiri fil-kripta. Ħafna mit-twieqi bil-ħġieġ ikkulurit ġew sostitwiti bi ħġieġ abjad tat-tip grisaille sabiex jipprovdu iktar dawl. Ħajt diviżorju ġdid tal-kor magħmul minn disa' grilji tal-ħadid ferrobattut tpoġġa minflok fl-1760, u artal ġdid tal-irħam abjad ġie installat fl-1767. Il-kor ingħata wkoll sedji mnaqqxin ġodda u art ġdida tal-irħam.[8]

Matul ir-Rivoluzzjoni Franċiża, il-katidral ġie ttrasformat għal xi żmien f'Tempju tar-Raġuni. Ħafna mir-relikwi u oġġetti prezzjużi oħra fit-teżor iddewbu għad-deheb tagħhom, filwaqt li għaxra mit-tnax-il qanpiena tal-knisja ddewbu biex minflok jiġi fondut kanun.[8]

Wara l-qerda tal-biċċa l-kbira tal-Palazz Dukali u tal-kappella tiegħu matul ir-rivoluzzjoni, l-effiġju tal-qabar tad-Duka Jean de Berry ġie rilokat lejn il-kripta tal-katidral, flimkien ma' xi panewijiet tal-ħġieġ ikkulurit li kienu juru xi profeti bilwieqfa, li kienu ddisinjati għall-kappella minn André Beauneveu.

Sekli 19-21

immodifika

Fis-sekli 19, il-katidral ġie rritornat lill-Knisja Kattolika u sarlu restawr twil mill-1829 sal-1847. L-arkitetti ġodda għamlu diversi modifiki u żidiet li xi kultant kellhom bażi storika dubjuża. Ir-riffieda u l-ħnejjiet ġew imżejna b'pinnakli u b'balavostri ġodda li jaf qabel ma kinux jeżistu.

Fl-1862, taħt l-Imperatur Louis Napoleon, il-katidral ġie ddikjarat monument storiku.

Fl-1992, il-katidral ġie miżjud fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]

Fl-1994-1995, il-ħajt diviżorju tal-knisja inferjuri ġie rrestawrat, u l-arloġġ astronomiku ssewwa u reġa' beda jaħdem. It-twieqi l-antiki bil-ħġieġ ikkulurit tnaddfu u ġew protetti b'saffi addizzjonali tal-ħġieġ. L-affreski fil-kappella ta' San Ġwann il-Battista ġew irrestawrati.

Kronoloġija

immodifika
  • Għall-ħabta tat-300 - skont it-tradizzjoni, il-Kristjaneżmu ġie stabbilit għall-ewwel darba f'Bourges.[9]
  • Għall-ħabta tal-500 - inbnew l-ewwel binjiet tal-katidral fis-sit.
  • 844-866 - l-Isqof Raoul de Touraine rrikostruwixxa l-katidral bi stil Karolinġju.
  • 1013-1030 - l-Isqof Gauzelin bena l-katidral mill-ġdid; għadhom jeżistu partijiet minnu fil-kripta.[9]
  • Għall-ħabta tal-1100 - ir-Re Filippu I ta' Franza jakkwista l-Vicomté ta' Bourges għal Franza.
  • 1137 - Lwiġi VII ġie inkurunat fil-katidral.
  • 1145 - Eleanor ta' Aquitaine ġiet ippreżentata bħala r-Reġina.
  • 1195 - l-Arċisqof Henri de Sully jiġbor fondi għal katidral ġdid bi stil Gotiku u jibdew ix-xogħlijiet.
  • Għall-ħabta tal-1206 - tlesta l-livell t'isfel tal-kor.
  • Għall-ħabta tal-1214 - il-kor sostanzjalment tlesta.
  • Għall-ħabta tal-1230-1235 - jitlestew in-navata u l-ewwel livelli tal-faċċata tal-Punent.
  • 1255-59 - jitlestew il-qafas tal-injam tas-saqaf u l-volti tan-navata.
  • 1313-1314 - il-kostruzzjoni tal-pilastru ta' sostenn u tat-tieqa tal-Grand Housteau fil-faċċata tal-Punent.
  • 1324 - il-katidral ġie ddedikat lill-Arċisqof Guillaume de Brosse.[3]
  • 1424 - ġie installat l-arloġġ astronomiku.
  • 1493-1506 - tlesta t-torri tat-Tramuntana, iżda jikkollassa fl-1506. Ġie rikostruwit sal-1515.
  • 1562 - il-katidral insteraq mill-Protestanti fil-Gwerer Ewropej tar-Reliġjon.[3]
  • 1667 - l-installazzjoni ta' orgni grandjuż ġdid.
  • 1750-1767 - it-tneħħija tas-sedji u t-tiżjin tal-kor Medjevali, sostitwiti b'tiżjin Barokk u Klassiku Franċiż.
  • 1791 - matul ir-Rivoluzzjoni Franċiża, inqerdu t-tiżjin u l-għamara tal-kor u l-qniepen tal-katidral. It-teżor ġie kkonfiskat.[3]
  • 1829-47 - l-ewwel restawr tal-iskulturi tal-portali tal-faċċata tal-Punent.
  • 1845-47 - ir-restawr tal-ħġieġ ikkulurit tal-kor u tad-diżambulatorju.
  • 1846-78 - ir-restawr tal-kappella u tal-portali laterali.
  • 1882 - it-tiswija tal-ħitan u t-twieqi ta' fuq.
  • 1992 - il-Katidral ta' Bourges ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]
  • 1994-95 - l-arloġġ astronomiku ssewwa u reġa' tpoġġa f'postu. Il-ħġieġ ikkulurit l-antik tnaddaf u ġie protett b'panewijiet doppji tal-ħġieġ.[3]
  • 2001-2018 - ir-restawr tal-portali, tal-kisi, tal-pilastru ta' sostenn u tal-Kappella ta' Étampes.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Katidral ta' Bourges ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1992. Iż-żona ta' lqugħ ġiet immodifikata ftit fl-2013.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]

Minn barra

immodifika

Faċċata jew naħa tal-Punent

immodifika

Il-faċċata jew in-naħa tal-Punent, id-daħla prinċipali tal-katidral, inbniet fuq skala partikolarment grandjuża meta mqabbel ma' katidrali oħra ta' dak iż-żmien; għandha ħames portali li jagħtu aċċess għall-korsija ċentrali u erba' korsiji laterali, ferm iktar mill-Katidral ta' Notre Dame de Paris jew kwalunkwe katidral ieħor ta' dak iż-żmien.

Portali tal-Faċċata tal-Punent

immodifika

L-iskulturi tal-portal ċentrali juru xeni ta' Jum il-Ġudizzju. Fuq nett tat-timpanu, Kristu jifred lil dawk li ġew salvati minn dawk li ġew ikkundannati għall-infern. Id-destini rispettivi tagħhom jintwerew sew iktar 'l isfel. L-iskulturi oriġinali ġarrbu ħsarat estensivi fis-seklu 16 matul il-Gwerer tar-Reliġjon. Partijiet mit-timpanu ġew irrestawrati minn Théophile Caudron fis-seklu 19.[10]

Il-portal lejn il-lemin qarib taċ-ċentru juri xeni mill-ħajja ta' San Stiefnu, il-qaddis patrun tal-katidral. L-iskulturi tal-portal fuq id-daħla l-iktar fuq il-lemin juru xeni mill-ħajja ta' San Ursinus, qaddis lokali u l-ewwel isqof tad-djoċesi. Ix-xeni għandhom jiġu interpretati minn isfel għal fuq u mil-lemin għax-xellug. Jinkludu skultura ta' San Ursinus jikkonsagra l-katidral (fiċ-ċentru) u l-magħmudija tas-senatur Ruman Leocadus u ta' ibnu Ludre (fuq nett). L-istatwa tal-pilastru ċentrali jew trumeau ta' San Ursinus ġiet maħduma minn Caudron fl-1845 wara li l-istatwa oriġinali nqerdet.[11]

It-timpani oriġinali tal-portali tat-Tramuntana nqerdu meta t-torri tat-Tramuntana kkrolla fl-1506 u saru mill-ġdid fis-seklu 16 bi stil kemxejn differenti. It-timpanu tal-ewwel portal fuq ix-xellug juri xeni mill-ħajja tal-Madonna. Il-parti t'isfel ta' dan il-portal sal-pilastru ċentrali tmur lura għas-seklu 16.[12] It-timpanu l-iktar fuq ix-xellug huwa ddedikat lil William ta' Donjeon, u juri xeni mill-ħajja tiegħu. Fuq il-portal hemm saqaf forfċi miftuħ u fin-nofs tiegħu hemm spira b'tiżjin rikk. L-arċivolti ta' fuq il-portal fihom anġli, u bosta minnhom jintwerew idoqqu xi strument mużikali.[13]

L-arkata l-iktar t'isfel fiha kollezzjoni ta' 64 skultura bil-bassoriljievi li juru eżempji ta' intervent divin misluta mill-ġrajjiet tal-Bibbja fit-Talmud. Dawn tnaqqxu fis-seklu 13 u l-ikonografija unika tagħhom x'aktarx ġiet iddisinjata minn membru tal-komunità Lhudija kbira ta' Bourge.[14]

It-travi bejn dawn in-niċeċ juru ċiklu estiż tal-Ġenesi li oriġinarjament irrakkonta l-ġrajja mill-bidu tal-Ħolqien sal-Patt ta' Alla ma' Noè.[15] Dan iċ-ċiklu ġie danneġġat fl-1562.[16]

Portali Rumaneski mnaqqxin minn madwar l-1160-1170, x'aktarx maħsuba għall-faċċata tal-katidral iktar bikri, intużaw mill-ġdid fuq id-daħliet tan-Nofsinhar u tat-Tramuntana (biex jokkupaw l-ispazji li normalment ikunu rriżervati għall-portali tat-transett). It-tiżjin rikk tagħhom ifakkar fix-xogħol tal-istil ta' Bourgogne.

Torrijiet u l-Grand Housteau

immodifika

It-torri tat-Tramuntana huwa l-unika wieħed li tlesta u huwa l-ogħla wieħed miż-żewġ torrijiet tal-katidral. Ġie mżejjen bi stil Gotiku Fjammeġġanti elaborat, b'diversi pinnakli b'disinn ornamentali, u fin-niċeċ ġew installati kopji ta' statwi tas-seklu 13. Fuq nett hemm lanterna inkurunata b'pelikan kbir tal-bronż. L-istatwa oriġinali tas-seklu 16 tinżamm fuq ġewwa tal-katidral. Dan it-torri fih sitt qniepen tal-katidral, li ħadu post dawk li ġew imdewba matul ir-Rivoluzzjoni Franċiża. Dawn imorru lura għas-seklu 19 u 20. L-ikbar waħda tissejjaħ Guillaume-Etienne ta' Gros Guillaume, b'dijametru ta' 2.13 metri u b'piż ta' 6.08 tunnellati. Ġiet fonduta fl-1841-1842.[17]

It-torri tan-Nofsinhar, huwa iqsar mit-torri l-ieħor u mhuwiex komplut. Ma kellux pedamenti biżżejjed b'saħħithom u mill-bidu tal-kostruzzjoni kien instabbli. Eventwalment ġie rinfurzat fl-1314 b'riffieda enormi fuq il-ġnub tiegħu. Apparti li jirfdu t-torri, ir-riffieda fihom taraġ u ħabs żgħir ġestit mill-katidral. Il-kamra ta' fuq tar-riffieda kienet tintuża bħala l-uffiċċju tal-arkitett, u fiha pjanti tan-niċeċ u rużun inċiż fuq l-art tal-ġebel, fejn setgħu jiġu kkonsultati mill-bennejja tal-katidral. Fis-seklu 18 intuża bħala għal xi żmien bħala studjo tax-xogħol mill-pittur François Boucher.[17]

It-torri tan-Nofsinhar oriġinarjament kien fih kampnar bil-qniepen il-kbar tal-katidral. Dawn tneħħew wara r-Rivoluzzjoni u ġew imdewba għall-bronż tagħhom. B'riżultat ta' dan, it-torri ssejjaħ "Le Sourde" ("it-Trux") jew "Le Muette" ("is-Sieket").[17]

Il-parti ċentrali tal-faċċata tal-Punent fuq il-portali u bejn it-torrijiet hija magħrufa bħala l-Grand Housteau. Inbniet wara l-kumplament tal-faċċata tal-Punent, b'rikostruzzjoni fis-seklu 16 bl-istil Gotiku Fjammeġġanti, wara l-kollass tat-torri tat-Tramuntana. L-għoli eċċezzjonali tal-Grand Housteau u r-rużun tagħha jħabbru l-għoli kbir tan-navata ta' wara.

Naħat tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar

immodifika

Man-naħat tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar hemm id-dniefel li jaslu 'l fuq mill-korsiji t'isfel biex jirfdu l-ħitan ta' fuq u li jagħmluha possibbli li jkun hemm it-twieqi l-kbar ta' fuq. Dawn jingħataw piż addizzjonali permezz ta' pinnakli tqal. Kappelli żgħar inbnew bejn għadd ta' riffieda iktar 'il quddien, iżda f'dawk in-niċeċ mingħajr kappelli, il-ħitan tal-katidral Rumanesk l-antik għadhom viżibbli.[18]

Għad-differenza tal-biċċa l-kbira tal-katidrali Gotiċi Għoljin oħrajn, il-Katidral ta' Bourges ma għandux transett, iżda fih zuntier u portal fuq in-naħa tan-Nofsinhar li oriġinarjament kienu jintużaw biss mill-kleru. Għad fadallu fdalijiet tal-knisja Rumaneska l-antika, b'mod partikolari sitt kolonni bi statwi li jmorru lura għall-ħabta tal-1150-1160, li kienu fil-post fis-seklu 13 bħala tfakkira tal-istorja twila tal-katidral. Traċċi taż-żebgħa juru li l-iskulturi xi darba kellhom kuluri jgħajtu. Uħud mill-iskulturi huma mnaqqxin bil-qalb u bl-ittra "J", l-emblema tal-familja ta' Jacques Coeur, merkanti prominenti ta' Bourges u donaturi ewlenin tal-katidral. L-oqbra tagħhom jinsabu fuq ġewwa tal-katidral.[18]

In-naħa tat-Tramuntana, li tħares lejn il-belt, għandha pjanta simili. Ħafna mill-ispazji bejn ir-riffieda ġew mimlija bil-kappelli. Hemm portal f'nofs triq tul in-naħa tat-Tramuntana għall-aċċess mill-membri ordinarji tal-parroċċa. Bħall-portal tan-Nofsinhar, il-portali tan-naħa tat-Tramuntana huma mżejna b'kolonni-statwi u bi skulturi oħra li jmorru lura għall-katidral Rumanesk. Il-kolonni-statwi milli jidher jirrappreżentaw ir-Reġina ta' Sheba u Sibill, filwaqt li l-iskulturi fil-ħnejjiet ta' fuq il-portali jirrappreżentaw il-Madonna bil-Bambin. Xeni arkitettoniċi f'minjatura juru x-xbihat tal-Maġi Bibbliċi u xena tat-Tħabbira u taż-Żjara tal-Anġlu lill-Madonna. Uħud mill-iskulturi ta' dan il-portal ġew danneġġati fil-Gwerer tar-Reliġjon Franċiżi.

Fuq id-daħla tat-Tramuntana hemm tieqa tonda mingħajr ħġieġ, imżejna bi skulturi ta' rjus ta' bestji mitiċi. Is-saqaf fuq il-portal tat-Tramuntana ġarrab ħsarat minħabba nar fl-1559 u ġie sostitwit b'saqaf tal-ħadid. Il-portal kollu huwa mżejjen b'mod mirqum bi skulturi ta' veġetazzjoni u skulturi ġeometriċi.[19]

Is-sagristija tal-katidral, ħdejn il-portal, toħroġ 'il barra wkoll min-naħa tat-Tramuntana. Din ingħatat b'donazzjoni mill-merkant Jacques Coeur.

Ix-chevet huwa t-terminu Franċiż għall-parti esterna tal-apsida, fin-naħa tal-Lvant tal-katidral, bis-sensiela ta' kappelli integrati fiha. Ix-chevet ta' Bourges hija differenti minn dik ta' katidrali Gotiċi Għoljin oħra, peress li l-korsiji inferjuri għandhom elevazzjonijiet differenti, u x-chevet titla' 'l fuq fi tliet stadji, bil-ħitan ta' fuq mirfuda b'sitt riffieda konverġenti li jitilgħu fuq il-livelli iktar baxxi, bi ħnejjiet separati li jirfdu l-ħitan t'isfel u ta' fuq. Il-vertikalità hija msaħħa iktar permezz tas-soqfa ġejjin għall-ponta tal-kappelli integrati tal-apsida, il-pinnakli doppji fuq kull riffieda, u l-pinnakli madwar il-balavostri tas-saqaf. Kull niċċa tal-ħitan għoljin hija mżejna b'par twieqi ppuntati u b'rużun żgħir b'sitt imgħażel, integrat f'arkati magħluqa.[20]

Minn ġewwa

immodifika

Pjanta u elevazzjoni

immodifika

Il-Katidral ta' Bourges ikopri erja ta' 6,200 metru kwadru (7,400 jarda kwadra). In-navata tal-katidral hija wiesgħa 41 metru (135 pied) u għolja 37 metru (121 pied); l-arkata tagħha hija għolja 20 metru (66 pied); il-korsija fuq ġewwa hija għolja 21.3 metru (70 pied) u l-korsija fuq barra hija għolja 8.6 metri (28 pied).[21]

Fuq ġewwa, il-katidral huwa twil 118-il metru (387 pied) mill-faċċata tal-Punent sax-chevet. Minn naħa għall-oħra tan-navata jintużaw volti b'sitt kompartimenti.

L-għoli tan-navata mill-art sal-volti huwa 37.15 metru (121.9 pied), meta mqabbel ma' 33 metru (108 piedi) tan-Notre Dame de Paris, 42 metru (138 pied) tal-Katidral ta' Amiens, u 48 metru (157 pied) tal-Katidral ta' Beauvais.

Il-Katidral ta' Bourges huwa notevoli bis-saħħa tas-sempliċità tal-pjanta tiegħu, mingħajr l-użu ta' transetti iżda b'disinn b'żewġ korsiji li kien preżenti fil-knejjes iktar bikrin bħall-Bażilika Kristjana Bikrija ta' San Pietru f'Ruma, l-Italja, jew in-Notre Dame de Paris. Il-korsiji doppji jkomplu mingħajr interruzzjoni lil hinn mill-pożizzjoni tal-ħajt diviżorju (li fil-biċċa l-kbira nqered għalkemm hemm ftit frammenti ppreservati fil-kripta) biex jifforma ambulatorju doppju madwar il-kor. Il-korsija fuq ġewwa għandha volta ogħla minn dik ta' barra, filwaqt li kemm in-navata ċentrali kif ukoll il-korsija fuq ġewwa għandhom elevazzjonijiet simili bi tliet stadji, b'arkata, b'triforju u bit-twieqi tal-klerestorju; disinn li jħalli iktar dawl jidħol mill-binjiet iktar konvenzjonali b'korsiji doppji bħan-Notre-Dame.[22] Dan id-disinn trasversali triangolari distintiv, sussegwentement ġie kkupjat fil-Katidral ta' Toledo u fil-kor ta' Le Mans.[23]

immodifika

In-navata, bejn it-tarf tal-Punent u l-kor, fejn kienu jkunu bilqiegħda l-fidili ordinarji, kienet tokkupa l-biċċa l-kbira tal-knisja fuq ġewwa. Il-kor, iż-żona rriżervata għall-kleru, kien jokkupa l-erba' korsiji ta' qabel it-tarf tal-Lvant. It-tarf tal-Lvant, jew l-apsida, kien jagħti aċċess għal emiċiklu ta' ħames kappelli integrati.

Il-Katidral ta' Bourges huwa magħruf għall-ispazju kbir u unifikat fuq ġewwa; ma hemm l-ebda interruzzjoni fuq ġewwa bejn il-faċċata tal-Punent u x-chevet fil-Lvant. Il-pilastri tal-arkata huma għoljin 21 metru, iktar minn nofs is-37 metru għoli sal-volti. Kull pilastru huwa magħmul minn kolonna ċentrali, u tnejn minnhom huma marbuta ma' kolonni rqaq li jinfirxu lejn in-naħa ta' fuq u jingħaqdu mal-volti mrikkbin. L-ewwel żewġ pilastri tal-ewwel salib it-toroq tal-korsiji fil-Punent huma partikolarment kbar, u kull wieħed għandu 21 kolonna rqiqa. Il-pilastri suċċessivi lejn il-Punent jalternaw bejn il-pilastri "b'saħħithom" u eħxen b'ħames kolonni rqaq u l-pilastri "dgħajfin" b'erba' kolonni rqaq, skont il-pożizzjoni tagħhom bħala riffieda tal-volti ta' fuqhom.[24]

Il-qafas ċentrali tan-navata fih tliet livelli; l-arkata għolja ħafna fuq il-pjan terran; it-triforju jew arkata dejqa, fuqha; u, fuq nett, in-niċeċ ta' fuq, fil-biċċa l-kbira mimlijin bit-twieqi. Kull waħda mill-volti mrikkbin b'sitt partijiet tkopri żewġ traversi. Il-ħitan tal-korsiji laterali mhumiex daqshekk għoljin, għalkemm għandhom ukoll twieqi f'kull niċċa, kif ukoll volti mrikkbin mirfuda permezz ta' kolonni rqaq.

Fil-Medju Evu, il-kor kien jintuża b'mod esklużiv mill-kleru u kien isseparat min-navata permezz ta' ħajt diviżorju mżejjen jew barriera ornamentali. Partijiet mill-ħajt diviżorju jinsabu għall-wiri fil-kripta. Grilja diviżorja Neo-Gotika dekorattiva tal-ħadid ferrobattut, installata fl-1855, issa tinsab madwar il-kor.

Il-pilastri tal-kor huma kemxejn irqaq minn dawk tan-navata, iżda jidħlu b'mod armonjuż mal-bqija tal-istil fuq ġewwa. Fuq il-livell ta' fuq, it-twieqi għoljin bl-okuli tondi tagħhom iddaħħlu fil-quċċati tal-ħnejjiet, u b'hekk iżidu s-sensazzjoni ta' għoli bla interruzzjoni. Il-kor ta' fuq jintemm b'emiċiklu b'kurvatura ta' twieqi.

Il-kor ġie mmudellat b'mod sostanzjali fis-seklu 18 sabiex jikkonforma mad-duttrini l-ġodda mill-Vatikan, li kienu qed isejħu għal tiżjin Barokk iktar rikk. Dan it-tibdil kien jinkludi sedji mnaqqxa ġodda tal-kor magħmula minn René-Michel Slodtz, pavimentar tal-irħam b'għamla ta' grilja, u artal prinċipali ġdid iddisinjat minn Louis Vassé, li ġie kkonsagrat formalment fl-1767.[24]

Kappelli

immodifika

Il-katidral huwa mdawwar b'kappelli integrati li nbnew matul is-sekli, li ddaħħlu fl-ispazji bejn ir-riffieda fuq il-ġnub, f'għamla semiċirkolari madwar ix-chevet. Hemm ħames kappelli fl-apsida, sitta tul id-diżambulatorju jew l-korsija ta' barra fit-tarf tal-Lvant, sitta fuq in-naħa tan-Nofsinhar, u erba' fuq in-naħa tat-Tramuntana. Uħud fihom l-oqbra, u ġeneralment jagħtu ġieħ lil donaturi jew qaddisin speċifiċi. Waħda mill-iżjed kappelli mżejna, il-Kappella ta' San Ġwann il-Battista, inbniet bejn l-1467-1479 fid-diżambulatorju tan-naħa tat-Tramuntana. Ġiet iffinanzjata minn Jean de Breuil, l-arċidjaknu tal-katidral u kunsillier tal-Parlament ta' Pariġi. Fiha sensiela rikka ta' affreski u ħġieġ ikkulurit fin ħafna tas-seklu 15. L-elementi arkitettoniċi kollha huma mpittrin, indurati u mżejnin.[24]

Il-Kappella ta' Sant'Anna, fuq in-naħa tan-Nofsinhar tad-diżambulatorju, ingħatat b'donazzjoni minn wieħed mill-membri għonja tal-kleru, Pierre Tullier. Il-ħġieġ ikkulurit kien juri lill-familja tad-donatur tiġi ppreżentata lill-qaddisa. Dan kien frott ix-xogħol tal-produttur ewlieni tal-ħġieġ Jean Lécuyer fl-1532.[25]

L-iżjed kappella notevoli hija dik ta' Jacques Coeur, wieħed mid-donaturi ewlenin tal-katidral. Din tinsab fid-diżambulatorju ta' barra fuq in-naħa tat-Tramuntana, u nbniet fl-1448 biex tospita l-qabar ta' Coeur. It-tieqa notevoli, waħda mill-ifjen opri tal-ħġieġ ikkulurit tas-seklu 15, saret fl-1453. Din turi l-Arkanġlu Gabriel iħabbar lil Marija li kienet se tkun omm Alla. Fl-istess sena li saret it-tieqa, Jacques Coeur ġie arrestat għal misapproprjazzjoni ta' fondi. Il-familja ġiet imġiegħla tbigħ ir-residenza tiegħu u d-drittijiet tad-dfin tiegħu fil-kappella lil nobbli għani ieħor, Charles de L'Aubespine. Aubespine kkummissjona lill-arkitett François Mansart biex jiddisinja l-qabar għas-sid il-ġdid. Uħud mill-iskulturi ta' dak il-qabar jinsabu għall-wiri fil-kappella.[26]

Eżempji fini ta' skulturi tas-seklu 15 jinsabu fil-Kappella ta' Notre-Dame La Blanche, fiċ-ċentru tal-apsida fuq in-naħa tal-Lvant tal-katidral. Dawn jinkludu l-bust tad-Duka Jean de Berry, li l-qabar tiegħu jinsab fil-knisja inferjuri, u l-bust ta' martu Jeanne be Boulogne, li saru minn Jean de Cambrai għall-ħabta tal-1403. Dawn tressqu fil-katidral mis-Sainte-Chapelle ta' Bourges fl-1757. L-irjus u l-idejn ġew meqruda matul ir-Rivoluzzjoni, iżda ġew irrestawrati fis-seklu 19.

Knisja inferjuri u l-qabar tad-Duka ta' Berry

immodifika

Il-knisja inferjuri nbniet l-ewwel fuq il-ħitan antiki għal-livellar ta' telgħa wieqfa ta' sitt metri u sabiex isservi ta' pedament għax-chevet u għas-sezzjoni trasversali tal-knisja ta' fuq. Din tlestiet għall-ħabta tal-1200. Is-saqaf tagħha bil-ħnejjiet huwa mirfud permezz ta' pilastri massivi u seba' arkati, kif ukoll ħajt oħxon tliet metri bi twieqi ppuntati. Milli jidher fl-imgħoddi kienet tintuża bħala uffiċċju tal-bennej ewlieni; il-pjanti tar-rużun tas-sezzjoni tal-Punent huma inċiżi mal-art. Illum fiha kollezzjoni ta' ħġieġ ikkulurit li sar bejn l-1391 u l-1397, u li qabel kien installat fit-twieqi tas-Sainte-Chapelle mibnija minn Ġwanni, id-Duka ta' Berry, li nqerdet fl-1757.

Id-Duka kien kollezzjonista importanti tal-arti ta' dak iż-żmien; fost ix-xogħlijiet li kkumissjona kien hemm it-Très Riches Heures du Duc de Berry. Il-qabar innifsu huwa wieħed mill-opri tal-arti ewlenin fil-kappella. Ġie magħmul bejn l-1391 u l-1397 u huwa biċċa xogħol importanti tal-iskultura Medjevali, li ġiet magħmula bejn l-1422 u l-1428 mill-iskultur Jean de Cambrai. Il-kumpless tal-iskulturi jinkludi l-qabar tal-irħam tad-Duka, bl-annimal simboliku tiegħu, ors bis-sarima u bil-ktajjen ma' saqajh. Fil-qrib hemm l-istatwi tad-Duka u ta' Jeanne ta' Boulogne, it-tnejn li huma attribwiti lill-iskultur Jean Cox għall-ħabta tal-1710. Oriġinarjament il-qabar kellu kollezzjoni ta' erbgħin statwa ta' figuri bil-luttu, magħmula mill-irħam u l-alabastru. Il-biċċa l-kbira tagħhom issa ġew mifruxa f'mużewijiet differenti.[27]

Oġġetti oħra ta' interess fil-knisja inferjuri jinkludu fdalijiet ta' skulturi tal-ħajt diviżorju oriġinali li ġie magħmul f'Pariġi fis-snin 30 tas-seklu 13, li kien jissepara l-kor min-navata sas-seklu 18. Il-ħajt diviżorju ġarrab ħsarat estensivi fl-1562 matul il-Gwerer tar-Reliġjon, u mbagħad inqered fl-1757 matul ir-rikostruzzjoni tal-kor.

 
L-orgni grandjuż fuq ġewwa tal-faċċata tal-Punent.

L-orgni oriġinali tal-katidral kien jinsab taħt ir-rużun fuq ġewwa tal-faċċata tal-Punent. Dan inqered fl-1506 meta kkrolla t-torri fil-qrib. Ftit mit-tiżjin bl-iskulturi qrib il-pożizzjoni preċedenti tiegħu, b'anġli mużiċisti u b'karjatidi, ifakkar fil-preżenza tiegħu. L-orgni ġie sostitwit bi strument ġdid fil-bidu tal-1663. Il-qafas tal-orgni ġie magħmul fl-1665 minn Bernard Perette. L-orgni ġie mmodifikat u mkabbar fl-1741 u fl-1860, u ngħata rinnovazzjoni moderna fl-1985.

L-orgni attwali għandu ħamsin waqfa jew ħoss partikolari, iktar minn 2,500 pajp, erba' tastieri, u sett ta' pedali biex ikunu jistgħu jindaqqu noti addizzjonali.[28]

Arloġġ astronomiku

immodifika

L-arloġġ astronomiku tal-Katidral ta' Bourges ġie installat għall-ewwel darba f'Novembru 1424, matul ir-renju ta' Karlu VII, meta l-qorti rjali kienet ibbażata f'Bourges, għall-okkażjoni tal-magħmudija ta' ibnu, li iktar 'il quddiem sar Lwiġi XI. Iddisinjat mill-kanonku u l-matematiku Jean Fusoris u mibni minn André Cassart, l-arloġġ jinsab f'qafas b'għamla ta' kampnar impitter minn Jean Grangier (jew Jean ta' Orléans). Għandu żewġ uċuħ, dak ta' fuq li żdied fis-seklu 19 li juri l-ħin, u dak t'isfel li juri s-siegħa, il-fażi u l-età tal-qamar, u l-pożizzjoni tax-xemx fiż-żodjaku.[29]

Il-qniepen tal-arloġġ idoqqu kull kwarta u jdoqqu l-ewwel erba' noti tas-Salve Regina kull siegħa. Il-wiċċ ta' fuq juri l-minuti u s-sigħat bi preċiżjoni kbira, b'marġni ta' żball ta' sekonda kull mija u ħamsin sena. Il-wiċċ t'isfel juri l-kostellazzjoni prominenti fis-sema ta' billejl, il-fażi tal-qamar u s-sinjal taż-żodjaku.

L-arloġġ ġie rrestawrat fl-1782, fl-1822, fl-1841, u rrinnovat għalkollox fl-1872, meta ġie installat il-wiċċ ta' fuq biss li juri l-ħin. Il-kalendarju taż-żodjaku ġie rrestawrat fl-1973. L-arloġġ ġarrab ħsarat estensivi minħabba nar fl-1986; wara restawr komplut, l-arloġġ reġa' ġie installat fl-1994 b'replika tal-mekkaniżmu preċedenti. Il-mekkaniżmu oriġinali jinsab għall-wiri fil-katidral.

Ħġieġ ikkulurit

immodifika

Il-Katidral ta' Bourges huwa magħruf partikolarment għall-ħġieġ ikkulurit tiegħu tas-seklu 13, speċjalment it-twieqi fil-kappelli tal-ambulatorju tal-apsida, li jmorru lura għall-ħabta tal-1215, madwar l-istess żmien tat-twieqi tal-Katidral ta' Chartres (it-twieqi fil-kappella assjali fit-tarf tal-apsida huma iktar reċenti). It-twieqi famużi tal-Katidral ta' Bourges jinsabu l-iktar fil-pjan terran, u b'hekk jagħtu opportunità aħjar mill-biċċa l-kbira tal-katidrali Gotiċi biex wieħed ikun jista' jeżaminahom iktar mill-qrib.[30]

Grand Housteau u apsida

immodifika

Il-faċċata tal-Punent għandha rużun magħluq fuq il-ħnejja ta' fuq il-portali ċentrali; tieqa kbira b'sitt sezzjonijiet ippuntati u żewġ okuli iktar 'il fuq, taħt rużun kbir; u rużun iżgħar ieħor fil-ħnejja ppuntata ta' fuq. Ir-rużun tal-Grand Housteau jmur lura għall-ħabta tal-1392. Għandu disinni ġeometriċi madwar it-tieqa ta' ħamiema li tirrappreżenta l-Ispirtu s-Santu. Il-parti ta' barra tal-faċċata, imsejħa l-Grand Housteau, għandha stil Fjammeġġanti, u tmur lura għall-bidu tas-seklu 16.[31]

It-twieqi għoljin tal-apsida, fit-tarf tal-Lvant, jiffurmaw nofs ċirku, b'żewġ twieqi u okulu f'kull niċċa. It-tieqa ċentrali turi l-Madonna b'San Stiefnu tarbija f'idejha, iżomm mudell tal-katidral. Fuq in-naħa tat-Tramuntana, it-twieqi ta' fuq juru dsatax-il profeta f'ordni kronoloġika, l-ewwel bi Ġwanni l-Battista fuq in-naħa tal-Lvant tal-Madonna. Fuq in-naħa tan-Nofsinhar, lejn il-Punent tal-Madonna, hemm dsatax-il tieqa li juru l-appostli u d-dixxipli.[32]

Twieqi tal-ambulatorju tal-apsida (seklu 13)

immodifika

Waħda mill-iktar twieqi magħrufa minn dan il-perjodu hija t-tieqa ta' Ġużeppi, fl-ambulatorju fuq il-lemin tal-Kappella ta' San Franġisk ta' Sales. Il-medaljuni tagħha juru avvenimenti mill-ħajja ta' Ġużeppi, iben Ġakbu, hu u jfittex lill-aħwa tiegħu. Turi wkoll il-produtturi tal-btieti u l-mastruduxxa jagħmlu xogħolhom; dawk iż-żewġ xirkiet kienu l-patruni tat-tieqa. It-tieqa tal-Parabbola ta' Lażżru u l-Għani turi xi bennejja; ix-xirka tagħhom iffinanzjat dik it-tieqa.

L-ambulatorju jinkludi diversi twieqi tipoloġiċi oħra (simili għal eżempji tal-Katidral ta' Sens u tal-Katidral ta' Canterbury), u diversi ċikli ħaġjografiċi, il-ġrajja tal-patriarka Ġużeppi tat-Testment l-Antik, u immaġnijiet simboliċi tal-Apokalissi u ta' Jum il-Ġudizzju. Twieqi oħra juru l-Passjoni u tliet parabboli ta' Kristu; tas-Samaritan it-Tajjeb, tal-Iben il-Ħali u l-ġrajja ta' Dives u Lażżru. L-istoriku tal-arti Franċiż Louis Grodecki identifika tliet artisti jew studjos distinti involuti fix-xogħol tal-ħġieġ ikkulurit, u wieħed minnhom x'aktarx li ħadem ukoll fuq it-twieqi tal-Katidral ta' Poitiers.[33]

Ħġieġ ikkulurit tat-twieqi leġġendarji fid-diżambulatorju (seklu 13)

immodifika

Twieqi tan-navata u l-kor

immodifika

Kważi t-twieqi kollha ta' fuq tan-navata u l-korsiji laterali huma mimlijin bi ħġieġ tat-tip grisaille fil-griż, sabiex jipprovdu l-iktar dawl possibbli. Ir-rużuni ż-żgħar biss ta' fuqhom għandhom xi figuri, l-iktar kombinamenti ta' isqfijiet u kardinali li saru qaddisin. L-ewwel ħames rużuni żgħar fil-Lvant tal-faċċata fil-korsija laterali ta' ġewwa juru l-Profeti tal-Apokalissi, uħud idoqqu l-istrumenti mużikali, inkluż tip ta' akkordju, immaġni tassew bikrija ta' dak l-istrument.[34]

Ħġieġ ikkulurit tas-sekli 15 u 16

immodifika

Għadd ta' twieqi mis-sekli 15 u 16 jinsabu fil-kappelli. Dawn juru l-influwenza Rinaxximentali, ferm eqreb tal-pitturi mit-twieqi iktar bikrin, b'iktar realiżmu u l-użu tal-perspettiva. Waħda mill-aqwa eżempji hija t-Tieqa tat-Tħabbira, li tinsab fil-Kappella ta' Jacques Coeur. Oriġinarjament kienet tinsab fis-Sainte Chapelle ta' Bourges, li nqerdet matul ir-Rivoluzzjoni Franċiża.

Il-Kappella ta' Joan ta' Arc inbniet fl-1468 u għandha tieqa notevoli tas-seklu 16 iddedikata lill-ħajja tal-qaddisa f'sittax-il xena, b'dettall u kuluri Rinaxximentali preċiżi. Din ġiet installata fl-1517.[35]

Il-kappelli tul il-korsiji laterali fihom ukoll xi twieqi notevoli tas-seklu 15. Il-Kappella ta' Notre Dame de Sales, jew il-Kappella tar-Re, fuq in-naħa tan-Nofsinhar tan-navata ħdejn il-faċċata tal-Punent, fiha tieqa li tippreżenta t-tnax-il appostlu taħt konfigurazzjonijiet arkitettoniċi elaborati (1473-1474).

Il-Kappella assjali ta' Notre-Dame-la-Blanche, fit-tarf tal-Lvant tal-apsida, fiha wkoll sett ta' twieqi tas-seklu 16 li oriġinarjament kienu jinsabu fis-Sainte-Chapelle ta' Bourges. It-tieqa prinċipali tippreżenta xeni tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. p. 3.
  2. ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Bourges Cathedral". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-19.
  3. ^ a b ċ d e f Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. p. 7.
  4. ^ a b ċ Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. p. 11.
  5. ^ Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. p. 15.
  6. ^ Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. p. 25.
  7. ^ Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. p. 17.
  8. ^ a b Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. p. 19.
  9. ^ a b Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. p. 94.
  10. ^ Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. p. 28.
  11. ^ Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. pp. 30-31.
  12. ^ Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. p. 32.
  13. ^ Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. pp. 32-33.
  14. ^ Jennings, Margaret (2011). "The Cathedral of Bourges: A Witness to Jude-Christian Dialogue in Medieval Berry". Studies in Christian-Jewish Relations. 6: 1–10. pp. 1-10.
  15. ^ Bayard, Tania, Thirteenth-Century Modifications in the West Portals of Bourges Cathedral, in Journal of the Society of Architectural Historians, Vol. 34, No. 3 (Oct., 1975), pp. 215-225.
  16. ^ Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. p. 33.
  17. ^ a b ċ Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. p. 37.
  18. ^ a b Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. pp. 38-39.
  19. ^ Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. pp. 42-43.
  20. ^ Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. pp. 40-41.
  21. ^ Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. Il-qoxra ta' ġewwa.
  22. ^ Branner, Robert, The Cathedral of Bourges and its Place in Gothic Architecture, Pariġi (1962).
  23. ^ Bony, Jean (1985). French Gothic Architecture of the Twelfth and Thirteenth Centuries, p. 212. University of California Press. ISBN 0-520-05586-1.
  24. ^ a b ċ Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. pp. 46-47.
  25. ^ Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. pp. 58-59.
  26. ^ Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. p. 69.
  27. ^ Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. p. 89.
  28. ^ Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. p. 48.
  29. ^ Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. p. 49.
  30. ^ Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. p. 62.
  31. ^ Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. p. 50.
  32. ^ Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. p. 52.
  33. ^ Louis Grodecki. A Stained Glass Atelier of the Thirteenth Century: A Study of Windows in the Cathedrals of Bourges, Chartres and Poitiers, Journal of the Warburg and Courtauld Institutes, Vol. 11, (1948), pp. 87–111.
  34. ^ Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. p. 90.
  35. ^ Villes, Alain (2018). Cathédrale Saint-Étienne Bourges. Éditions du Patrimoine, Centre des Monuments Nationaux. ISBN 978-2-7577-0559-9. p. 84.