Guido de Marco
Guido de Marco (twieled fit-22 ta' Lulju 1931 – miet fit-12 ta' Awwissu 2010) kien politiku Malti li serva bħala l-President ta' Malta bejn l-1999 u l-2004. Kien ukoll Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Intern u tal-Ġustizzja, u wara tal-Affarijiet Barranin fejn kien strumentali biex Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. Bejn l-1990 u l-1991 kien ukoll President tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda
Tfulija
immodifikaGuido De Marco twieled il-Belt Valletta nhar it-22 ta' Lulju, 1931, l-uniku iben ta' Emanuele u Giovanna mwieleda Raniolo.[1] Ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola Sekondarja ta' San Ġużepp, fil-Kulleġġ ta' San Alwiġi u aktar tard fl-Università ta' Malta. Mill-Università ggradwa fil-Baċellerat tal-Arti fl-1952, fil-Filosofija, l-Ekonomija u t-Taljan, u fl-1955 bħala Duttur tal-Liġi. Għal xi żmien serva bħala avukat tal-gvern.
Politika
immodifikaFit-23 ta' Marzu, 1999, De Marco fl-aħħar diskors tiegħu bħala Membru tal-Parlament, kien qal hekk:
“ Jien kif dħalt fil-politika? Meta kont għadni student fl-ewwel snin tal-kors l-universita' kont ħabib ma' Dun Fortunat Mizzi, it-tifel ta' Nerik Mizzi. U Natolino - għax jien nafu bħala Natolino Mizzi - qalli: Guido, inti dejjem titkellem favur il-papa tiegħi imma qatt iltqajt miegħu? Għidtlu: Le, qatt ma ltqajt miegħu, inċapċaplu u affarijiet bħal dawn imma qatt ma ltqajt miegħu. Qalli: Ejja sad-dar ħalli nintroduċihulek. U meta mort għand Nerik Mizzi qalli: Int x'qed tistudja? Għidtlu għall-avukatura. Qalli: Xi kemm intom? Nerik Mizzi ma tantx kien jieħu minn widnejh u meta għidtlu: Circa 20, qalli: 120! Inti se tmut bil-ġuħ! Mur għidlu li llum fil-kors tal-liġi regolarment qed ikun hemm 120 u għall-grazzja t'Alla ħadd m'hu qed imut bil-ġuħ! Pero' jien mhux għal din l-istorja qed ngħid għax imbagħad kompla jgħidli: Allura inti tixtieq tieħu parti fil-politika? Għidtlu: Iva, nixtieq ħafna. Qalli: Fendi ibni! Qalli: Int se tieħu l-avukatura, dik professjoni. Ibni se jsir saċerdot, dik vokazzjoni. Jekk int trid tidħol għall-politika, dik hija missjoni. ”
Mal-Partit ta' Ganado
immodifikaHu daħal fix-xena politika fl-1962, l-ewwel mal-Partit Demokratiku Nazzjonalista ta' Herbert Ganado, fi żmien ta' tensjoni ta' qabel l-Indipendenza.[2] u kkontesta għall-ewwel darba l-elezzjoni ġenerali imma ma telax. Bejn l-1964 u l-1966 serva bħala l-Avukat tal-Kuruna tal-Gvern Malti.
Mal-Partit Nazzjonalista
immodifikaFl-1966, ikkontesta t-tieni elezzjoni tiegħu, l-ewwel waħda f'isem il-Partit Nazzjonalista (PN) fl-1966, fejn kiseb 12.82% tal-voti mill-ewwel distrett u 64.39% tal-voti mit-tmien distrett.[3] B'hekk, ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament Malti f'April tal-1966, fejn baqa' jiġi elett sal-1998.
Fl-1967, il-Kamra tad-Deputati ta' Malta eleġġiet lil de Marco bħala wieħed mir-rappreżentanti tagħha fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, fejn baqa' jżomm din il-pożizzjoni għal għoxrin sena.
Fl-1972 inħatar Segretarju Ġenerali tal-PN. Fl-1977 ikkontesta l-elezzjoni għal kap tal-partit tiegħu flimkien ma' Eddie Fenech Adami, fejn dan tal-aħħar rebaħ din l-elezzjoni interna bi Guido de Marco jieħu l-post ta' Deputat Mexxej. F'din il-kariga serva sal-1999,
Viċi Prim Ministru
immodifikaWara l-elezzjoni ta' Mejju 1987 beda jservi ta' Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Intern u l-Ġustizzja. Fiż-żmien li kien iħaddan dan ir-rwol, il-Professur de Marco introduċa numru ta' abbozzi fil-Parlament li kienu jinkorporaw ġo fihom konvenzjonijiet importanti, bħall-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Bħala Ministru tal-Intern hu wassal għal riformi u l-imodernizzar tal-Korp tal-Pulizija u waqqaf l-Akkademja tal-Pulizija.[4]
F'Mejju tal-1990 inħatar Ministru tal-Affarijiet Barranin u fost l-ewwel impenji tiegħu kien hemm li ressaq l-applikazzjoni ta' Malta biex tissieħeb fil-Kommunità Ewropea fi Brussell nhar is-16 ta' Lulju, 1990. Hu kompla jippromwovi u jsegwi l-prinċipju li d-djalogu Ewro-Mediterranju kien element bażiku sabiex jinħolqu strutturi li jikkonsolidaw is-sigurtà u l-kooperazzjoni reġjonali.
Ħidmietu wasslet biex Malta issieħbet f'numru ta' organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Ġnus Magħquda, l-OSCE, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Commonwealth tan-Nazzjonijiet.
Kien il-Professur de Marco wkoll li bħala Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin reġa' rreattiva l-applikazzjoni ta' Malta biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, nhar il-11 ta' Settembru, 1998, wara l-iffriżar ta' din l-istess applikazzjoni mill-Partit Laburista.
Tul il-karriera parlamentari tiegħu huwa rrappreżenta lill-Parlament Malti għal kważi 20 sena fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, fejn serva f'ħafna kumitati.
President tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda
immodifikaNhar it-18 ta' Settembru, 1990, il-Professur de Marco ġie elett President tal-ħamsa u erbgħin sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda – l-ogħla kariga li persuna Maltija qatt ħadet fil-kamp internazzjonali.[5] Hu ħa bosta inizjattivi b'risq il-paċi u biex il-Ġnus Magħquda tkun organizzata aħjar. Il-ħatra tiegħu f'din il-kariga wasslet ukoll fi żmien ta' tensjoni wara l-invażjoni tal-Iraq fil-Kuwajt. Bħala l-President, huwa żar numru ta' kampijiet ta' refuġjati fit-territorji okkupati u fil-Ġordan, l-Etjopja u l-Albanija.
F'Mejju tal-1991, żar ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u r-Repubblika tal-Korea għal laqgħa li wasslet għall-ammissjoni tagħhom fin-Nazzjonijiet Uniti.
Fl-Oppożizzjoni u mill-ġdid fil-Gvern
immodifikaBejn l-1996 u l-1998 serva bħala shadow minister.
Fl-1998, reġa' ġie appuntat bħala Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, fejn żamm din il-kariga san-nominazzjoni tiegħu bħala President ta' Malta.
Bejn Jannar tal-2005 u Diċembru tal-2008 kien ċermen tal-Fondazzjoni tal-Commonwealth.
President ta' Malta
immodifikaNhar it-23 ta' Marzu, 1999, De Marco għamel l-aħħar diskors tiegħu bħala Membru tal-Parlament. Din hija silta minnu:
“ Sur President, jien illum nixtieq naqsam mal-Kamra l-ħsibijiet tiegħi ta' 33 sena f'dan il-parlament. Proprju fid-29 ta' dan ix-xahar ta' l-1966, 33 sena ilu, effettivament jien ġejt elett għall-ewwel darba fil-parlament. Malta kienet ilha indipendenti madwar sena u nofs biss u kien hemm sens ta' rinascita f'Malta; immaġinaw ġenerazzjonijiet u ġenerazzjonijiet ta' Maltin, dejjem kolonja jew poplu maħkum minn ħaddieħor. Għall-ewwel darba stajna ngħidu f'dan il-pajjiż: Aħna Maltin, aħna ma jikkmandana ħadd, aħna padruni f'artna, aħna għandna passaport Malti, aħna rappreżentati fin-Nazzjonijiet Uniti, aħna dħalna membri fil-Kunsill ta' l-Ewropa. Dr Borg Olivier bħala prim ministru, għamel l-ewwel żjarat tiegħu uffiċjali fi Tripli u Ruma, affarijiet li tawna lkoll ċertu sens ta' kburija li aħna Maltin. Freddie Amato Gauci kien beda jibni l-ministeru ta' l-affarijiet barranin, Arvid Pardo beda fi New York jagħmel l-ideat tiegħu dwar il-wirt komuni ta' l-umanita', il-liġi tal-baħar, u Malta bdiet tieħu ċerti inizjattivi. Huwa f'dan l-isfond, li jien kelli l-unur nidħol f'dan il-parlament.
Int tiftakar dan ukoll, Sur President, għax inti wkoll dħalt fil-parlament fl-istess sena. F'dan is-sens ta' entużjażmu tagħna lkoll dħalna għall-piż b'sens ta' servizz kbir lejn artna, b'sens ta' servizz li aħna l-ewwel ġenerazzjoni ta' politiċi żgħażagħ. Kienu jgħidulna "the young lions" lili, lil Ugo Mifsud Bonnici, Albert Borg Olivier de Puget, aktar tard ġie magħna Dwardu Fenech Adami. Bdejna ngħidu kif nixtiequha din Malta indipendenti, x'linja se tieħu. Konna għadna ġodda u naturalment bla esperjenza imma ċertament kellna żewġ vantaġġi li kienu ipattu għan-nuqqas ta' esperjenza. L-ewwelnett il-klassi politika ta' qabilna rnexxielha tistabilixxi ċerti prinċipji fil-ħajja nazzjonali, il-prinċipju ta' l-integrita' tal-politiku, il-prinċipju tal-missjoni soċjali li għandu kull politiku, il-missjoni tas-servizz li għandu kull politiku lejn pajjiżu. U dan, Sur President, lilna kien diġa' nkanalana lejn ċertu atteġġjament lejn il-politika.
Il-klassi politika Maltija kienet ilha żmenijiet twal tagħti l-kontribut tagħha, fiż-żmien tas-snin tal-kolonjaliżmu fl-eqqel tiegħu, fiż-żmien tal-kostituzzjoni ta' l-1921, fiż-żmien kif żviluppa l-internament u l-eżilju tal-kapijiet tan-nazzjonaliżmu Malti. Imbagħad anke kif bdiet tiġġenera ruħha l-politika hawn Malta, il-volonta` tal-ġid tal-ħaddiema, li l-ħaddiem huwa attur primarju fil-ħajja politika ta' artna. Il-ġlieda ta' l-integration, għal liema raġunijiet kien hawn min riedha u aħna li konna kontra tagħha għal liema raġunijiet konna kontra tagħha. Imma fl-aħħar kien hemm il-vantaġġ famuż fejn il-gvern u l-oppożizzjoni ta' dik il-ħabta sabu ruħhom magħqudin f'dik il-famuża break with Britain resolution. Hemmhekk aħna wkoll konna writna minn ta' qabilna, ma konniex aħna li ħloqnieha r-rota imma sibna l-politika diġa' stabilita fuq ċerti kriterji. Hemmhekk forsi konna wisq akkaniti fil-kliem kontra xulxin pero' fil-fatti mbagħad kellna ħabta - u għandu ħabta dan il-poplu Malti - kif nimmaljaw ruħna flimkien. Minn impressjoni ta' oppożizzjoni kontrastanti u konfliġġenti għarafna - u għadna nagħrfu - nibnu xi ħaġa flimkien. Sur President, din hija Malta li aħna sibna meta dħalna f'dan il-parlament.
Konna niltaqgħu fis-sala l-oħra, is-sala ta' l-arazzi, u niftakar jiena u Ugo Mifsud Bonnici ħadna postna fl-aħħar żewġ bankijiet għaliex dehrilna li meta xi ħadd minna kien se jpoġġi x'imkien iktar 'il quddiem xi ħadd ħares lejna bl-ikrah. U għidna: Allaħares jibdew iħarsu lejna bl-ikrah minn issa, għadna kemm daħħalna saqajna ġol-parlament! Ma ridniex li f'sistema li aħna konna ġodda għaliha b'xi mod jew ieħor nagħtu l-impressjoni li rridu nieħdu post xi ħadd u għalhekk qgħadna fl-aħħar żewġ fillieri tal-parlament. Sur President, naħseb anke inti tiftakar din l-istorja li qed ngħid. Qgħadna fl-aħħar imma tgħallimna ħafna għax kien hemm politiċi miż-żewġ naħat tal-Kamra li ċertament għamlu ħafna ġid lil Malta.
Sur President, jien għandi gratitudni kbira lejn Dr Borg Olivier għat-tagħlim li ħadt mingħandu. Kellu ħabta kif jutilizza ż-żmien fl-aħjar interess tal-politika u kif jagħraf jisdrammatizza s-sitwazzjoni għaliex inti u tisdrammatizza s-sitwazzjoni se ssib is-soluzzjoni, u iktar ma tiddrammatizza aktar diffiċli biex issib is-soluzzjoni. Giovanni Felice, li kien bniedem ta' kultura u ta' konoxxenza kbira, kemm ta' l-istorja ta' artna u anke l-mod kif kien javvanza l-argumentazzjoni tiegħu. Ċensu Tabone, li kulħadd jiftakru ħafna hawnhekk. In-naħa ta' l-oppożizzjoni ta' allura, nies bħal Dom Mintoff, karattru li l-enerġija u l-vitalita' tiegħu ċertament - qed nitkellem dwar l-1966 - baqgħu miegħu sa l-aħħar. Qed ngħid għal Toni Buttigieg, li kellu sens poetiku kif iħares lejn il-ħajja. Guże' Cassar, li kulħadd iħobb isejjaħlu "iz-ziju Ġuż", u veru kien qisu z-ziju Guż tagħna lkoll, u għadu sal-lum. Ġuże' Abela, li ċertament wieħed ma jinsa qatt l-integrita' tiegħu fil-politika għax għaraf isarrafha fiż-żmenijiet. Sur President, qed ngħid dan għaliex irrid noħroġ x'inhuma l-veru valuri tal-Parlament. Għaliex qegħdin fil-parlament aħna?
Jien għaddejt 33 sena ta' ħajti fil-parlament, 16-il sena din in-naħa, 17-il sena n-naħa l-oħra, u rnexxieli ngħix fit-tnejn ħajja interessanti, ħafna drabi diffiċli pero' ħajja li tagħtik sodisfazzjon. Għaliex x'inhu l-iskop li qegħdin fil-parlament? Għalkemm ngħaddu ċerti kummenti negattivi lil xulxin, jien konvint li kull wieħed minna f'din il-Kamra, dawk li ġew qabilna u dawk li għad jiġu warajna, jemmnu li qegħdin hawnhekk mhux biex iservu lilhom infushom għaliex mill-politika x'tista' tieħu?! Li tista' tieħu huwa li ħafna drabi jipprovaw jibjażimawk, ħafna ingratitudini, kliem li ma jixirqux lilek u wisq inqas lill-familja tiegħek. Pero' we get a kick mill-politika , kif jgħidu l-Ingliżi, u dak li nieħdu aħna huwa s-sens ta' servizz. ”
Fl-4 ta' April 1999, Guido Demarco nħatar bħala s-sitt President ta' Malta, fejn issuċċeda lil Ugo Mifsud Bonnici. Il-presidenza tiegħu damet sal-4 ta' April, 2004.
Mewt
immodifikaNhar is-6 ta' Awwissu 2010, waqt intervent regulari f'qalbu, żviluppaw ċerti kumplikazzjonijiet. Il-kundizzjoni tiegħu kienet definita bħala waħda "kritika imma stabbli" mill-kap tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei.[6] Erbat ijiem wara inħareġ mill-isptar, minkejja li t-tim mediku kompla xorta jsegwi l-istat ta' qalbu. Madanakollu, jumejn biss wara li kien irritorna lura d-dar, nhar it-12 ta' Awwissu, 2010, Guido de Marco ittieħed b'urġenza l-isptar wara li ħassu ħażin fir-residenza tiegħu ġewwa Tas-Sliema, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li kien miet fl-età ta' ta' 79 sena. Stqarrija mid-Dipartiment tal-Informazzjoni ħarġet li hu miet fil-ħin tal-4.18 ta' wara nofsinhar,[7] fejn aktar tard ħareġ li kien miet waqt l-irqad u kienu għalxejn it-tentattivi li saru sabiex isalvawlu ħajtu.
Il-funeral tiegħu sar fis-16 ta' Awwissu, 2010, ġewwa l-Kon-Katidral ta' San Ġwann preseduta mill-Arċisqof ta' Malta Pawlu Cremona.[8] Il-gvern nazzjonali ħabbar tliet ijiem ta' luttu nazzjonali.[9] Nhar is-Sibt 14 ta' Awwissu, 2010, mill-Isptar Materi Dei telaq korteo bit-tebut ta' Guido de Marco fejn għadda minn quddiem id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, qabel ma mbagħad wasal fil-Palazz tal-President fejn ġie espost il-katavru mikxuf għall-qima tal-pubbliku.[10]
Reazzjonijiet
immodifikaImmedjati kienu l-messaġġi ta' kondoljanzi li nħarġu mill-President tar-Repubblika, mill-Partit Nazzjonalista, mill-Partit Laburista, u entitatjiet u korpi diplomatiċi oħra.[11] Il-kondoljanzi waslu wkoll min-naħa tal-President tal-Parlament Ewropew Jerzy Buzek li stqarr "Guido de Marco kien iħaddan l-aqwa kwalitajiet bħala politiku modern: hu kien patrijott tassew li ħabb lil pajjiżu u lil niesu u kien bniedem ta' moħħu miftuħ u statista Ewropew kommess, li kien rispettat bil-kbir madwar l-Ewropa kollha".[12]
Reazzjonijiet oħra kienu jinkludu dak tal-President Emeritu Ugo Mifsud Bonnici li ddeskrivieh bħala "persuna determinat li qatt ma qata' qalbu minn xejn u dejjem ottimist", tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin u Viċi-Prim Ministru Tonio Borg li ddeskrivieh bħala "patrijott li pajjiżu dejjem sabu meta kien hemm bżonn u meta kien meħtieġ rikonċiljazzjoni", u tal-eks-Prim Ministru Alfred Sant li stqarr kif it-telfa ta' Guido de Marco kienet telfa ta' "protagonista tal-istorja moderna tal-pajjiż".[13] F'messaġġ lill-President George Abela, il-president tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Durão Barroso tkellem dwar kif "Il-Kummissjoni u jien nibqgħu niftakruh għall-kburija li kellu li kien Malti u l-isforzi kbar li għamel sabiex iressaq lil Malta qrib l-Unjoni Ewropea".[14]
Ħajja personali
immodifikaHu kien miżżewweġ lil Violet (imwielda Saliba), fejn kellhom tifel, Mario, u żewġt ibniet, Gianella u Fiorella, ilkoll membri tal-professjoni legali.
Awtobijografija
immodifikaFl-2008, Demarco ippubblika l-awtobijografija tiegħu bl-isem ta' The Politics Of Persuasion. Sena wara ħarġet it-traduzzjoni tal-ktieb bil-Malti ta' Charles Abela Mizzi bl-isem Il-Politika tal-Persważjoni.[15]
Monument
immodifikaFit-12 ta' Settembru 2014 inkixef il-monument f’ġieħ il-President Guido De Marco quddiem il-bini tal-qorti. “Huwa pjaċir u unur għalija li qiegħed hawn illum biex nagħtu ġieħ lill-memorja tal-President Guido de Marco, wieħed mill-akbar statisti ta’ pajjiżna” qal il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-bidu taċ-ċerimonja. “Kien fl-isfond ta’ teżi li kont qed nagħmel li ltqajt mal-Professur de Marco fil-bini tal-Parlament. It-tema li xtaqt inkellmu dwarha kienet pjuttost dejqa. Ridt nistaqsi kif wieħed jista’ jiddefinixxi lil pajjiżna, u ridt nara x’jaħseb dwar definizzjonijiet bħalsmall state, city state, micro state. Tbaqbaq mhux ħażin fuq kull waħda minn dawn id-definizzjonijiet u argumenta li kulħadd jaf id-daqs ta’ pajjiżna u minħabba f’hekk wieħed m’għandux juża kategoriji u definizzjonijiet li jistgħu jċekknu r-rilevanza tagħna f’għajnejn ħaddieħor.”
Il-monument hu magħmul mill-bronż, xogħol l-artisti Alfred u Aaron Camilleri Cauchi u turi lil Guido de Marco b’id waħda qisu biex jieħu b’idejn lin-nies u f’id l-oħra qed iżomm kopja tal-bijografija tiegħu li għandha t-titlu ‘Il-politika tal-persważjoni.’
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm uliedu Mario, Giannella u Fiorella, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, il-Presidenti Emeriti George Abela, Eddie Fenech Adami u Ugo Mifsud Bonnici, l-Ispeaker Anġlu Farrugia, Membri Parlamentari, dinjitarji u persuni distinti oħra.
Referenzi
immodifika- ^ "Libro d'Oro di Melita – Professor Guido de Marco and family". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-07-04. Miġbur 2010-08-12.
- ^ "Guido, a warm and charismatic soul" (bl-Ingliż). Times Of Malta. 2010-08-13. Miġbur 2010-08-13.
- ^ Dokument xls tar-riżultati tal-elezzjoni ġenerali tal-1962, maltadata.com
- ^ "Il-profil ta' l-eks President ta' Malta". MaltaRightNow. 2010-08-12. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-02-14. Miġbur 2010-08-13.
- ^ "UN General Assembly - President of the 62nd Session - Guido de Marco (Malta)" (bl-Ingliż). Il-Ġnus Magħquda. Miġbur 2010-08-13.
- ^ "Guido de Marco f'qagħda kritika". L-Orizzont. Miġbur 2010-08-12.
- ^ "Titħabbar il-mewt ta' Guido de Marco". MaltaRightNow. 2010-08-12. Miġbur 2010-08-12.
- ^ "Il-funeral tal-President Emeritus Guido de Marco nhar it-Tnejn". MaltaRightNow. 2010-08-13. Miġbur 2010-08-13.
- ^ "Malta mourns the sudden death of Guido de Marco" (bl-Ingliż). Maltastar.com. 2010-08-13. Miġbur 2010-08-13.
- ^ "Tislima emozzjonanti għal Guido de Marco mill-PN". MaltaRightNow. 2010-08-14. Miġbur 2010-08-14.
- ^ "President, political parties pay tribute to Guido de Marco" (bl-Ingliż). Times Of Malta. 2010-08-12. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-08-15. Miġbur 2010-08-13.
- ^ "Guido de Marco was a committed European statesman - EP President" (bl-Ingliż). Times Of Malta. 2010-08-13. Miġbur 2010-08-13.
- ^ "Guido de Marco passes away: A tribute to a great politician" (bl-Ingliż). Malta Independent. 2010-08-13. Miġbur 2010-08-13.
- ^ "Tributes to Prof. de Marco flow in" (bl-Ingliż). Malta Independent. 2010-08-14. Miġbur 2010-08-14.
- ^ "Stacked to the ceiling" (bl-Ingliż). Times of Malta. 2009-11-10. Miġbur 2010-08-13.
Ħoloq esterni
immodifika- Profil fuq is-sit uffiċjali tal-President ta' Malta
Predeċessur Ugo Mifsud Bonnici |
President ta' Malta 1999–2004 |
Suċċessur |