Herbert Ganado
Herbert Ganado (Furjana, 7 ta' April 1906 - 5 ta' April 1975) avukat, president tal-Azzjoni Kattolika, editur, politiku u kittieb.
Herbert Ganado | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Furjana, 7 April 1906 |
Nazzjonalità |
Kolonja ta' Malta Stat ta' Malta Malta |
Mewt | Malta, 8 April 1979 |
Post tad-dfin | Ċimiterju tal-Addolorata |
Edukazzjoni | |
Alma mater | Università ta' Malta |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
politiku kittieb ġurnalist |
Hu twieled fis-subborg tal-Furjana fis-7 ta' April, tal-1906. Isem Ganado jintrabat ma' ħafna ħidma sfuża favur Malta u l-Maltin. Hemm diversi sferi pubbliċi fejn Ganado nħass fis-seklu għoxrin; aktarx li l-iktar tnejn huma l-ġurnaliżmu u l-politika. It-tnejn li huma kienu jistrieħu fuq dak li hu essenzjali biex jiftiehem il-karattru ta' Herbert u biex fuq kollox tkun apprezzata l-ħidma tiegħu: il-konvinzjonijiet reliġjużi tiegħu li hu ma kien jibdilhom ma' xejn. Jekk tneżża' lil Ganado mit-twemmin tkun tlift kollox u l-kwadru jittappan. Ħajtu hija katina sħiħa ta' episodji fejn hu niżel jikkumbatti bl-enerġija tiegħu lil min deher li ried jeqred ir-reliġjon li ġab Pawlu ta' Tarsu fis-sena sittin wara Kristu. Dawn il-konvinzjonijiet ġabuh biex jaħdem id f'id mal-Arċisqof Mikiel Gonzi. Ganado kien sar l-alleat tiegħu f'kull sens. Kellu qima lejh u ħadem għalih kemm fl-istampa kif ukoll fil-politika. Il-ġurnaliżmu u l-politika tawh l-ispazju perfett fejn jikkumbatti għall-prinċipji tiegħu.
Ganado studja l-Liċeo u l-Università ta' Malta. Illawrja bħala avukat fl-1931. Bħala student kien President tal-Kunsill Studenti Universitarji. Bejn l-1936 u l-1940 kien President ta' l-Azzjoni Kattolika. Din l-għaqda offrietlu spazju fejn jimmilita għall-Kristjaneżmu. Sforz il-biża' li kellu li r-reliġjon għad tispiċċa minn Malta mbarka ruħu fl-istampa billi beda jeditja Leħen is-Sewwa u wara l-eżilju krudil fl-Uganda daħal fil-politika. Fil-Leħen is-Sewwa, fi żmien il-gwerra ċivili Spanjola, Ganado kiteb artikli favur id-dittatur Franco. L-iktar artiklu kontroversjali tiegħu fuq il-waqgħa ta' Madrid bit-titlu Dħalna Madrid, kif ukoll is-simpatija tiegħu lejn l-Italja Faxxista, wasslu sabiex fl-1940 jiġi internat u fl-1942, eżiljat lejn l-Uganda. L-artiklu għen immens biex il-miżien jimxi favur l-internament. Hu nnifsu kien stqarr li kien privileġġ għalih li jbati għal-Leħen. Il-fażi tiegħu bħala editur kien żmien eċitanti. Ganado l-editur ma dabbar l-ebda libel u fuq kollox kellu viżjoni miftuħa. Kien jinteressah x'inhu jiġri lilhinn mis-swar.
L-istorja ta' l-Internament hija waħda mill-ikreh faċċati tas-seklu għoxrin fejn grupp ta' Maltin inkluż Dr. Ganado ġew ittrattati mill-Ingliżi daqs li kieku kienu kriminali. Dawn ġew internati mill-Ingliżi mingħajr ġuri jew sentenza tal-qrati, azzjoni li ħafna jarawha bħala ironika meta wieħed jikkunsidra li l-Ingilterra kienet meqjusa bħala l-omm tal-parlamenti. Dawn is-suppost kriminali Maltin ma kienu xejn għajr nies entużjasti, wħud minnhom anki ffissati fil-kultura Taljana.
Ganado kiteb li fl-Uganda kienu sabu ruħhom “f'wieħed minn dawk il-kampijiet tal-priġunieri li naraw fil-films.” Ganado ħa miegħu l-Uganda numru ta' kotba fosthom l-Oxford Book of English Verse u d-Divina Commedia ta' Dante Alighieri. Ganado irnexxielu jirbaħ it-trawma tal-kamp u kif jgħid hu stess hu flimkien ma' oħrajn kienu ddeċidew li “ma nintelqux u nsibu rkaptu tal-post.”
Fl-1945 ġie lura mill-Uganda u ntefa' b'ruħu u ġismu fil-Partit Nazzjonalista. Id-deċiżjoni li jipparteċipa fil-politika b'mod attiv u fl-ewwel persuna trid tkun studjata fid-dawl tal-fatt li l-Knisja fis-snin ħamsin kienet qed tibża' mill-effetti li seta' jkollha l-Integration fuq ir-reliġjon u ftit wara minħabba l-paniku li laqat il-gżira li Dom Mintoff kien ser idaħħal il-Kommuniżmu.
Tant hu hekk li Ganado jagħmilha ċara li fl-1958 telaq lill-partit ta' Nerik Mizzi u Ugo Mifsud li dil-ħabta kien immexxi minn Giorgo Borg Olivier fuq żewġ punti ewlenin: il-P.N. ma kienx qed jiġġieled biżżejjed lil Mintoff u għax il-P.N. kien imexxi minn dittatur. Nies midħla tal-P.N. jsostnu wkoll li Ganado kellu ambizzjonijiet li jsir il-mexxej hu tal-P.N. flok Borg Olivier. Ganado kien ukoll kontra l-integrazzjoni u l-indipendenza. Ganado kien avangardist fi ħsiebu. Kien jitkellem dwar l-Ewropa u lil Malta riedha hemm.
F'April ta' l-1958, Ganado kellu laqgħa ma' Patri Feliċjan Bilocca, patri Kapuċċin li kien awtortita' fis-Soċjoloġija, li fiha Bilocca kien insista kemm felaħ li Malta teħtieġ it-tielet partit li jkun kapaċi jostakola lill-Mintuffjani. U Bilocca kien wegħdu li lest li jgħinu f'każ li jkun bi ħsiebu jagħmel il-pass. Fit-twaqqif tal-partit tiegħu, Ganado kellu taħdidiet ukoll ma' Monsinjur Mikiel Azzopardi li hu magħruf mal-poplu Malti l-iżjed għat-twaqqif tad-Dar tal-Providenza. Konnessjoni bejn it-tnejn tista' tkun spjegata anki mill-fatt li t-tnejn li huma kienu attivi fl-Azzjoni Kattolika. Hekk twieled il-Partit Demokratiku Nazzjonalista, li ma kien xejn għajr satellita tal-Kurja. Il-partit twaqqaf fl-1962 - is-sena li fiha l-Gvern Ingliż reġa' ta l-jedd lill-Maltin li jieħdu sehem f' elezzjonijiet politiċi wara sospensjonijiet ta' erba' snin. Li hu interessanti li dawn id-dettalji huma nieqsa għal kollox mill-kitbiet ta' Ganado imma huma rreġistrati fid-djarji ta' Bilocca.
Ganado kkontesta żewġ elezzjonijiet; dik ta' l-1962 u ta' l-1966. L-ewwel waħda saret meta l-ġlieda politiko reliġjuża tas-snin sittin kienet għadha fl-aqwa tagħha. U f'dik l-ewforija l-partiti ż-żgħar kollha marru mhux ħażin u l-mexxeja tagħhom kollha telgħu inkluż l-Avukat Ganado. Il-ħarsien tar-reliġjon kienet fuq l-aġenda tagħhom lkoll. Element li seta' għen lil Ganado kien il-fatt li hu kellu appoġġ mhux ħażin ta' diversi qassisin, patrijiet u sorijiet. Diversi qassisin kienu wkoll imsieħba fil-partit.
Ganado fl-1962 kiseb erba' siġġijiet. Hu nnifsu tela' minn żewġ distretti. Imma ma għaddiex mill-eżami elettorali ta' l-1966. Li hu ironiku hu li f'dik il-kampanja elettorali kien sostna li l-P.N. ma kienx ser ikun f'kundizzjoni li jmexxi gvern waħdu. Il-profezija altru li ma seħħitx għax Ganado nnifsu baqa' l-art u dan kien ifisser li l-partit tiegħu sfuma.
Kulma kiseb il-Partit Demokratiku Nazzjonalista fl-1966 kien 1.2% ta' l-elettorat waqt li erba' snin qabel kien ħa warajh 9.3% ta' l-elettorat. Il-P.N. fl-1966 kien kiseb sitt siġġijiet iktar mill-Partit Laburista u dan jerġa' jikkonferma kemm Ganado kien żbaljat fil-previżjonijiet tiegħu.
Darba li Ganado kisirha mal-P.N. kien sar ħabib kbir ta' Mabel Strickland li wkoll kienet tara lil Dom Mintoff bħala l-għerq tal-problemi ta' Malta. Milli jidher tant kienet tirrispettah lil Ganado, li Victor Griffiths, Professur tal-Mediċina, jsostni li f'okkażjoni minnhom jiftakar lil Mabel “introduċiet lil Herbert Ganado ma' politiċi għolja sew Ingliżi u Ammiralli ... dan il-bniedem ħa jkun il-Prim Ministru ta' Malta li jmiss.” Il-profezija tagħha imma baqgħet ma seħħitx.
L-ikbar rigal ta' Ganado lil Maltin ħutu hu l-awtobiografija tiegħu Rajt Malta Tinbidel - magħmula minn erba' volumi - li fiha tkellem dwar il-familja tiegħu, dwar artu u dwaru nnifsu. Tkellem b'mod dettaljat dwar sehmu fil-politika. Fid-daħla tat-tielet volum kiteb li “nistħajjel li jiena kont l-ewwel wieħed li kelli l-kuraġġ jew il-wiċċ tost, kif tgħidli marti, li nikteb ħajti kollha bl-istorja intima tagħha.” Din l-awtobijografija hija wkoll fonti importanti ta' l-istorja soċjali Maltija mill-1900 sa l-1969. Wara mewtu ġew ippubblikati Jien Inħobb Nitkellem Magħkom (ġabra ta' artikli li huwa kiteb matul is-snin fil-Leħen is-Sewwa). Herbert Ganado huwa wkoll iz-ziju ta' l-awtriċi kontemporanea Maria Grech Ganado.
Referenzi
immodifika- Carmel Farrugia, Polluted Politics 1933-1942, Background to the Deportations of Maltese Nationals in 1942 (Midsea Books Ltd: 1995).
- Henry Frendo, Maltese Journalism 1838-1992: An Historical Overview, (Malta Press Cllub: 1992).
- Herbert Ganado, Rajt Malta Tinbidel, 4 Volumi(1977).
- Sergio Grech, Patri Feliċjan Bilocca, (Outlook Coop, 2004).
- Remiġ Sacco, L-Elezzjonijiet f'Malta (KKM: 1981).
- Nota: Il-Professur Griffiths ta dak il-kumment lill-Sergio Grech, li kien kiteb artiklu dwar Herbert Ganado.
Ħoloq esterni
immodifikaWikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Herbert Ganado (Herbert Ganado) |