Patri Feliċjan Bilocca

Patri Feliċjan Bilocca twieled il-Furjana nhar l-1 ta' Ġunju, 1914 minn Ġużeppi u Elena mwielda Agius. Kien it-tielet wild minn familja ta' tlettax. Il-ġenituri tiegħu kienu joqogħdu fi Triq il-Miratur, il-Furjana. Il-ġenituri meta twieled tawh l-isem ta' Karmenu. Il-figura ta' l-omm ħalliet impatt kbir fuqu u sa mewtha ħabbha b'imħabba kbira. Anki meta kiber baqa' jieħu l-pariri tagħha. Ħa l-ewwel edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja tal-Floriana. Studja l-Model School il-Belt u minn hemm inkiteb fl-iskola ta' l-Inġinerija Nixon School.

Patri Feliċjan Bilocca
Feliċjan Bilocca
Ħajja
Twelid Furjana, 1 Ġunju 1914
Mewt 5 Mejju 1987
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni saċerdot Kattoliku
kittieb
soċjologu

Kienu għadu lanqas temm il-kors meta għamel it-talba biex jissieħeb mal-Kapuċċini. Fit-22 ta' Settembru, 1929 beda n-novizzjat u snin wara ġie ordnat saċerdot minn idejn Monsinjur Mikiel Gonzi. Mar jistudja fl-Università Gregorjana ta' Ruma minfejn kiseb dottorat fit-Teoloġija Dommatika u diploma fis-Soċjoloġija u l-Ekonomija Soċjali. Felicjan Bilocca kien wiehed mill-ewwel għalliema tas-Soċoloġija f'Malta u ma naqasx li jikteb dwarha kemm fil-kotba kif ukoll l-artikli tiegħu. Ibbaża priedki sħaħ minn dik il-lenti.

Aktarx li l-iktar fażi eċitanti ta' ħajtu kienet meta kien kappillan il-Marsa. Dan kien bejn l-1949 u l-1958. Lill-Marsin ħabbhom u għenhom kemm felaħ. Mhux biss bhala kappillan imma stinka biex il-Marsa tikseb dinjità u titjib fiżiku. Bena l-Knisja tal-Madonna tad-Dmugħ fil-Marsa, illum Marija Reġina. Skond ma ħalla miktub fid-djarji tiegħu minħabba dan il-pass is-superjuri tiegħu keċċewh minn kappillan u bagħtuh fil-kunvent tal-Furjana f'ċella viċin il-kamra tal-banju.

Kien magħruf ghall-karattru sod li kellu u l-fehmiet tiegħu ggwidaw għadd ta' studenti tiegħu li wara laħqu patrijiet. Sa hemm min isostni li kien ħalla hafna influwenza fuq l-Arċisqof Mikiel Gonzi. Aspett li spikka hafna f’hajtu kien il-ġurnaliżmu. Kiteb ghadd enormi ta’ artikli li dehru f'gurnali bhall-Lehen is-Sewwa u l-orizzont. L-ahhar artiklu deher ftit jiem biss qabel ma miet. L-artikli ta’ qabel l-1971 huma artikli li ddefendew il-pozizzjoni tal-Knisja. Dak kien zmien l-interdett u s-sittinijiet ma kinux facli ghal Malta.

Feliċjan għalkemm kellu tendenzi xellugin imma mhux eċċesivi kien daħal għad-difiża tal-knisja b'ruħu u ġismu. Kien protagonist ewlieni fit-twaqqif tal-Partit tal-Ħaddiema Nsara li kien jitmexxa minn Toni Pellegrini. Hu nnifsu kien mar ifittex il-kandidati ghall-elezzjonijiet. Wara li tela' l-Gvern Laburista fl-1971 u ftit qabel kien saret il-paċi mal-Knisja, Feliċjan biddel it-ton u minn għadu tal-Partit Laburista sar ħabib kbir u intimu. Per eżempju, għall-Feliċjan id-deċiżjoni ta' Dom Mintoff li jifforma gvern wara l-elezzjoni ta' l-1981 kienet tajba (għax kienet kompletatment skond il-Kostituzzjoni li kienet tgħid li min ikollu l-maġġoranza tas-siġġijiet fil-parlament ikollu d-dritt li jifforma gvern. Tant dan kien minnu li l-gvern Laburista kien rikonoxxut mid-dinja kollha. Fatt interessanti ieħor kien li fl-1971 minkejja li l-Partit Laburista ġab madwar 5000 vot iktar mill-pn, li ma' kienx għal-ħames (5) voti kien jerġa jispiċċa fl-oppożizzjoni! Kien bis-saħħa ta' emendi li għadda gvern Laburista li mbagħad ġiet irranġata l-Kostituzzjoni biex min iġib l-ikbar ammont ta' voti jiggverna. Ironikament din tal-voti spiċċat dejjem ħadmet kontra l-istess Partit Laburista għax qatt ma rriflettiet l-ammont ta voti li ġab iktar kull meta ħa l-gvern fl-1996,2013, u fl-2017).

L-artikli ta' din il-ħabta wieżnu l-politika Laburista u saħħansitra ħa pożizzjonijiet kontra l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca biex jiddefendi l-politika Laburista li kienet politika favur il-fqir u l-ħaddiem kif suppost tgħallem il-knisja kattolika. Uża ghadd kbir ta' nome de plumes. L-iktar popolari Baruk, Don Camillo u Von Galen. Kienu bosta dawk li attribew lilu n-nome de plume Gladiator imma hemm xhieda biżżejjed li tikkontradixxi lil min jgħid hekk. Patri Felicjan hu wkoll l-awtur ta' għadd ta' kotba. Il-patri rabat ismu max-xandir u bosta jiftakruh fil-programm Djalogu li kien isir fuq l-MTV u Zmienna li kien jixxandar fuq ir-radju nazzjonali. Tista’ tghid li tkellem dwar ghadd ta’ suggetti taht il-kappa tax-xemx. Ma kienx jiddejjaq jitkellem fuq suggetti bhas-sess li dik il-habta ma tantx kienu popolari. Bis-saħħa tiegħu, is-soċjetà tal-M.U.S.U.E.M. kisbet l-art li nafu biha llum biex setghet tibni l-kwartieri taghha. Minflok darba kien hemm ċimiterju abbużat.

Bilocca kien il-qassis li ta l-aħħar riti u akkompanja lil Carmelo Borġ Pisani sal-forka.

Bilocca miet nhar it-Tlieta, 5 ta' Mejju, 1987.

Referenzi

immodifika
  • Sergio Grech, Patri Feliċjan Bilocca, (Outlook Coop, 2004).