Enrico Mizzi

Prim Ministru ta' Malta (1950)
(Rindirizzat minn Nerik Mizzi)

Enrico Mizzi, magħruf popolarment bħala Nerik Mizzi (Valletta, 20 ta' Settembru, 1885Valletta, 20 ta' Diċembru, 1950) kien politiku Malti li għal ftit serva bħala Prim Ministru ta' Malta. Hu jibqa' l-uniku Prim Ministru li miet fil-kariga, fl-età ta' 65 sena. Kien ukoll l-inqas wieħed li dam Prim Ministru, tliet xhur biss. Kien Kap tal-Partito Democratico Nazionalista l-ewwel u tal-Partito Nazionalista (il-Partit Nazzjonalista tal-lum il-ġurnata) sa mewtu.

Enrico Mizzi
Prim Ministru ta' Malta

Settembru 1950 - 20 Diċembru 1950
Pawlu Boffa - Ġorġ Borg Olivier
Ministru tal-Industija u l-Kummerċ

1924 - 1927
Ħajja
Twelid Valletta, 20 Settembru 1885
Nazzjonalità Kolonja ta' Malta
Mewt Valletta, 20 Diċembru 1950
Post tad-dfin Ċimiterju tal-Addolorata
Familja
Missier Fortunato Mizzi
Konjuga/i Bice Mizzi  (1926 -  1950)
Ulied
Edukazzjoni
Alma mater La Sapienza
Lingwi Malti
Ingliż
Taljan
Latin
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni politiku

Enrico Mizzi kien iben dak li sejħulu Pater Patriae (Padre della Patria jew Missier il-Patrija) jiġifieri Fortunato Mizzi u Maria Sofia Fogliero de Luna. Missieru kien avukat Għawdxi iben Maġistrat Għawdxi, waqt li ommu kienet mara ta' nazzjonalità Taljana li kienet residenti f'Malta. Fortunato Mizzi miet, fost niket kbir, fl-1905 meta ibnu Nerik kien għad kellu 19-il sena.

Missier Nerik, Fortunato Mizzi, kien patrijott u nazzjonalista kbir. Il-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi fil-Partito Nazionale (imsejjaħ ukoll Partito Anti-Riformista) ta' Fortunato Mizzi l-antenat politiku ta' dak li kellu jsir il-Partit Nazzjonalista. F'dik l-epoka fejn l-awtoritajiet Imperjali Ingliżi ma kinux idumu jaħsbuha biex jippersegwitawk għal dak li tgħid u tistqarr.

Kienet omm Nerik Mizzi, jew in-nazzjonalità Taljana tagħha, li l-aktar tat problemi lil Nerik Mizzi. Bosta kkunsidraw lil Enrico Mizzi bħala estremista fl-attakkament tiegħu għal-lingwa u l-kultura Taljana ta' Malta. Fil-fatt, bosta kienu jiddeskrivu lil Nerik Mizzi bħala estremista, radikali, idealista, irredentista, Faxxista u saħansitra traditur. L-ewwel erba' aġġettivi kienu jingħadu saħansitra minn bosta Panzavecchiani, li kienu kkunsidrati bħala nazzjonalisti moderati.

Politika

immodifika

Minkejja li kien studja l-liġi fl-Università ta' Ruma u ta' Urbino, Nerik bilkemm qatt ipprattika l-professjoni legali tiegħu. Huwa kien iħossu aktar miġbud lejn il-politika u l-ġurnaliżmu – li għalihom baqa' magħruf sal-lum il-ġurnata. Il-karriera politika tiegħu tista' tgħid li bdiet f'Novembru tal-1915 meta ħareġ bħala kandidat għal Għawdex – fejn ingħata appoġġ liema bħalu. F'ħidmitu ħadem bis-sħih biex jikseb Kostituzzjoni liberali mill-Ingliżi.

F'Mejju tal-1917 ġie arrestat f'daru stess u intbagħat għal sena l-ħabs – liema sentenza inbidlet mill-Gvernatur Methuen f'tbeżbiża serja, minflok ħabs. Waqt l-ewwel laqgħa tal-Assemblea Nazzjonali, Nerik Mizzi ġie nominat u maħtur Segretarju tal-Assemblea b'vot unanimu.

Twaqqif tal-Partit Nazzjonalista

immodifika

Fl-1921 Nerik ifforma l-Partito Democratico Nazionale, li fl-istess sena tella' erba' kandidati fuq Għawdex. Wara l-elezzjonijiet tal-1924 il-partit ta' Nerik ifforma gvern ta' koalizzjoni mal-Unione Politica Maltese. Fl-1926 dawn iż-żewġ partiti ingħaqdu u saru il-Partito Nazionalista – liema partit eventwalment spiċċa jmexxi fl-1942.

Mizzi kien magħruf bħala “cavaliere senza macchia e senza paura” – kavallier bla tebgħa u bla biża'. Hu baqa' magħruf għall-patrijottiżmu u nazzjonaliżmu tiegħu, fi żmien fejn Malta kienet taħt il-ħakma Ingliża li kienu jikkuntrastaw mal-kultura nazzjonali Maltija, l-identità xi ftit jew wisq Taljana, il-lingwa Taljana f'Malta u reliġjon Kattolika Rumana. L-imperu kien wieħed fil-maġġoranza tiegħu Protestant, u bosta Nazzjonalisti kienu jemmnu li b'xi mod dawn jinfiltraw din ir-reliġjon f'Malta wkoll, li dak iż-żmien kienet meqjusa bħala “cattolicissima”.

Mizzi u sħabu kienu jaħsbu li l-Ingliżi riedu jaqtgħu lill-Maltin mill-Ewropa f'kull settur sabiex ikunu jistgħu jikkontrollawh aħjar. Dan kien jinkludi l-proċess biex ikisser il-lingwa Taljana f'Malta, li kienet ilha f'Malta għal bosta sekli f'kull qasam tal-ħajja Maltija. L-Awtoritajiet Imperjali, skont il-Keenan Report li kien ikkummissjonat mill-istess Awtoritajiet Imperjali, bdew jaraw kif il-lingwa Maltija terġa' ssir djalett tal-Għarbi klassiku fi stat pur – u b'hekk jitneħħa kull element rumanz li kien fiha.

Din kienet biss waħda fost il-proposti kulturali li riedet lill-Maltin eqreb tal-Ingliżi u aktar ‘il bogħod mit-Taljani – kulturalment, lingwistikament u anke politikament. Huwa permezz ta' din il-perspettiva li wieħed jista' jifhem għaliex Mizzi kien magħruf bħala “kavallier bla biża'”, hekk kif kull affinità mat-Taljani kienet meqjusa bħala theddida għall-Imperu Ingliż.

Qabel it-Tieni Gwerra Dinjija kien Ministru tal-Industrija u l-Kummerċ, tal-Agrikultura, tas-Sajd, tal-Posta u tal-Edukazzjoni.

Deportat fl-Uganda

immodifika

Fit-30 ta' Mejju tal-1940 filwaqt li Mizzi kien il-Malta Printing Press, ġie arrestat u miżmum fil-Fortizza tas-Salvatur. Fi Frar tal-1942, il-Gvernatur Dobbie ħarreġ warrant illegali għad-diportazzjoni ta' 47 Maltin għall-Uganda – fosthom kien hemm Nerik Mizzi wkoll. Waqt l-eżilju tiegħu, Mizzi kien jagħmel dak li jista' biex iżomm aġġornat mas-sitwazzjoni politika f'Malta. Huwa żamm f'kuntatt mal-Membri Nazzjonalisti Eletti l-oħra tal-Kunsill tal-Gvern – Ġorġ Borg Olivier u Giuseppe Schembri.

Riorganizzazzjoni tal-PN

immodifika

Il-grupp reġa' ddaħħal f'Malta fit-8 ta' Marzu tal-1945, fejn Nerik ma tilef l-ebda minuta u reġa' qabad bil-ħidma politika tiegħu billi jattendi s-Seduta tal-Kunsill fil-15 ta' Marzu. Malli wasal lura, Nerik fittex li jorganizza lill-Partit Nazzjonalista mill-qiegħ. L-ideoloġija tal-Partit Nazzjonalista, l-appoġġ li dan kellu għal-lingwa u għall-kultura Taljana ta' spiss kienet tintuża kontrih minn dawk li kienu jopponuh. Il-gazzetti ta' Strickland, magħruf bħala l-għadu ta' Mizzi kienu jpinġu lil Mizzi bħala traditur, bħala individwu b'simpatija lejn l-Italja Faxxista.

Prim Ministru ta' Malta

immodifika

Ħames snin wara, f'Settembru tal-1950 Nerik Mizzi sar il-Prim Ministru ta' Malta – liema kariga damet biss tliet xhur, hekk kif fl-20 ta' Diċembru tal-1950, Mizzi miet fir-residenza tiegħu fil-Belt Valletta.

Enrico Mizzi, fuq is-sodda tal-mewt, qal testwalment dawn il-kliem, bil-lingwa Taljana: "Chiedo perdono a Dio di tutti i miei peccati. Se questa è la Sua volontà, io accetto volentieri la morte . Dite a tutti che ho fatto sempre il mio dovere e ho la coscienza tranquilla di aver fatto tutto per la Patria. Perdono a tutti come voglio che tutti perdonino a me."

Wara dik il-frażi, dar fuq ibnu, illum il-Mons. Fortunato Mizzi fundatur tal-Moviment Azzjoni Soċjali, u qallu dejjem bit-Taljan: "Abbi cura di mamà, combatti per la Religione e per la Patria." (“Ħu ħsieb lil ommok, u ġġieled għar-reliġjon u għall-patrija.”)

Mintoff ifaħħar lil Mizzi

immodifika

Wara l-mewt tal-Prim Ministru Nerik Mizzi, kienet saret seduta tal-Parlament f'ġieħu, li fiha taw l-eloġji tagħhom il-Prim Ministru ġdid Ġorġ Borg Olivier, Pawlu Boffa u Dom Mintoff. Mintoff kellu kliem ta' tifħir għal Nerik Mizzi, fejn fost l-oħrajn talab li ebda bniedem ma jħammġu fil-futur. Mintoff qal hekk dwar Mizzi: "...ahna sibnieh dejjem avversarju nadif, mingħajr odju, mingħajr vendetta...Kien bniedem li wera bil fatti illi l-ideal tiġġieled għalih mhux biss meta r-riħ ikun jonfoħ favur tiegħek imma wkoll fit-tempesti, ukoll fin-niket u fl-għawġ...huwa qatt ma biddel l-opinjonijiet tiegħu imma baqa' ta' karattru sod, baqa' Malti, l-aqwa fost il-Maltin."

Karmenu Mifsud Bonnici jgħid li "l-ewwel wieħed li qam joħodlu b'idejh u jifraħ lil Mintoff fis-Sala tal-Arazzi fil-Palazz fejn kien jiltaqa' il-Parlament kien Robbie Borg Olivier, ħu Ġorġ Borg Olivier, li kien għadu kif sar Prim Ministru."

"Dak ta' Mintoff kien l-aqwa u l-isbaħ fost it-tliet diskorsi. Għax għalkemm kien avversarju politiku aħrax ta' Mizzi, Mintoff wera li kien jammirah li f' ħajtu żamm dejjem sod, u bata għall-prinċipji politiċi tiegħu kontra l-ħakma fuq Malta tal-Gvern Imperjali Ingliż. Mintoff ma xxaħħahx ifaħħar il-patrijottiżmu ta' Mizzi u wera li kien se jkun huwa fit-tmexxija tal-ġlieda għad-drittijiet politiċi tal-poplu Malti, mingħand il-Gvern Imperjali Ingliż."

"Għaddew 66 sena minn dik is-seduta Parlamentari li għaliha kont preżenti ma' żgħażagħ oħra fl-iStrangers Gallery. Għadu f' moħħi l-kliem kommoventi ta' Mintoff dwar Nerik Mizzi. Għadha quddiem għajnejja wkoll ix-xena impressjonanti ta' kif Nazzjonalisti akkaniti li kienu fl-iStrangers Gallery marru kollha madwar Mintoff biex jifirħulu u joħdulu b'idejh."

Is-suċċessuri tiegħu

immodifika

Nhar id-19 ta' Settembru 1985, Eddie Fenech Adami qal li, "Il-karattru u l-valuri ta' Nerik Mizzi jpoġġuh f'livell li għandhom ikunu l-ispirazzjoni tal-Partit Nazzjonalista f'kull żmien għaliex għandhom bażi dejjiema."

Nhar id-19 ta' Diċembru 2010, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi sejjaħlu "l-patrijott tal-valuri" u "l-valuri tiegħu jitqassru fil-motto Nazzjonalista 'Religio et Patria'."

Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi

immodifika

Fl-2010, flimkien mal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, Monsinjur Fortunato Mizzi waqqaf il-Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi biex mhux biss tfakkar lill-ewwel żewġ Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista, iżda wkoll biex tamministra l-propjetà, l-arkivji u l-memorabilia kollha tal-familja Mizzi.

Issa hemm pjanijiet biex din il-Fondazzjoni, li s-segretarju tagħha huwa Richard Muscat, tikkonverti d-dar ta' Nerik Mizzi u tal-Monsinjur Fortunato Mizzi, fl-ewwel mużew tal-istorja politika f'Malta.

Kwotazzjonijiet

immodifika
  • "L-onestà hija l-aħjar politika u għal din ir-raġuni aħna għandna nagħmlu d-dmirijiet tagħna mingħajr ma noqgħodu naħsbu fis-sagrifiċċji li dawn jiswelwna." - (It-tielet Kungress tal-Partito Democratico Nazionalista, 15 ta' Jannar 1923, Hotel de France, il-Belt Valletta)
  • "Id-difisa tar-Religion taghna keghda issir dejjem izjed mehtiegia imhabba specialment li spirtu materialista li, biex nghid hecc, invada cull classi sociali tal gzejjer taghna u li m'hu xejn inkas pericolus mill comunismu." (1950)

Referenzi

immodifika
  • Nerik Mizzi: il-ħajja ta' patrijott Malti (1975) Malta: Lux Press.
Predeċessur
Sir Ugo P. Mifsud
Kap tal-Partit Nazzjonalista
1942 – 1950

Suċċessur
Ġorġ Borg Olivier

Predeċessur
Pawlu Boffa
Prim Ministru
1950

Suċċessur
Ġorġ Borg Olivier