Emil Nolde

artist Ġermaniż (1867-1956)

Emil Nolde (imwieled Hans Emil Hansen fis-7 ta' Awwissu 1867 – miet fit-13 ta' April 1956) kien pittur u tipografu Ġermaniż-Daniż. Huwa kien wieħed mill-ewwel Espressjonisti, membru ta' Die Brücke, u kien wieħed mill-ewwel pitturi biż-żejt u bl-akkwarelli tal-bidu tas-seklu 20 li esplora l-kuluri. L-isfar dehbi u l-aħmar qawwi jidhru spiss fix-xogħol tiegħu, u jagħtu kwalità mdawla lit-tonalitajiet li kieku jkunu monotoni. L-akkwarelli tiegħu jinkludu pajsaġġi li fihom ikunu qed jiffurmaw il-maltempati u fjuri brillanti.

Emil Nolde
Ħajja
Isem propju Hans Emil Hansen
Twelid Noldeu Parroċċa ta' Burkal, 7 Awwissu 1867, 1867
Nazzjonalità Ġermanja
Danimarka
Grupp etniku Daniżi
Mewt Seebüll (en) Translate, 13 April 1956
Post tad-dfin Mużew ta' Nolde f'Seebüll
Familja
Konjuga/i Ada Vilstrup (en) Translate
Edukazzjoni
Alma mater Académie Julian (en) Translate
Academy of Fine Arts, Karlsruhe (en) Translate
(1889 - 1890)
Lingwi Ġermaniż
Għalliema Friedrich Fehr (en) Translate
Adolf Hölzel (mul) Translate
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni pittur
litografu
tipografu
fotografu
artist grafiku
ksilografu
skultur
disinjatur tal-bini
disinjatur
Parteċipant
Post tax-xogħol Copenhagen
Pariġi
Amburgu
Berlin
Flensburg
Karlsruhe
Munich
Italja
Ġappun
Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
Moska
Korea t'Isfel
Spanja
Bern
Sankt Gallen
Renju Unit
German New Guinea (en) Translate
Impjegaturi St. Gallen textile museum (en) Translate  (1892 -  1897)
Premjijiet
Influwenzat minn James Ensor (en) Translate
Sħubija Die Brücke
Seċessjoni ta' Berlin
Moviment espressjoniżmu
degenerate art (en) Translate
Moviment artistiku natura mejta
nudu artistiku
arti pajsaġġistika
arti reliġjuża
arti tal-annimali
watercolor (en) Translate

Il-preokkupazzjoni intensa ta' Nolde fir-rigward is-suġġett tal-fjuri kienet tirrifletti l-interess tiegħu fl-arti ta' Vincent van Gogh.

Bijografija

immodifika

Emil Nolde twieled bħala Hans Emil Hansen, ħdejn il-villaġġ ta' Nolde (li mill-1920 ilha parti mill-munċipalità ta' Burkal fin-Nofsinhar tal-Jutland, id-Danimarka), fid-Dukat ta' Schleswig tal-Prussja. Huwa trabba f'razzett. Il-ġenituri tiegħu, Protestanti devoti, kienu raħħala Daniżi u Frisjani. Huwa rrealizza li ma kienx adattat għall-ħajja fir-razzett, u li hu u t-tliet aħwa subien tiegħu ma kinux pezza waħda. Bejn l-1884 u l-1891, huwa studja biex isir inċiżur jew intaljatur tal-injam u illustratur fi Flensburg, u meta kien żagħżugħ ħadem fil-fabbriki tal-għamara. Huwa qatta' s-snin jivvjaġġa f'Munich, f'Karlsruhe u f'Berlin.

Fl-1889, huwa rnexxielu jidħol fl-Iskola tal-Arti Applikata f'Karlsruhe.[1] Huwa kien għalliem tat-tpinġija fl-iskola tal-Mużew tal-Arti Industrijali u Applikata (Industrie- und Gewerbemuseum; illum it-Textilmuseum, jew il-Mużew tat-Tessuti) f'Sankt Gallen, l-Iżvizzera, mill-1892 sal-1898.[2] Eventwalment huwa telaq mill-impjieg li kellu biex iwettaq il-ħolma tiegħu li jsir artist indipendenti. Meta kien tifel kien iħobb ipitter u jpinġi, iżda kellu diġà 31 sena meta beda din il-karriera ġdida. Meta ġie rrifjutat mill-Akkademja tal-Belle Arti ta' Munich fl-1898, huwa qatta' t-tliet snin ta' wara jieħu klassijiet privati tat-tpittir, żar Pariġi, u sar familjari max-xena Impressjonista kontemporanja li kienet popolari dak iż-żmien. Huwa żżewweġ lill-attriċi Daniża Ada Vilstrup fl-1902, u mar jgħix f'Berlin, fejn iltaqa' mal-kollezzjonista Gustav Schiefler u mal-artist Karl Schmidt-Rottluff, li mbagħad it-tnejn li huma ppromwovewlu x-xogħol tiegħu iktar 'il quddiem. Minn dik is-sena, huwa sejjaħ lilu nnifsu wara raħal twelidu.

Huwa sar membru tal-grupp Espressjonista rivoluzzjonarju Die Brücke (Il-Pont), ta' Dresden, fl-1906, fuq stedina tal-grupp. Din l-assoċjazzjoni damet biss sal-aħħar tas-sena ta' wara.[3] Huwa kien membru tas-Seċessjoni ta' Berlin mill-1908 sal-1910, iżda mbagħad ġie eskluż wara diżgwid mat-tmexxija.[3] Huwa wera x-xogħol tiegħu flimkien mal-grupp ta' Kandinsky ibbażat f'Munich, Der Blaue Reiter (Ir-Rikkieb Blu) fl-1912; sa dak iż-żmien kien kiseb il-fama, u seta' jsostni lilu nnifsu permezz tal-arti tiegħu.[4]

Nolde kien partitarju tal-Partit Soċjalista Nazzjonali Ġermaniż tal-Ħaddiema mill-bidu tas-snin 20 tas-seklu 20, u kien sar membru tas-sezzjoni Daniża tiegħu.[5] Huwa esprima l-fehmiet negattivi tiegħu kontra l-Lhud fir-rigward tal-artisti Lhud, u kien iqis l-Espressjoniżmu bħala stil Ġermaniku distint.[6] Din il-fehma kienet kondiviża minn xi membri oħra tal-partit Nażista, b'mod partikolari minn Joseph Goebbels u Fritz Hippler.

Madankollu, Adolf Hitler irrifjuta l-forom kollha tal-Moderniżmu bħala "arti ddeġenerata", u uffiċjalment ir-reġim Nażista kkundanna x-xogħol ta' Nolde. Sa dak iż-żmien huwa kien rinomat ħafna fil-Ġermanja. Total ta' 1,052 opra tal-arti tiegħu tneħħew mill-mużewijiet, iktar minn dawk ta' kwalunkwe artist ieħor.[7] Uħud ġew inklużi fil-wirja ta' Entartete Kunst tal-1937, minkejja l-protesti, inkluż (iktar 'il quddiem) appell personali lin-Nażist Gauleiter Baldur von Schirach fi Vjenna, l-Awstrija. Huwa ma tħalliex ipitter—lanqas b'mod privat—wara l-1941. Minkejja dan, matul dan il-perjodu huwa ħoloq mijiet ta' akkwarelli, li huwa ħeba. Huwa sejħilhom "L-Istampi Mhux Impittra".

Fl-1942, Nolde kiteb:

Hemm il-blu fiddien, il-blu lewn is-sema u l-blu lewn il-maltempati bis-sajjetti. Kull kulur fih għandu ruħ, li tagħmilni kuntent jew timbuttani, u li taġixxi bħala stimolu. Għal persuna li ma għandha l-ebda arti fiha, il-kuluri huma kuluri, it-tonalitajiet huma tonalitajiet...u dak kollox. Il-konsegwenzi kollha tagħhom għall-ispirtu uman, li jvarjaw bejn il-ġenna u l-infern, lanqas biss jiġu nnutati.[8]

Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, Nolde reġa' ngħata l-unuri mill-ġdid, u rċieva l-Premju tal-Ordni għall-Mertu (bil-Franċiż: Pour le Mérite).[9]

Filwaqt li jiġi rrikonoxxut is-suċċess tiegħu bħala artist brillanti bil-kuluri, l-istudjużi iktar reċenti żiedu s-sensibilizzazzjoni dwar l-impenn ta' Nolde favur is-Soċjaliżmu Nazzjonali u dwar ir-relazzjoni bejn il-politika tiegħu, it-tmaqdir tal-avversarji mhux Lhud bħala Lhud.[10]

Huwa miet f'Seebüll (issa parti minn Neukirchen).

Minbarra pitturi, ix-xogħol ta' Nolde jinkludi ħafna tipografiji, spiss bil-kulur, u pitturi bl-akkwarelli ta' diversi suġġetti (pajsaġġi, immaġnijiet reliġjużi, fjuri, ibħra fil-maltempati u xeni mill-ħajja billejl f'Berlin). Serje famuża ta' pitturi tkopri l-Ispedizzjoni Ġermaniża ta' New Guinea, li żaret l-Ibħra tan-Nofsinhar, Moska, is-Siberja, il-Korea, il-Ġappun, u ċ-Ċina. Il-catalogue raisonné ta' Schiefler tat-tipografiji tiegħu jiddeskrivi 231 inċiżjoni, 197 xogħol intaljat, 83 litografija, u erba' ektografiji.

Motivi reliġjużi

immodifika

Għalkemm l-immaġnijiet reliġjużi jiffurmaw parti relattivament żgħira tal-opri tal-arti ta' Nolde, huwa kkunsidra lil uħud minnhom bħala "kisbiet importanti" fir-rigward tal-progressjoni tiegħu bħala artist.[11][12]

Nolde, li trabba bħala iben bidwi f'komunità żgħira u reliġjuża ħdejn il-fruntiera bejn il-Ġermanja u d-Danimarka, kellu impressjonijiet dejjiema f'moħħu tal-ġrajjiet Ġudeo-Kristjani wara li qara l-Bibbja kollha.[12][13] Fix-xogħlijiet reliġjużi bikrin tiegħu (1900-1904), huwa ma kienx kapaċi jissolidifika l-istil tiegħu stess u jiddistingwi ruħu mid-diversi mudelli tiegħu bħal Jean-François Millet u Honoré Daumier.[12]

L-1906 kienet punt ta' żvolta għal Nolde meta bidel minn stil Impressjonistiku għal temi reliġjużi li enfasizzaw l-emozzjoni tal-mument, l-użu ta' kuluri jgħajtu u żewġ dimensjonijiet biss ta' rappreżentazzjoni.[12] Din id-devozzjoni ġdida għax-xogħlijiet artistiċi reliġjużi tqanqlet iktar minħabba esperjenza li kellu fejn ħelisha ħafif mill-mewt fl-1909 wara li xorob ilma vvelenat meta kellu 42 sena.[14] Wara l-1911, it-trattamenti reliġjużi ta' Nolde—li bdew jinkludu wkoll inċiżjonijiet—bdew isiru iktar skuri u iktar inkwetanti bħala tonalità mix-xogħlijiet preċedenti tiegħu. Anke martu, Ada, xejn ma kienet tibqa' kalma fir-rigward tal-viżjoni l-ġdida tax-xogħol tiegħu. Bħala rispons għax-xogħol tiegħu ta' Il-Ħajja ta' Kristu f'disa' partijiet, hija kitbet f'ittra: "Għall-ewwel ftit jiem kulma flaħt nagħmel hu li nagħti titwila 'l hemm u 'l hawn, tant l-effett kien qawwi".[12][15]

Xogħlijiet ewlenin

immodifika

Ix-xogħlijiet ta' Nolde jintwerew fil-mużewijiet ewlenin madwar id-dinja, fosthom Ritratt ta' Żagħżugħa u Tifla, Ritratt ta' Raġel (għall-ħabta tal-1926), u Ritratt ta' Tifla Żgħira (1913-1914) fil-Hermitage, f'San Pietruburgu, ir-Russja; u Profeta (1921) u Koppja Żgħażagħ (1913) fil-Mużew Metropolitan tal-Arti Moderna (MoMA), fil-Belt ta' New York. L-iktar tipografija importanti tiegħu, Il-Profeta (1912), hija ikona tal-arti tas-seklu 20.

Fost l-iktar pitturi importanti tiegħu biż-żejt hemm Lesende junge Frau (1906), Blumengarten (ohne Figur) (1908), u Blumen und Wolken (1933).[16]

Xogħlijiet importanti oħra jinkludu:

  • Lesende junge frau, 1906, żejt fuq it-tila, Kunsthalle, Kiel
  • Blumengarten (ohne Figur), 1908, żejt fuq it-tila, xerrej minn Sotheby's fit-8 ta' Frar 2012
  • Anna Wieds Garten, 1907, żejt fuq it-tila, kollezzjoni privata
  • Steigende Wolken, 1927, żejt fuq it-tila, Karl-Ernst-Osthaus-Museum, Hagen
  • Grosse Sonnenblumen, 1928, żejt fuq it-tila, MoMA, New York
  • Blumen und Wolken, 1933, żejt fuq it-tila, il-Mużew ta' Sprengel, Hannover

F'dawn l-aħħar snin, il-pitturi ta' Nolde laħqu prezzijiet ta' diversi miljuni ta' dollari Amerikani, f'irkanti tad-djar tal-irkant internazzjonali ewlenin. Fit-8 ta' Frar 2012, Blumengarten (ohne Figur) inbigħet minn Sotheby's f'Londra għal US$3,272,673.[17]

Arti misruqa min-Nażisti

immodifika

Ix-xogħol ta' Nolde reġa' ġibed l-attenzjoni wara li ġie skopert li l-pittura Blumengarten (Utenwarf)[18] tal-1917, li issa tinsab fil-mużew tal-arti ta' Moderna Museet, fi Stokkolma, l-Iżvezja, u li ġiet stmata li tiswa US$4,000,000, kienet insterqet mingħand Otto Nathan Deutsch, refuġjat Ġermaniż Lhudi, u l-werrieta tiegħu, inkluż xi ħadd li baqa' ħaj wara l-Olokawst, qed jitolbu li tiġi rritornata. Il-gvern Żvediż iddeċieda fl-2007 li l-mużew irid jasal għal soluzzjoni biex jikkumpensa lill-werrieta.[19][20] Deutsch ġie mġiegħel jaħrab mill-Ġermanja qabel it-Tieni Gwerra Dinjija u telaq lejn Amsterdam fl-aħħar tal-1938 jew il-bidu tal-1939. Il-pittura nbigħet lill-mużew Żvediż f'irkant fl-Iżvizzera, fejn reġgħet tfaċċat fl-1967.[21]

Fl-2015, il-pittura Maiwiese (Maienwiese) [Mergħa f'Mejju] ta' Nolde, 1915, (Inv. Nru. 94) ingħatat lura mill-Mużew tal-Arti ta' Lentos f'Linz lill-werrieta ta' Dr. Otto Siegfried Julius.[22]

Fis-sena 2000, il-Fondazzjoni tal-Mużew ta' Wilhelm Lehmbruck f'Duisburg ma laqgħetx talba ta' troddija lura mill-familja tal-kollezzjonista ta' Breslau (Wrocław), Dr. Ismar Littmann għall-pittura Buchsbaumgarten ta' Nolde.[23]

Gallerija

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Ketterer Kunst, Art auctions, Book auctions Munich, Hamburg & Berlin". www.kettererkunst.com. Miġbur 2021-08-07.
  2. ^ "Emil Nolde", Encyclopedia of World Biography. Detroit: Gale, 1998.
  3. ^ a b Biographie, Deutsche. "Nolde, Emil - Deutsche Biographie". www.deutsche-biographie.de (bil-Ġermaniż). Miġbur 2021-08-07.
  4. ^ Peters, Olaf. "Emil Nolde". In: Renee Price (Ed.), New Worlds: German and Austrian Art, 1890–1940. New Haven u Londra: Yale University Press, 2001. ISBN 978-0-300-09446-6.
  5. ^ Fulda, B., Soika, A., & Ring, C. (2019) Emil Nolde: The Artist during the Third Reich. Munich: Prestel.
  6. ^ Jill Lloyd, l-entrata ta' Emil Nolde, Grove Dictionary of Art, 1996.
  7. ^ Knubben, Thomas. Emil Nolde: Unpainted Pictures. Ostfildern-Ruit, Germany: Hatje Cantz Publishers, 2000. p. 141.
  8. ^ Nolde: Forbidden Pictures [exhibition catalogue]. Londra: Marlsborough Fine Art Ltd., 1970. p. 9.
  9. ^ Orden Pour le Mérite für Wissenschaften und Künste (1978). Die Mitglieder des Ordens. 2 1882–1952 (bil-Ġermaniż). Berlin: Gebr. Mann Verlag. p. 398. ISBN 3-7861-1125-1.
  10. ^ Fulda, Bernhard; Soika, Aya; Ring, Christian (2019). The Artist during the Third Reich. Prestel. ISBN 978-3-79135-894-9.
  11. ^ Nolde, Emil (1931). Das eigene Leben. Die Zeit der Jugend 1867–1902. Berlin. p. 107.
  12. ^ a b ċ d e Dieterich, Caroline (2014). Krämer, Felix (ed.). Emil Nolde: Retrospective. Munich: Prestel. pp. 105–107.
  13. ^ Nolde, Emil (1945). Das eigene Leben. Die Zeit der Jugend 1867–1902 (2nd expanded ed.). Cologne. p. 29.
  14. ^ Nolde, Emil (1934), Jahre der Kämpfe, Berlin, pp. 103-104.
  15. ^ Ada Nolde lil Luise Schiefler, Frar 1912, Archiv der Nolde Stiftung Seebüll.
  16. ^ Labedzki, Annette. "Emil Nolde – The German Expressionist Master of Darkness". Ezine Articles.
  17. ^ "Sotheby's London Impressionist & Modern art evening sale totals $125,504,018". artdaily.com. Miġbur 2021-08-07.
  18. ^ "Art News | Sweden's Moderna Museet Reaches Settlement With Heirs of Stolen Emil Nolde Painting | Art Knowledge News". web.archive.org. 2012-03-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-03-20. Miġbur 2021-08-07.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  19. ^ The Local. "Stockholm museum in row over Nazi loot".
  20. ^ "Moderna Museet and the Heirs of Otto Nathan Deutsch Reach Settlement on Disputed Painting". web.archive.org. 2021-06-06. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-06-06. Miġbur 2021-08-07.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  21. ^ "Nazi Victim's Heirs Lose Patience With Sweden on Art (Update1)". www.bloomberg.com. Miġbur 2021-08-07.
  22. ^ "Linz restituiert Emil Noldes "Maiwiese" - Linz restitutes Emil Nolde's 'Meadow in May'". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-09. Miġbur 2021-08-07.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  23. ^ "Provenance Research: Stiftung Wilhelm Lehmbruck Museum, Duisburg (Wilhelm Lehmbruck Museum Foundation, Duisburg)". www.lootedart.com. Miġbur 2021-08-07.