Natura mejta hi xogħol tal-arti li jirrappreżenta oġġetti inanimi, ġeneralment oġġetti ta' kuljum li jistgħu ikunu naturali (ikel, fjuri, xtieli, ġebel, jew arzell) jew magħmulin mill-bniedem (għodda tal-kċina, fajjenza, kotba, vażuni, ġojjelli, muniti, pipi, etc) fi spazju artifiċjali. Il-pittura tan-natura mejta, li bdiet fl-antikità u saret popolari l-iżjed fil-punent, tagħti lill-artista iżjed libertà fit-tqegħid tal-elementi tad-disinn f'kompożizzjoni mill-pittura ta' suġġetti oħra, bħall-veduti u r-ritratti. Fin-natura mejta, l-iżjed qabel l-1700, sikwit kien ikun simboliżmu reliġjuż u allegoriku assoċjat mall-oġġetti rappreżentati. F'xi każi n-natura mejta toħroġ mil-limiti bidimensjonali permezz ta' mezzi tekniċi tridimensjonali li jħalltu oġġetti misjubin, fotografiji, grafika ġenerata mill-kompjuters kif ukoll ħoss u vidjo.

Francisco de Zurbarán: Natura mejta bil-ġarar (1636)

It-terminu natura mejta deher għall-ewwel darba fit-Taljan bħala "natura morta" fl-aħħar tas-seklu 17. Vasari uża cose naturali (oġġetti naturali) biex jirreferi għad-disinji ta' Giovanni da Udine. Wara fil-Fjandri lejn l-1650, deher it-terminu stilleven għal xbihat ta' frott, fjuri u ħut jew xbihat ta' ikel imħejji, li wara ġie addottat mill-Ġermaniżi (Stilleben) u mill-Ingliżi (still-life). Dan nistgħu nittraduċuh bħala "ħajja sikta jew wieqfa". Fi Spanja l-espressjoni użata għan-naturi mejtin hi bodegones. Diderot, fis-Salons, kien isemmi "naturi inanimi".

Charles Sterling, speċjalista tan-natura mejta[1], ippropona d-definizzjoni li ġejja għan-natura mejta :

"Natura mejta tassew, titwieled fil-waqt meta l-pittur jieħu d-deċiżjoni fundamentali li jagħżel bħala suġġett grupp ta' oġġetti u li jorganizzah f'entità plastika. Jekk jagħtihom xi forma ta' allużjonijiet spiritwali skont iż-żmien u l-ambjent li jaħdem fih, dan ma jbiddel xejn mill-intenzjoni tiegħu bħala artista: jiġifieri li jġiegħlna nħossu l-emozzjoni poetika quddiem is-sbuħija li jkun lemaħ f'dawn l-oġgetti u t-tqegħid tagħhom."

— Charles Sterling, 1952

Antenati antiki

immodifika
 
Skutella transparenti bil-frott u ġarar. Pittura Rumana fuq il-ħajt f'Pompej (madwar 70 AD)

Il-ġewwieni tal-oqbra Eġizzjani antiki kienu sikwit ikunu mżejnin bil-pitturi tan-natura mejta. L-Eġizzjani kienu jaħsbu li l-oġġetti tal-ikel u ħwejjeġ oħra rrappreżentati hemmhekk, isiru ta' veru fil-ħajja l-oħra u l-mejjet ikun jista' jagħmel użu minnhom. Fil-pitturi Rumani fuq il-ħajt f'Pompej, Erkulanju u l-Villa Boscoreale instabu wkoll naturi mejtin simili, imma dawn kienu iżjed bħala tiżjin u kellhom prospettiva iktar realistika. Fosthom insibu l-mottiv li tant sar familjari ta' skutella tal-ħġieġ mimlija frott. Il-mużajċi dekorattivi, msejħa “emblema”, li nstabu fid-djar tar-Rumani għonja, kienu juru l-varjetà ta' ikel li kienu jgawdu l-klassijiet għolja u kienu jservu ukoll ta' għeliem ta' ospitalità u bħala ċelebrazzjoni tal-istaġuni u l-ħajja[2]. Skont Charles Sterling, in-natura mejta tal-Antikità kellha għan ieħor barra s-sempliċi pjaċir tal-mimika: "hu ċar li n-naturi mejtin Ellenistiċi u Rumani li jirrappreżentaw platti lesti għall-ikel għandhom fihom sottotest epikurew" [3].

Fis-seklu 16, l-ikel u l-fjuri jerġgħu jidhru bħala simboli tal-istaġuni u l-ħames sensi. Mill-epoka Rumana bdiet ukoll it-tradizzjoni tal-użu ta' kranju bħala simbolu tal-mortalità u l-fdalijiet ta' din id-dinja, sikwit akkompanjat mill-frażi Omnia mors aequat (Il-mewt tagħmel lil kulħadd indaqs.)[4]. Matul l-aħħar 400 sena tal-istorja tal-arti dawn ix-xbihat ta' vanitas kienu spiss is-suġġett ta' xogħlijiet tal-pittura. Dan bdewh il-pitturi Olandiżi madwar l-1600[5].

L-apprezzament popolari tar-realiżmu fin-natura mejta kien diġà msemmi fil-leġġenda antika Griega fuq Żewżi u Parrasju, li tgħid li dawn darba kkompetew biex joħolqu l-iżjed xbieha li tidher ta' veru, l-ewwel deskrizzjoni fl-istorja ta' "trompe l’oeil" jew "qerq il-għajn" fil-pittura[6]. Kif kiteb Plinju l-Kbir fi żmien ir-Rumani, l-artisti Griegi minn sekli qabel kienu ħafna iżjed avvanzati fl-arti tar-ritratti u n-natura mejta. Semma lil Peiraikos, "li s-sengħa tiegħu ftit jaqbżuha… Pinġa ħwienet tal-barbiera u skrapan, ħmir, ħaxix u ħwejjeġ bħalhom, u għalhekk sar magħruf bħala l-'pittur tal-oġġetti vulgari'; imma dawn ix-xogħlijiet kienu pjaċevoli, u kienu jinbigħu b'prezzijiet ogħla mill-aqwa pitturi tal-artisti l-oħra"[7].

Mal-firxa tal-eġemonija Kattolika fil-Medju Evu, ir-rappreżentazzjoni tal-oġġetti bħala l-uniku suġġett ta' pittura għebet. F'dik l-epoka, skont Michel u Fabrice Faré[8]

...l-ispirtu realista safa fix-xejn għall-gwadann ta' lingwaġġ simboliku miftiehem mal-Kristjaneżmu kollu. L-oġġeti, li huma sottomessi għas-suġġett tal-kompożizzjoni, jgħinu fl-iżvilupp tat-tema reliġjuża; għandhom importanza primordjali fit-tifsira ta' ċerti xeni bibliċi; juru l-post u d-data tagħhom u jikkaratterizzaw il-persunaġġi.

Dawn l-oġġetti m'għadhomx hemm iżjed għall-eżistenza tagħhom fiha nfisha, imma għal dak li jissombolizzaw, u din waħda mir-raġunijiet prinċipali li minħabba fiha ħafna speċjalisti jaqblu biex jgħidu li m'hemmx naturi mejtin matul dan il-perjodu tal-istorja. Irridu nistennew it-teoloġiji ta' San Franġisk t'Assisi, u ta' San Tumas t'Akwinu, ir-ritorn tal-filosofija aristotelika kif ukoll it-teoriji ta' Roger Bacon u Guliermu t'Occam biex naraw il-Kattoliċeżmu jirrikonċilja ruħu mas-sensazzjonijiet u l-esperjenza tan-natura.

 
Petrus Christus: Sant'Eliġju fil-ħanut tad-deheb 1449).

Mill-1300, nibdew bix-xogħol ta' Giotto u d-dixxipli tiegħu, il-pittura tan-natura mejta reġgħet ħadet spinta bl-inklużjoni ta' niċeċ fuq il-ħajt fl-isfond ta' pitturi reliġjużi billi dawn in-niċeċ kien ikun hemm fihom oġġetti ta' kuljum, [9]. Dan it-tip ta' rappreżentazzjoni kien meqjus ta' ftit importanza sar-Rinaxximent, u kien jidher biss bħala parti minn kwadri ta' ġeneru ieħor, bħall-pittura reliġjuża u ritratti, u l-oġġetti dejjem kien ikollhom tifsira reliġjuża jew allegorika. Dan kien veru partikularment fix-xogħol tal-artisti tal-Ewropa ta' Fuq, li l-interess li kellhom fis-simboliżmu u r-realiżmu ddettaljat ħafna, wassalhom biex jagħtu attenzjoni kbira lill-messaġġ ġenerali tal-pittura.[10] Pitturi bħal Jan van Eyck sikwit kienu jużaw xi elementi ta' natura mejta bħala parti mill-programm ikonografiku tagħhom.

L-iżvilupp fit-teknika tal-pittura biż-żejt li għamlu Jan van Eyck u artisti oħra tal-Ewropa ta' Fuq ippermetta r-rappreżentazzjoni ta' oġġetti ta' kuljum fi stil iper-realistiku, peress li ż-żebgħa taż-żejt iddum ma tinxef, titħallat tajjeb u tista' tinħadem f'ħafna saffi fuq xulxin[11].

Ir-ritratt li pinġa Petrus Christus ta' żewġ għarajjes iżuru ħanut tad-deheb hu eżempju tipiku ta' natura mejta tranżizzjonali li jirrappreżenta kontenut kemm reliġjuż kif ukoll sekulari. Għalkemm għandu messaġġ prinċipalment allegoriku, il-figuri tal-koppja huma realistiċi u l-oġġetti li fih (flus, vażuni etc) huma mpinġijin bir-reqqa ħafna imma sid il-ħanut hu infatti rappreżentazzjoni ta' Sant'Eliġju u l-oġġetti huma mgħobbijin simboliżmu. Hemm tip simili ta' pittura li f'ritratt tal-familja jikkombina l-figuri tan-nies ma' mejda mimlija sewwa bl-ikel bil-għan li jissimbolizza d-devozzjoni tal-familja u l-ħajr tagħha lejn Alla għall-ġid li pprovdilha[12]. Xi dan iż-żmien bdew jidhru naturi mejtin bla figuri (imma mhux mingħajr tifsir allegoriku) impinġijin fuq barra tal-kontraporti li jagħlqu l-pitturi devozzjonali privati[7]. Sar pass ieħor lejn il-natura mejta awtonima meta madwar l-1475 bdew ipinġu fjuri simboliċi fuq wara tar-ritratti sekulari[13].

Il-Rinaxximent

immodifika

Fost l-ewwel li nqatgħu mis-sinjifikat reliġjuż insibu lil Leonardo da Vinci, li pinġa akwerelli ta' frott (madwar l-1495) bħala parti mill-eżaminazzjonu bla heda tan-natura, u lil Albrecht Dürer li pinġa disinji preċiżi ta' xtieli u annimali[14].

Jacopo de’ Barbari għamel pass ieħor 'il quddiem bil-pittura Natura Mejta b'perniċi, ingwanti tal-ħadid, u vleġeġ tal-balestra (1504). Din fiha kontenut reliġjuż mill-inqas u hi fost it-trompes l’oeil iffirmati u ddatati l-iżjed bikrija[15].

 
Annibale Carracci, Ħanut tal-Laħam (1583)

Is-seklu 16 ra splużjoni ta' interess fid-dinja naturali u ra anki l-ħolqien ta' enċiklopediji botaniċi lussużi jiddokumentaw l-iskoperti tad-Dinja l-Ġdida u l-Asja. L-illustrazzjoni xjentifika u l-klassifikazzjoni tal-kampjuni ukoll kellhom spinta. L-oġġetti naturali bdew jiġu apprezzati bħala oġġetti ta' studju individwali mingħajr assoċjazzjonijiet reliġjużi jew mitoloġiċi. Ix-xjenza tal-fitoterapija, li kienet estensjoni prattika ta' dan l-għarfien ġdid, bdiet ukoll f'dan iż-żmien. Barra minn hekk patruni għonja bdew jagħmlu kollezzjoniet ta' kampjuni ta' annimali u minerali bil-ħolqien ta' "gabinetti ta' kurżitajiet". Dawn il-kampjuni servew ta' mudelli għall-pitturi li kellhom għatx kbir għar-realiżmu u n-novità. L-arzell, l-insetti, il-frott eżotiku u l-fjuri kollha bdew jinġabru u jinbigħu, u xtieli ġodda bħat-tulipani (importati fl-Ewropa mit-Turkija), ġew iċċelebrati fil-pittura tan-natura mejta[16]. L-isplużjoni ortikulturali infirxet mal-Ewropa kollha u l-artisti pprofitaw ruħhom minn dan u pproduċew eluf ta' pitturi ta' natura mejta. Xi pajjiżi u qrati kellhom interess speċjali f'suġgetti partikulari, pereżempju, il-Medici ta' Firenze kellhom interess partikulari fir-rappreżentazzjoni tal-frott taċ-ċitru.[17] Din il-firxa kbira tal-kampjuni naturali u l-interess li kien qiegħed jikber fir-rappreżentazzjoni tan-natura mal-Ewropa kollha, wasslu għall-ħolqien tal-pittura moderna tan-natura mejta f'dawn il-pajjiżi[18].

Sat-tieni nofs tas-seklu 16, kienet evolvit natura mejta awtonoma[19]. Bilmod, il-kontenut reliġjuż naqas fid-daqs u fl-importanza tal-post f'dawn il-pitturi, però l-lezzjonijiet morali baqgħu hemm b'mod impliċitu. Fost l-eżempji ta' dan insibu Il-ħanut tal-laħam ta' Joachim Beuckelaer (1568), li fih r-rappreżentazzjoni realistika tal-laħam nej fl-ewwel pjan waqt li x-xena fl-isfond twiddeb fuq il-periklu tas-sokor u ż-żina[20]. Meta fl-1583 Annibale Carracci ittratta l-istess suġġett neħħa l-messaġġi morali, kif għamlu ħafna pitturi oħra tan-natura mejta "tal-kċina u s-suq" ta' dan il-perjodu[21].

Is-Seklu 17

immodifika
 
Abraham van Beyeren, Bankett natura mejta (c. 1660)

Minkejja li n-natura mejta Taljana bdiet tiżdied fil-popolarità, storikament baqgħet inqas meqjusa mill-pitturi tal-"grande maniera" ta' suġġetti reliġjużi u mitiċi. Ħafna akkademiċi prominenti ta' kmieni fis-seklu 17, bħal Andrea Sacchi, kienu tal-fehma li l-pittura tan-natura mejta m'għandhiex "gravitas" biżżejjed biex jistħoqqilha titqis bħala kbira. Min-naħa l-oħra l-artisti Taljani tan-natura mejta li rnexxew kisbu appoġġ qawwi fi żmienhom[22]. Barra minn hekk, l-artisti nisa, allavolja kien hemm ftit biss minnhom, għażlu jew kienu ristretti li jpinġu suġġetti bħan-natura mejta, Giovanna Garzoni, Laura Bernasconi, u Fede Galizia pereżempju.

Ħafna artisti prominenti f'ġeneri oħra, ipproduċew ukoll xi pittturi tan-natura mejta. B’mod partikulari, Caravaggio applika t-teknika naturalista influwenzjali tiegħu għan-natura mejta. Il-Qoffa bil-Frott (c. 1595-1600) li kienet waħda mill-ewwel eżempji ta' natura mejta pura, hi mpinġija preċiżament u fil-livell tal-għajnejn[23]. Minkejja li m'għandhiex simboliżmu fil-beraħ, din il-pittura kienet fil-propjetà tal-Kardinal Borromeo u jista' jkun li kienet apprezzata kemm għal raġunijiet reliġjużi kif ukoll estetiċi. Jan Bruegel ukoll pinġa pittura, Bukkett kbir Milaniż (1606), għall-kardinal u sostna li kienet 'fatta tutti del natturel' (magħmula kollha min-natura) u talab iżjed flus għall-isforz żejjed[24]. Dawn kienu tnejn fost il-ħafna pitturi tan-natura mejta fil-kollezzjoni tal-kardinal li kien fiha wkoll ġabra kbira ta' kurżitajiet.

Fost in-naturi mejtin Taljani l-oħra insibu il-Koka ta' Bernardo Strozzi, xena ta' kċina fil-maniera Olandiża, li fiha ritratt ddettaljat ta' koka u t-tajr li qiegħda tħejji għall-ikel[25]. Bl-istess mod, waħda mill-pitturi tan-natura mejta rari ta' Rembrandt, Tifla Żgħira bil-Paguni Mejta tgħaqqad ritratt femminili simpatiku ma' xbihat tat-tjur[26].

Kien fil-klima artistika ġdida tal-Pajjiżi l-Baxxi tas-seklu 17 li n-natura mejta (bl-isem stilleven) saret forma ta' pittura tassew indipendenti. Waqt li l-artisti ma tantx kien baqagħlhom opportunità li jpinġu pittura reliġjuża li kienu jiddependu fuqha sa dak iż-żmien — xbihat reliġjużi saru pprojbiti mill-Knisja Protestanta Riformata Olandiża — it-tradizzjoni tal-Ewropa ta' Fuq tar-realiżmu ddettaljat u simboli moħbijin kienet tintgħoġob mill-klassi medja Olandiża li kienu qegħdin jieħdu post il-knisja u l-istat bħala patruni ewlenin tal-arti fil-Pajjiżi l-Baxxi. Barra minn hekk l-Olandiżi kienu mġennin fuq l-ortikultura, l-iżjed fuq it-tulipani. Dawn iż-żewġ modi kif kienu jħarsu lejn il-fjuri — bħala oġġetti estetiċi u simboli reliġjużi — ingħaqdu biex joħolqu domanda qawwija ħafna għal dan it-tip ta' natura mejta[27]. Il-pittura tan-natura mejta, bħax-xogħlijiet l-oħrajn tal-arti Olandiżi ġeneralment kienu jinbigħu jew fis-suq jew minn bejjiegħa jew mill-artisti stess mill-ħwienet tax-xogħol tagħhom u rari kienu ordnati; allura l-artisti kienu jistgħu jagħżlu s-suġġetti u d-disinn[28]. Dan it-tip ta' pittura ta' natura mejta tant kien popolari li fl-1740 Gerard de Lairesse kiteb ir-regoli tat-teknika tal-pittura tal-fjuri Olandiża fit-trattat tiegħu Groot Schilderboeck li fih ta varjetà kbira ta' pariri fuq il-kuluri, tqegħid tal-oġġetti, xogħol tal-pinzell, tħejjija tal-kampjuni, armonija, kompożizzjoni u prospettiva, etc[29].

Is-simboliżmu tal-fjuri kien ilu jevolvi mil-bidu tal-Kristjaneżmu. Il-fjuri l-iżjed komuni kollha kellhom tifsira simbolika: il-warda (Il-Madonna, Venere, l-imħabba, il-prekarjetà); il-ġilju (Il-Madonna, il-verġinità, is-safa tal-moħħ, il-ġustizzja); it-tulipan (il-pompa, in-nobbiltà); il-warda tax-xemx (il-fedeltà, l-imħabba divina, id-devozzjoni); il-vjola (il-modestà, ir-riżerva, l-umiltà); l-akwileġja (il-melankolija); il-peprina (il-qawwa, l-irqad, il-mewt). Fost l-insetti, il-farfett kien jirrappreżenta il-bidla u l-irxoxt waqt li l-mazzarell kien jissimbolizza l-prekarjetà u n-nemla il-bżulija u l-kura tal-uċuh tar-raba[30].

L-artisti Olandiżi fl-istess ħin irxoxtaw it-tradizzjoni tan-natura mejta antika Griega tat-trompe l’oeil jew qerq il-għajn, partikularment l-imitazzjoni tan-natura jew mimesis, li sejħulha bedriegertje ("qerq żgħir")[31]. Barra dawn it-tipi ta' natura mejta, l-artisti Olandiżi identifikaw u żviluppaw separatament pitturi tal-kċina u s-suq, tal-kolazzjon u l-pranzu, tal-vanitas u ta' ġabriet allegoriċi[32].

 
Juan Sánchez Cotán, Sfarġla, kaboċċa, bettieħa u ħjara (1602)

F'dan il-perjodu kienu popolari ħafna l-pitturi tal-vanitas, li kien ikun hemm fihom ġabriet ta' frott u fjuri, kotba, statwetti, vażuni, muniti, ġojjelli, pitturi, strumenti mużikali u xjentifiċi, fida u kristalli fini flimkien ma' tifkiriet simboliċi tal-qosor tal-ħajja. Magħhom kienu jqegħdu xi kranju, impulletta jew arloġġ tal-but, xemgħa tixgħel jew ktieb bil-paġni jinqalbu biex iservi ta' messaġġ morali fuq kemm jgħaddu malajr il-pjaċiri tas-sensi. Sikwit ftit mill-frott u l-fjuri stess kienu juruhom ħa jibdew jitħassru jew jitbielu biex jenfasizzaw l-istess punt.

Kien hemm tip ieħor ta' natura mejta, magħruf bħala "pittura tal-kolazzjon", li jirrappreżenta fl-istess waqt ġabra ta' ikel tajjeb li l-klassi għolja kienu jgawdu u twiddiba reliġjuża li wieħed għandu jevita l-ikel u x-xorb żejjed[33]. L-Olandiżi għamlu innovazzjoni oħra: madwar l-1650 Samuel van Hoogstraten pinġa waħda mill-ewwel pitturi "tal-ixtillieri", pitturi tan-natura mejta f'għamla ta' trompe l’oeil li juru oġġetti marbutin, imsammrin jew imwaħħlin b'xi mod ma' tavla mal-ħajt. Dan it-tip ta' natura mejta kien popolari ħafna fl-iStati Uniti fis-seklu 19[34]. Varjazzjoni oħra ta' natura mejta f'għamla ta' trompe l’oeil kienet turi oġgetti li kellhom x'jaqsmu ma' xi sengħa jew professjoni, bħall-pittura ta' Cornelis Norbertus Gysbrecht Kavallett tal-pittura mal-frott, li fiha juri l-għodda kollha tas-sengħa tal-pittur[35]. Fl-ewwel nofs tas-seklu 17 kienu popolari wkoll il-pitturi ta' ġabra kbira ta' oġġetti f’forma allegorika, pereżempju "il-ħames sensi", "l-erba' kontinenti" jew "l-erba' staġuni" li juru alla mara jew figura allegorika mdawra b'oġġetti xierqa, naturali jew magħmulin mill-bniedem[36]. Il-popolarità tal-pitturi tal-vanitas u dawn il-forom oħra ta' natura mejta, malajr infirxu mill-Olanda għall-Fjandri u l-Ġermanja, u wkoll lejn Spanja u Franza.

In-natura mejta Ġermaniża segwiet fil-qrib il-mudelli Olandiżi. Il-pittur Ġermaniż Georg Flegel kien pijunier fin-natura mejta pura mingħajr figuri u ħoloq innovazzjoni fil-kompożizzjoni billi qiegħed oġġetti ddettaljati f'gabinetti, armarji u vetrini u pproduċa dehriet minn bosta angoli fl-istess kwadru[37].

Il-pitturi tan-natura mejta ġo Spanja, imsejħin ukoll bodegones, kienu awsteri. Kienu differenti min-natura mejta Olandiża, li sikwit kien ikun fiha pranzijiet għonja mdawrin b'oġġetti tad-drap u l-ħġieġ imżejnin u lussużi. Il-kaċċa fil-pittura Spanjola hi sikwit annimali mejtin għadhom jistennew li jitnittfu jew jitqaxxru. Il-frott u l-ħaxix għadhom nejjin. L-isfond li jew hu deżolat jew magħmul minn blokki ġeometriċi lixxi tal-injam sikwit joħloq atmosfera surrealista. Waqt li n-natura mejta Olandiża u Spanjola t-tnejn sikwit kellhom għan morali ingastat fihom, l-awsterità, li xi wħud isibuha tixbaħ id-deżolazzjoni ta' xi witjiet għoljin Spanjoli, tidher qisha tiċħad il-pjaċiri tas-sensi, il-ġid u l-lussu tan-natura mejta Olandiża[38]. Fl-Italja u Spanja, il-pitturi tassew tal-vanitas kienu rari u kien hemm ħafna inqas speċjalisti tan-natura mejta. Fl-Ewropa ta' Isfel kienu jużaw iżjed in-naturaliżmu delikat ta' Caravaggio u jenfasizzaw inqas l-iper-realiżmu tal-Ewropej ta' Fuq[39]. Ġo Franza, il-pitturi tan-natura mejta (nature morte) li kienu influwenzati mill-iskejjel ta' Fuq u ta' Isfel, isselfu kemm mill-pitturi tal-vanitas tal-Pajjiżi l-Baxxi u kemm mill-kompożizzjonijiet awsteri ta' Spanja[40].

Is-Seklu 18

immodifika
 
Jean-Baptiste-Siméon Chardin, Ir-Rajja (1728)

Sa meta wasal is-seklu 18, f'ħafna każi, is-sinjifikati moħbijin reliġjużi u allegoriċi fil-pittura tan-natura mejta kienu ġew abbandunati u n-naturi mejtin tal-mejda tal-kċina kienu evolvew f'rappreżentazzjonijiet ippjanati ta' kuluri u forom varjati, juru ikel ta' kuljum. L-aristokrazija Franċiża qabdu l-artisti jpinġulhom pitturi ta' suġġetti ta' natura mejta abbundanti u estravaganti bħalli kienu jżejnu l-mejda tal-pranzu tagħħom, fl-istess ħin mingħajr il-messaġġ moralistiku tal-vanitas tal-predeċessuri tagħhom Olandiżi. L-imħabba li kellu r-Rokokò għall-ingann wassal biex fi Franza jiżdied l-apprezzament għal-pittura ta' trompe l'oeil (Franċiż: "qerq il-għajn"). Il-pitturi ta' natura mejta ta' Jean-Baptiste Chardin jużaw varjetà ta' metodi, minn realiżmu ta' stil Olandiż sa armoniji iżjed ħelwin[41].

Fl-iStati Uniti fi żmien ir-rivoluzzjoni, l-artisti Amerikani li kienu mħarrġa barra l-pajjiż applikaw l-istili Ewropej għal-pittura tar-ritratti u n-natura mejta. Charles Willson Peale beda familja ta' pitturi Amerikani famużi u bħala mexxej importanti fil-komunità artistika Amerikana, waqqaf ukoll soċjetà għat-tħarriġ tal-artisti kif ukoll mużew ta' kurżitajiet naturali. Ibnu, Raphaelle Peale, kien wieħed mill-grupp ta' artisti bikrija tan-natura mejta, li kien hemm fih ukoll John F. Francis, Charles Bird King u John Johnston[42]. Sat-tieni nofs tas-seklu 19, Martin Johnson Heade kien introduċa l-verżjoni Amerikana tal-pittura tal-bijotopu jew ħabitat li fiha l-għasafar u l-fjuri kienu mqegħdin f'ambjent ta' barra simulat[43]. Il-pitturi Amerikani tat-trompe l'oeil, maħluqin minn John Haberle, William Michael Harnett, u John Frederick Peto iffjorixxew ukoll. Peto kien jispeċjalizza f'pitturi "tal-ixtillieri" nostalġiċi waqt li Harnett laħaq l-ogħla livell ta' iper-realiżmu fiċ-ċelebrazzjonijiet pittoriċi tal-ħajja Amerikana permezz ta' oġġetti ta' kuljum[44].

Is-Seklu 19

immodifika
 
Edouard Manet, Qronfol u klematide ġo vażun tal-kristal (1883)

Bill-qawmien tal-Akkademji Ewropej, l-iktar l-Académie française li kellha influwenza qawwija fuq l-arti akkademika, in-natura mejta bdiet tonqos fil-popolarità. L-akkademji kienu jgħallmu d-dotrina tal-"Ġerarkija tal-ġeneri" (jew il-"Ġerarkija tas-suġġett ittrattat"), li kienet tgħid li l-mertu artistiku ta' pittura kien imsejjes qabel kollox fuq is-suġġett tagħha. Fis-sistema akkademika, l-ogħla forma ta' pittura tikkonsisti f'xbihat ta' sinjifikat storiku, Bibbliku jew mitoloġiku u n-natura mejta kienet artistikament meqjusa fil-livell l-iżjed baxx. Minflokk li użaw in-natura mejta biex jigglorifikaw in-natura, xi artisti, bħal John Constable u Camille Corot, għażlu l-veduta għal dan l-għan.

Meta n-Neo-Klassiċiżmu beda jmur lura fis-snin qabel l-1840, ir-rivoluzzjonijiet artistiċi tar-Realiżmu u Romantiċiżmu iffokaw fuq il-pittura tal-ġeneru u r-ritratti. Però, ħafna mill-aqwa artisti ta' dak il-perjodu kellhom natura mejta fost ix-xogħlijiet tagħhom. Il-pitturi tan-natura mejta ta' Francisco Goya, Gustave Courbet, u Eugène Delacroix jittrażmettu emozzjoni qawwija, u huma iżjed interessati fl-atmosfera milli fl-eżattezza [45]. Minkejja li mxew fuq il-mudelli tan-natura mejta iżjed bikrija ta' Chardin, il-pitturi tan-natura mejta ta' Édouard Manet kellhom tonalità qawwija u jidher ċar li mexjin lejn l-Impressjoniżmu. Henri Fantin-Latour, li uża teknika iżjed tradizzjonali, kien famuż għall-pitturi skwiżiti tiegħu tal-fjuri u qala x'jgħix mill-ordnijiet għall-pittura tan-natura mejta[46].

 
Vincent van Gogh, Ward tax-Xemx (1888)

Però, it-teknika u l-armonija tal-kuluri ma ttrijunfawx fuq is-suġġett tal-pittura qabel li l-ġerarkija akkademika fl-Ewropa għebet għal kollox u bdew l-Impressjoniżmu u l-Post-Impressjoniżmu. Meta seħh dan, in-natura mejta saret imfittxa bil-ħerqa mill-artisti. Fin-naturi mejtin bikrija tiegħu, Claude Monet juri l-influwenza ta' Fantin-Latour, imma kien wieħed minn ta' l-ewwel li abbandunaw it-tradizzjoni tal-isfond skur. Pierre-Auguste Renoir ukoll abbandunaha fin-Natura Mejta bi Mrewħa u Bukkett Fjuri (1871), billi taha 'l din il-pittura sfond oranġjo jgħajjat. Fin-natura mejta Impressjonista, il-kontenut allegoriku u mitoloġiku nieqes għal kollox, kif ukoll ix-xogħol iddettaljat tal-pinzell. Minflok, l-impressjonisti iffokaw fuq l-esperimentazzjoni b'daqqiet wiesa' tal-pinżell, valuri tonali, u fejn kienu jpoġġu l-kuluri. L-Impressjonisti u l-Post-Impressjonisti kienu ispirati mill-iskema tal-kuluri tan-natura imma dawn reinterpretaw in-natura bl-armoniji tal-kulur tagħhom, li xi drabi sfaw ta' artifiċjalità li taħsdek. Kif iddikjara Gauguin, "Il-kuluri għandhom it-tifsira tagħhom".[47] Fl-istess ħin użaw varjazzjonijet fil-prospettiva bħal angoli għoljin kif nistgħu naraw fi Frott muri fuq Ċentru ta' Gustave Caillebotte, pittura li xi nies kienu jiddieħqu biha fi żmienha u sejħula "frott kif jarah l-għasfur"[48].

Il-pitturi tal-"Ward tax-Xemx" ta' Vincent van Gogh huma fost il-pitturi tan-natura mejta tas-seklu 19 l-iżjed magħrufin. Van Gogh permezz ta' tonalitajiet fl-isfar u l-okra u rappreżentazzjoni x'aktarx fiċ-ċatt għamel kontribuzzjoni li ma tinsesiex fl-istorja tan-natura mejta. Il-pittura tiegħu Natura Mejta ma' Tavla tad-Disinn (1889) hi awtoritratt f'għamla ta' natura mejta, li fiha Van Gogh wera ħafna oġġetti mill-ħajja personali tiegħu, fosthom il-pipa tiegħu, ikel sempliċi (basal), ktieb edifikanti, u ittra mingħand ħuh, mifruxin fuq il-mejda tiegħu, mingħajr ma hemm xbieha tiegħu. Pinġa wkoll il-verżjoni tiegħu tal-pittura tal-vanitas, Natura Mejta b'Bibbja miftuħa, Xemgħa u Ktieb (1885)[47].

Is-Seklu 20

immodifika
 
Georges Braque, Violin and Candlestick (1910)

L-ewwel erbgħin sena tas-seklu 20 kien perjodu eċċezzjonali ta' ferment u rivoluzzjoni artistika. Malajr żviluppaw ħafna movimenti avant-garde, wieħed jibda qabel l-ieħor jispiċċa, kollha mexjin lejn l-astrazzjoni mhux figurattiva totali. In-natura mejta, bħall-arti rappreżentazzjonali l-oħrajn, komplew jevolvu u jaddattaw sa nofs is-seklu meta l-astrazzjoni totali, bħall-pittura bil-qtar ta' Jackson Pollock, eliminat il-kontenut li jintgħaraf kollu.

Is-seklu beda b'bosta tendenzi jiddominaw l-arti. Fl-1901, Paul Gauguin pinġa Natura Mejta bil-Ward tax-Xemx, f'ġieħ ħabibu van Gogh li kien miet ħdax-il sena qabel. Il-grupp magħruf bħala n-Nabi, fosthom Pierre Bonnard u Edouard Vuillard, ħadu t-teoriji armoniċi ta' Gauguin u żiedu xi elementi ispirati mill-inċiżjonijiet fl-injam Ġappuniżi fil-pitturi tan-natura tagħhom. Il-pittur Franċiż Odilon Redon ukoll pinġa natura mejta importanti f'dan il-perjodu, l-iżjed tal-fjuri[49].

Henri Matisse irriduċa r-rappreżentazzjoni tal-oġgetti tan-natura mejta iżjed u iżjed sa ma ġabhom żoni mmarkati b'linji ħoxnin mimlijin b'kuluri jgħajtu. Issimplifika wkoll il-prospettiva u introduċa sfondi ta' bosta kuluri[50]. F'xi wħud mill-pitturi tiegħu tan-natura mejta, bħall-Pittura mejta bil-Brinġiel, il-mejda bl-oġġetti kważi tintilef fost id-disinji kuluriti l-oħra li jimlew il-bqija tal-kamra[51]. Xi esponenti tal-Fauviżmu, bħal Maurice de Vlaminck u André Derain, esploraw iżjed il-kulur pur u l-astrazzjoni fin-natura mejta tagħhom.

 
Fernand Léger, Natura Mejta bil-Magg tal-Birra (1921)

Paul Cézanne fin-natura mejta tiegħu sab mezz ideali biex jesplora l-organiżżazzjoni ġeometrika spazjali u biex ibiegħed il-pittura mill-għan illustrattiv jew mimetiku għal wieħed li juri indipendentament l-elementi ta' kulur, forma u linja, pass kbir lejn l-arti astratta. L-esperimenti ta' Cézanne iwasslu direttament lejn l-iżvilupp tan-natura mejta Kubista ta' kmieni fis-seklu[52].

Fl-stess ħin li adattaw it-tibdil u t-tidwir tal-pjani u l-assi li kien juża Cézanne, il-Kubisti rażżnu l-iskema qawwija tal-kuluri tal-Fauves u minnflok iffokaw fuq id-dekostruzzjoni tal-oġġetti fi pjani u forom purament ġeometriċi. Bejn l-1910 u l-1920, xi artisti Kubisti bħal Pablo Picasso, Georges Braque, u Juan Gris pinġew ħafna kompożizzjonijiet ta' natura mejta, sikwit jinkludu strumenti mużikali, u ħolqu wkoll l-ewwel xogħlijiet tal-collage tal-Kubiżmu Sintetiku, bħall-pittura ovali ta' Picasso Natura Mejta b'ħadma tat-tiben (1912). F'dawn ix-xogħlijiet, l-oġġetti tan-natura mejta huma mrikbin fuq xulxin u mħabblin flimkien tant li bilkemm baqagħlhom forom bidimensjonali li jingħarfu, tilfu it-tessitura individwa, u tħalltu mal-isfond — għanijiet kontra dawk tan-natura mejta tradizzjonali[53]. Fernand Léger fin-natura mejta tiegħu introduċa l-użu ta' spazju abjad wiesa' u forom ġeometriċi kuluriti, immarkati ċari u jirkbu fuq xulxin biex jipproduċi effett iktar mekkaniku[54]. Marcel Duchamp u membri oħra tal-moviment Dada abbandunaw ir-riduzzjoni tal-ispazju għall-pjan li kienu jużaw il-Kubisti u marru f'direzzjoni radikalment differenti biex ħolqu skulturi tan-natura mejta tridimensjonali “tal-lest”. Il-Futuristi u s-Surrealisti bħala parti mill-mezz biex iroddu lura xi tifsir simboliku lin-natura mejta qegħdu oġġetti tan-natura mejta li jingħarfu fil-veduti tal-ħolm tagħhom. Fil-pitturi tan-natura mejta ta' Joan Miró, l-oġġetti jidhru bla piż u jittajru fi spazju bidimensjonali ssuġġerit ħafif, anki l-muntanji huma mpinġijin b'linji sempliċi[52]. Giorgio Morandi li kien il-pittur ewlieni tan-natura mejta fl-Italja f'dan iż-żmien, esplora varjetà kbira ta' metodi kif ipinġi fliexken ordinarji u għodda tal-kċina[55]. L-artista Olandiż M. C. Escher, magħruf l-iżjed għall-grafiċi tiegħu dettaljati imma fl-istess ħin ambigwi, pinġa Natura Mejta u Triq (1937), verżjoni aġġornata tan-natura mejta Olandiża tradizzjonali tal-mejda[56].

Meta l-artisti Amerikani tas-seklu 20 saru jafu bil-Moderniżmu Ewropew, bdew jinterpretaw is-suġġetti tan-natura mejta b'taħlita ta' realiżmu Amerikan u astrazzjoni ġejja mill-Kubisti. Il-pitturi ta' Georgia O'Keeffe, Stuart Davis, u Marsden Hartley, u l-fotografiji ta' Edward Weston huma tipiċi tax-xogħlijiet Amerikani tan-natura mejta ta' dak il-perjodu. Il-pitturi tal-fjuri ta' O’Keeffe impinġijin mill-qrib ħafna juru, fl-istess ħin l-istruttura fiżika u l-messaġġ emottiv tal-petali u l-weraq, b'mod li bħalu ma kienx sar qabel.

Fil-Messiku, mis-snin 1930, Frida Kahlo u artisti oħra ħolqu stil ta' Surrealiżmu għalihom, u fil-pitturi tagħhom tan-natura mejta daħħlu l-ikel u s-simboli tal-pajjiż [57].

Mis-snin 1930, l-Espressjoniżmu Astratt beda jirreduċi n-natura mejta għall-rappreżentazzjoni ta' forma u kulur biss, tant li sas-snin 1950, l-astrazzjoni totali kienet tiddomina d-dinja tal-arti. Però, il-Pop Art fis-snin 1960 u 1970 dawret lura din it-tendenza u ħolqot għamla ġdida ta' natura mejta. Ħafna mill-Pop Art (bħal Campbell's Soup Cans ta' Andy Warhol) hi bbażata fuq in-natura mejta, imma spiss is-suġġett tassew hu x-xbieha kkommodifikata tal-prodott kummerċjali rrappreżentat, aktar mill-oġġett tan-natura mejta fiżiku nnifsu. Roy Lichtenstein fin-Natura Mejta bl-iSkutella tal-Ħut (1972) jikkombina l-kuluri puri ta' Matisse mal-ikonografija pop ta' Warhol. Wayne Thiebaud fil-Mejda tal-Ikel (1964) ma jurix ikla ta' familja waħda imma katina ta' montaġġ ta' ikel Amerikan standardizzat[58]. Il-moviment Neo-dada mar lura lejn ir-rappreżentazzjonijiet tridimensjonali ta' oġġetti tal-ħajja ta' kuljum ta' Duchamp u ħoloq il-verżjoni tiegħu tan-natura mejta, bħal pereżempju fix-xogħlijiet ta' Jasper Johns, Statwa tal-Bronż Miżbugħa (1960) u Dar tal-Iblah (1962)[59].

L-avvanz tal-Fotorealiżmu fis-snin 1970 riafferma r-rappreżentazzjoni illużjonistika, waqt li fl-istess ħin żamm ftit mill-messaġġ tal-Pop tal-fużjoni tal-oġġett, ix-xbieha u l-prodott kummerċjali. Il-pitturi ta' Don Eddy u Ralph Goings huma tipiċi f'dan ir-rigward.

Is-Seklu 21

immodifika

Fl-aħħar tletin sena tas-seklu 20, u kmieni fis-seklu 21 in-natura mejta ħarġet barra l-konfini tal-gwarniċ. Speċjalment fir-riħ tal-età tal-kompjuter, u l-iżvilupp fl-arti ġġenerata bil-kompjuter u l-arti digitali, il-karattru u d-definizzjoni tan-natura mejta nbidlu u xi artisti issa jużaw metodi tekniċi mħallta biex jinkorporaw ġon-natura mejta oġġetti misjuba, fotografija, vidjo, u ħoss, u anki jifirxuhom mill-art sas-saqaf u jimlew kamra sħiħa f'gallerija tal-arti. Il-grafiċi ġġenerati mill-kompjuter estendew il-metodi tekniċi li jistgħu jużaw l-artisti tan-natura mejta. Bl-użu tal-kamera tal-vidjo, l-artisti tan-natura mejta jistgħu anki jinkorporaw l-ispettatur fix-xogħol tagħhom.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Fost affarijiet oħra, Charles Sterling kien speċjalista kbir tal-primittivi Franċiżi.
  2. ^ Sybille Ebert-Schifferer, Still Life: A History, (In-Natura Mejta: L-istorja), Harry N. Abrams, New York, 1998, p. 19, ISBN 0-8109-4190-2
  3. ^ Charles Sterling, La Nature Morte, de l'Antiquité au XXe siècle, (In-Natura Mejta, mill-Antikità għas-seklu 20), Macula, Pariġi, 1985
  4. ^ Ebert-Schifferer, p.22
  5. ^ Ebert-Schifferer, p.137
  6. ^ Ebert-Schifferer, p. 16
  7. ^ a b Ebert-Schifferer, p. 15
  8. ^ Michel u Fabrice Faré, Vie silencieuse de la nature morte, (Ħajja siekta tan-natura mejta), f' La nature morte de Jan Bruegel de Velours (1568-1625) à Chaïm Soutine (1893-1943), (In-natura mejta minn Jan Bruegel de Velours (1568-1625) sa Chaïm Soutine (1893-1943)), Katalgu tal-wirja f'Bordeaux, ed. Galerie des Beaux-Arts. 1978. p7.
  9. ^ Ebert-Schifferer, p.25
  10. ^ Ebert-Schifferer, p. 27
  11. ^ Ebert-Schifferer, p. 26
  12. ^ Ebert-Schifferer, p. 41
  13. ^ Ebert-Schifferer, p. 31
  14. ^ Ebert-Schifferer, p. 39, 53
  15. ^ Ebert-Schifferer, p. 34
  16. ^ Ebert-Schifferer, pp. 54-56
  17. ^ Ebert-Schifferer, p. 64
  18. ^ Ebert-Schifferer, p. 75
  19. ^ Ebert-Schifferer, p.38
  20. ^ Ebert-Schifferer, p. 45
  21. ^ Ebert-Schifferer, p. 47
  22. ^ La natura morta in Italia (In-Natura Mejta fl-Italja), editjat minn Francesco Porzio u dirett minn Federico Zeri. The Burlington Magazine (1991) Vol. 133 (1055) p. 124-125.
  23. ^ Ebert-Schifferer, p. 82
  24. ^ Ebert-Schifferer, p. 84
  25. ^ Stefano Zuffi, Ed., Baroque Painting, (Pittura Barokka) Barron’s Educational Series, Hauppauge, New York, 1999, p. 96, ISBN 0-7641-5214-9
  26. ^ Zuffi, p. 175
  27. ^ Paul Taylor, Dutch Flower Painting 1600-1720, (Pittura Olandiża tal-fjuri), Yale University Press, New Haven, 1995, p. 77, ISBN 0-300-05390-8
  28. ^ Taylor, p. 129
  29. ^ Taylor, p. 197
  30. ^ Taylor, pp. 56-76
  31. ^ Ebert-Schifferer, p.16
  32. ^ Ebert-Schifferer, p. 93
  33. ^ Ebert-Schifferer, p. 90
  34. ^ Ebert-Schifferer, p. 164
  35. ^ Ebert-Schifferer, p. 170
  36. ^ Ebert-Schifferer, pp. 180-181
  37. ^ Zuffi, p. 260
  38. ^ Ebert-Schifferer, p. 71
  39. ^ Ebert-Schifferer, p. 173
  40. ^ Ebert-Schifferer, p. 229
  41. ^ Zuffi, p. 288, 298
  42. ^ Ebert-Schifferer, p. 260
  43. ^ Ebert-Schifferer, p. 267
  44. ^ Ebert-Schifferer, p. 272
  45. ^ Ebert-Schifferer, p. 287
  46. ^ Ebert-Schifferer, p. 299
  47. ^ a b Ebert-Schifferer, p. 318
  48. ^ Ebert-Schifferer, p. 310
  49. ^ Ebert-Schifferer, p. 321
  50. ^ Ebert-Schifferer, pp. 323-4
  51. ^ Stefano Zuffi, Ed., Modern Painting (Il-Pittura Moderna), Barron’s Educational Series, Hauppauge, New York, 1998, p. 273, ISBN 0-7641-5119-3
  52. ^ a b Ebert-Schifferer, p. 311
  53. ^ Ebert-Schifferer, p. 338
  54. ^ David Piper, The Illustrated Library of Art, (Il-Bibljoteka Illustrata tal-Arti), Portland House, New York, 1986, p. 643, ISBN 0-517-62336-6
  55. ^ David Piper, p. 635
  56. ^ Piper, p. 639
  57. ^ Ebert-Schifferer, p. 387
  58. ^ Ebert-Schifferer, pp. 382-3
  59. ^ Ebert-Schifferer, p. 384-6

Ħoloq esterni

immodifika