Fede Galizia
Fede Galizia (Milan, 1578 – Milan, 1630) kienet pittriċi Taljana tar-Rinaxximent, li kienet tpitter ritratti u stampi reliġjużi, u kienet pijuniera tal-ġeneru tan-natura mejta.
Fede Galizia | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Milanu Trento, 1578 |
Nazzjonalità | Dukat ta' Milan |
Grupp etniku | Taljani |
Mewt | Milan, 1630 |
Kawża tal-mewt | (pesta) |
Familja | |
Missier | Nunzio Galizia |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
pittur artist |
Post tax-xogħol |
Milan Torino |
Moviment | Rinaxximent |
Moviment artistiku |
ritratt pittura reliġjuża |
Bijografija
immodifikaFede Galizia, iżjed magħrufa bħala Galizia, twieldet Milan fl-1578. Missierha, Nunzio Galizia, li kien pittur tal-minjaturi kien ġie Milan minn Trento. Fede (li isimha jfisser "fidi") tgħallmet tpinġi mingħandu. Meta kellha tnax-il sena kienet diġà tajba biżżejjed bħala artista biex tissemma minn Gian Paolo Lomazzo, pittur u teoriku tal-arti, ħabib ta' missierha, li kiteb, "(Din it-tifla) tiddedika ruħha għall-imitazzjoni tal-aħjar tal-arti tagħna".[1]
Fede kienet stabbilita kmieni bħala ritrattista u kellha ħafna ordnijiet għar-ritratti. Forsi kienet l-influwenza ta' missierha li ħajjar lil Fede tieħu ħsieb ħafna d-dettalji fir-ritratti tagħha. Minħabba kif kienet toħroġ il-ġojjelli u l-ilbies saret rikjesta ħafna bħala ritrattista. Kellha sikwit ukoll ordnijiet għal suġġetti reliġjużi u sekulari. Bosta mill-pitturi tagħha bbażati fuq l-istorja ta' Ġuditta u Oloferne, suġġett popolari fl-arti ta' dak iż-żmien għadhom jeżistu f'kollezzjonijiet privati. Forsi l-ewwel waħda kienet Ġuditta bir-ras ta' Oloferne li pinġiet fl-1596 u li issa qiegħda Sarasota Florida fir-Ringling Museum of Art. Pinġiet ukoll xi minjaturi u titulari għal xi kunventi.
L-istil tagħha tar-ritratti, li juża approċċ realistiku qawwi, ġej mit-tradizzjoni naturalistika tar-Rinaxximent fl-Italja. Is-sengħa artistika ta' Fede fid-disinn u l-pittura jidhru ċari fir-Ritratt ta' Paolo Morigia, Ġiżwita studjuż, li kien wieħed mill-ewwel li taha appoġġ. Morigia, li kien ukoll kittieb u storiku, kien jogħġbu ħafna x-xogħol ta' Fede u f’dan ir-ritratt, li għamlet fl-1596, pinġietu jikteb poeżija fuq il-pittura li kienet qiegħda tpinġi. Kisbet bosta ordnijiet pubbliċi għal titulari fil-knejjes ta' Milan; fost dawn kien hemm Noli me tangere (1616; Milan, San Stiefnu) li pinġiet għall-artal tal-knisja ta' Santa Marija Maddalena.
Barra l-pittura tar-ritratti, Fede kienet tinteressa ruħha ħafna fil-pittura tan-natura mejta, ġeneru li fih kienet pijuniera u li għalih hi l-iżjed magħrufa. Jgħidu li għamlet ħafna żmien tfittex xi ħaġa fl-Italja u fil-Greċja. Jidher li sabet xi ħaġa inkredibbli għax tagħbija ta' żewġ tunnellati ntbagħtet lejn id-dar tagħha tas-sajf fi Spanja. Minkejja li ftit sorsi kontemporanji jsemmu l-pitturi tan-natura mejta ta' Fede, dawn jagħmlu l-parti l-kbira tax-xogħlijiet tagħha li baqa'. Tlieta u sittin pittura ġew assenjati lilha, u 44 minnhom huma fil-forma ta' natura mejta. Waħda mill-pitturi tan-natura mejta, impittra fl-1602 u ffirmata, hi x'aktarx l-ewwel natura mejta minn artista Taljana u dan jixhed kemm ikkontribwiet għal dan l-istil ġdid tal-pittura.
Fede qatt ma żżewġet, kellha ħajja kuntenta u rnexxiet ħafna fil-karriera artistika tagħha. Fl-1630 mietet bil-pesta f'Milan.
Stil
immodifikaFede Galizia pinġiet ritratti, minjaturi u titulari għall-knejjes, imma l-parti l-iżjed importanti tax-xogħol tagħha, li tatha fama xierqa fl-istorja tal-arti, hija n-natura mejta. Però l-pitturi tagħha ma kinux apprezzati daqs kemm jixirqilhom sa tard fis-seklu 20, meta fl-1963 u l-1989 saru studji li taw attenzjoni speċjali lix-xogħol tagħha. Dawn salvawha milli tintesa għalkollox.
Fede Galizia kellha stil li ġej mill-Manjeriżmu Lombard tal-aħħar tas-seklu 16, li kellu ċ-ċentru tiegħu f'Mantova, imma kien magħruf internazzjonalment, speċjalment fi Franza. Il-pitturi tan-natura mejta ta' Fede huma fost l-ewwel eżempji ta' dan il-ġeneru ġdid li fih in-nisa, parzjalment għaliex kienu esklużi minn forom oħra ta' pittura, spikkaw.
Il-pitturi tan-natura mejta ta' Fede huma ddettaljati ferm ħafna u differenti sewwa mix-xogħlijiet ta' missierha, tuża iżjed dettalji u kuluri jlelxu. Il-parti l-kbira tax-xogħlijiet tagħha juru qoffa jew skutella mimlija frott tal-istess tip, bħal ħawħ jew lanġas, bi ftit frott xi minn daqqiet maqsum u mferrex ħdejn l-iskutella.
F'ħafna mill-pitturi tan-natura mejta li pinġiet, qegħdet fjuri friski jew frott ieħor fuq il-mejda biex tipprovdi l-kuntrast u l-iskala. Fix-xogħol ta' Fede jidhru influwenzi ta' pitturi bħall-Qoffa bil-Frott ta' Caravaggio. Imma xaqilbet lejn l-istil iżjed kontrollat tal-perjodu tal-Kontroriforma, u ma waslitx għall-kompożizzjonijiet u forom lussużi li kienu jużaw ħafna mill-kontemporanji tagħha li kienu qegħdin jaħdmu f'dan il-ġeneru; minflok ippreferiet li tuża stil sempliċi bħal dak li jidher fil-pitturi tan-natura mejta ta' Francisco de Zurbarán ftit aktar tard.
Il-pitturi ta' Fede huma mimlija dettalji, perfettament ibbilanċjati u għat-trattament tad-dwal, dellijiet u tessituri ma kien iħabbatha ħadd magħha f'dik l-epoka. Kellha ħila partikularment kbira fil-ħolqien ta' spazji li jistiednu fil-pitturi tagħha, kompożizzjonijiet ekwilibrati u mhux iffullati. Qisek tista' tmiss il-frott, taqbadhom u toħroġhom mill-pittura mingħajr ma tiddisturba l-bqija tax-xogħol. Kontra ta' qabilhom li kienu artifiċjużi, l-arranġamenti tagħhom huma grazzjużi, naturali u poetiċi.
It-trattament estetiku tan-natura mejta ta' Fede Galizia ma jerġax jidher qabel nofs is-seklu 16 u d-direzzjoni moderna li ħa dan il-ġeneru kienet iffurmata prinċipalment mix-xogħlijiet tagħha. Ħafna mill-pitturi tan-natura mejta li naraw illum huma influwenzati mill-ideat oriġinali tagħha. Ma nafux kemm hemm pitturi ta' Fede; ħafna pitturi li jistgħu jkunu tagħha ġew attribwiti lill-ekwivalenti maskili tagħha Panfilo Nuvolone, li ħa ħafna mill-ispirazzjoni tiegħu mingħandha. Setgħet ispirat lill-Bergamiż Francesco Codino u lill-pittriċi Barokka tan-natura mejta, Giovanna Garzoni.
Noti u referenzi
immodifika- ^ Gian Paolo Lomazzo, Idea del tempio della pittura, Milan 1590, p. 163, "dandosi all'imitation de i più eccellenti dell'arte nostra."
Biblijografija
immodifika- Ilya Sandra Perlingieri, Sofonisba Anguissola,, Rizzoli International, 1992 ISBN 978-0-8478-1544-9 fuq Questia
- Chadwick, Whitney, Women, Art, and Society, (In-Nisa, l-Arti u s-Soċjetà), Thames and Hudson, Londra, 1990 ISBN 978-0-500-20354-5
- Harris, Anne Sutherland u Linda Nochlin, Women Artists: 1550-1950, (Artisti nisa: 1550-1950), Los Angeles County Museum of Art, Knopf, New York, 1976 ISBN 978-0-394-41169-9