Magdalena Carmen Frieda Kahlo y Calderón jew Frida Kahlo twieldet fis-6 ta' Lulju 1907 ġewwa Coyoacan, il-Belt tal-Messiku u mietet fit-13 ta' Lulju 1954. Hija kienet pittriċi li kellha sehem importanti fil-moviment artistiku Messikan ta' żmienha.

Frida Kahlo
Ħajja
Isem propju Magdalena Frida Carmen Kahlo
Twelid Coyoacán (en) Translateu Belt tal-Messiku, 6 Lulju 1907
Nazzjonalità Messiku
Mewt Coyoacán (en) Translateu Belt tal-Messiku, 13 Lulju 1954
Post tad-dfin Coyoacán (en) Translate
Kawża tal-mewt kawżi naturali (bronchopneumonia (en) Translate
pulmonary embolism (en) Translate
phlebitis (en) Translate)
Familja
Missier Guillermo Kahlo
Konjuga/i Diego Rivera (mul) Translate  (21 Awwissu 1929 -  6 Novembru 1939)
Diego Rivera (mul) Translate  (1940 -  1954)
Aħwa
Edukazzjoni
Lingwi Spanjol
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni pittur
Post tax-xogħol Belt tal-Messiku
Detroit
San Francisco
Belt ta' New York
Xogħlijiet importanti Still Life: Pitahayas (en) Translate
The Two Fridas (en) Translate
Moviment surrealiżmu
magic realism (en) Translate
Moviment artistiku pittura ritratt
awtoritratt
ritratt

Fl-1922, iffalsifikat id-data ta' twelidha u biddlitha għas-7 ta' Lulju 1910, is-sena tal-bidu tar-Rivoluzzjoni Messikana. Madwar is-sena 1935 neħħiet l-"e" minn isimha Frieda[1][2].

Bijografija

immodifika

Omm l-artista, Matilde Calderón y González, li kienet ukoll pittriċi (El condabrebbra, membru tal-moviment surrealista) (1876-1932) twieldet il-Messiku. Kienet it-tielet tifla ta' Isabel González y González, ġejja minn familja ta' ġenerali Spanjoli, u l-fotografu Antonio Calderón, ta' nisel Amerindjan minn Morelia[2].

Missier Frida, Carl Wilhelm Kahlo (1871-1941), imwieled Pforzheim f'Baden-Württemberg il-Ġermanja, ma kienx, kif kienet tgħid il-leġġenda mifruxa, Lhudi ta' nisel Ġermano-Awstro-Ungeriż iżda Ġermaniż Luteran mill-borgeżija ta' Baden [3]. Huwa mar il-Messiku fl-1891, fl-età ta' 19-il sena. Kienu jsejħulu Guillermo, it-traduzzjoni ta' Wilhelm għall-Kastiljan. Hu kien bin il-ġojjellier u orafu Jakob Kahlo u Henriette Kaufmann.

Fl-1936 Frida Kahlo pinġiet Nannieti, ommi u missieri u jien fejn irrakkontat l-istorja tal-oriġini tagħha f' siġra tar-razza. Fuq hemm in-nanniet. Issimbolizzat in-nanniet tan-naħa t'ommha bl-art, u n-nanniet tan-naħa ta' missierha premezz tal-baħar. Fin-nofs hemm il-ġenituri tagħha fil-poża tar-ritratt tat-tieġ u taħt hemm hi bħala tifla żgħira fil-ġnien tad-"Dar il-Kaħla" fejn twieldet u mietet.

Magdalena Carmen Frida Kahlo Calderon twieldet fid-"Dar il-Kaħla"(La Casa Azul), li llum saret il-Mużew ta' Frida Kahlo, f'nofs kwartier tal-klassi tan-nofs, f'Coyoacán, fin-nofsinhar tal-Belt tal-Messiku. Hija kienet it-tielet mill-erba' ulied ta' Matilde u Guillermo Kahlo, li kienu kollha bniet.

Fl-età ta' 6 snin, Frida qabadha l-poljo. Minħabba dan, riġilha tal-lemin ma kibirx kemm kellu jikber u sħabha tal-iskola laqqmuha "Frida z-zoppa".

Fl-1922, fl-età ta' 16-il sena, daħlet l-Escuela Nacional Preparatoria, li kienet meqjusa bħala l-aħjar skola fil-Messiku. Kienet tixtieq issir tabiba u minkejja l-interess tagħha fl-arti, ma kellha l-ebda pjan biex taqbad karriera artistika. Fil-bidu Frida kienet tibbrilla fl-istudji u kienet tinteressa ruħha fil-politika u tfittex, bħal ħafna mill-kontemporanji tagħha, li twaqqaf spirtu Messikan f'pajjiżha li kien għadu kif sar indipendenti.

Fis-17 ta' Settembru 1925, Frida qabdet karozza tal-linja biex tmur id-dar wara l-iskola. F'daqqa waħda, il-karozza ħarġet mit-triq u daħlet ġo tramm. Mietu ħafna nies fl-inċident. Frida, korriet serjament, daħlitilha ħadida ġo żaqqha u nifdet sa ġufha. Għalhekk aktar tard ma setgħetx ikollha tfal. Kellha ħafna ksur, ħdax b'kollox, f'riġilha x-xellugi. Kisret ukoll sieqha l-leminija. Kellha ksur ukoll fil-pelvi, l-kustilji u s-sinsla ta' daharha. Spallitha kienet kważi żlugata. Damet fis-sodda għal tliet xhur, xahar minnhom l-isptar. Madwar sena wara l-inċident, Frida kellha tmur lura l-isptar għaliex sabu li kellha waħda mill-vertebri lombari miksura u kellha tilbes kurpett tal-ġips għal disa' xhur. Kien dak iż-żmien li bdiet tpinġi. Biex jgħinuha, qrabatha qiegħdu tinda b'mera fuq is-sodda. Hekk setgħet tuża r-rifless tagħha bħala mudell. X'aktarx kien dan li taha l-ispinta biex tibda s-sensiela twila ta' awtoritratti li pinġiet. Minn 143 pittura, 55 minnhom kienu awtoritratti. Kellha tagħmel bosta operazzjonijiet oħra u minħabba fihom damet ħafna żmien mimduda l-isptar.

Ħajja u karriera artistika

immodifika
 
Frida Kahlo u Diego Rivera fl-1932

Fl-1928, Frida Kahlo nkitbet fil-Partit Komunista Messikan. Kienet interessata partikolarment fl-emanċipazzjoni tan-nisa fis-soċjetà Messikana li kienet patrijarkali ħafna. Iddeċidiet minn kmieni f'ħajjitha li ma tridx timxi fl-istess triq bħal maġġoranza tan-nisa Messikani. Xtaqet issiefer u tistudja, riedet il-libertà u d-divertiment.

Fl-istess sena, Frida ltaqgħet ma' Diego Rivera (1886-1957) fl-awditorju tal-iskola tagħha (fejn dan kien qiegħed ipinġi pittura fuq il-ħajt). Kien hemm li ratu għall-ewwel darba[4].

Lil dan il-pittur kienet tammirah ħafna u talbitu l-opinjoni tiegħu dwar il-pitturi tagħha, biex tara jekk kienx jaħseb li kellha talent. Il-muralista kien impressjonat bix-xogħlijiet taż-żagħżugħa Messikana, "Il-pitturi juru qawwa ta' espressjoni straordinarja u deskrizzjoni preċiża tal-karattri. Għandhom sinċerità plastika fundamentali u personalità artistika interna. Juruna sesswalità mogħnija b'ħila kbira ta' osservazzjoni iżda fl-istess ħin sensittiva. Għalija, kien ċar li din it-tfajla kienet veru artista." Frida Kahlo u Diego Rivera, li kien 21 sena ikbar minnha, iżżewġu fil-21 ta' Awissu tal-1929. Marru joqogħdu fil-Belt tal-Messiku, iżda Ribera ma' damx ma' qarraq biha.

F'Novembru tal-1930, marru joqogħdu San Francisco billi Rivera kellu kummissjoni biex ipinġi xi pitturi fuq il-ħajt għall-Borża ta' San Francisco u l-Iskola tal-Belle Arti ta' California, li saret San Francisco Art Institute. Frida saret taf l-artisti u l-patruni, fosthom Albert Bender. Dan kien għen lil Diego Rivera jikseb permess biex jidħol l-iStati Uniti. Biex tirringrazzjah, fl-1931 Frida pinġiet ritratt doppju ta' Frida Kahlo y Diego Rivera ispirat mir-ritratt tat-tieġ tagħhom.


Fl-1930, Frida kellha l-ewwel korriment. Wara l-inċident li kellha kienu qalulha li qatt ma jista' jkollha tfal, billi kellha l-pelvi maqsum fi tliet bnadi. Minħabba f'hekk ma setgħetx ikollha tqala bla problemi għax it-tarbija ma setgħetx toqgħod f'pożizzjoni normali. Matul iż-żjara tagħhom f'Detroit, hija reġgħet ħarġet tqila. Kmieni f'din it-tieni tqala, Frida marret tara tabib fl-isptar Henry Ford, li taha parir li żżomm it-tarbija u ma ttemmx it-tqala tagħha. Qalilha li tista' twelled permezz ta' ċesarja[5]. Minkejja l-ottimiżmu tat-tabib, kellha korriment ieħor fl-4 ta' Lulju 1932. Irrappreżentat is-sentimenti tagħha, is-sens ta' solitudni u abbandun wara t-telfa tat-tarbija fil-pittura L-isptar Henry Ford jew Is-sodda ttir. Fiha pinġiet fetu maskili kbir f'pożizzjoni embrijonika, it-tarbija li tilfet fil-korriment, "iċ-ċkejken Diego" li tant ittamat li żżomm għal tul it-tqala.

Wara dan l-episodju ikrah, Frida Kahlo pinġiet xi pitturi li rriflettew l-għeja tagħha u l-istmerrija li kellha għall-iStati Uniti u għall-Amerikani. Sadanittant żewġha baqa' affaxxinat b'dan il-pajjiż u ma riedx jitilqu. Hi esprimiet l-opinjoni tagħha dwar il-pajjiż tal-"gringos" fil-pitturi Awtoritratt fuq il-fruntiera bejn il-Messiku u l-iStati Uniti u Il-libsa tiegħi imdendla hawn. Minkejja l-ammirazzjoni tagħha għall-progress industrijali tal-Istati Uniti, Frida li kienet nazzjonalista Messikana, fuq in-naħa l-oħra tar-Río Bravo ħassitha qisha ħuta barra mill-ilma. Sadanittant, fl-1932 mietet ommha.

F'Diċembru tal-1933, Diego Rivera qabel li jmorru lura l-Messiku. Marru joqogħdu San Ángel, f'dar mibnija mill-ħabib tagħhom Juan O'Gorman li kien perit u pittur. Minħabba l-problemi ta' saħħa, Frida kellha terġa' tmur l-isptar għal raxkament.

Fl-1935, pinġiet żewġ pitturi biss, waħda minnhom kienet Ftit barxiet żgħar, li tevoka l-mewt ta' mara minħabba l-għira. Frida Kahlo kienet ndunat li żewġha kellu relazzjoni ma' oħtha, Cristina. Profondament imweġġa', telqet mid-dar u marret toqgħod fiċ-ċentru tal-belt tal-Messiku. Matul dan il-perjodu, kellha bosta relazzjonijiet barra ż-żwieġ, uħud minnhom ma' nisa oħrajn. F'nofs l-1935, marret New York ma' żewġt iħbieb nisa. Damet ma reġgħet lura l-Messiku sakemm intemmet ir-relazzjoni bejn oħtha u żewġha fl-aħħar tas-sena.

Fid-9 ta' Jannar 1937, il-President Lázaro Cárdenas del Río uża l-poter kostituzzjonali tiegħu biex jagħti l-ażil politiku lil Leon Trotsky. Frida u Diego stiednu 'l Trotsky, biex joqgħod fid-dar tagħhom, La Casa Azul (Id-Dar il-Kaħla) flimkien ma' martu Natalia Sedova . Bejn Trotsky u Frida, żviluppat relazzjoni qasira li jgħidu li kienet appassjonata ħafna. Fl-aħħar ta' din l-avventura, l-artista offrietlu "Awtoritratt iddedikat lil Leon Trotsky, 1937" f'għeluq sninu, is-7 ta' Novembru 1937. Dan kien awto-ritratt fejn pinġiet ruħha liebsa sabiħ b'karta f'idejha bid-dedikazzjoni:

Lil Leon Trotsky, niddedika din il-pittura bl-imħabba tiegħi kollha ...

Meta Trotsky u l-mara telqu mid-dar, ħallewha warajhom.

F'Settembru tal-1938, André Breton[6] , teoriku tas-surrealiżmu, intbagħat il-Messiku mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Franċiż, biex jagħti taħdita dwar l-istat tal-poeżija u l-pittura fl-Ewropa. Breton u martu Jacqueline Lamba, qagħdu mal-koppja Kahlo-Rivera.

Frida Kahlo ċaħdet li kienet surrealista:

Jaħsbuni surrealista. Dan mhux sewwa. Jien qatt ma pinġejt ħolm. Dak li nirrappreżenta jien hu r-realtà[5].

Breton, impressjonat ħafna bi Frida, kiteb:

L-arti ta' Frida Kahlo de Rivera hi żigarella madwar bomba [7].

Sadattant nibtet ħbiberija vera u profonda bejn Frida u Jacqueline.

L-ilma.

Il-vapur u l-moll u t-tluq Li tant ċekknuk f'għajnejja, maqbuda wara dik it-toqba tal-port tonda, u int tibqa' tħares lejja biex iżżommni f'qalbek. Kollox kif kien. Imbagħad, waslet aħbarek għall-ġurnata. Illum nixtieq li x-xemx tiegħi tista' tmissek.

—ittra lill Jacqueline Lamba, 1939 [8].

Fil-bidu ta' Ottubru tal-1938, Frida Kahlo ppreżentat ix-xogħlijiet tagħha fil-gallerija ta' Julien Levy f'New York. Nofs il-ħamsa u għoxrin xogħol ippreżentat inbiegħ. Matul iż-żjara tagħha, Frida kellha relazzjoni mal-fotografu Nickolas Murray.

Fl-1939 Frida marret Pariġi għall-wirja kbira fuq il-Messiku organizzata minn Cárdenas fil-gallerija Pierre Colle. Hemm qagħdet ma' André Breton u ltaqgħet mal-pitturi Yves Tanguy, Picasso u Wassily Kandinsky.

Pariġi ma għoġbithiex għax sabitha maħmuġa. L-ikel ma qabilx magħha u qabditha kolibaċillożi. Il-wirja ma għoġbithiex lanqas: fl-opinjoni tagħha "kienet invadietha dik il-qabda wlied il-qħab li huma s-surrealisti, u dak l-irmixk kollu esibit f'isem il-Messiku sabitu żejjed[9].

Biex tagħqad, Pierre Colle, ixxukkjat bir-rudizza tal-pitturi ta' Frida rrifjuta li jurihom fil-gallerija tiegħu[9].

F'ittra lil Louis Murray, esprimiet l-istmerrija profonda tagħha għall-intellettwali Pariġini:

għandhom ukoll intellettwali fottuti mmuffati li ma nistax nissaporti iżjed. Veru wisq għalija.

Nippreferi noqgħod fl-art fis-suq ta' Toluca nbiegħ it-tortillas milli jkolli x'naqsam ma' dawn iċ-ċwieċ artistiċi ta' Pariġi ... Qatt ma rajt la 'l Diego u lanqas lilek jaħlu ż-żmien f'dan it-tpaċpiċ stupidu u dawn id-diskussjonijiet intellettwali. Għax intom vera rġiel, u mhux artisti patetiċi — Paċenzja! Kien vallapena li niġi hawn, anki jekk biex nifhem għaliex l-Ewropa qed timmoffa biss, għax dawn in-nies bla ħila huma l-kawża tal-Hitlerijiet u l-Mussolinijiet kollha[9].

F'Diċembru tal-1938, Frida u Diego ddivorzjaw. Hi reġgħet bdiet tħoss uġigħ kbir fis-sinsla u qabditha mikożi akuta f'idejha l-leminija. F'Settembru tal-1940, marret San Francisco biex jikkuraha t-tabib Eloesser. Biex tirringrazzjah għall-kura tagħha, pinġietlu Awtoritratt dedikat lil Dr Eloesser. Il-pittura kellha din id-dedikazzjoni

Pinġejt ir-ritratt tiegħi fl-1940 għal Dr Eloesser, it-tabib u l-aqwa ħabib tiegħi. Bl-affezzjoni tiegħi kollha, Frida Kahlo[5].

Diego Rivera kien f'San Francisco fl-istess ħin, u ppropona lil Frida li jerġgħu jiżżewġu. Hi aċċettat, u t-tieni żwieġ sar San Francisco fit-8 ta' Diċembru 1940, għeluq snin Diego. Marru joqgħodu fid-"Dar il-Kaħla" f'Coyoacán.

Fl-1942, l-artista bdiet tikteb id-djarju tagħha li fih ikkumentat dwar tfulitha, żgħożitha u ħajjitha. Fl-istess sena ġiet eletta membru tas-Seminario de Cultura Mexicana, organizzazzjoni mwaqqfa mill-Ministru tal-Affarijiet Kulturali u magħmula minn 25 artist u intellettwali. Kellha bħala missjoni li tinkoraġġixxi t-tixrid tal-kultura Messikana permezz ta' wirjiet, konferenzi, u l-pubblikazzjoni ta' xogħlijiet.

Fl-1943, tat lezzjoni tal-pittura fl-Akkademja tal-Belle Arti, iżda minħabba saħħitha kellha tgħallimha f'darha. Kellha wġigħ kontinwu f'sieqha l-leminja u f'daharha li ma ħallihiex timxi sewwa. Kellha tilbes kurpett tal-ħadid (dan narawh f' Kolonna Miksura). F'Ġunju tal-1946, għamlet operazzjoni f'daharha li ħallitilha żewġ farretti kbar fin-naħa t'isfel ta' daharha.

Fl-aħħar tas-snin 1940, il-qagħda ta' saħħa ta' Frida Kahlo marret għall-agħar u, fl-1950, kellha terġa' tidħol l-isptar ABC fil-belt tal-Messiku. Damet hemm disa' xhur. L-operazzjoni l-ġdida fuq is-sinsla kienet ikkumplikata b'infjammazzjoni u minħabba dan ħtieġet operazzjoni oħra. Damet sa wara s-sitt operazzjoni (minn total ta' seba') qabel ma setgħet terġa' tibda tpinġi, imma kellha tagħmel dan mimduda fuq daħarha. Fir-Rebbiegħa tal-1953, il-fotografa Lola Álvarez Bravo organizzat l-ewwel wirja ta' Frida Kahlo waħidha fil-Messiku. It-tabib ma ħallihiex tqum, u ħaduha sal-gallerija fuq is-sodda tal-isptar biex tieħu sehem fil-ftuħ.

Tmiem diffiċli

immodifika

F'Awwissu tal-1953, qatgħulha riġilha tal-lemin mill-irkoppa. Din l-operazzjoni taffiet l-uġigħ imma kkawżatilha dipressjoni profonda:

Is-sitt xhur li ilhom li qatgħuli riġli qishom mitt sena ta' torturi u nkun kważi ħa niġġennen. Il-ħin kollu rrid noqtol ruħi b'idejja. Diego biss iżommni għax nimmaġina li ħa jħoss in-nuqqas tiegħi. Hekk qalli u nemmnu. Imma qatt f'ħajti kollha ma batejt daqshekk. Ħa nistenna ftit ieħor ...

Djarju, Frar tal-1954[5]

Frida Kahlo mietet b'pulmonite severa fil-lejl tat-13 Lulju 1954, sebat ijiem wara li għalqet 47 sena. L-aħħar kliem fid-djarju tagħha kien

Nispera li t-tluq ikun hieni ... u nittama li qatt ma niġi lura ... Frida.

Però, min- naħa għall-oħra tal-aħħar pittura tagħha, li pinġiet eżatt qabel ma mietet kitbet: Viva la Vida ("Viva l-Ħajja").

Il-kremazzjoni tagħha saret fl-14 ta' Lulju u l-irmied tagħha qiegħed fil-Casa Azul f'Coyoacán, fuq sodditha f’urna bl-għamla ta' wiċċha.

Xogħlijiet

immodifika
Sena Xogħol Sena Xogħol
1925 Natura mewta (ward) 1941 Jien u l-pappagall tiegħi
Awtoritratt bil-malja
Awtoritratt ma' Bonito
Qoffa bil-fjuri
1926 Awtoritratt bil-libsa vjola 1942 Natura mejta (tonda)
Awtoritratt b'xadina u pappagall
1927 Iva Adelita... jew il-kpiepel bil-ponta
Ritratt ta' Adriana
Adelita, Pancho Villa u Frida
Ritratt ta' Alicia Galant
Ritratt ta' Miquel N. Lira
1943 Għeruq
Ħsieb tal-mewt
Il-miżżewġa ġdida imbeżża' meta tara l-ħajja quddiema
Awtoritratt biex xadini
Diego fi ħsiebi jew naħseb fi Diego
Ritratt ta' Natasha Gelman
Ward tal-ħajja
1928 Ritratt ta' Christina, oħti
Ritratt ta' Alejandro Gómez Arias
1944 Il-kolonna maqsuma, żejt fuq il-masonite
Diego u Frida 1929-1944
Ritratt ta' Alicia u Eduardo Safa
Ritratt ta' Doña Rosita Morillo
Ritratt tal-inġinier Eduardo Morillo Safa
Ritratt ta' Lupita Morillo Safa
Ritratt ta' Mariana Morillo Safa
Ritratt ta' Marte R. Gómez
1929 Awtoritratt – Iż-żmien itir
Ritratt ta' Virginia (tifla zgħira)
Żewġ nisa
Ix-xarabank
Ritratt ta' Lupe Marín
Ritratt ta' Isolda Pinedo Kahlo
1945 Awtoritratt b'xadina
Mosè
Bla tama
Il-maskra
Awtoritratt b'xadina żgħira
1930 Awtoritratt
Ritratt ta' mara libsa l-abjad
1946 Is-siġra tat-tama, kuraġġ
Veduta
Iċ-ċrief ferruti
1931 Ritratt ta' Eva Frederick
Frieda u Diego Rivera
Vetrina ta' ħanut fi triq f'Detroit
Ritratt du Dr Leo Eloesser
Ritratt ta' Luther Burbank
Ritratt ta' Mademoiselle Jean Wight
1947 Awtoritratt bix-xagħar maħlul
Ix-xemx u l-ħajja
1932 Awtoritratt fuq il-fruntiera bejn il-Messiku u l-iStati Uniti
L-iSptar Henry Forta, żejt fuq il-metal, 30 x 38ċm
Twelidi
1948 Awtoritratt
1933 Il-libsa tiegħi imdendla hawn
Awtoritratt bil-kullana
1949 Diego u jien
It-tgħannieqa tal-univers, tad-dinja, tal-Messiku, ta' Diego, tiegħi u ta' Señor Xolotl,
żejt fuq it-tila
1934 Awtoritratt bix-xagħar innukklat 1950 Ritratt tal-familja ta' Frida
1935 Ftit barxiet żgħar 1951 Natura mejta b'pappagall u bandiera
Ritratt ta' missieri
Natura mejta b'pappagall u frott
Lewża tal-kokko tibki
Lewża tal-kokko
Awtoritratt bir-ritratt ta' Dr Farill
1936 Nannieti, ommi u missieri u jien 1952 Natura mejta dedikata lil Samuel Fastlicht
Natura ħajja
1937 Ritratt ta' Diego Rivera
Jien u l-pupa tiegħi
Tifkira
Dimas mejjet
Awtoritratt dedikat lil Léon Trotsky
Fulang-Chang u jien
Ir-raddiegħa tiegħi u jien
1953 Frott tal-ħajja
1938 Awtoritratt mal-kelb Itzcuintli
Awtoritratt ma' żewġ għasafar, żejt fuq l-aluminju, 59 x 37ċm
Awtoritratt ma' xadina
Awtoritratt - Il-gwarniċ
Dak li jtini l-ilma, 38 x 30ċm
Tifla bil-maskra ta' mewt
Il-frott tal-art
Talbuhom l-ajruplani u tawhom ġwienaħ tat-tiben
Pitahayas
Meta jkolli lilek, hajja, kemm inħobbok[10]
Erba' abitanti tal-Messiku
Tifkira ta' ferita miftuħa
Is-suwiċidju ta' Dorothy Hale
1954 Awtoritratt ma' Stalin
Viva l-Ħajja, dullieh
Forn tal-brikek
Natura mejta bil-bandiera
Il-Marxiżmu jagħti s-saħħa lill-marid
Awtoritratt ma' ritratt ta' Diego fuq is-sider u ta' Maria bejn il-ħuġbejn
1939 Żewġ nudi fil-foresta (L-art infisha)[11]
Iż-żewġ Fridi
1940 Awtoritratt bil-kullar tax-xewk
Awtoritratt bix-xadina
Awtoritratt dedikat lil Dr Eloesser
Il-mejda feruta
Retablo
Il-ħolma (is-sodda)
Awtoritratt bix-xagħar imqaxxar
Awtoritratt dedikat lil Sigmund Firestone

Mixxellanji

immodifika
  • Il-karta ta' 500 pesos Messikani li ħarġet fit-30 ta' Awissu, 2010 fiha r-ritratt ta' Frida Kahlo u ta' Diego Rivera [12].
  • Frida : film bijografiku, ta' Julie Taymor fl- 2002, b'Salma Hayek fil-parti ta' Frida Kahlo u Alfred Molina fil-parti ta' Diego Rivera kien spirat mill-ktieb ta' Hayden Herrera[13].

Noti u Referenzi

immodifika
  1. ^ Joseph C. Tardiff u L. Mpho Mabunda (edituri), Dictionary of Hispanic Biography, Gale Group, New York 1996
  2. ^ a b Andrea Kettenmann, Kahlo 1907-1954 : Souffrance et passion, Taschen, Köln, 2008, p.7
  3. ^ "Die Ausstellung Frida Kahlo "Leid und Leidenschaft"". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-12-04. Miġbur 2011-06-07.
  4. ^ Din il-verżjoni, b'xi tiżjin tawha Diego, Frida u oħrajn f'bosta verżjonijiet differenti. Hayden Herrera, awtur ta' bijografija jikkwotaha wkoll, però qal: "Huwa kważi ċert li Frida u Diego ltaqgħu xi darba fil-għaxija għand Tina Modotti kif irrakkontat Frida fl-1954 lil Aurora Reyes" Bijografija, Le Livre de Poche, pp. 128-129
  5. ^ a b ċ d Le journal de Frida Kahlo, b'introduzzjoni ta' Carlos Fuentes, du Chêne, 1995
  6. ^ André Breton (1986 – 1966) kien kittieb, poeta, teoriku tas-surrealiżmu u saġġista Franċiż.
  7. ^ André Breton, Le Surréalisme et la peinture, Gallimard, 1965, ISBN 10: 2070100847 / 2-07-010084-7 ISBN 13: 9782070100842
  8. ^ Georgiana Colvile, Scandaleusement d'elles. Trente-quatre femmes surréalistes, Jean-Michel Place, Pariġi, 1999, p. 146
  9. ^ a b ċ J.M.G. Le Clézio, Diego et Frida, Pariġi, Stock, 1993 ISBN 2-234-02617-2, pp.168-169
  10. ^ X'aktarx falza
  11. ^ żejt fuq il-metall, 25,1 x 30,2 ċm, Gabriele Crepaldi "L-Arti moderna 1900-1945", Gründ, 2006 p. 285
  12. ^ La dépêche 31/08/2010
  13. ^ Herrera Hayden, Frida: A Biography of Frida Kahlo, Harper Perennial, 2002, ISBN-10: 0060085894, ISBN-13: 978-0060085896

Ħoloq esterni

immodifika