Fotografu
Fotografu (mill-Grieg φῶς (phos), li tfisser "dawl", u γραφή (graphê), li tfisser "tpinġija, kitba"; li flimkien ifissru "it-tpinġija bid-dawl")[1] huwa persuna li tieħu r-ritratti.
Dmirijiet u tipi ta’ fotografi
immodifikaBħal fil-kumplament tal-arti, id-definizzjonijiet ta’ dilettant u professjonista mhumiex kategoriċi għalkollox.
Fotografu dilettant jieħu r-ritratti għall-gost jew bħala delizzju biex jibqa’ jiftakar xi avvenimenti, postijiet jew ħbieb, bl-ebda intenzjoni li jbigħhom lil xi ħaddieħor.
Min-naħa l-oħra, fotografu professjonista x’aktarx li jieħu r-ritratti għal sessjoni bi ħlas jew jimponi xi miżata, jew inkella jdaħħal salarju jew xi introjtu permezz tal-wiri, il-bejgħ mill-ġdid jew l-użu ta’ dawk ir-ritratti.[2]
Fotografu professjonista jista’ jkun impjegat, pereżempju ta’ xi gazzetta, jew jitqabbad b’kuntratt biex ikopri avveniment ippjanat partikolari bħal tieġ jew ċerimonja tal-iggradwar, jew għar-reklamar. Oħrajn, bħall-fotografi tal-belle arti, jaħdmu freelance jew għal rashom. Dawn l-ewwel jieħdu ritratt u mbagħad joħorġulu liċenzja jew jagħmlu kopji stampati tiegħu għall-bejgħ jew għall-wiri. Xi ħaddiema, bħall-fotografi tax-xena tad-delitti, aġenti tal-proprjetà, ġurnalisti u xjenzati jieħdu r-ritratti bħala parti minn xogħolhom. Il-fotografi li jipproduċu immaġnijiet jiċċaqilqu minflok immaġnijiet wefin spiss jissejħu ċinematografi, vidjografi jew operaturi tal-kameras, skont xi jkun il-kuntest kummerċjali.
It-terminu professjonista jista’ jimplika wkoll tħejjija, pereżempju, permezz ta’ studju akkademiku jew apprendistat minn fotografu li jrid jikseb ħiliet fotografiċi. Professjonista spiss jinvesti fit-tkomplija tal-edukazzjoni permezz ta’ assoċjazzjonijiet. Filwaqt li ma hemm l-ebda rekwiżit obbligatorju ta’ reġistrazzjoni biex wieħed jikseb status ta’ fotografu professjonista, biex wieħed jopera negozju jeħtieġ liċenzja tan-negozju fil-biċċa l-kbira tal-bliet u tal-pajjiżi. B’mod simili, l-assigurazzjoni kummerċjali hija meħtieġa wkoll mill-biċċa l-kbira tal-postijiet jekk wieħed ikun irid ikopri xi avveniment pubbliku jew tieġ. Il-fotografi li joperaw negozju leġittimu jistgħu jipprovdu dawn l-affarijiet.
Il-fotografi jistgħu jiġu kkategorizzati abbażi tas-suġġetti tar-ritratti tagħhom.
Xi fotografi jesploraw suġġetti li jkunu tipiċi anke għall-pittura bħall-pajsaġġ, il-ħajja wieqfa u r-ritratti tal-bnedmin. Fotografi oħra jispeċjalizzaw f’suġġetti li jkunu uniċi għall-fotografija, bħall-fotografija tal-isport, tal-ġrajjiet kurrenti fit-toroq, tad-dokumentarji, tal-moda, tat-tiġijiet, tal-avjazzjoni, kummerċjali u tal-gwerra, kif ukoll il-ġurnaliżmu fotografiku. It-tip ta’ xogħol li jiġi kkummissjonat ikollu prezzijiet assoċjati mal-użu tal-immaġnijiet.
Bejgħ tar-ritratti
immodifikaId-dritt esklużiv tal-fotografi għall-ikkupjar u għall-użu tal-prodotti tagħhom huwa protett bid-drittijiet tal-awtur. Bosta industriji jixtru r-ritratti biex jużawhom fil-pubblikazzjonijiet u fuq il-prodotti. Ir-ritratti li naraw fuq il-faċċati tar-rivisti, fir-reklamar fuq it-televiżjoni, fuq xi kartolini jew fuq il-kalendarji, fuq is-siti web, jew fuq il-prodotti u l-imballaġġi tagħhom, ġeneralment ikunu nxtraw għal dak l-użu, jew direttament mingħand il-fotografu jew inkella permezz ta’ aġenzija li tirrappreżenta lill-fotografu. Fotografu juża kuntratt biex ibigħ il-“liċenzja” jew biex dak li jkun ikun jista’ juża r-ritratti b’kontrolli eżatti rigward kemm-il darba jistgħu jintużaw ir-ritratti, f’liema territorju se jintużaw (pereżempju fl-Istati Uniti jew fir-Renju Unit), u eżattament għal liema prodotti. Is-soltu din tissejjaħ miżata jew tariffa tal-użu u tintuża biex ikun hemm distinzjoni mal-miżata jew mat-tariffa tal-produzzjoni (il-ħlas għall-ħolqien jew għall-produzzjoni effettiva ta’ ritratt jew ta’ għadd ta’ ritratti). Kuntratt addizzjonali u royalty japplikaw għal kull użu addizzjonali tar-ritratt jew tar-ritratti.
Il-kuntratt jista’ jkun għal sena waħda biss jew għal tul ta’ żmien ieħor. Il-fotografu s-soltu jimponi royalty kif ukoll miżata jew tariffa ta’ darba, skont xi jkunu t-termini tal-kuntratt. Il-kuntratt jista’ jkun għall-użu mhux esklużiv tar-ritratti (li jfisser li l-fotografu jista’ jbigħ l-istess ritratt għal iktar minn użu wieħed matul l-istess sena) jew għall-użu esklużiv tar-rittratti (li jfisser li dak l-individwu jew dik il-kumpanija biss jistgħu jużaw ir-ritratti f’dak il-perjodu stipulat fil-kuntratt). Il-kuntratt jista’ jistipula wkoll li l-fotografu jkun intitolat jawditja lill-individwu jew lill-kumpanija biex jiġu ddeterminati l-ħlasijiet tar-royalties. Ir-royalties jistgħu jvarjaw skont it-tip ta’ industrija li tixtri r-ritratti u l-użu kkonċernat. Pereżempju, ir-royalties għal ritratt li jintuża fuq poster jew fir-reklamar fuq it-televiżjoni jistgħu jkunu ogħla minn dawk għall-użu fuq għadd limitat ta’ fuljetti. Spiss royalty tkun ibbażat ukoll fuq id-daqs u l-kwantità tal-użu tar-ritratt f’rivista jew fi ktieb, u r-ritratti tal-faċċata jew tal-qoxra s-soltu jkollhom royalties ferm ogħla mir-ritratti l-oħra fl-istess rivista jew ktieb.
Ir-ritratti meħuda minn fotografu meta jkun imqabbad jew assenjat fuq xogħol partikolari spiss ikunu jappartjenu lill-kumpanija jew lill-pubblikazzjoni kkonċernati, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fil-kuntratt. Il-fotografi professjonisti tat-tiġijiet pereżempju spiss jistipulaw fil-kuntratt li jibqa’ jkollhom id-drittijiet tal-awtur fuq ir-ritratti li jieħdu, biex b’hekk ikunu jistgħu jbigħu iktar ritratti stampati lill-klijent, u mhux il-klijent jirriproduċi r-ritratti b’xi mezz ieħor hu stess. Jekk il-klijent ikun irid jagħmel hekk, is-soltu dan jiġi diskuss biex jitfassal kuntratt alternattiv mal-fotografu bil-quddiem, qabel jittieħdu r-ritratti, u ġeneralment il-fotografu jitlob miżata jew tariffa ogħla bil-quddiem biex iċedi d-drittijiet tal-awtur lill-klijent.
Hemm kumpaniji kbar li jżommu katalgi ta’ ħażniet ta’ ritratti u ta’ immaġnijiet għal deċennji sħaħ, fosthom Getty Images u oħrajn. Mill-bidu tas-seklu 21, bosta katalgi ta’ ħażniet online ta’ ritratti u ta’ immaġnijiet feġġew li jistiednu lill-fotografi jbigħu r-ritratti tagħhom online faċilment u malajr, iżda spiss għal ftit flus, mingħajr royalty, u mingħajr kontroll fuq l-użu tar-ritratti, is-suq li fih se jintużaw, il-prodotti li se jintużaw fuqhom, it-tul ta’ żmien għal kemm se jintużaw, eċċ.
Il-fotografi kummerċjali jistgħu jippromwovu wkoll ix-xogħol tagħhom għar-reklamar jew lix-xerrejja tal-arti editorjali permezz tal-istampar jew permezz ta’ mezzi online tal-kummerċjalizzazzjoni.
Kondiviżjoni tar-ritratti
immodifikaBosta nies itellgħu r-ritratti tagħhom fuq siti web tan-networking soċjali u fuq siti web oħra, sabiex jikkondividuhom ma’ grupp partikolari jew mal-pubbliku ġenerali. Dawk li jkunu interessati fil-preċiżjoni legali jistgħu jirrilaxxawhom espliċitament fid-dominju pubbliku jew taħt liċenzja ta’ kontenut b’xejn.[3] Xi siti, inkluż Wikimedia Commons, jimxu bil-pinna u bil-klamar fir-rigward tal-liċenzji u jaċċettaw biss stampi jew ritratti b’informazzjoni ċara dwar l-użu permess.
Referenzi
immodifika- ^ "photography | Search Online Etymology Dictionary". www.etymonline.com. Miġbur 2021-07-15.
- ^ Scott, Grant (22 May 2015). The Essential Student Guide to Professional Photography. CRC Press. p. 37. ISBN 9781317618140.
- ^ Mooney, Carla (12 June 2009). Online Social Networking. Greenhaven Publishing LLC. p. 21. ISBN 9781420501933.