Dubrovnik

belt fil-Kontea ta’ Dubrovnik-Neretva, il-Kroazja

Dubrovnik (ippronunzjata bil-Kroat: [dǔbroːʋniːk][1]; magħrufa storikament bħala Ragusa) hija belt fil-Baħar Adrijatiku fin-Nofsinhar tal-Kroazja. Hija waħda mill-iktar destinazzjonijiet turistiċi prominenti fil-Baħar Mediterran, port marittimu u ċ-ċentru tal-Kontea ta’ Dubrovnik-Neretva. Skont iċ-ċensiment tal-2011, Dubrovnik għandha popolazzjoni ta’ 41,562 ruħ.[2] Fl-1979, il-belt antika ta’ Dubrovnik tniżżlet fil-lista ta’ Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]

Dubrovnik
 Kroazja
Amministrazzjoni
Stat sovranKroazja
County of CroatiaDubrovnik-Neretva (mul) Translate
Kap tal-Gvern Andro Vlahušić (en) Translate
Isem uffiċjali Dubrovnik
Ismijiet oriġinali Dubrovnik
Kodiċi postali 20000
Ġeografija
Koordinati 42°38′25″N 18°06′30″E / 42.6403°N 18.1083°E / 42.6403; 18.1083Koordinati: 42°38′25″N 18°06′30″E / 42.6403°N 18.1083°E / 42.6403; 18.1083
Dubrovnik is located in Croatia
Dubrovnik
Dubrovnik
Dubrovnik (Croatia)
Superfiċjenti 142.6 kilometru kwadru, 12.1 kilometru kwadru
Għoli 10 m
Demografija
Popolazzjoni 41,562 abitanti (31 Awwissu 2021)
Informazzjoni oħra
Fondazzjoni 7 century
Kodiċi tat-telefon 020
bliet ġemellati Ravenna, Bad Homburg vor der Höhe (en) Translate, Vukovar (en) Translate, Graz, Helsingborg Municipality (en) Translate, Ragusa, Sarajevo, Boller (en) Translate, Rueil-Malmaison (en) Translate, Hakkâri (en) Translate, Trani (en) Translate, Venezja, Cerro de Pasco (en) Translate, Punta del Este (en) Translate, Montereyu Haikou (en) Translate
dubrovnik.hr

L-istorja tal-belt x’aktarx li tmur lura għas-seklu 7, meta r-raħal magħruf bħala Ragusa ġie stabbilit mir-refuġjati minn Epidaurum (Ragusa Vecchia). Ir-raħal kellu l-protezzjoni tal-Imperu Biżantin u iktar ’il quddiem kien jaqa’ taħt is-sovranità tar-Repubblika ta’ Venezja. Bejn is-seklu 14 u s-seklu 19, Dubrovnik kienet tmexxi lilha nnifisha bħala stat ħieles. Il-prosperità tal-belt kienet storikament ibbażata fuq il-kummerċ marittimu. Bħala l-belt kapitali tar-Repubblika marittima ta’ Ragusa, kisbet livell għoli ta’ żvilupp, b’mod partikolari matul is-sekli 15 u 16, peress li saret magħrufa għall-ġid u għall-ħila tad-diplomazija. Fl-istess żmien, Dubrovnik saret in-nieqa tal-letteratura Kroata.

Il-belt kollha kważi nqerdet għalkollox fl-1667 meta ġiet mheżża minn terremot devastanti. Matul il-Gwerer ta’ Napuljun, Dubrovnik ġiet okkupata mill-forzi tal-Imperu Franċiż, u mbagħad ir-Repubblika ta’ Ragusa ġiet abolita u inkorporata fir-Renju Napuljoniku tal-Italja u iktar ’il quddiem fil-Provinċji Ilarjani. Fil-bidu tas-seklu 19 sa nofs is-seklu 20, Dubrovnik kienet parti mir-Renju tad-Dalmazja fi ħdan l-Imperu Awstrijaku, u iktar tard saret parti mill-Banovina ta’ Zeta, li mbagħad saret parti mill-Banovina tal-Kroazja fir-Renju tal-Jugoslavja u Repubblika Soċjalista tal-Kroazja fir-Repubblika Federali Soċjalista tal-Jugoslavja.

Fl-1991, matul il-Gwerra Kroata għall-Indipendenza, Dubrovnik ġiet assedjata mill-Armata tal-Poplu Jugoslav għal seba’ xhur u ġarrbet ħsarat sinifikanti mill-użu tal-armi tan-nar. Wara perjodu ta’ tiswija u ta’ restawr fis-snin 90 tas-seklu 20 u fl-ewwel deċennju tas-seklu 21, Dubrovnik saret waħda mill-iktar destinazzjonijiet turistiċi popolari fil-Mediterran, kif ukoll post popolari fejn jinġibdu l-films.

 
Veduta tal-fortifikazzjonijiet tal-belt

L-ismijiet Dubrovnik u Ragusa baqgħu jintużaw it-tnejn li huma għal diversi sekli. Ragusa, kif imsemmi b’ħafna modi differenti fid-dokumenti mill-inqas mis-seklu 10, baqa’ l-isem uffiċjali tar-Repubblika ta’ Ragusa sal-1808, u tal-belt fi ħdan ir-Renju tad-Dalmazja sal-1918, filwaqt li Dubrovnik, kif imsemmi fid-dokumenti għall-ewwel darba fl-aħħar tas-seklu 12, kien l-isem li kien jintuża l-iktar lejn l-aħħar tas-seklu 16 u l-bidu tas-seklu 17.[4]

L-isem Dubrovnik b’referenza għall-belt Adrijatika ġie ddokumentat għall-ewwel darba fil-Karta ta’ Ban Kulin fl-1189.[5] Jiġi spjegat l-iktar li oriġina minn dubron, terminu Ċeltiku li jfisser “ilma” (bil-Galliku dubron, bl-Irlandiż dobar, bil-Welsh dŵr, dwfr, bil-Cornish dofer), bħal toponimi oħra fl-Ewropa fosthom Douvres, Dover, u Tauber[6]; jew inkella li oriġina minn terminu Proto-Slaviku dǫbъ li tfisser “ballut”. It-terminu dubrovnik ifisser “injam tal-ballut”, ladarba fil-lingwi Slavi kollha t-terminu dub jew dàb, ifisser “ballut” u t-terminu dubrava jew dąbrowa jfisser “injam tal-ballut”.

L-isem storiku Ragusa huwa ddokumentat bil-forma Griega Ῥαούσιν (Rhaousin, bil-Latin: Ragusium) fis-seklu 10. Ġie ddokumentat b’diversi forom fil-Medju Evu, pereżempju Rausia, Lavusa, Labusa, Raugia, Rachusa. Saru bosta tentattivi biex wieħed jasal għall-etimoloġija tal-isem. Fost it-teoriji hemm li joriġina mill-Grieg ῥάξ, ῥαγός jiġifieri “għenba”; mill-Grieg ῥώξ, ῥωγός jiġifieri “passaġġ dejjaq”; mill-Grieg ῥωγάς “(blat) aħrax”; u mill-Grieg ῥαγή (ῥαγάς) jiġifieri “xaqq”; kif ukoll minn isem it-tribù Epirota tar-Rhogoi, minn substrat Ilarjan mhux identifikat. Barra minn hekk, ġiet proposta rabta wkoll mal-isem ta’ Ragusa ta’ Sqallija. Putanec (1993) jagħmel rieżami etimoloġika, u jsostni l-ispjegazzjoni li l-isem huwa pre-Grieg (“Pelasġjan”), minn għerq simili għat-terminu Grieg ῥαγή jiġifieri “xaqq”, bis-suffiss -ussa kif hemm fl-isem Grieg ta’ Brač, Elaphousa.[7]

 
It-triq ewlenija ta’ Dubrovnik magħruf bħala Stradun

L-ispjegazzjoni klassika tal-isem saret fis-seklu 10 fid-De Administrando Imperio ta’ Kostantinu VII. Skont dan ir-rakkont, Ragusa (Ῥαούσιν) ġiet stabbilita mir-refuġjati minn Epidaurum (Ragusa Vecchia), belt Griega li tinsab xi 15-il kilometru fin-Nofsinhar ta’ Ragusa, wara li dik il-belt inqerdet mill-inkursjonijiet Slavi tas-seklu 7. L-isem jiġi spjegat bħala korruzzjoni ta’ Lausa, isem il-gżira bil-blat li fuqha nbniet il-belt (li Kostantinu VII jikkollega mat-terminu Grieg λᾶας “blat”).

Oriġini

immodifika
 
Il-port u ċ-ċentru storiku ta’ Dubrovnik mill-ajru

Skont id-De Administrando Imperio ta’ Kostantinu VII (c. 950), Ragusa (minn Lausa, “gżira bil-blat”) ġiet stabbilita fis-seklu 7 mir-refuġjati minn Epidaurum (Ragusa Vecchia), belt Rumana li kienet tinsab xi 15-il kilometru fin-Nofsinhar, wara li din tal-aħħar inqerdet mill-inkursjonijiet Slavi.[8]

Minn skavi li saru fl-2007, ġiet żvelata bażilika Biżantina mis-seklu 8 u partijiet mill-ħitan tal-belt. Id-daqs tal-bażilika l-antika jindika b’mod ċar li kien hemm insedjament pjuttost kbir dak iż-żmien. Hemm evidenza wkoll tal-preżenza ta’ insedjament fi żmien qabel il-Kristjani.[4]

Antun Ničetić, fil-ktieb tiegħu Povijest dubrovačke luke (L-Istorja tal-Port ta’ Dubrovnik) fl-1996, jisħaq fuq it-teorija li Dubrovnik ġiet stabbilita minn baħrin Griegi, bħala stazzjon f’nofs triq bejn iż-żewġ insedjamenti Griegi kbar ta’ Budva u Korčula, 176 km ’il bogħod minn xulxin.[4]

Repubblika ta’ Ragusa

immodifika
 
Il-fortizzi ta’ Lovrijenac u ta’ Bokar f’Dubrovnik

Wara l-waqgħa tar-Renju Ostrogotiku, il-belt spiċċat taħt il-protezzjoni tal-Imperu Biżantin. F’dawk is-sekli Medjevali Dubrovnik kellha popolazzjon Rumana.[9] Fis-sekli 12 u 13, Dubrovnik saret tassew repubblika oligarkika, u gawdiet ferm peress li saret ċentru kummerċjali għall-istat Serbjan prosperuż emerġenti, speċjalment wara l-iffirmar ta’ trattat ma’ Stefan Nemanjić.[10] Wara l-Kruċjati, Dubrovnik ġiet taħt is-sovranità ta’ Venezja (1205-1358), li stabbiliet l-istituzzjonijiet tagħha fil-belt. Fl-1240, Ragusa xtrat il-gżira ta’ Lastovo mingħand Stefan Uroš I, ir-re tas-Serbja, li kellu l-jeddijiet fuq il-gżira bħala mexxej ta’ partijiet minn Hum.[11] Wara li l-biċċa l-kbira tal-belt inqerdet f’lejlet is-16 ta’ Awwissu 1296 minħabba li nħakmet min-nirien, ġiet żviluppata pjanta urban ġdida għall-belt.[12][13][14] Permezz tat-Trattat ta’ Paċi ta’ Zadar fl-1358, Dubrovnik kisbet indipendenza relattiva bħala stat-vassall tar-Renju tal-Ungerija. Ragusa esperjenzat espansjoni ulterjuri meta fl-1333 l-imperatur Serbjan Stefan Dušan bigħ lil Pelješac u lil Ston biex ikollu flus kontanti u introjtu annwali.[15] Dan seħħ fil-mument meta Ragusa kellha rabta sfiqa mal-bqija tal-Ewropa, speċjalment l-Italja, u gawdiet minn perjodu ta’ Rinaxximent tal-Punent.[16]

Bejn is-seklu 14 u l-1808, Dubrovnik mexxiet lilha nnifisha bħala stat ħieles, għalkemm mill-1382 sal-1804 kienet tributarja tal-Imperu Ottoman u kienet tħallas miżata annwali lis-sultan. Ir-Repubblika laħqet il-quċċata tagħha fis-sekli 15 u 16, meta t-talassokrazija tagħha kienet tħaqqaqha ma’ dik tar-Repubblika ta’ Venezja u ta’ repubbliki marittimi Taljani oħra.[17]

 
Il-funtana l-kbira ta’ Onofrio f’Dubrovnik

Għal sekli sħaħ, Dubrovnik kienet alleat ta’ Ancona, repubblika marittima Adrijatika oħra li kienet rivali ta’ Venezja, li min-naħa tagħha kienet ir-rivali prinċipali tal-Imperu Ottoman għall-kontroll tal-Adrijatiku. Bis-saħħa ta’ din l-alleanza, iż-żewġ bliet fuq in-naħat opposti tal-Adrijatiku setgħu jirreżistu t-tentattivi mill-Venezjani biex l-Adrijatiku jsir “Bajja Venezjana”, bil-kontroll dirett jew indirett ukoll tal-portijiet kollha tal-Adrijatiku. Ancona u Dubrovnik żviluppaw rotta kummerċjali alternattiva għal dik Venezjana, jiġifieri minflok Venezja-Awstrija-Ġermanja, ir-rotta kienet tibda Dubrovnik u tgħaddi minn Firenze u Ancona u tintemm fil-Fjandri.

Ir-Repubblika ta’ Ragusa rċeviet l-Istatuti tagħha diġà mill-1272, li fost affarijiet oħra, kienu jikkodifikaw il-prattiki Rumani u d-drawwiet lokali. L-Istatuti kienu jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-ippjanar tal-belt u r-regolamentazzjoni tal-kwarantina (għal raġunijiet sanitarji).[18]

Ir-Repubblika kienet minn ta’ quddiem biex tadotta liġijiet u istituzzjonijiet li issa jitqiesu bħala moderni. Fl-1301 ġie introdott servizz mediku, filwaqt li fl-1317 infetħet l-ewwel spiżerija li għadha topera sa llum. Fl-1347 infetaħ l-ewwel ospizju, filwaqt li fl-1377 ġie stabbilit l-ewwel sptar ta’ kwarantina (lazzarett). Il-kummerċ tal-ilsiera ġie abolit fl-1418, u fl-1432 infetaħ orfanotrofju. Fl-1438 inbniet sistema tal-provvista tal-ilma ta’ 20 km, minflok ċisterna, mill-arkitett u inġinier Naplitan Onofrio della Cava. Huwa ħa ħsieb ukoll il-kostruzzjoni ta’ akwedott u żewġ funtani pubbliċi. Barra minn hekk, bena wkoll għadd ta’ mtieħen maġenb is-sistema.

 
Dubrovnik qabel it-terremot tal-1667

Il-belt kienet immexxija mill-aristokrazija Latina-Dalmazjana lokali li kienet iffurmat żewġ kunsilli tal-belt. Bħalma kien jiġri dak iż-żmien, kienet tinżamm sistema stretta ta’ klassijiet soċjali. Ir-Repubblika aboliet il-kummerċ tal-ilsiera fil-bidu tas-seklu 15 u kienet tgħożż il-ferm il-libertà. Il-belt irnexxielha tibbilanċja s-sovranità tagħha bejn l-interessi ta’ Venezja u tal-Imperu Ottoman għal sekli sħaħ.

Oriġinarjament fid-dokumenti uffiċjali tar-Repubblika kien jintuża l-Latin, u mbagħad fil-bidu tas-seklu 15 beda jintuża t-Taljan.[19] Fost il-lingwi mitkellma kien hemm ukoll varjant tal-lingwa tad-Dalmazji, influwenzat mill-Kroat u mit-Taljan. Il-preżenza tal-Kroat fil-lingwaġġ mitkellem ta’ kuljum żdied fl-aħħar tas-seklu 13, u fix-xogħlijiet letterarji f’nofs is-seklu 15. Fid-deċennji ta’ wara, Dubrovnik saret in-nieqa tal-letteratura Kroata.[20]

Il-ġid ekonomiku tar-Repubblika kien parzjalment frott l-iżvilupp tal-art, iżda speċjalment frott il-kummerċ marittimu. Bl-għajnuna tal-ħila tad-diplomazija, il-merkanti ta’ Dubrovnik kienu jivvjaġġaw liberament u l-belt kellha flotta enormi ta’ bastimenti merkantili li kienu jbaħħru mad-dinja kollha. Minn dawn il-vjaġġi, stabbilew xi insedjamenti, mill-Indja għall-Amerka, u ġabu magħhom partijiet mill-kultura u mill-flora tagħhom magħhom. Wieħed mill-imfietaħ tas-suċċess tal-belt kien li minflok taħkem, iktar kien jinteressaha l-kummerċ u t-tbaħħir bil-bandiera bajda bil-kelma bil-Latin Libertas (libertà) fuqha. Il-bandiera ġiet adottata meta l-kummerċ tal-ilsiera ġie abolit fl-1418.

 
Territorju tar-Repubblika qabel l-1808

Ħafna Conversos, jiġifieri Lhud minn Spanja u mill-Portugall, kienu attirati lejn il-belt. F’Mejju 1544, żbarka bastiment mimli esklużivament b’refuġjati Portugiżi, skont ma rrapporta Balthasar de Faria lir-Re Ġwanni. Dak iż-żmien, fil-belt kien jaħdem Ivan Rabljanin (Magister Johannes Baptista Arbensis de la Tolle), wieħed mill-iktar ħaddiema famużi li kien iwettaq ix-xogħol tal-fonderija għall-produzzjoni tal-kanuni u tal-qniepen. Diġà fl-1571, Dubrovnik bigħet il-protettorat tagħha fil-konfront ta’ xi insedjamenti Kristjani f’partijiet oħra tal-Imperu Ottoman lil Franza u lil Venezja. Dak iż-żmien kien hemm ukoll kolonja ta’ Dubrovnik f’Fes, il-Marokk. L-isqof ta’ Dubrovnik fl-1571 kien Kardinal protettur. Apparti f’Dubrovnik, 16-il pajjiż ieħor biss kellhom Kardinali protetturi: Franza, Spanja, l-Awstrija, il-Portugall, il-Polonja, l-Ingilterra, l-Iskozja, l-Irlanda, Napli, Sqallija, Sardenja, Savoia, Lucca, il-Greċja, Illarja, l-Armenja u l-Libanu. Gradwalment, ir-Repubblika bdiet sejra lura minħabba kombinament tal-kriżi tat-tbaħħir fil-Mediterran u t-terremot katastrofiku tal-1667 li qatel iktar minn 5,000 ċittadin, ġarraf il-biċċa l-kbira tal-binjiet pubbliċi, u konsegwentement affettwa negattivament il-benessri tar-Repubblika.[21] Fl-1699, ir-Repubblika kellha tbigħ żewġ irqajja’ ewlenin tat-territorju tagħha lill-Ottomani sabiex tevita li tinqabad fit-taqbida mal-forzi Venezjani li kienu qed javvanzaw. Illum din l-istrixxa art tagħmel parti mill-Bożnija-Ħerzegovina u hija l-uniku aċċess dirett għall-Adrijatiku ta’ dak il-pajjiż. Punt ieħor importanti tad-diplomazija ta’ Dubrovnik kien l-involviment fir-Rivoluzzjoni Amerikana.[22]

Fis-27 ta’ Mejju 1806, il-forzi tal-Imperu Franċiż okkupaw ir-Repubblika newtrali ta’ Ragusa. Malli daħal fit-territorju ta’ Ragusa mingħajr permess u kif wasal qrib il-kapitali, il-Ġeneral Franċiż Jacques Lauriston talab biex it-truppi tiegħu jingħataw l-ikel u x-xorb fil-belt qabel ma komplew javvanzaw fil-Bajja ta’ Kotor. Madankollu, dan kien qerq għaliex malli daħlu fil-belt, okkupawha f’isem Napuljun.[23] Ftit wara l-bidu tal-okkupazzjoni Franċiża, it-truppi Russi u Montenegrini daħlu fit-territorju ta’ Ragusa u bdew jiġġieldu kontra l-armata Franċiża, filwaqt li ssekwestraw u serqu kulma setgħu. Wara ftit dan wassal għall-assedju tal-belt okkupata, fejn Ragusa ġiet ibbumbardjament bi 3,000 balla tal-kanuni.[24] Fl-1808, Marshal Marmont ħareġ proklamazzjoni li aboliet ir-Repubblika ta’ Ragusa u li amalgamat it-territorju tagħha mar-Renju Napuljoniku tal-Italja tal-Imperu Franċiż. Barra minn hekk, Marmont kiseb it-titlu ġdid ta’ “Duka ta’ Ragusa” (Duc de Raguse) u fl-1810, Ragusa flimkien ma’ Istria u d-Dalmazja, saru parti mill-Provinċji Ilarjani Franċiżi l-ġodda.

 
Dubrovnik fil-bidu tas-seklu 20

Wara seba’ snin ta’ okkupazzjoni Franċiża, imħeġġeġ mill-ħarba tas-suldati Franċiżi wara l-invażjoni tar-Russja li falliet u d-dħul mill-ġdid tal-Awstrija fil-gwerra, il-klassijiet soċjali kollha tal-poplu ta’ Ragusa qamet f’insurrezzjoni ġenerali, immexxija mill-patrizji, kontra l-invażuri Napuljoniċi.[25] Fit-18 ta’ Ġunju 1813, flimkiem mal-forzi Brittaniċi obbligaw lill-gwarniġjon Franċiż tal-gżira ta’ Šipan jarrendi, u ftit wara lill-belt iffortifikata ta’ Ston u lill-gżira ta’ Lopud ukoll. Imbagħad, l-insurrezzjoni nfirxet fl-art kontinentali kollha tal-pajjiż, l-ewwel nett minn Konavle.[26] Il-pass li jmiss kien l-assedju kontra l-belt okkupata, bl-għajnuna tan-Navata Rjali Brittanika, li kienet tgawdi dominanza bla oppożizzjoni fil-Baħar Adrijatiku, taħt il-kmand tal-Kaptan William Hoste, bil-bastimenti tiegħu HMS Bacchante u HMS Saracen. Ftit wara, il-popolazzjoni fil-belt issieħbet fl-insurrezzjoni.[27] L-Imperu Awstrijaku bagħat forza taħt il-Ġeneral Todor Milutinović biex joffri l-għajnuna lill-alleati ta’ Ragusa.[28] Madankollu, kif imbagħad ħareġ fid-dieher, l-intenzjoni tagħhom kienet fil-fatt li jissostitwixxu l-okkupazzjoni Franċiża ta’ Ragusa b’tagħhom. Wara li kkonfoffaw ma’ wieħed mill-gvernaturi temporanji tar-Repubblika, Biagio Bernardo Caboga, b’wegħdiet ta’ poter u influwenza (li qatt ma nżammu u Caboga miet bit-tikketta ta’ traditur), irnexxielhom jikkonvinċuh iżomm il-bieb tal-belt fil-Lvant magħluq għall-forzi ta’ Ragusa u jħalli lill-forzi Awstrijaki jidħlu fil-belt mill-Punent, ladarba l-gwarniġjon Franċiż ta’ 500 ruħ taħt il-Ġeneral Joseph de Montrichard ikun arrenda.[29]

Wara dan l-avveniment, il-bandiera ta’ San Blasju ttajret flimkien mal-kuluri tal-Awstrija u tar-Renju Unit, iżda għal jumejn biss, għax fit-30 ta’ Jannar, il-Ġeneral Milutinović ordna lis-Sindku Sabo Giorgi jniżżilha. Mimli b’sens kbir ta’ kburija patrijotta, Giorgi, l-aħħar Rettur tar-Repubblika, irrifjuta li jagħmel dan “għaliex il-mases kienu olzawha”. Avvenimenti sussegwenti wrew lil l-Awstrija ħadet kull opportunità possibbli biex tinvadi l-kosta kollha tal-Lvant tal-Adrijatiku, minn Venezja sa Kotor. L-Awstrijaki għamlu l-almu tagħhom biex jeliminaw il-kwistjoni ta’ Ragusa fil-Kungress ta’ Vjenna. Ir-rappreżentant ta’ Ragusa Miho Bona, elett fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill Maġġuri, ma tħalliex jieħu sehem fil-Kungress, filwaqt li Milutinović, qabel il-ftehim finali tal-alleati, ħa f’idejh il-kontroll totali tal-belt.[30]

Minkejja l-fatt li l-gvern tar-Repubblika ta’ Ragusa qatt ma ffirma xi kapitulazzjoni u lanqas ċeda s-sovranità tiegħu, li skont ir-regoli ta’ Klemens von Metternich li l-Awstrija adottat għall-Kungress ta’ Vjenna suppost kienu jfissru li r-Repubblika kellha terġa’ tiġi stabbilita, l-Imperu Awstrijaku rnexxielu jikkonvinċi lill-alleati l-oħra biex iħalluh iżomm it-territorju tar-Repubblika.[31] Filwaqt li bosta bliet iżgħar u inqas sinifikanti u eks pajjiżi ngħataw il-possibbiltà ta’ udjenza, dak id-dritt ġie rrifjutat lir-rappreżentant tar-Repubblika ta’ Ragusa.[32] Dan kollu kien ikasbar għalkollox it-trattati solenni li ffirmaw l-Imperaturi Awstrijaki mar-Repubblika: l-ewwel fl-20 ta’ Awwissu 1684, fejn Leopoldu I iwiegħed u jiggarantixxi libertà invjolabbli (inviolatam libertatem) lir-Repubblika, u t-tieni fl-1772, fejn l-Imperatriċi Maria Theresa twiegħed il-protezzjoni u r-rispett tal-invjolabbiltà tal-libertà u tat-territorju tar-Repubblika.[33]

 
Il-bandiera tal-Libertas ta’ Dubrovnik

Il-lingwa uffiċjali sal-1472 kienet il-Latin. Bħala konsegwenza taż-żieda fil-migrazzjoni tal-popolazzjoni Slava mill-artijiet fuq ġewwa tad-Dalmazja, il-lingwa mitkellma mill-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni kienet il-Kroat, tipikament imsemmija fid-dokumenti storiċi ta’ Dubrovnik sempliċement bħala “Slav”. Sabiex jopponu l-bidla demografika minħabba ż-żieda fl-immigrazzjoni Slava mill-Balkani, il-popolazzjoni Rumanza nattiva ta’ Ragusa, li kienet tirrappreżenta l-gvern oligarkiku tar-Repubblika, ippruvat tipprojbixxi l-użu tal-lingwi Slavi fil-kunsilli uffiċjali.[34] L-arkeologi skoprew ukoll tavli Glagolitiċi Medjevali ħdejn Dubrovnik, fosthom l-inċiżjoni ta’ Župa Dubrovačka, li jindikaw li l-kitba Glagolitika x’aktarx li kienet tintuża wkoll fil-belt.

Il-lingwa Taljana mitkellma fir-Repubblika kienet influwenzata ferm mid-djalett Venezjan u mid-djalett Toskan. It-Taljan kien jiġi mitkellem mill-merkanti ta’ klassi għolja li kienu jitkellmu wkoll bid-Dalmazjan, b’riżultat tal-influwenza tal-Venezjan li saħħet l-element Latin oriġinali tal-popolazzjoni.[35][36]

Tmexxija tal-Awstrijaki

immodifika
 
L-iżvelar tal-monument ta’ Gundulić fl-1893

Meta l-Imperu tal-Asburgi wettaq l-annessjoni ta’ dawn il-provinċji wara l-Kungress ta’ Vjenna tal-1815, l-awtoritajiet il-ġodda implimentaw amministrazzjoni burokratika, stabbilew ir-Renju tad-Dalmazja, li kellu l-Parlament (Sabor) tiegħu stess (l-eqdem istituzzjoni politika fil-Kroazja bbażata fil-belt ta’ Zadar) u stabbilew il-partiti politiċi bħall-Partit Awtonomista u l-Partit Popolari. Huma introduċew sensiela ta’ modifiki bil-ħsieb li gradwalment jiċċentralizzaw l-istruttura burokratika, tat-taxxa, reliġjuża, edukattiva u kummerjali. Dan qatt ma twettaq, minkejja l-intenzjoni tagħhom li jixprunaw l-ekonomija. Wara li r-reġjun irpilja mill-ħsarat personali, politiċi u ekonomiċi tal-Gwerer Napuljoniċi, bdew jiffurmaw movimenti ġodda, li bdew isejħu għal riorganizzazzjoni politika tal-Adrijatiku skont linji nazzjonali.

Il-kombinament ta’ dawn iż-żewġ forzi—sistema amministrattiva difettuża tal-Asburgi u moviment nazzjonali ġdid li beda jsostni li l-etniċità hija l-pedament ta’ komunità—wasslet għal għadma partikolarment iebsa: id-Dalmazja kienet provinċja mmexxija mill-monorkija Asburga li kienet titkellem bil-Ġermaniż, b’elit bilingwi (Serbo-Kroat u Taljan) li kien jiddomina l-popolazzjoni ġenerali magħmula minn maġġoranza Kattolika Slava, kif ukoll minoranza Ortodossa Slava. Biex tkompli tgħaxxaq, l-enfasi dejjem tiżdied fuq l-identifikazzjoni etnika fis-seklu 19 ma kinitx riflessa fit-twemmin reliġjuż, kif jidher ċar fil-moviment Serb-Kattoliku f’Dubrovnik.

Fl-1815, il-gvern preċedenti ta’ Dubrovnik (l-assemblea notevoli) iltaqa’ għall-aħħar darba f’Ljetnikovac f’Mokošica. Għal darb’oħra, ittieħdu miżuri estremi biex terġa’ tiġi stabbilita r-Repubblika, iżda kien kollu għalxejn. Wara l-waqgħa tar-Repubblika, il-biċċa l-kbira tal-aristokrazija ġiet rikonoxxuta mill-Imperu Awstrijak.

Fl-1832, il-Baruni Šišmundo Getaldić-Gundulić (magħruf ukoll bħala Sigismondo Ghetaldi-Gondola; 1795-1860) ġie elett bħala s-Sindku ta’ Dubrovnik, u qeda dan ir-rwol għal 13-il sena. Il-gvern Awstrijak tah it-titlu ta’ “Baruni”.

 
It-triq ewlenija ta’ Dubrovnik, Stradun, fl-1910

Il-Konti Rafael Pucić (magħruf ukoll bħala Raffaele Pozza; 1828-1890) ġie elett għall-ewwel darba bħala l-Podestà (qisu sindku) ta’ Dubrovnik fl-1869 u mbagħad reġa’ ġie elett fl-1872, fl-1875, fl-1882 u fl-1884. Barra minn hekk, ġie elett darbtejn fil-Kunsill tad-Dalmazja fl-1870 u fl-1876. Ir-rebħa tan-Nazzjonalisti fi Split fl-1882 affettwat ferm iż-żoni ta’ Korčula u ta’ Dubrovnik. Din intlaqgħet tajjeb mill-Podestà ta’ Dubrovnik Rafael Pucić, mill-Klabb Nazzjonali tal-Qari ta’ Dubrovnik, l-Assoċjazzjoni tal-Ħaddiema ta’ Dubrovnik, mir-rivista Slovinac, u mill-komunitajiet ta’ Kuna u Orebić, fejn din tal-aħħar kienet kisbet gvern nazzjonalista saħansitra qabel Split.

Fl-1889, l-għaqda tal-Kattoliċi-Serbi appoġġat lill-Baruni Francesco Ghetaldi-Gondola, il-kandidat tal-Partit Awtonomista, kontra l-kandidat tal-Partit Popolari Vlaho de Giulli, fl-elezzjon tal-1890 tal-Parlament tad-Dalmazja.[37] Is-sena ta’ wara, matul l-elezzjoni tal-gvern lokali, il-Partit Awtonomista rebaħ l-elezzjoni muniċipali mill-ġdid b’Francesco Ghetaldi-Gondola, li miet fil-poter fl-1899. L-alleanza rebħet l-elezzjoni mill-ġdid fis-27 ta’ Mejju 1894. Frano Getaldić-Gundulić waqqaf is-Società Philately (l-Għaqda tal-Filatelija) fl-4 ta’ Diċembru 1890.

Fl-1905 ġie stabbilit il-Kumitat għat-twettiq tas-servizz tat-tramm elettriku, immexxi minn Luko Bunić – li kien wieħed mill-iktar persuni li ħadem qatigħ għat-twettiq ta’ dan il-proġett. Membri oħra tal-Kumitat kienu Ivo Papi, Miho Papi, Artur Saraka, Mato Šarić, Antun Pugliesi, Mato Gracić, Ivo Degiulli, Ernest Katić u Antun Milić. Is-servizz tat-tramm f’Dubrovnik kien jeżisti mill-1910 sal-1970.

Pero Čingrija (1837-1921), wieħed mill-mexxejja tal-Partit Popolari fid-Dalmazja, kellu rwol ewlieni fil-fużjoni tal-Partit Popolari u l-Partit tal-Lemin f’Partit Kroat wieħed fl-1905.

Perjodu Jugoslav (1918-1991)

immodifika
 
Mappa ta’ Dubrovnik fis-snin 30 tas-seklu 20

Bil-waqgħa tal-Imperu Awstrijak-Ungeriż fl-1918, il-belt ġiet inkorporata fir-Renju l-ġdid tas-Serbi, tal-Kroati u tas-Sloveni (li iktar ’il quddiem sar ir-Renju tal-Jugoslavja). Dubrovnik saret waħda mit-33 oblast tar-Renju. Meta fl-1929 il-Jugoslavja ġiet diviża f’disa’ Banovini, il-belt saret parti miz-Zeta Banovina. Fl-1939 Dubrovnik saret parti mill-Banovina ġdid tal-Kroazja.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, Dubrovnik saret parti mill-Istat Indipendenti tal-Kroazja li kien pupazz tan-Nażisti, li l-ewwel kien okkupat mill-armata Taljana, u mbagħad mill-armata Ġermaniża wara t-8 ta’ Settembru 1943. F’Ottubru 1944, il-Partiġjani Jugoslavi okkupaw il-belt ta’ Dubrovnik, u arrestaw iktar minn 300 ċittadin u ġġustizzjaw 53 mingħajr proċess. Dan l-avveniment sar magħruf b’isem il-gżira żgħira fejn seħħ, jiġifieri l-Massakru ta’ Daksa.[38] It-tmexxija Komunista matul id-diversi snin ta’ wara kompliet bil-prosekuzzjonijiet politiċi, li laħqu l-qofol tagħhom fit-12 ta’ April 1947 bil-qbid u t-tfigħ il-ħabs ta’ iktar minn 90 ċittadin ta’ Dubrovnik.[39]

 
Il-port ta’ Dubrovnik fl-1965

Taħt il-Komuniżmu, Dubrovnik saret parti mir-Repubblika Soċjalista tal-Kroazja u mir-Repubblika Federali Soċjalista tal-Jugoslavja. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-belt bdiet tattira folol ta’ turisti, speċjalment wara l-1979, meta l-belt tniżżlet fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO. It-tkabbir tat-turiżmu wassal ukoll għad-deċiżjoni li l-belt antika ta’ Dubrovnik tiġi demilitarizzata. L-introjtu mit-turiżmu kien kruċjali fl-iżvilupp tal-belt wara l-gwerra, inkluż tal-ajruport tagħha.[40] Il-Festival tas-Sajf ta’ Dubrovnik beda jsir mill-1950.[41] L-“Awtostrada tal-Adrijatiku” (Magistrala) infetħet fl-1965 wara deċennju ta’ xogħlijiet, u b’hekk il-belt ta’ Dubrovnik ġiet kollegata ma’ Rijeka tul ix-xatt kollu, li kompla jagħti spinta lill-iżvilupp tat-turiżmu fir-rivjera Kroata.[42]

Villa li tinsab fil-peniżola ta’ Lapad ġiet nazzjonalizzata u ntużat minn Tito; wara battalja ta’ 12-il sena għar-restituzzjoni, intraddet lura lis-sidien oriġinali tagħha, il-familja Banac. Is-sid tagħha issa huwa imprenditur Kroat.[43]

Wara l-isfaxxar tal-Jugoslavja fl-1991

immodifika

Fl-1991, il-Kroazja u s-Slovenja, li dak iż-żmien kienu repubbliki fi ħdan ir-Repubblika Federali Soċjalista tal-Jugoslavja, iddikjaraw l-indipendenza tagħhom, u r-Repubblika Soċjalista tal-Kroazja saret ir-Repubblika tal-Kroazja.

Minkejja d-demilitarizzazzjoni tal-belt antika fil-bidu tas-snin 70 tas-seklu 20 bħala tentattiv biex ma tiġġarrafx fil-gwerra, wara l-indipendenza tal-Kroazja fl-1991, l-Armata tal-Poplu Jugoslav (JNA), dak iż-żmien komposta biss minn Serbi, attakkat il-belt. Il-gvern Kroat ġdid stabbilixxa stazzjonament militari fil-belt stess. Il-Montenegro, immexxi mill-President Momir Bulatović, u l-Prim Ministru Milo Đukanović, li laħaq il-poter fir-rivoluzzjoni kontra l-burokrazija, alleati ma’ Slobodan Milošević fis-Serbja, iddikjaraw li Dubrovnik ma kellhiex tibqa’ parti mill-Kroazja peress li huma sostnew li storikament qatt ma kienet parti mill-Kroazja indipendenti, iżda kienet iktar allinjata storikament mal-istorja kostali tal-Montenegro. Fi kwalunkwe każ, dak iż-żmien il-biċċa l-kbira tar-residenti ta’ Dubrovnik kienu jidentifikaw ruħhom mal-Kroazja, u 6.8 % biss tal-popolazzjoni kienu Serbi.[44]

 
Il-ħsarat fit-triq ewlenija, Stradun, wara l-assedju ta’ Dubrovnik mill-JNA fl-1991

Fl-1 ta’ Ottubru 1991, Dubrovnik ġiet attakkata mill-JNA fl-assedju ta’ Dubrovnik li dam seba’ xhur. L-iktar attakk militari aħrax bl-artillerija seħħ fis-6 ta’ Diċembru fejn inqatlu 19-il ruħ u ndarbu 60 ruħ. L-għadd ta’ vittmi fil-kunflitt, skont is-Salib l-Aħmar Kroat, kien ta’ 114-il ruħ mejtin, fosthom il-poeta Milan Milišić. Il-gazzetti barranin ġew ikkritikati għaliex donnhom taw iktar importanza lill-ħsarat materjali li ġarrbet il-belt antika milli lill-bnedmin li mietu jew indarbu.[45] L-attakki bl-artillerija f’Dubrovnik għamlu ħsara lil xi 56 % tal-binjiet mis-650 rawnd tal-artillerija fi ħdan is-swar mad-dawra tal-belt antika.[46] L-Armata Kroata temmet l-assedju kontra l-belt f’Mejju 1992, u lliberat it-territorju madwar Dubrovnik sal-aħħar ta’ Ottubru, iżda l-periklu ta’ attakki għal għarrieda mill-JNA dam tul it-tliet snin ta’ wara.[47]

Wara tmiem il-gwerra, il-ħsara li l-belt l-antika ġarrbet mill-attakki bl-artillerija ġiet imsewwija. It-tiswijiet saru skont il-linji gwida tal-UNESCO abbażi tal-istil oriġinali. Il-biċċa l-kbira tax-xogħol tar-rikostruzzjoni sar bejn l-1995 u l-1999.[48] Il-ħsara li ġarrbet il-belt ġiet indikata fuq tabella ħdejn il-bieb tal-belt, u minn fuq is-swar wieħed jista’ faċilment jinnota l-kulur iktar qawwi tat-tegoli tal-fuħħar il-ġodda fuq is-soqfa tal-binjiet li huma indikazzjoni ta’ fejn ġie rikostruwit jew imsewwi.

It-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-Eks Jugoslavja (ICTY) ressaq akkużi għall-ġenerali u għall-uffiċjali tal-JNA li kienu involuti fl-attakki bl-artillerija. Il-Ġeneral Pavle Strugar, li kkoordina l-attakk fuq il-belt, ingħata sentenza ta’ seba’ snin u nofs ħabs mit-Tribunal tar-rwol li huwa kellu fl-attakk.[49]

 
It-Torri ta’ Minčeta, parti mill-fortifikazzjonijiet ta’ Dubrovnik

Fil-ħabta tal-inġenju tal-ajru USAF CT-43 tal-1996, ħdejn l-Ajruport ta’ Dubrovnik, mietu l-passiġġieri kollha li kienu abbord il-ġett tal-Forza tal-Ajru tal-Istati Uniti, fosthom is-Segretarju tal-Kummerċ tal-Istati Uniti Ron Brown, il-kap tal-uffiċċju ta’ Frankfurt tan-New York Times Nathaniel C. Nash, u 33 persuna oħra.[50]

Sit ta’ Wirt Dinji

immodifika

Il-belt antika ta’ Dubrovnik ġiet iddeżinjata bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[3]

Il-valur universali straordinarju tal-belt, magħrufa wkoll bħala “ ġie rrikonoxxut abbażi ta’ tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) “Rappreżentazzjoni ta’ kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”; il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”.[3]

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Hrvatski jezični portal". hjp.znanje.hr. Miġbur 2021-04-06.
  2. ^ "Central Bureau of Statistics". www.dzs.hr. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-04-16. Miġbur 2021-04-06.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Old City of Dubrovnik". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-06.
  4. ^ a b ċ Oleh Havrylyshyn; Nora Srzentić (10 December 2014). Institutions Always 'Mattered': Explaining Prosperity in Mediaeval Ragusa (Dubrovnik). Palgrave Macmillan. p. 59. ISBN 9781137339782.
  5. ^ "BOSNA" (bil-Kroat). Miġbur 2021-04-06.
  6. ^ Whitley Stokes; Adalbert Bezzenberger (1894), "dubron", in August Fick (ed.), Vergleichendes Wörterbuch der indogermanischen Sprachen: Wortschatz der Keltischen Spracheinheit, 2 (4th ed.), Vandenhoeck & Ruprecht, pp. 153–154.
  7. ^ Putanec, Valentin (1993-06-17). "NAZIV LABUSEDUM IZ 11. ST. ZA GRAD DUBROVNIK". Rasprave: Časopis Instituta za hrvatski jezik i jezikoslovlje (bil-Kroat). 19 (1): 289–301.
  8. ^ Andrew Archibald Paton (1862). "Chapter 9: Ragusa". Researches on the Danube and the Adriatic; or Contributions to the Modern History of Hungary and Transylvania, Dalmatia and Croatia, Servia and Bulgaria, Volume 1. London: Trübner and Co. p. 218.
  9. ^ "Picasa Web Albums - Dick - Dubrovnik, Cr..." web.archive.org. 2010-03-31. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-03-31. Miġbur 2021-04-07.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  10. ^ Baerlein, Henry (1922). The Birth of Yugoslavia (bl-Ingliż). Library of Alexandria. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  11. ^ Harris, Robin (2006-01-31). Dubrovnik: A History (bl-Ingliż). Saqi Books.
  12. ^ Dubrovnik: A History, p. 289, Robin Harris, Saqi Books, 2006. ISBN 978-0-86356-959-3.
  13. ^ Dubrovnik, 2nd: The Bradt City Guide, p. 7, Piers Letcher, Robin McKelvie, Jenny McKelvie, Bradt Travel Guides, 2007. ISBN 978-1-84162-191-3.
  14. ^ Dubrovnik, p. 25, Volume 581 of Variorum collected studies series, Bariša Krekić, Variorum, 1997. ISBN 978-0-86078-631-3.
  15. ^ Fine, John V. A.; Fine, John Van Antwerp (1994). The Late Medieval Balkans: A Critical Survey from the Late Twelfth Century to the Ottoman Conquest (bl-Ingliż). University of Michigan Press. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  16. ^ Through Bosnia and the Herzegovina on Foot During the Insurrection, Sir Arthur Evans, pp. 416-417.
  17. ^ Pitcher, Donald Edgar. An Historical Geography of the Ottoman Empire, Leiden: Brill, 1968, p. 70.
  18. ^ Radovinovic, Radovan, ed. (July 1999). The Croatian Adriatic Tourist Guide. Zagreb: Naprijed, Naklada. p. 354. ISBN 953-178-097-8.
  19. ^ Harris 2006, p. 247.
  20. ^ Harris 2006, pp. 249, 260.
  21. ^ Husebye, Eystein S. (2008-03-01). Earthquake Monitoring and Seismic Hazard Mitigation in Balkan Countries (bl-Ingliż). Springer Science & Business Media. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  22. ^ Dubrovnik and the American Revolution: Francesco Favi's Letters, Francesco Favi, ed. by Wayne S. Vucinich, Ragusan Press, 1977.
  23. ^ Vojnović, Lujo (2009). Pad Dubrovnika (1797.-1806.). Fortuna. ISBN 978-953-95981-9-6. pp. 187-189.
  24. ^ Vojnović, Lujo (2009). Pad Dubrovnika (1797.-1806.). Fortuna. ISBN 978-953-95981-9-6. pp. 240-241; 247.
  25. ^ Vojnović, Lujo (2009). Pad Dubrovnika (1797.-1806.). Fortuna. ISBN 978-953-95981-9-6. p. 147.
  26. ^ Vojnović, Lujo (2009). Pad Dubrovnika (1797.-1806.). Fortuna. ISBN 978-953-95981-9-6. pp. 150-154.
  27. ^ Vojnović, Lujo (2009). Pad Dubrovnika (1797.-1806.). Fortuna. ISBN 978-953-95981-9-6. p. 191.
  28. ^ Vojnović, Lujo (2009). Pad Dubrovnika (1797.-1806.). Fortuna. ISBN 978-953-95981-9-6. pp. 172-173.
  29. ^ Vojnović, Lujo (2009). Pad Dubrovnika (1797.-1806.). Fortuna. ISBN 978-953-95981-9-6. p. 194.
  30. ^ Ćosić, Stjepan (2000). "Dubrovnik Under French Rule (1810–1814)" (PDF). Dubrovnik Annals (4): 103–142.
  31. ^ Vojnović, Lujo (2009). Pad Dubrovnika (1797.-1806.). Fortuna. ISBN 978-953-95981-9-6. pp. 208-210.
  32. ^ Vojnović, Lujo (2009). Pad Dubrovnika (1797.-1806.). Fortuna. ISBN 978-953-95981-9-6. pp. 270-272.
  33. ^ Vojnović, Lujo (2009). Pad Dubrovnika (1797.-1806.). Fortuna. ISBN 978-953-95981-9-6. pp. 217-218.
  34. ^ J. Fine (2010-02-05). When Ethnicity Didn't Matter. pp. 155–156. ISBN 978-0472025602.
  35. ^ Luigi Villari (1904). "The Republic of Ragusa : an episode of the Turkish conquest". J.M. Dent & Co.- London. p. 370.
  36. ^ Marzio, Scaglioni (1996). "La presenza italiana in Dalmazia, 1866–1943". Tesi di Laurea (bit-Taljan). Facoltà di Scienze politiche – Università degli studi di Milano. Arkivjat 14-09-2010.
  37. ^ Trudna tożsamość: problemy narodowościowe i religijne w Europie Środkowo-Wschodniej w XIX i XX wieku. Instytut Europy Środkowo-Wschodnej. 1996. ISBN 978-83-85854-17-3.
  38. ^ "6 uninhabited and mysterious islands with bizarre pasts". The Daily Star (bl-Ingliż). 2015-10-22. Miġbur 2021-04-08.
  39. ^ Franić, Augustin. "Otpor Hrvatske Mladeži U Dubrovniku 1944–1947" [Croatian Youth Resistance in Dubrovnik 1944–1947] (bil-Kroat). Arkivjat 07-03-2012.
  40. ^ "The history of Dubrovnik". Miġbur 2021-04-08.
  41. ^ Tallieu, Tallieu &. "European Festivals Association". European Festivals Association (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-08.
  42. ^ Kapetanović, Mišo; Katurić, Ivana (2015). "The Informal Housing of Privatnici and the Question of Class Two Stories From The Post-Yugoslav Roadside". Revue d'études comparatives Est-Ouest. 46 (04): 61–91.
  43. ^ "Tito's Legacy: Surveying the Yugoslav Leader's Real Estate" (bl-Ingliż). 2019-06-28. Miġbur 2021-04-08.
  44. ^ "Pavlovic: The Siege of Dubrovnik". www.yorku.ca. Miġbur 2021-04-08.
  45. ^ Pearson, Joseph (2010). "Dubrovnik's Artistic Patrimony, and its Role in War Reporting (1991)". European History Quarterly. 40 (2): 197–216.
  46. ^ "Chronology for Serbs in Croatia". United Nations High Commissioner for Refugees. 2004. Arkivjat 24-03-2012.
  47. ^ Bonner, Raymond (1995-08-17). "Dubrovnik Finds Hint of Deja Vu in Serbian Artillery" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-08.
  48. ^ "Pregled obnovljenih objekata". zod.hr (bil-Kroat). Institute for the Restoration of Dubrovnik. Arkivjat 08-05-2015.
  49. ^ "Case information sheet: "DUBROVNIK" (IT-01-42) Pavle Strugar" (PDF). International Criminal Tribunal for the former Yugoslavia.
  50. ^ Andrew Glass. "Ron Brown dies in plane crash, April 3, 1996". POLITICO (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-08.