Al-Maghtas
Al-Maghtas (bl-Għarbi: المغطس, li tfisser "magħmudija" jew "immersjoni"), magħruf uffiċjalment bħala s-Sit tal-Magħmudija "Betanja Lil Hinn mill-Ġordan", huwa sit arkeoloġiku u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Ġordan, max-xatt tal-Lvant tax-xmara Ġordan, li jitqies bħala l-post oriġinali fejn Ġwanni l-Battista għammed lil Ġesù u ilu meqjum bħala dan il-post mill-inqas minn żmien il-Biżantini.[1] Ġieli ssir referenza għal dan il-post bħala Bethabara (bl-Ebrajk: בית עברה) u storikament ukoll bħala Betanja (Lil Hinn mill-Ġordan).[2]
Al-Maghtas jinkludi żewġ żoni arkeoloġiċi: il-fdalijiet ta' monasteru fuq tumbata tat-tajn magħrufa bħala Jabal Mar-Elias (l-Għolja ta' Elija) u żona qrib ix-xmara bil-fdalijiet ta' knejjes, vaski tal-magħmudija u abitazzjonijiet għall-pellegrini u għall-eremiti.[3] Iż-żewġ żoni huma kkollegati permezz ta' nixxiegħa msejħa Wadi Kharrar.[4][5]
Il-pożizzjoni strateġika bejn Ġerusalemm u l-Awtostrada tar-Re diġà ħarġet fid-dieher mill-Ktieb ta' Ġoxwa fir-rakkont dwar il-qsim tax-xmara Ġordan mill-Iżraeliti hemmhekk. Jabal Mar-Elias tradizzjonalment tiġi identifikata bħala s-sit tat-tlugħ tal-profeta Elija fil-ġenna.[6] Iż-żona kollha ġiet abbandunata wara l-Gwerra ta' Sitt Ijiem tal-1967, meta ż-żewġ xtut tal-Ġordan saru parti mill-front. Dak iż-żmien iż-żona ġiet miżgħuda bil-mini tal-art.[7]
Wara l-iffirmar ta' trattat tal-paċi bejn Iżrael u l-Ġordan fl-1994, seħħet it-tneħħija tal-mini miż-żona fuq l-inizjattiva tal-Prinċep Ghazi tal-Ġordan.[8] Minn dak iż-żmien 'l hawn saru diversi skavi arkeoloġiċi, ġew organizzati żjarat minn tliet Papiet (Ġwanni Pawlu II, Benedittu XVI u Franġisku) u minn bosta kapijiet ta' stat[9], u s-sit jattira lit-turisti u lill-pellegrini. Fl-2015, Al-Maghtas tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, għajr ix-xatt tal-Punent tax-xmara.[10] Madwar 81,000 ruħ żaru s-sit fl-2016, l-iktar turisti Ewropej, Amerikani u Għarab. Nhar is-6 ta' Jannar eluf iżuru s-sit biex jiċċelebraw l-Epifanija.
Ismijiet
immodifikaBetanja
immodifikaŻewġ siltiet mill-Vanġelu ta' San Ġwann fil-Bibbja jindikaw post "lil hinn mill-Ġordan" jew "fuq in-naħa l-oħra tal-Ġordan":
- Ġwanni 1:28: Dan seħħ f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn kien qed jgħammed Ġwanni. Din is-silta hija l-unika darba li tissemma l-"Betanja tax-xatt tal-Lvant tal-Ġordan" fit-Testment il-Ġdid.
- Ġwanni 10:40: Għal darb’oħra [Ġesù] telaq in-naħa l-oħra tal-Ġordan, lejn il-post fejn Ġwanni kien beda jgħammed, u qagħad hemmhekk.
"Betanja" jaf oriġinat minn beth-ananiah, li bl-Ebrajk tfisser "dar tal-foqra/imsejkna". L-isem "Betanja" huwa kondiviż ukoll ma' raħal differenti li jinsab fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, li jissemma bosta drabi fit-Testment il-Ġdid.[11]
Bethabara
immodifikaOrigen kien studjuż Kristjan tas-seklu 3 mill-Palestina. Fi żmienu nnota li ma kien hemm l-ebda post imsejjaħ Betanja fil-Lvant tal-Ġordan, u għalhekk issuġġerixxa li l-isem jiġi emendat għal Bethabara, post li kien jeżisti dak iż-żmien. Is-suġġeriment tiegħu ntlaqa' minn xi wħud, u l-isem intuża f'diversi traduzzjonijiet, inkluż il-verżjoni tar-Re Ġakbu.
"Bethabara" (/bɛθˈæbərə/ beth-AB-ər-ə; בית עברה; bēt ‛ăbārāh; Βηθαβαρά; Bēthabará; "dar f'xatt ix-xmara", "post tal-qsim") huwa l-isem li ntuża minn xi verżjonijiet tat-Testment il-Ġdid għas-sit "lil hinn (jiġifieri fil-Lvant) mill-Ġordan" fejn Ġwanni l-Battista pprietka u għammed, u fejn iltaqa' ma' grupp ta' patrijiet u Levitiċi mibgħuta mill-Fariżej biex jinvestiga l-ministeru tiegħu, u fejn għammed lil Ġesù (Ġwanni 1:28-29). L-isem "Bethabara" jidher ukoll fil-Mappa ta' Madaba tas-seklu 6 (għalkemm fil-Punent tax-xmara Ġordan) u fit-Talmud. L-isem intuża f'għadd ta' verżjonijiet, inkluż il-verżjoni tar-Re Ġakbu (wara t-Textus Receptus u l-Bibbja ta' Ġinevra tat-Testment il-Ġdid), iżda l-post fejn Ġwanni l-Battista kien jgħammed fi Ġwanni 1:28 ma kienx jissejjaħ Betanja imma Bethabara.[12]
Dan l-isem isegwi l-iskritti ta' New York u ta' Moska, forom ikkoreġuti ta' Ephraemi u ta' Athos, flimkien ma' frammenti ta' skritti minn San Pietruburgu, u minn Pariġi, il-minuskolu 1, u l-familja 13, appoġġat minn Ewsebju, Ċirill, xi testi Biżantini u lezzjonarji, u l-manuskritti Kuretonjani bis-Sirjan Antik, bl-Aramajk Peshitta, bl-Armen u bil-Ġeorġjan, fost l-oħrajn".[13] L-isem Bethabara sar attwali dak iż-żmien bix-xhieda kemm ta' Origen (fis-seklu 3) kif ukoll ta' John Chrysostom (fis-seklu 4)[14], u dak l-istess isem jidher ukoll kemm fil-Mappa ta' Madaba tas-seklu 6[15] kif ukoll fit-Talmud tal-Lhud.[16]
G. A. Smith jissuġġerixxi fl-"Atlas tal-Ġeografija Storika tal-Art Imqaddsa" tiegħu (HGHL; 1915) li Betanja (dar tal-vapur) u Bethabara (dar f'xatt ix-xmara) huma ismijiet li jirreferu għall-istess post. It-tieni post jaf jirreferi wkoll għat-territorju iktar fit-Tramuntana ta' Batanaea.[17][18]
Al-Maghtas
immodifikaAl-Maghtas bl-Għarbi tfisser sit ta' immersjoni u impliċitament tfisser magħmudija.
Ġeografija
immodifikaAl-Maghtas jinsab fix-xatt tal-Lvant tax-xmara Ġordan, disa' kilometri (5.6 mili) fit-Tramuntana tal-Baħar Mejjet u għaxar kilometri (6.2 mili) fix-Xlokk ta' Ġeriko. Is-sit kollu, li huwa mifrux fuq erja ta' 533.7 ettaru (5.337 km2; 1,319-il akru), fih żewġ żoni distinti – Tell al-Kharrar, imsejjaħ ukoll Jabal Mar Elias (l-Għolja ta' Elija), u ż-żona qrib ix-xmara (żewġ kilometri (1.2 mil) fil-Lvant), iż-żona ta' Zor, fejn tinsab il-Knisja l-Antika ta' San Ġwann il-Battista.
Is-sit jinsab qrib ir-rotta antika bejn Ġerusalemm u t-Trans-Ġordan, li tgħaddi minn Ġeriko, minn naħa għall-oħra tax-xmara Ġordan u li tikkollega siti Bibbliċi oħra bħal Madaba, l-Għolja ta' Nebo u l-Awtostrada tar-Re.
Filwaqt li s-sit inizjali ta' qima kien jinsab fuq in-naħa tal-Lvant tax-xmara Ġordan, l-enfasi kienet inbidlet fuq in-naħa tal-Punent sas-seklu 6.[19] It-terminu Al-Maghtas fih innifsu ntuża storikament għaż-żona kollha fuq iż-żewġ ixtut tax-xmara. Il-parti tal-Punent, magħrufa wkoll bħala Qasr el-Yahud, issemmiet fil-proposta tal-UNESCO, iżda sa issa għadha ma ġietx inkluża fis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[20]
F'Novembru 2015, is-sit sar viżibbli fuq Google Street View.[21]
Importanza reliġjuża
immodifikaQsim tal-Ġordan mill-Iżraeliti
immodifikaSkont il-Bibbja bl-Ebrajk, Ġoxwa qal lill-Iżraeliti kif jaqsmu l-Ġordan billi jsegwu l-patrijiet li kienu qed iġorru l-Arka tal-Patt tul ix-xmara, u b'hekk setgħu jwaqqfu l-fluss tal-ilma tax-xmara (Ġoxwa 3, l-iktar Ġoxwa 3:14-17). It-tradizzjonijiet tal-qedem identifikaw lil Al-Maghtas, magħruf ukoll bħala bet-'abarah[22] jew Bethabara, "Dar tal-Qsim", bħala l-post fejn il-poplu ta' Iżrael u iktar 'il quddiem il-Profeta Elija qasmu x-xmara Ġordan u daħlu fl-Art Imqaddsa.[23]
Profeta Elija
immodifikaIl-Bibbja bl-Ebrajk iddeskriviet ukoll kif il-Profeta Elija, flimkien mal-Profeta Elixa, waqqaf l-ilmijiet tax-xmara Ġordan, sabiex ikunu jistgħu jaqsmu lejn ix-xatt tal-Lvant, u mbagħad tela' l-ġenna permezz ta' tromba tal-arja. Elixa, li mbagħad sar l-eredi tiegħu, reġa' fired l-ilmijiet tax-xmara u reġa' qasam lejn ix-xatt tal-Punent (Rejiet II, 2:8-14). Tradizzjoni Lhudija antika identifikat is-sit tal-qsim bħala l-istess wieħed li ntuża minn Ġoxwa, b'hekk ma' Al-Maghtas, u s-sit tat-tlugħ is-sema ta' Elija ma' Tell el-Kharrar, magħrufa wkoll bħala Jabal Mar Elias, l-"Għolja tal-Profeta Elija".[24]
Magħmudija ta' Ġesù
immodifikaĠwanni x'aktarx li għammed f'fawwariet u f'nixxigħat mill-inqas daqs kemm għammed fix-xmara Ġordan li kienet bil-bosta iktar perikoluża. L-eżempju konkret huwa "Enon qrib Salim" ta' Ġwanni 3:23, fejn "enon" tirreferi għal fawwara. F'Al-Maghtas hemm nixxiegħa qasira, Wadi al-Kharrar, li tnixxi fix-xmara Ġordan, u din hija assoċjata mal-attivitajiet tal-magħmudija li kien iwettaq Ġwanni.
Storiċità
immodifikaSkont The Washington Post, "Ma hemm l-ebda evidenza arkeoloġika li turi li Ġesù qatt ġie mgħammed f'dawn l-ilmijiet"; madankollu, ix-xatt tal-Lvant, illum fil-Ġordan, taż-żona tradizzjonali tal-magħmudija ta' Al-Maghtas ġiet aċċettata minn diversi denominazzjonijiet Kristjani bħala s-sit awtentiku tal-magħmudija ta' Ġesù. L-ICOMOS fil-kunsiderazzjoni tagħha tal-"Betanja Lil Hinn mill-Ġordan" bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO tinnota li siti li storikament huma assoċjati mal-magħmudija ta' Ġesù jeżistu wkoll fix-xatt tal-Punent fuq in-naħa l-oħra tax-xmara. Barra minn hekk, issostni li skont l-investigazzjoni tagħha tas-sit ta' Al-Maghtas bħala Sit ta' Wirt Dinji, ma nstabitx evidenza li turi mingħajr dubji li l-istrutturi arkeoloġiċi ta' hemmhekk tassew huma assoċjati mal-magħmudija ta' Ġesù u ssostni wkoll li siti oħra tul ix-xmara Ġordan storikament sostnew l-istess ħaġa bħas-sit ta' Al-Maghtas. Is-sit web uffiċjali tas-Sit tal-Magħmudija juri 13-il xhieda tal-awtentiċità minn rappreżentanti ta' denominazzjonijiet internazzjonali ewlenin.[25]
Storja u arkeoloġija
immodifikaInsedjament Pre-Ruman
immodifikaL-iskavi arkeoloġiċi żvelaw antikitajiet li jaqblu mal-konklużjoni li dan is-sit ġie insedjat għall-ewwel darba minn grupp żgħir ta' bdiewa matul il-perjodu Kalkolitiku, għall-ħabta tat-3500 Q.K. Mill-ġdid hemm traċċi ta' insedjament mill-perjodu Ellenistiku wkoll.
Żmien ir-Rumani u l-Biżantini
immodifikaIs-sit fih binjiet b'aspetti kemm ta' mikveh (banju ritwali) Lhudi bħall-vaski tal-perjodu tat-Tieni Tempju mill-Qumran, kif ukoll ta' vaski li kienu jintużaw mill-Kristjani għall-magħmudija.[26]
X'aktarx fis-sekli 2-3 u ċertament mis-sekli 5-6, inbnew strutturi reliġjużi Kristjani f'Tell al-Kharrar. Wieħed għandu jiftakar li fis-sekli 1-4 tal-Era Kristjana, il-Kristjaneżmu spiss kien ippersegwitat mill-istat Ruman, u l-qima Kristjana saret possibbli biss wara li l-ewwel ġiet ittollerata u mbagħad saħansitra saret ir-reliġjon tal-istat Ruman, li issa jissejjaħ l-Imperu Biżantin.
Mill-iskavi arkeoloġiċi ġie stabbilit ukoll li l-għolja ta' Tell al-Kharrar, magħrufa wkoll bħala l-Għolja ta' Elija, kienet meqjuma bħala l-post fejn il-Profeta Elija tela' l-ġenna. Fis-seklu 5, sabiex dan l-avveniment jiġi mfakkar, inbena monasteru Biżantin hemmhekk. L-arkeologi sejħulu l-"Monasteru ta' Rhetorios" abbażi ta' kitba li sabu fil-mużajk Biżantin tal-post.
L-imperatur Biżantin Anastasju I Dicorus bejn l-491 u l-518 bena knisja ddedikata lil Ġwanni l-Battista max-xatt tal-Lvant tax-xmara Ġordan. Madankollu, minħabba żewġ avvenimenti ta' għargħar u ta' terremot, il-knisja nqerdet. Il-knisja ġiet rikostruwita tliet darbiet, sa ma ġġarfet, flimkien mal-kappella li nbniet fuq pilastri, matul għargħar kbir li seħħ fis-seklu 6 jew 7.
Is-siti tal-pellegrinaġġi nbidlu matul l-istorja. Is-sejbiet arkeoloġiċi Kristjani prinċipali minn żmien il-Biżantini u x'aktarx anke minn żmien ir-Rumani jindikaw li l-ewwel sit tal-pellegrinaġġi kien jinsab max-xatt tal-Lvant, iżda sal-bidu tas-seklu 6 l-enfasi kienet iktar fuq ix-xatt tal-Punent tax-xmara li kien iktar aċċessibbli.
Matul żmien il-Biżantini, is-sit kien ċentru popolari tal-pellegrinaġġi. Il-ħakma ta' Ġerusalemm mis-Sassanidi fis-614, l-għargħar tax-xmara, it-terremoti u l-qbid ta' Ġerusalemm mill-Musulmani fis-637 temmew l-attività ta' kostruzzjoni tal-Biżantini fix-xatt tal-Lvant tax-xmara Ġordan, b'mod partikolari fiż-żona ta' Wadi al-Kharrar.
Perjodu Musulman Bikri
immodifikaIl-ħakma Musulmana temmet l-attività ta' kostruzzjoni tal-Biżantini fix-xatt tal-Lvant tax-xmara Ġordan, iżda bosta mill-istrutturi Biżantini baqgħu jintużaw matul il-perjodu Iżlamiku Bikri. Maż-żmien in-nies bdew iqimu fuq in-naħa l-oħra tax-xmara, fix-xatt tal-Punent f'Qasr el-Yahud. Wara s-670 W.K. il-kommemorazzjoni tas-sit tal-magħmudija resqet lejn in-naħa tal-Punent.[27]
Żmien il-Mamluk u l-Ottomani
immodifikaL-istrutturi nbnew mill-ġdid bosts drabi iżda finalment ġew abbandunati sa tmien is-seklu 15.
Fis-seklu 13 inbena monasteru Ortodoss fuq il-fdalijiet ta' monasteru Biżantini bikri predeċessur, iżda ma nafux kemm dam jeżisti. Madankollu, il-pellegrinaġġi lejn is-sit naqsu u skont pellegrin partikolari, is-sit kien fi stat ta' fdalijiet fl-1484. Mis-seklu 15 sas-seklu 19 bilkemm kien hemm żjarat mill-pellegrini fis-sit. Kappella żgħira ddedikata lil Santa Marija tal-Eġittu, eremita minn żmien il-Biżantini, inbniet matul is-seklu 19 u nqerdet ukoll fit-terremot tal-1927.[28][29]
Fil-bidu tas-seklu 20, komunità ta' bdiewa kienu okkupaw iż-żona tal-Lvant tax-xmara Ġordan.
Skoperta mill-ġdid wara l-1994 u t-turiżmu
immodifikaBħala riżultat tal-Gwerra ta' Sitt Ijiem fl-1967, ix-xmara saret il-linja tat-tregwa u ż-żewġt ixtut tax-xmara ġew militarizzati u inaċċessibbli għall-pellegrini. Wara l-1982, filwaqt li Qasr el-Yahud kienet għadha inaċċessibbli, Iżrael ippermetta l-magħmudijiet Kristjani fis-sit ta' Yardenit iktar lejn it-Tramuntana. Wara t-trattat ta' paċi bejn Iżrael u l-Ġordan fl-1994, l-aċċess għal Al-Maghtas ġie rrestawrat wara li l-Prinċep Ghazi tal-Ġordan, li kien interessat ferm fl-istorja reliġjuża, żar l-inħawi fil-kumpanija ta' arkeologu Franġiskan li kien ikkonvinċieh jagħti titwila lejn dak li kien maħsub bħala s-sit tal-magħmudija. Meta nstabet evidenza ta' insedjament Ruman, dan kien biżżejjed biex iħeġġeġ it-tneħħija tal-mini tal-art u iktar żvilupp. Ftit wara, saru diversi skavi arkeoloġiċi mmexxija minn Dr. Mohammad Waheeb li skopra mill-ġdid is-sit antik fl-1997.[30] Is-snin 90 tas-seklu 20 immarkaw il-perjodu tal-iskavi arkeoloġiċi tas-sit u mbagħad ittieħdu miżuri primarji ta' konservzzjoni u ta' restawr matul il-bidu tas-seklu 21. Il-Ġordan fetaħ Al-Maghtas mill-ġdid fl-2002. Dan ġie segwit mill-ftuħ għal żjarat ta' kuljum fl-2011 ta' Qasr el-Yahud, li kien taħt l-amministrazzjoni ta' Iżrael. Iċ-ċelebrazzjonijiet tradizzjonali tal-Epifanija diġà kienu tħallew isiru mill-1985, iżda fid-dati Kattoliċi u Ortodossi speċifiċi u taħt superviżjoni militari. Fl-2007, inħadem dokumentarju bit-titlu The Baptism of Jesus Christ – Uncovering Bethany Beyond the Jordan dwar is-sit.[31]
In-naħa tal-Punent tattira iktar interess turistiku mill-kontroparti fil-Ġordan, b'nofs miljun viżitatur imqabbla ma' xi għexieren ta' eluf fuq in-naħa tal-Ġordan. Stimi oħra jsostnu li n-numri fil-fatt kienu 300,000 viżitatur fuq in-naħa Palestinjana okkupata minn Iżrael u 100,000 viżitatur fuq in-naħa tal-Ġordan. Sabiex dan jitqiegħed f'perspettiva, Yardenit ikollha iktar minn 400,000 viżitatur fis-sena.
Fis-sena 2000, Ġwanni Pawlu II kien l-ewwel Papa li żar is-sit. Iż-żewġ suċċessuri tiegħu, il-Papa Benedittu XVI u l-Papa Franġisku, żaru s-sit ukoll, l-istess bħal għadd ta' kapijiet ta' stat u dinjitarji oħra. Fl-2002, il-Kristjani kkommemoraw il-magħmudija ta' Kristu fis-sit għall-ewwel darba mill-iskoperta mill-ġdid tas-sit. Minn dak iż-żmien 'l hawn, eluf ta' pellegrini Kristjani minn madwar id-dinja annwalment fakkru l-Epifanija fil-Betanja Lil Hinn mill-Ġordan. Fl-2002 ukoll, is-Sit tal-Magħmudija nfetaħ għaż-żjarat ta' kuljum, u b'hekk attira fluss ta' turisti u ta' pellegrini. Fl-2015, l-UNESCO ddikjarat is-sit ta' Al-Maghtas fil-Ġordan, fuq ix-xatt tal-Lvant tax-xmara Ġordan, bħala Sit ta' Wirt Dinji, filwaqt li Qasr el-Yahud ġie eskluż.
Karatteristiċi
immodifikaL-iskavi arkeoloġiċi fis-sit fis-snin 90 tas-seklu 20 żvelaw binjiet reliġjużi ta' żmien ir-Rumani u Biżantini li jinkludu "knejjes u kappelli, monasteru, għerien li ntużaw mill-eremiti u vaski", li kienu l-postijiet fejn kienu jsiru l-magħmudijiet. L-iskavi ġew appoġġati minn istituzzjonijiet minn diversi pajjiżi, bħall-Istati Uniti u l-Finlandja, u mill-Istitut Ġermaniż tal-Protestantiżmu.
Tell el-Kharrar jew l-Għolja ta' Elija u l-vaski tal-magħmudija
immodifikaL-iskavi żvelaw tliet knejjes, tliet vaski tal-magħmudija, bir ċirkolari u struttura esterna madwar l-għolja. Ġiet żvelata wkoll l-eżistenza ta' provvista tal-ilma ġejja minn fawwariet u ddirezzjonata lejn is-siti tal-magħmudija permezz ta' pajpijiet taċ-ċeramika; din il-faċilità għadha disponibbli sa issa
Żona max-Xatt (Zor)
immodifikaFiż-żona ta' Zor tas-sit, instabu knisja b'sala bil-kolonni, knisja-bażilika magħrufa bħala l-Knisja ta' San Ġwann il-Battista, u l-Knisja-Bażilika Inferjuri b'artijiet tal-irħam b'disinni ġeometriċi. Ġew żvelati wkoll il-Knisja-Bażilika Superjuri, it-taraġ tal-irħam, l-erba' pilastri tal-Kappella l-Kbira, il-Kappella ż-Żgħira, il-Monasteru ta' Santa Marija tal-Eġittu, u vaska kbira. It-taraġ tal-irħam inbena fil-570 W.K. 22 tarġa huma magħmula minn irħam iswed. It-taraġ jagħti għall-Bażilika Superjuri u għal vaska tal-magħmudija. Fl-imgħoddi din il-vaska kellha erba' pilastri li kienu jirfdu l-Kappella l-Kbira.
Eremitaġġi
immodifikaL-għoljiet ta' Quattara ħarġu fid-dieher għadd ta' għerien tal-patrijiet, magħrufa wkoll bħala ċelel tal-eremiti, madwar 300 metru (980 pied) lil hinn mix-xmara Ġordan. Meta l-għerien kienu jintużaw, l-aċċess kien minn mogħdija mmarkata b'ħabel jew b'taraġ jew bi slielem min-naħa tal-Punent u tal-Lbiċ, iżda l-ebda wieħed ma għadha teżisti. Kull waħda minn dawn l-għerien kienet imnaqqxa b'niċċa semiċirkolari fil-ħajt tal-Lvant tagħha. L-għar kien ikollu żewġ kompartimenti, waħda għat-talb u l-oħra bħala spazju fejn kienu jgħixu l-patrijiet eremiti.
Oqbra
immodifikaInstabu wkoll xi oqbra fl-inħawi qrib il-knejjes li huwa maħsub li kienu tal-patrijiet tal-istess knejjes. Dawn l-oqbra huma ta'
żmien il-Biżantini u tal-perjodu Iżlamiku bikri (is-sekli 5 sa 7). Instabu wkoll muniti u bċejjeċ taċ-ċeramika fis-sit li huma provi epigrafiċi tal-istorja tas-sit.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaFl-1994, l-UNESCO sponsorjat l-iskavi arkeoloġiċi fl-inħawi tas-sit. Inizjalment l-UNESCO elenkat is-sit fil-lista indikattiva fit-18 ta' Ġunju 2001 u nomina ġdid ġiet ippreżentata fis-27 ta' Jannar 2014. L-ICOMOS evalwat ir-rapport ippreżentat mill-Ġordan bejn il-21 u l-25 ta' Settembru 2014. Is-sejbiet huma assoċjati mill-qrib mal-kommemorazzjoni tal-magħmudija. Wara din l-evalwazzjoni, is-sit ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bit-titlu uffiċjali "Betanja Lil Hinn mill-Ġordan (Al-Maghtas)".[3]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[3]
L-aġenzija tat-turiżmu tal-Palestina tikkundanna d-deċiżjoni tal-UNESCO li teskludi n-naħa tal-Punent tas-sit. Matul in-negozjati tas-siti li kienu qed jitqiesu biex isiru Sit ta' Wirt Dinji fl-2014, il-proposta oriġinali ppreżentata lill-UNESCO ddikjarat ir-rieda li fil-futur is-sit jiġi mkabbar f'kooperazzjoni mal-"pajjiż ġar" biex in-naħa l-oħra tiġi inkluża wkoll.[32]
Ġestjoni tas-sit
immodifikaIs-Sit tal-Magħmudija huwa mmexxi mill-Kummissjoni tas-Sit tal-Magħmudija, bord indipendenti ta' fiduċjarji maħtura mir-Re Abdullah II. Fl-2017, il-Kummissjoni rrapportat li madwar 81,000 ruħ kienu żaru s-sit fl-2016, jiġifieri żieda ta' 23 % mill-2015, u l-maġġoranza tagħhom kienu turisti Ewropej, Amerikani u Għarab.
Referenzi
immodifika- ^ "Rapport ta' Evalwazzjoni tal-UNESCO" (PDF).
- ^ "Bethabara « See The Holy Land". Miġbur 2023-02-02.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Baptism Site “Bethany Beyond the Jordan” (Al-Maghtas)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-02.
- ^ "U.N. backs Jordan's claim on site where Jesus was baptized" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-02.
- ^ "Wadi Al-Kharrar". web.archive.org. 2015-04-02. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-04-02. Miġbur 2023-02-02.
- ^ "ZEIT ONLINE | Lesen Sie zeit.de mit Werbung oder im PUR-Abo. Sie haben die Wahl". www.zeit.de. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-02-02. Miġbur 2023-02-02.
- ^ "UNESCO backs Jordan River as Jesus' baptism site". Al Arabiya English (bl-Ingliż). 2015-07-13. Miġbur 2023-02-02.
- ^ "'Adding Baptism Site to World Heritage List grants it further int'l recognition'". Jordan Times (bl-Ingliż). 2015-07-06. Miġbur 2023-02-02.
- ^ "All World Leaders – Baptism Site". www.baptismsite.com. Miġbur 2023-02-02.
- ^ "Catholics celebrate Epiphany, coexistence of faiths at Baptism Site". Jordan Times (bl-Ingliż). 2016-01-09. Miġbur 2023-02-02.
- ^ Watson E. Mills, ed. (2001). Mercer Dictionary of the Bible. Macon, GA, US: Mercer University Press. p. 99. ISBN 9780865543737.
- ^ Sloyan, Gerard Stephen (1987). John. ISBN 0-8042-3125-7. p. 11.
- ^ "CATHOLIC ENCYCLOPEDIA: Bethany Beyond the Jordan". www.newadvent.org. Miġbur 2023-02-02.
- ^ Bruce Metzger, Textual Commentary on the Greek New Testament, 2nd ed. (1994), 171 u nru 5.
- ^ Harper's Bible Dictionary (1985), 105.
- ^ Raymond Brown, Gospel According to John I-XII, Anchor Bible (1968), 44-45.
- ^ Carson, D. A. (1991). Gospel According to John. ISBN 978-0851117492. pp. 146-147.
- ^ "Bethany Beyond the Jordan". cnewa.org. Miġbur 2023-02-02.
- ^ Alliata (1999), p. 122.
- ^ Zaimov, Stoyan; Reporter, Christian Post (2015-07-13). "Jesus' Baptism at Jordan River Named 'World Heritage Site;' but UNESCO Says Only on Jordanian Side, Not Israel". The Christian Post (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-02.
- ^ "Explore Street View and add your own 360 images to Google Maps". Google Maps Street View (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-02.
- ^ Keel, Othmar; Küchler, Max; Uehlinger, Christoph (1982). Othmar Keel, Max Küchler and Christoph Uehlinger, Orte und Landschaften der Bibel Volume 2, p. 530. ISBN 9783545230422.
- ^ Avraham Negev and Shimon Gibson (2001). Beth Abara. Archaeological Encyclopedia of the Holy Land. New York and London: Continuum. p. 75. ISBN 0-8264-1316-1.
- ^ "Pope Francis meets with refugees, disabled youth near Jordan's banks". www.archivioradiovaticana.va. Miġbur 2023-02-02.
- ^ "Letters of Authentication – Baptism Site". www.baptismsite.com. Miġbur 2023-02-02.
- ^ Lawrence, Jonathan David (2006-01-01). Washing in Water: Trajectories of Ritual Bathing in the Hebrew Bible and Second Temple Literature. Society of Biblical Literature. ISBN 9781589831995.
- ^ AP. "No evidence, but UN says Jesus baptized on Jordan's side of river, not Israel's". www.timesofisrael.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-02.
- ^ Kais, Roi; Eichner, Itamar (2015-07-06). "UNESCO settles Jesus baptism site controversy, says Jordan" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-02.
- ^ Piccirillo (1999), pp. 219-220.
- ^ "Baptism battles on River Jordan" (bl-Ingliż). 2009-09-15. Miġbur 2023-02-02.
- ^ Erhard Gorys (1996). Heiliges Land Kunst-Reiseführer (Holy Land: A culture guide) (in German). Cologne: DuMont. p. 160. ISBN 3-7701-3860-0.
- ^ Kais, Roi; Eichner, Itamar (2015-07-06). "UNESCO settles Jesus baptism site controversy, says Jordan" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-02.