Siracusa
Siracusa ([siraˈkuːza]; bid-djalett Sqalli: Sarausa [saɾaˈuːsa]) hija belt storika fil-gżira Taljana ta' Sqallija u l-belt kapitali tal-provinċja Taljana ta' Siracusa. Il-belt hija magħrufa għall-istorja Griega u Rumana rikka tagħha, għall-kultura, għall-anfiteatri, għall-arkitettura, u bħala l-post fejn twieled il-matematiku u l-inġinier importanti Arkimede.[1] Din il-belt bi storja ta' 2,700 sena kellha rwol ewlieni fi żmien il-qedem, meta kienet waħda mis-setgħat prinċipali tal-Mediterran. Siracusa tinsab fix-Xlokk nett tal-gżira ta' Sqallija, ħdejn il-Golf ta' Siracusa, maġenb il-Baħar Jonju. Tinsab f'biċċa art li togħla f'daqqa, b'fond saħansitra ta' 2,000 metru peress li tinsab qrib l-irdumijiet, għalkemm il-belt innifisha ġeneralment ma tantx għandha wisq għoljiet.
Siracusa | |||
---|---|---|---|
Italja | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Pajjiż | Italja | ||
Autonomous region with special statute | Sqallija | ||
Free municipal consortium | Free Municipal Consortium of Syracuse (en) | ||
Kap tal-Gvern | Francesco Italia (en) | ||
Isem uffiċjali | Siracusa | ||
Ismijiet oriġinali | Siracusa | ||
Kodiċi postali |
96100 | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 37°04′09″N 15°17′15″E / 37.0692°N 15.2875°EKoordinati: 37°04′09″N 15°17′15″E / 37.0692°N 15.2875°E | ||
Superfiċjenti | 207.78 kilometru kwadru, 898 hectare | ||
Għoli | 17 m | ||
Fruntieri ma' | Avola (en) , Melilli (en) , Noto (en) , Priolo Gargallo (en) , Solarino (en) , Canicattini Bagni (en) , Floridia (en) u Palazzolo Acreide (en) | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 116,244 abitanti (1 Jannar 2023) | ||
Informazzjoni oħra | |||
Fondazzjoni | 733 "BCE" | ||
Kodiċi tat-telefon |
0931 | ||
Żona tal-Ħin | UTC+1u UTC+2 | ||
bliet ġemellati | Muniċipalità ta' Stokkolma, Corinth (en) , Erchie (en) u Perugia | ||
comune.siracusa.it |
Il-belt ġiet stabbilita mill-Korinzji u mit-Tenej tal-Greċja Antika[2] u saret belt-stat setgħan ħafna. Siracusa kienet alleata ma' Sparta u Korinzju u eżerċitat influwenza kbira fuq il-Manja Greċja kollha, peress li kienet l-iżjed belt importanti tagħha. Ċiċerun jiddiskriviha bħala "l-ikbar belt Griega u l-isbaħ waħda minnhom kollha"[3], tant li kienet daqs Ateni matul is-seklu 5 Q.K.[4] Iktar 'il quddiem saret parti mir-Repubblika Rumana u mill-Imperu Biżantin. Taħt l-Imperatur Kostanzju II, Siracusa kienet il-belt kapitali tal-Imperu Biżantin mis-663 sas-669. Palermo iktar 'il quddiem saret iktar importanti minnha, bħala l-belt kapitali tar-Renju ta' Sqallija. Eventwalment, ir-renju ngħaqad mar-Renju ta' Napli u ġie ffurmat ir-Renju taż-Żewġ Sqallijiet sal-unifikazzjoni Taljana tal-1860.
Illum il-ġurnata, il-belt tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO flimkien man-Nekropoli ta' Pantalica.[5] Fiż-żona ċentrali, il-belt stess għandha popolazzjoni ta' madwar 125,000 ruħ.[6] Siracusa tissemma fil-Bibbja fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli 28:12 peress li San Pawl qagħad hemmhekk. Il-qaddisa patruna tal-belt hija Santa Luċija; hija twieldet f'Siracusa, u l-festa tagħha, Jum Santa Luċija, tiġi ċċelebrata fit-13 ta' Diċembru.
Storja
immodifikaŻmien il-qedem
immodifikaSiracusa u ż-żona ta' madwarha ilhom abitati minn żmien il-qedem, kif ħareġ fid-dieher mis-sejbiet fil-villaġġi ta' Stentinello, Ognina, Plemmirio, Matrensa, Cozzo Pantano u Thapsos, li diġà kellhom rabta mal-Greċja ta' Mycenae.
Siracusa ġiet stabbilita fis-734 jew fis-733 Q.K. mill-insedjaturi Griegi minn Korinzju u Tenea, immexxija mill-kolonizzatur Arkja. Hemm bosta varjanti attestati ta' isem il-belt, fosthom Συράκουσαι Syrakousai, Συράκοσαι Syrakosai u Συρακώ Syrakō. L-iżjed teorija aċċettata hija li l-Feniċi sejħulha Sour-ha-Koussim, li tfisser "Ġebla tal-gawwijiet", u li minnha oriġina l-isem ta' Siracusa. Oriġini possibbli ta' isem il-belt ingħatat minn Vibius Sequester li kkwota l-ewwel lil Stephanus Byzantius li kien hemm marġ ta' Siracusa (λίμνη) imsejjaħ Syrako u t-tieni lil Marcian f'Periegesis, fejn Arkju semma l-belt b'isem marġ fil-qrib; b'hekk wieħed jasal għall-isem Syrako (u mbagħad Syrakousai u varjanti oħra) għall-isem ta' Siracusa, isem attestat ukoll minn Epicharmus. L-insedjament ta' Siracusa kien avveniment ippjanat, peress li mexxej ċentrali b'saħħtu, l-aristokratiku Arkju, stabbilixxa kif il-proprjetà kellha tiġi diviża bejn l-insedjaturi, u stabbilixxa wkoll kif it-toroq tal-insedjament kellhom jinbnew u kemm kellhom ikunu wesgħin. Il-qalba tal-belt antika kienet il-gżejra ta' Ortigia. L-insedjaturi sabu li l-art kienet għammiela u t-tribujiet nativi ma rribellawx għall-preżenza tagħhom. Il-belt kibret u kattret il-ġid, u għal xi żmien kienet l-iktar belt Griega setgħana fil-Mediterran kollu. F'Akrai (664 Q.K.), f'Kasmenai (643 Q.K.), f'Akrillai (is-seklu 7 Q.K.), f'Helorus (is-seklu 7 Q.K.) u f'Kamarina (598 Q.K.) ġew stabbiliti wkoll kolonji.
Żmien klassiku
immodifikaId-dixxendenti tal-ewwel kolonjalisti, imsejħa Gamoroj, kellhom il-poter sa meta tkeċċew mill-klassi baxxa tal-belt bl-assistenza taċ-Ċillirjani, poplu nattiv fil-jasar bi status bħall-eloti ta' Sparta. Madankollu, il-Gamaroj reġgħu kisbu l-poter fl-485 Q.K., bis-saħħa tal-għajnuna ta' Gelo, il-mexxej ta' Gela. Gelo nnifsu sar id-despota tal-belt, ċaqlaq ħafna abitanti ta' Gela, Kamarina u Megara lejn Siracusa, u bena l-kwartieri ġodda ta' Tyche u Neapolis 'il barra mis-swar tal-belt. Il-programm tiegħu ta' kostruzzjonijiet ġodda kien jinkludi teatru ġdid, iddisinjat mill-arkitett Damocopos, li ta ħajja kulturali ġdida lill-belt: min-naħa l-oħra dan attira lil personalitajiet bħal Eskilu, Arju ta' Metimna u Ewmelu ta' Korinzju. Is-setgħa mkabbra ta' Siracusa għamlitha inevitabbli li jkun hemm taqbida kontra l-Kartaġiniżi, li kellhom f'idejhom il-Punent ta' Sqallija. Fil-Battalja ta' Imera, Gelo, li kien alleat ma' Teron ta' Agrigento, rebaħ b'mod deċiżiv kontra l-qawwa Afrikana mmexxija minn Amilcare. Sabiex jiġi mfakkar dan l-avveniment, fil-belt inbena tempju ddedikat lil Atena (fis-sit fejn illum hemm il-katidral).
Siracusa kibret b'mod konsiderevoli matul dan iż-żmien. Is-swar tagħha kienu jħaddnu 120 ettaru fis-seklu 5, iżda saħansitra għall-ħabta tal-470 Q.K., l-abitanti kienu diġà bdew jibnu 'l barra mis-swar. Il-popolazzjoni sħiħa tat-territorju ta' Siracusa kienet tlaħħaq bejn wieħed u ieħor 250,000 ruħ fl-415 Q.K. u d-daqs tal-popolazzjoni tal-belt stess x'aktarx li kien simili għal ta' Ateni.
Is-suċċessur ta' Gelo kien ħuh Hiero, li ssielet kontra l-Etruski f'Cumae fl-474 Q.K. It-tmexxija tiegħu ġiet eloġjata minn poeti bħal Simonides ta' Ceos, Bacchylides u Pindar, li żaru l-qorti tiegħu. Reġim demokratiku ddaħħal minn Thrasybulos fl-467 Q.K. Il-belt kompliet tespandi fi Sqallija, bil-ġlied kontra s-Sikuli ribellużi, u fil-Baħar Tirren, bi spedizzjonijiet sal-gżejjer ta'Korsika u Elba. Fl-aħħar tas-seklu 5 Q.K., Siracusa sabet ruħha fi gwerra ma' Ateni, li riedet iktar riżorsi biex tiġġieled il-Gwerra Peleponniża. Siracusa ngħatat l-għajnuna ta' ġeneral minn Sparta, l-għadu ta' Ateni fil-gwerra, biex tirbaħ kontra Ateni, teqridilhom il-vapuri tagħhom, u tħallihom imutu bil-ġuħ fuq il-gżira. Fl-401 Q.K., Siracusa kkontribwiet qawwa ta' 300 opliti u ġeneral lill-Armata ta' Għaxart Elef ta' Ċiru ż-Żgħir.
Imbagħad fil-bidu tas-seklu 4 Q.K., it-tirann Dijoniżju x-Xiħ reġa' daħal fi gwerra kontra Kartaġni u, għalkemm tilef Gela u Camarina, irreżista l-ħakma ta' Sqallija kollha. Wara tmiem il-kunflitt, Dijoniżju bena fortizza enormi fuq Ortigia u swar twal 22 kilometru madwar Siracusa kollha. Perjodu ieħor ta' espansjoni wassal għall-qerda ta' Naxos, Catania u Lentini; imbagħad Siracusa reġgħet daħlet fi gwerra kontra Kartaġni fit-397 Q.K. Wara diversi bidliet fix-xorti, il-Kartaġiniżi rnexxielhom jassedjaw lil Siracusa stess, iżda eventwalment xorta tnaffru minħabba l-pesta. Fit-392 Q.K. trattat ippermetta lil Siracusa tkabbar it-territorji tagħha, u b'hekk stabbiliet il-bliet ta' Adranon, Tyndarion u Tauromenos, u ħakmet lil Rhegion fuq il-kontinent. Fil-Baħar Adrijatiku, biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ, Dijoniżju x-Xiħ stabbilixxa lil Ancona, Adria u Issa. Apparti l-battalji tiegħu, Dijoniżju kien famuż bħala patrun tal-arti, u Platun innifsu żar Siracusa diversi drabi, fejn Dijoniżju, offiż minn Platun li azzarda ma jaqbilx mar-re, tefa' lill-filosfu l-ħabs u bigħu bħala skjav.
Is-suċċessur tiegħu kien Dijoniżju ż-Żgħir, li madankollu tkeċċa minn Dijon fit-356 Q.K. Minkejja dan, it-tmexxija tiranna ta' dan tal-aħħar wasslet għall-espulsjoni tiegħu, u Dijoniżju reġa' tela' fuq it-tron fit-347 Q.K. Dijoniżju ġie assedjat f'Siracusa mill-ġeneral ta' Siracusa stess, Iċeta, fit-344 Q.K. Is-sena ta' wara, il-Korinzju Timoleon daħħal reġim demokratiku fil-belt wara li eżilja lil Dijoniżju u rebaħ kontra Iċeta. Is-sensiela twila ta' taqbidiet interni dgħajfet il-poter ta' Siracusa fil-gżira, u Timoleon ipprova jagħmel tajjeb għal dan, billi rebaħ kontra l-Kartaġiniżi fil-Battalja ta' Krimiżu fit-339 Q.K.
Żmien Ellenistiku
immodifikaWara l-mewt ta' Timoleon, it-taqbida interna fil-belt reġgħet qabdet ġmielha u ntemmet bir-rebħa ta' tirann ieħor, Agatokli, li ħataf il-poter b'kolp ta' stat fit-317 Q.K. Huwa kompla l-gwerra kontra Kartaġni, fejn ġieli ġietu tajba u ġieli le. Huwa ġie assedjat f'Siracusa mill-Kartaġiniżi fit-311 Q.K., iżda rnexxielu jaħrab mill-belt bi flotta żgħira. Huwa kiseb suċċess morali, wassal il-gwerra fl-art Afrikana nativa tal-Kartaġiniżi, u l-għadu ġarrab telfiet kbar. Id-difensuri ta' Siracusa qerdu l-armata Kartaġiniża li assedjathom. Madankollu, Agatokli eventwalment tilef fl-Afrika wkoll. Il-gwerra ntemmet bi trattat ieħor tal-paċi li xorta waħda ma pprevjenix lill-Kartaġiniżi milli jinterferixxu fil-politika ta' Siracusa wara l-mewt ta' Agatokli (289 Q.K.). Huma assedjaw lil Siracusa għar-raba' u l-aħħar darba fil-278 Q.K. Huma rtiraw mal-wasla tar-Re Pyrrhus ta' Epirus, fuq talba ta' għajnuna minn Siracusa. Wara perjodu qasir taħt it-tmexxija ta' Epirus, Hiero II ħataf il-poter fil-275 Q.K.
Hiero inawgura perjodu ta' 50 sena ta' paċi u ta' prosperità, li matulhom Siracusa saret waħda mill-iktar bliet kapitali rinomati ta' Żmien il-qedem. Huwa ħareġ l-hekk imsejħa Lex Hieronica, li iktar 'il quddiem ġiet adottata mir-Rumani għall-amministrazzjoni tagħhom ta' Sqallija; huwa ordna wkoll li t-teatru jitkabbar u li jinbena wkoll artal enormi ġdid magħruf bħala l-"Artal ta' Hiero". Taħt it-tmexxija tiegħu għexet l-iktar persuna famuża ta' Siracusa, il-matematiku u l-filosfu naturali Arkimede. Fost il-bosta invenzjonijiet tiegħu kien hemm diversi magni militari, inkluż difer Arkimede, li iktar 'il quddiem intuża għar-reżistenza kontra l-assedju tar-Rumani tal-214-212 Q.K. Persuni letterarji oħra kienu jinkludu lil Teokritu u oħrajn.
Is-suċċessur ta' Hiero, iż-żagħżugħ Ġeronimu (li mexxa mill-215 Q.K.), kiser l-alleanza mar-Rumani wara t-telfa tagħhom fil-Battalja ta' Cannae u aċċetta l-appoġġ ta' Kartaġni. Ir-Rumani, immexxija mill-konslu Marcus Claudius Marcellus, assedjaw il-belt fil-214 Q.K. Il-belt irreżistiet għal tliet snin, iżda tilfet fil-212 Q.K. Is-suċċessi ta' Siracusa li rnexxielha tirreżisti kontra l-assedju tar-Rumani ġabet magħha fiduċja żejda. Fil-212 Q.K., ir-Rumani rċevew l-informazzjoni li l-abitanti tal-belt kellhom jipparteċipaw fil-festival annwali ddedikat lill-alla femminili tagħhom Artemis. Grupp żgħir ta' suldati Rumani qorob lejn il-belt billejl u rnexxielhom jixxabtu mas-swar u jidħlu fin-naħa ta' barra tal-belt. F'qasir żmien issaħħew u kisbu l-kontroll, filwaqt li qatlu lil Arkimede, iżda l-fortizza prinċipali baqgħet soda. Wara assedju li dam tmien xhur u waqt taħditiet ta' armistizju, kaptan Iberiku msejjaħ Moeriscus jingħad li ħalla r-Rumani jidħlu minn ħdejn il-Funtani ta' Aretusa. Mas-sinjal maqbul minn qabel, waqt attakk diversiv, huwa fetaħ ix-xatba tas-swar. Wara li poġġa gwardji mad-djar tal-fazzjoni li kienet favur ir-Rumani, Marcellus ċeda lil Siracusa.
Żmien ir-Rumani u l-Biżantini
immodifikaGħalkemm tul is-snin qabdet it-triq tan-niżla, Siracusa żammet l-istatus ta' belt kapitali tal-gvern Ruman ta' Sqallija u ta' sede tal-pretur. Baqgħet port importanti għall-kummerċ bejn il-partijiet tal-Lvant u tal-Punent tal-Imperu. Il-Kristjaneżmu nfirex fil-belt bis-saħħa tal-isforzi ta' Pawlu ta' Tarsu u San Marzjanu, l-ewwel isqof tal-belt, li għamilha wieħed miċ-ċentri ewlenin tal-proselitiżmu fil-Punent. Fiż-żmien ta' persegwitazzjonijiet kontra l-Kristjani, tnaqqxu bosta katakombi enormi, b'daqs inferjuri biss għal dawk ta' Ruma.
Wara perjodu taħt il-Vandali fl-469-477, Siracusa u l-gżira ġew irkuprati mir-Rumani taħt Odoacer fl-476-491 u Teodoriku l-Kbir fl-491-526, minn Belisarju għall-Imperu Biżantin fil-31 ta' Diċembru 535.[7] Mis-663 sas-668, Siracusa kienet is-sede tal-Imperatur Kostanzju II li kien jitkellem bil-Grieg, u kienet ukoll il-belt kapitali tal-Imperu Biżantin (l-Imperu Ruman tal-Lvant) u metropoli tal-Knisja Sqallija kollha. Kostanzju II nqatel meta ġew issuspettati l-pjanijiet tiegħu li jissostitwixxi b'mod permanenti l-belt kapitali ta' Kostantinopli b'Siracusa.
Emirat ta' Sqallija
immodifikaIl-belt ġiet assedjata mill-Aglabidi għal kważi sena sħiħa fit-827-828, iżda r-rinforzi Biżantini pprevjenew il-waqgħa tagħha. Baqgħet iċ-ċentru tar-reżistenza Biżantina għall-ħakma Musulmana gradwali ta' Sqallija sa ma spiċċat f'idejn l-Aglabidi wara assedju ieħor fl-20/21 ta' Mejju 878. Matul iż-żewġ sekli ta' ħakma Musulmana, il-belt kapitali tal-Emirat ta' Sqallija ġiet ittrasferita minn Siracusa għal Palermo. Il-katidral ġie kkonvertit f'moskea u l-kwartier tal-gżira ta' Ortigia gradwalment reġa' nbena bi stili Iżlamiċi. Minkejja dan, il-belt żammet relazzjonijiet kummerċjali importanti, u ospitat ħajja relattivament kulturali u artistika importanti: diversi poeti Għarab, inkluż Ibn Hamdis, l-iżjed poeta Għarbi Sqalli importanti tas-seklu 12.
Renju Normann ta' Sqallija
immodifikaFl-1038, il-ġeneral Biżantin George Maniakes reġa' ħakem il-belt, u bagħat ir-relikwi ta' Santa Luċija lejn Kostantinopli. Il-Kastell ta' Maniakes fil-kap ta' Ortigia ngħata kunjomu, għalkemm inbena taħt it-tmexxija tal-familja Hohenstaufen. Fl-1085, in-Normanni daħlu f'Siracusa, waħda mill-aħħar fortizzi tal-Għarab, wara assedju li dam sajf sħiħ minn Ruġġieru I ta' Sqallija u ibnu Ġordan ta' Hauteville, li ngħata l-belt bħala l-Konti. Inbnew kwartieri ġodda, u l-katidral flimkien ma' knejjes oħra ġew irrestawrati.
Medju Evu
immodifikaFl-1194, l-Imperatur Enriku VI okkupa r-Renju ta' Sqallija, inkluż Siracusa. Wara perjodu qasir taħt it-tmexxija ta' Genova (1205-1220), taħt l-ammirall u l-pirata famuż Alamanno da Costa, li kien favur iż-żieda tas-snajja', awtorità rjali ġiet stabbilita fil-belt minn Federiku II. Huwa beda l-kostruzzjoni tal-Kastell ta' Maniakes, il-Palazz tal-Isqfijiet u l-Palazz ta' Bellomo. Il-mewt ta' Federiku ġabet magħha perjodu ta' rvelli u anarkija fewdali. Fil-Gwerra tal-Vespri Sqallin bejn l-Anġojini u l-Aragoniżi għall-kontroll ta' Sqallija, Siracusa xaqilbet mal-Aragoniżi u keċċiet lill-Anġojini fl-1298, u b'hekk irċeviet bosta privileġġi mis-sovrani Spanjoli. Il-qawwa tal-familji ta' baruni toħroġ fid-dieher ukoll mill-kostruzzjoni tal-palazzi ta' Abela, Chiaramonte, Nava u Montalto.
Sekli 16-20
immodifikaIl-belt ġiet mheżża minn żewġ terremoti kbar fl-1542 u fl-1693, u mbagħad ġiet affettwata minn pesta fl-1729. Il-qerda tas-seklu 17 bidlet id-dehra ta' Siracusa għal dejjem, kif ukoll dik ta' Val di Noto kollu, u l-bliet reġgħu nbnew skont il-linji tipiċi tal-Barokk Sqalli, meqjus waħda mill-iżjed espressjonijiet tipiċi tal-arkitettura tan-Nofsinhar tal-Italja. It-tifrix tal-kolera fl-1837 wasslet għal rewwixta kontra l-gvern tal-Borboni. Il-kastig kien it-trasferiment tas-sede kapitali tal-provinċja lejn Noto, iżda l-irvelli xorta baqgħu għaddejin, sa ma Siracusa ħadet sehem fir-rivoluzzjoni ta' Sqallija tal-1848.
Wara l-unifikazzjoni tal-Italja tal-1865, Siracusa reġgħet kisbet l-istatus ta' belt kapitali provinċjali. Fl-aħħar tas-seklu 19, is-swar (inkluż Porta Ligny) twaqqgħu u nbena pont li jgħaqqad l-art prinċipali ta' Sqallija mal-gżira ta' Ortigia. Is-sena ta' wara nbniet linja ferrovjarja.
Storja moderna
immodifikaFl-1943, kemm il-bumbardamenti tal-Alleati u tal-Ġermaniżi fuq il-belt ikkawżaw ħsarat estensivi matul it-Tieni Gwerra Dinjija. L-Operazzjoni Husky, il-laqam għall-invażjoni ta' Sqallija min-naħa tal-Alleati, ġiet varata billejl bejn id-9 u l-10 ta' Lulju 1943 u l-forzi Brittaniċi attakkaw ix-Xlokk tal-gżira. Il-pjan kien li l-Ħames Diviżjoni tal-Fanterija Brittanika, li kienet parti mit-Tmien Armata tal-Ġeneral Sir Bernard Montgomery, taħkem lil Siracusa fl-ewwel jum tal-invażjoni. Din il-parti tal-operazzjoni mxiet għalkollox skont il-pjan, u l-forzi Brittaniċi ħakmu lil Siracusa fl-ewwel lejl tal-operazzjoni.[8] Il-port imbagħad intuża bħala bażi għall-Flotta Navali Rjali Brittanika. Fil-Punent tal-belt hemm ċimiterju bl-oqbra tal-gwerra tal-Commonwealth fejn indifnu madwar 1,000 persuna. Wara tmiem il-gwerra, il-kwartieri tat-Tramuntana ta' Siracusa esperjenzaw espansjoni enormi, li spiss kienet kaotika, fid-dawl tal-proċess mgħaġġel tal-industrijalizzazzjoni.
Siracusa llum il-ġurnata għandha popolazzjoni ta' madwar 125,000 ruħ u bosta attrazzjonijiet għall-viżitaturi interessati fis-siti storiċi (bħal Widnet Dijoniżju). Mis-snin 90 tas-seklu 20, iċ-ċentru storiku għadda minn proċess ta' rkupru u ta' restawr. Xi postijiet notevoli fil-qrib huma Catania, Noto, Modica u Ragusa.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaSiracusa u n-Nekropoli ta' Pantalica ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2005.[5]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[5]
Ġeografija
immodifikaKlima
immodifikaSiracusa għandha klima Mediterranja (bi klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen ta' Csa) bi sjuf sħan u xotti, u xtiewi bix-xita. Il-borra qajla tinżel; l-aħħar borra fil-belt niżlet f'Diċembru 2014. Ikun hemm il-ġlata qajla wkoll; l-aħħar ġlata seħħet f'Diċembru 2014 meta t-temperatura niżlet għal rekord bla preċedent ta' 0 °C.
Temperatura ta' 48.8 °C (119.8 °F) ġiet irreġistrat f'Siracusa mis-Servizz tal-Informazzjoni Agrometeoroloġika ta' Sqallija (SAIS) nhar il-11 ta' Awwissu 2021. Jekk din tiġi rikonoxxuta mill-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija, din kieku tkun l-ogħla temperatura li qatt ġiet irreġistrata fl-Ewropa. Madankollu, Guido Guidi, il-logotenent kurunell tas-Servizz Meteoroloġiku Taljan, isostni li l-ogħla temperatura rreġistrata fl-istazzjonijiet tal-organizzazzjoni matul il-mewġa ta' sħana kienet 44.4 °C (111.9 °F), fl-Istazzjon Navali tal-Ajru ta' Sigonella.[9] Guidi jisħaq li d-data rrapportata mis-SAIS "ġiet prodotta direttament mill-istazzjonijiet u ma ġietx soġġetta għal xi proċedura ta' kontroll u ta' validazzjoni, la awtomatika u lanqas manwali. Għalhekk, jaf ġiet irrapportata bi żball minħabba xi ħsara fis-sensur jew xi interventi ta' manutenzjoni".[9]
Data klimatika għal Siracusa | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja rekord f'°C (°F) | 18.6
(65.5) |
19.6
(67.3) |
21.6
(70.9) |
24.4
(75.9) |
28.9
(84.0) |
34.0
(93.2) |
36.5
(97.7) |
35.8
(96.4) |
32.7
(90.9) |
28.7
(83.7) |
24.1
(75.4) |
20.0
(68.0) |
36.5
(97.7) |
Temp. għolja medja f'°C (°F) | 14.8
(58.6) |
15.3
(59.5) |
17.1
(62.8) |
19.7
(67.5) |
23.7
(74.7) |
28.2
(82.8) |
31.3
(88.3) |
31.2
(88.2) |
28.1
(82.6) |
24.0
(75.2) |
19.6
(67.3) |
16.3
(61.3) |
22.4
(72.3) |
Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) | 11.1
(52.0) |
11.4
(52.5) |
12.9
(55.2) |
15.2
(59.4) |
18.8
(65.8) |
23.0
(73.4) |
26.0
(78.8) |
26.2
(79.2) |
23.7
(74.7) |
20.0
(68.0) |
15.8
(60.4) |
12.6
(54.7) |
18.1
(64.6) |
Temp. baxxa medja f'°C (°F) | 7.3
(45.1) |
7.5
(45.5) |
8.7
(47.7) |
10.7
(51.3) |
13.9
(57.0) |
17.8
(64.0) |
20.7
(69.3) |
21.2
(70.2) |
19.2
(66.6) |
16.0
(60.8) |
12.1
(53.8) |
9.0
(48.2) |
13.7
(56.7) |
Temp. baxxa rekord f'°C (°F) | −0.5
(31.1) |
3.1
(37.6) |
4.3
(39.7) |
6.6
(43.9) |
9.7
(49.5) |
13.8
(56.8) |
17.0
(62.6) |
17.9
(64.2) |
15.3
(59.5) |
11.0
(51.8) |
7.1
(44.8) |
0.0
(32.0) |
−0.5
(31.1) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 75
(3.0) |
52
(2.0) |
44
(1.7) |
30
(1.2) |
16
(0.6) |
5
(0.2) |
3
(0.1) |
7
(0.3) |
44
(1.7) |
78
(3.1) |
94
(3.7) |
78
(3.1) |
526
(20.7) |
Medja ta' jiem ta' preċipitazzjoni | 9 | 7 | 6 | 4 | 3 | 1 | 1 | 1 | 4 | 7 | 8 | 9 | 60 |
Medja tal-indiċi ultravjola | 2 | 3 | 5 | 7 | 8 | 9 | 10 | 9 | 7 | 5 | 3 | 2 | 6 |
Sors: L-Arkivju Klimatiku Enea-Casaccia[10] u Weather Atlas[11] |
Demografija
immodifikaFl-2016, kien hemm 122,051 resident f'Siracusa, fil-Provinċja ta' Siracusa, Sqallija. 48.7 % minnhom kienu rġiel u 51.3 % kienu nisa. L-ammont ta' minorenni (tfal ta' 18-il sena jew inqas) kien 18.9 % tal-popolazzjoni meta mqabbla mal-pensjonanti li jammontaw għal 16.9 %. Dan huwa simili għall-medja Taljana ta' 18.1 % (minorenni) u 19.9 % (pensjonanti). L-età medja ta' resident ta' Siracusa hija ta' 40 sena, mentri l-medja Taljana hija ta' 42 sena. Fil-ħames snin bejn l-2002 u l-2007, il-popolazzjoni ta' Siracusa naqset b'0.5 %, filwaqt li dik tal-Italja kollha kibret bi 3.6 %. Ir-raġuni tat-tnaqqis fil-popolazzjoni hija li bosta nies marru jgħixu fis-subborgi tal-madwar u fit-Tramuntana tal-Italja. Ir-rata tat-twelid attwali ta' Siracusa hija 9.75 wild għal kull 1,000 abitant, meta mqabbla mal-medja Taljana ta' 9.45 wild.
Mill-2006, 97.9 % tal-popolazzjoni kellha dixxendenza Taljana. L-ikbar grupp ta' immigranti kellhom dixxendenza minn nazzjonijiet Ewropej oħra (b'mod partikolari mill-Polonja u mir-Renju Unit): 0.6 %, mit-Tramuntana tal-Afrika (l-iktar mit-Tuneżija): 0.5 %, u mix-Xlokk tal-Asja: 0.4 %.
Turiżmu
immodifikaBinjiet ta' Żmien il-Griegi
immodifika- It-Tempju ta' Apollo, f'Piazza Emanuele Pancali, adattat għal knisja fi żmien il-Biżantini u għal moskea fi żmien il-Musulmani fi Sqallija.
- Il-Funtana ta' Aretusa, fil-gżira ta' Ortigia. Skont leġġenda, in-ninfea Aretusa, ikkaċċjata minn Alfeo, stkennet hawnhekk.
- It-Teatru Grieg, b'waħda mill-ikbar cavea li qatt inbnew mill-Griegi Antiki: għandu 67 ringiela, maqsuma f'disa' sezzjonijiet bi tmien korsiji. Jifdal biss ftit traċċi tax-xenarju u tal-orkestra. Il-binja (li għadha tintuża sa llum il-ġurnata) ġiet immodifikata mir-Rumani, li adattawha għall-istil differenti tal-ispettakli, inkluż ukoll spettakli taċ-ċirklu. Ħdejn it-teatru hemm il-latomìe, barrieri tal-ġebel, li ntużaw ukoll bħala ħabsijiet fi żmien il-qedem. L-iktar latomìa famuża hija Widnet Dijoniżju (bit-Taljan: Orecchio di Dionisio).
- L-Anfiteatru Ruman, li tnaqqax parzjalment mill-blat. Fin-nofs taż-żona hemm spazju rettangolari li kien jintuża għall-makkinarju tax-xenarji.
- Il-Qabar ta' Arkimede, fin-Nekropoli ta' Grotticelli. Imżejjen b'żewġ kolonni Doriċi.
- It-Tempju ta' Żeus ta' Olimpja, xi tliet kilometri 'l barra mill-belt, li nbena għall-ħabta tas-seklu 6 Q.K.
Binjiet ta' Żmien il-Kristjaneżmu
immodifika- Il-Katidral ta' Siracusa (bit-Taljan: Il Duomo): li nbena mill-isqof Zosimo fis-seklu 7 fuq it-Tempju l-Kbir ta' Atena tas-seklu 5 Q.K., fil-gżira ta' Ortigia. Dan kien binja Dorika b'sitt kolonni fuq in-naħat qosra u b'14-il kolonna fuq in-naħat twal: dawn għadhom inkorporati fil-ħitan tal-Katidral. Il-bażi tat-tempju kellha tliet tarġiet. Fuq ġewwa, il-knisja għandha navata u żewġ korsiji. Is-saqaf tan-navata jmur lura għal żmien in-Normanni, l-istess bħall-mużajk fl-apsidi. Il-faċċata reġgħet inbniet minn Andrea Palma fl-1725-1753, b'ordni doppju ta' kolonni Korinzji, u statwi ta' Ignazio Marabitti. Fuq ġewwa hemm ukoll fonti tal-irħam tas-sekli 12-13, statwa tal-fidda ta' Santa Luċija magħmula minn Pietro Rizzo (1599), ciborium ta' Luigi Vanvitelli, u statwa tal-Madonna tal-Borra (1512) ta' Antonello Gagini.
- Il-Bażilika ta' Santa Luċija extra moenia: knisja Biżantina li nbniet (wara li nbniet fi żmien in-Normanni), skont it-tradizzjoni, fl-istess post fejn mietet martri l-qaddisa fit-303 W.K. Id-dehra attwali hija ta' żmien is-sekli 15-16. L-iżjed partijiet antiki għadhom ippreservati, inkluż il-portal, it-tliet apsidi semiċirkolari u l-ewwel żewġ ordnijiet tat-torri tal-kampnar. Taħt il-knisja hemm il-Katakombi ta' Santa Luċija. Għal din il-knisja Caravaggio pitter id-Dfin ta' Santa Luċija.
- Is-Santwarju tal-Madonna tad-Dmugħ: knisja u santwarju tas-seklu 20.
- Il-Knisja ta' San Benedittu: knisja tas-seklu 16, irrestawrata wara l-1693. Tospita pittura tal-Mewt ta' San Benedittu mill-Caravaggista Mario Minniti.
- Il-Knisja tal-Kunċizzjoni, knisja tas-seklu 14 li reġgħet inbniet fis-seklu 18, bil-kunvent Benedittin anness magħha.
- Il-Knisja ta' San Kristofru: knisja tas-seklu 14 li reġgħet inbniet fis-seklu 18.
- Il-Knisja ta' San Ġwann Battista: knisja tas-seklu 14.
- Il-Knisja ta' San Filep l-Appostlu: knisja tas-seklu 18 b'taraġ li jwassal 'l isfel sal-banju tar-riti tal-Lhud (Mikveh) li jmur lura għal qabel l-espulsjoni tal-Lhud fl-1492.
- Il-Knisja ta' San Filippo Neri: faċċata tas-seklu 17 u rikostruzzjoni fuq ġewwa tas-seklu 18.
- Il-Knisja ta' San Franġisk lill-Immakulata: knisja b'faċċata konvessa b'kolonni u pilastri. Ospitat ċelebrazzjoni antika, l-iSvelata (ir-"Rivelazzjoni"), fejn ġiet żvelata immaġni tal-Madonna fit-tlugħ ix-xemx tad-29 ta' Novembru.
- Il-Knisja ta' San Ġwann l-Evanġelista: il-knisja u bażilika li nbniet min-Normanni u li nqerdet fl-1693. Ġiet restawrata parzjalment, u kienet inbniet fuq kripta antika tal-martri San Marzjanu, li mbagħad inqerdet mill-Għarab. L-artal prinċipali huwa Biżantin. Tinkludi l-Katakombi ta' San Ġwann, b'labirint ta' mini u passaġġi taħt l-art, u b'eluf ta' oqbra u diversi affreski.
- Il-Knisja ta' San Ġużepp: fdalijiet ta' knisja ottagonali tas-seklu 18
- Il-Knisja ta' Santa Luċija alla Badia: knisja Barokka u santwarju, mibnija wara t-terremot tal-1693.
- Il-Knisja ta' Santa Marija tal-Mirakli: knisja tas-seklu 14.
- Il-Knisja ta' San Martin: knisja tas-seklu 6, faċċata tas-seklu 14, fuq ġewwa tas-seklu 18.
- Il-Knisja ta' San Pawl l-Appostlu: knisja tas-seklu 18.
- Il-Knisja tal-Ispirtu s-Santu: knisja tas-seklu 18.
- Il-Knisja tal-Kulleġġ tal-Ġiżwiti, binja Barokka maestuża.
Binjiet notevoli oħra
immodifika- Il-Kastell ta' Castello Maniakes, inbena bejn l-1232 u l-1240, huwa eżempju tal-arkitettura militari tar-renju ta' Federiku II. Huwa struttura kwadra b'torrijiet ċirkolari f'kull waħda mill-erba' rkejjen. L-iżjed karatteristika li tispikka hija l-portal ippuntat imżejjen b'irħam polikromatiku.
- Il-Mużew Arkeoloġiku, b'kollezzjonijiet li jinkludu sejbiet min-nofs iż-Żmien tal-Bronż sas-seklu 5 Q.K.
- Il-Palazz ta' Lanza Buccheri, is-seklu 16.
- Il-Palazz ta' Bellomo, is-seklu 12, li fih mużew tal-arti li jospita t-Tħabbira ta' Antonello da Messina (1474).
- Il-Palazz ta' Montalto, is-seklu 14, li jikkonserva l-faċċata l-antika mis-seklu 14, b'portal ippuntat.
- Il-Palazz tal-Arċisqof, is-seklu 17, immodifikat fis-seklu ta' wara. Jospita l-Librerija Alagonjana, stabbilita fl-aħħar tas-seklu 18.
- Il-Palazz ta' Vermexio: attwalment il-Muniċipju, jinkludi frammenti ta' tempju Joniku tas-seklu 5 Q.K.
- Il-Palazzo ta' Francica Nava, b'partijiet tal-binja oriġinali tas-seklu 16.
- Il-Palazz Beneventano del Bosco, li nbena oriġinarjament fil-Medju Evu iżda ġie mmodifikat b'mod estensiv bejn l-1779 u l-1788. Għandu bitħa interna tassew ħelwa.
- Il-Palazz Migliaccio, is-seklu 15, b'dekorazzjonijiet notevoli tal-intarsjar vulkaniku.
- Il-Palazz tas-Senat, li fil-qorti jospita karozza tas-seklu 18.
- Il-Kastell ta' Euryalos, li nbena disa' kilometri 'l barra mill-belt minn Dijoniżju x-Xiħ u li għandu waħda mill-iżjed fortizzi setgħana ta' żmien il-qedem. Kellu tliet ħniedaq b'sensiela ta' galleriji taħt l-art li kienu jippermettu lid-difensuri jneħħu l-materjali li l-attakkanti setgħu jużaw kontrihom.
- Il-Mikveh: banju użat għall-immersjoni ritwali fil-Ġudaiżmu, mibni fi żmien il-Biżantini. Jinsab fil-Giudecca: il-kwartier antik tal-Lhud f'Siracusa.
- Il-Monument għat-Taljani li Mietu fl-Afrika.
Nies famużi
immodifika- Arkimede, matematiku, fiżiku u inġinier tal-Greċja Antika
- Akeo ta' Siracusa, kittieb tat-traġedji Grieg
- Temistoġene, storiku Grieg li kiteb dwar l-Anabasis u xi xogħlijiet oħra dwar Siracusa[12]
- Santa Luċija, martri Rumana
- Papa Stiefnu III
- Ibn Hamdis, poeta Għarbi Sqalli
- Vincenzo Mirabella (1570- 624), umanista u pijunier tal-arkeoloġija
- Claudio Schifano (li twieled fl-1953), artist kontemporanju ta' pitturi informali
Sport
immodifikaSiracusa tospita l-klabb tal-futbol ta' A.S.D. Città di Siracusa, l-aħħar wieħed minn diversi klabbs ta' qablu li jmorru lura sal-1924. It-tim jilbes gerijiet kaħlanija, u għalhekk għandu l-laqam tal-Azzurri. It-tim tal-futbol ta' Siracusa jilgħab fl-Istadium Nicola De Simone li jiflaħ bejn wieħed u ieħor 5,000-6,000 ruħ.
Referenzi
immodifika- ^ "BBC - History - Archimedes". www.bbc.co.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-15.
- ^ Strabo (1927). Jones, H. L. (ed.). Geography. Vol. 4. Cambridge, Massachusetts: Harvard University Press. 8.6.22. ISBN 978-0-674-99201-6.
- ^ Marcus Tullius Cicero (1903). "Against Verres". In Yonge, C. D. (ed.). The Orations of Marcus Tullius Cicero. London: George Bell & Sons. 2.4.52.
- ^ Morris, Ian (2008). "The Greater Athenian State". In Morris, Ian; Scheidel, Walter (eds.). The Dynamics of Ancient Empires: State Power from Assyria to Byzantium. Oxford, United Kingdom: Oxford University Press. p. 115. ISBN 978-0-19-970761-4.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Syracuse and the Rocky Necropolis of Pantalica". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-15.
- ^ "ISTAT". web.archive.org. 2018-12-16. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-12-16. Miġbur 2022-03-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ J. B. Bury, History of the Later Roman Empire, 1958 Edition, Vol I pp. 254, 327, 410; Vol II p. 171
- ^ Bitter Victory: The Battle for Sicily, 1943 by Carlo D'Este, p. 148.
- ^ a b "Caldo record: a Siracusa 48,8 gradi, mai una temperatura così alta in Europa". la Repubblica (bit-Taljan). 2021-08-11. Miġbur 2022-03-15.
- ^ "Enea-Casaccia". web.archive.org. 2014-11-03. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-11-03. Miġbur 2022-03-15.
- ^ Aladin. "Syracuse, Italy - Detailed climate information and monthly weather forecast". Weather Atlas (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-15.
- ^ "ToposText". topostext.org. Miġbur 2022-03-15.