Sigiriya
Sigiriya jew Sinhagiri (magħrufa wkola bħala l-Blata tal-Iljun; bis-Singaliż: සීගිරිය, bit-Tamil: சிகிரியா/சிங்ககிரி, pronunzjata: SEE-gi-ri-yə) hija fortizza tal-qedem fuq il-blat li tinsab fit-Tramuntana tad-Distrett ta' Matale qrib ir-raħal ta' Dambulla fil-Provinċja Ċentrali, is-Sri Lanka. Hija sit ta' importanza storika u arkeoloġika ddominata minn massa enormi tal-granit, għolja madwar 180 metru (590 pied).
Skont il-ġrajja tal-qedem tas-Sri Lanka magħrufa bħala l-Cūḷavaṃsa, dawn l-inħawi kienu foresta kbira, imbagħad wara għadd ta' maltempati u ċedimenti tal-art saret għolja u ntgħażlet mir-Re Kashyapa (477–495 W.K.) għall-belt kapitali l-ġdida tiegħu. Huwa bena l-palazz tiegħu fil-quċċata ta' din il-blata u żejjen il-ġnub tagħha b'affreski kkuluriti. Fuq promontorju żgħir bejn wieħed u ieħor nofs triq 'il fuq fil-ġenb ta' din il-blata, huwa bena daħla b'għamla ta' ljun enormi. Isem dan il-post oriġina minn din l-istruttura; Siṃhagiri, jiġifieri l-Blata tal-Iljun.
Il-belt kapitali u l-palazz irjali ġew abbandunati wara l-mewt tar-re. Intużat bħala monasteru Buddista sas-seklu 14[1] u llum il-ġurnata Sigiriya hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2] Hija wieħed mill-aqwa eżempji ppreservati ta' ppjanar urban tal-qedem.[3]
Storja
immodifikaImgħoddi storiku
immodifikaX'aktarx li l-inħawi ta' madwar Sigiriya ilhom abitati mill-preistorja. Hemm evidenza ċata li bosta għerien u postijiet imkennija fil-blat fil-qrib kienu okkupati minn patrijiet Buddisti u axxetiċi saħansitra mis-seklu 3 Q.K. L-iżjed evidenza bikrija ta' abitazzjoni umana f'Sigiriya huwa s-sit ta' Aligala fil-Lvant tal-blata ta' Sigiriya, li jindika li l-inħawi ilhom okkupati mill-ħabta tat-3000 Q.K. matul il-Perjodu Mesolitiku.
L-insedjamenti monastiċi Buddisti ġew stabbiliti matul is-seklu 3 Q.K. fix-xaqlibiet tal-Punent u tat-Tramuntana tal-għoljiet mimlijin ħaġar madwar il-blata ta' Sigiriya. Diversi postijiet imkennija jew għerien inħolqu matul dan il-perjodu. Dawn il-postijiet tħaffru taħt ħaġriet kbar, b'gandotti mħaffrin għat-taqtir madwar il-bokok tal-għerien. Diversi inċiżjonijiet fil-blat ġew imnaqqxin qrib dawn il-gandotti tat-taqtir f'ħafna minn dawn il-postijiet, u b'hekk irreġistraw pereżempju d-donazzjoni tal-postijiet imkennija lill-ordni monastiku Buddist bħala residenzi. Dawn saru bejn is-seklu 3 Q.K. u s-seklu 1 W.K.
Fl-477 W.K., Kashyapa I, iben ir-re minn konsorti mhux irjali, ħataf it-tron mingħand ir-Re Dhatusena, wara kolp megħjun minn Migara, in-neputi tar-re u l-kmandant tal-armata. Dak li suppost kien l-eredi mistħoqq, Moggallana, beża' għal ħajtu, u ħarab lejn in-Nofsinhar tal-Indja. Beżgħan minn xi attakk ta' Moggallana, Kashyapa ttrasferixxa l-belt kapitali u r-residenza tiegħu mill-belt kapitali tradizzjonali ta' Anuradhapura lejn Sigiriya peress li kienet meqjusa iktar sikura. Matul ir-renju tar-Re Kashyapa (477–495 W.K.), Sigiriya ġiet żviluppata f'belt u f'fortizza kumplessi. Il-biċċa l-kbira tal-kostruzzjonijiet elaborati fuq il-quċċata tal-blata u madwarha, inkluż l-istrutturi difensivi, il-palazzi u l-ġonna, imorru lura għal dan il-perjodu.
Il-Cūḷavaṃsa tiddeskrivi lir-Re Kashyapa bħala iben ir-Re Dhatusena. Kashyapa qatel lil missieru billi għalqu ħaj wara ħajt u mbagħad ħataf it-tron li fil-verità kien l-eredi tiegħu ħuh tar-rispett Moggallana, iben Dhatusena mir-reġina. Moggallana ħarab lejn l-Indja biex ma jinqatilx minn Kashyapa, iżda wiegħed vendetta. Fl-Indja huwa bena armata bl-intenzjoni li jirritorna u jerġa' jieħu t-tron tas-Sri Lanka, li suppost kien tiegħu bi dritt. Beżgħan li xi darba jew oħra Moggallana kien se jirritorna, Kashyapa jingħad li bena l-palazz tiegħu fuq il-quċċata ta' Sigiriya bħala fortizza kif ukoll bħala palazz rikreattiv. Moggallana fl-aħħar mill-aħħar wasal, iddikjara gwerra, u rebaħ kontra Kashyapa fl-495 W.K. Matul il-battalja, l-armati ta' Kashyapa abbandunawh u huwa għamel suwiċidju billi tniffed bix-xabla tiegħu stess.
Il-Cūḷavaṃsa u l-folklor jgħarrfuna li l-iljunfant tal-gwerra li kien fuqu Kashyapa bidel triqtu biex ikollu vantaġġ strateġiku, iżda l-armata ma fehmitx din il-mossa u ħasbet li r-re kien għażel li jirtira, b'hekk l-armata abbandunatu f'daqqa. Jingħad li kien wisq kburi biex jarrendi u b'hekk qatel ruħu b'idejh billi ħareġ sejf minn qaddu, ħanxar għonqu, għolla s-sejf bi kburija, reġa' poġġieh f'postu, u miet. Moggallana reġa' ttrasferixxa l-belt kapitali lejn Anuradhapura, u kkonverta lil Sigiriya f'kumpless ta' monasteru Buddist, li baqa' jeżisti sas-seklu 13 jew 14. Wara dan il-perjodu, ma nstabu l-ebda dokumenti dwar Sigiriya sas-sekli 16 u 17, meta kienet tintuża bħala post militari tar-Renju ta' Kandy.
Skont ġrajjiet alternattivi, il-bennej primarju ta' Sigiriya kien ir-Re Dhatusena, u Kashyapa temm ix-xogħol f'ġieħ missieru. Minkejja dan, ġrajjiet oħra jiddeskrivu lil Kashyapa bħala re li kien iħobb jiġġerra man-nisa, u Sigiriya kien il-palazz rikreattiv tiegħu. Anke d-destin eventwali ta' Kashyapa mhuwiex ċert. F'xi verżjonijiet, huwa jitqies li nqatel bis-semm li tefgħetlu xi konkubina; f'verżjonijiet oħra huwa jingħad li ħanxar lilu nnifsu meta ġie abbandunat għal ruħu fil-battalja aħħarija tiegħu. Interpretazzjonijiet oħra jqisu li s-sit inbena bħala opra ta' komunità Buddista, mingħajr funzjoni militari. Dan is-sit jaf kien importanti fil-kompetizzjoni bejn it-tradizzjonijiet tal-Buddiżmu Mahayana u Theravada fis-Sri Lanka tal-qedem.
Fil-ktieb tal-Professur Senarath Paranavithana The Story of Sigiri (Il-Ġrajja ta' Sigiri), ir-Re Dathusena jingħad li kien ħa l-parir tal-patri Nestorjan Persjan Maga Brahmana biex jibni l-palazz tiegħu fuq Sigiriya. Skont Paranavithana, matul dan il-perjodu iktar minn 75 vapur bis-suldati Murundi minn Mangalore waslu fis-Sri Lanka u żbarkaw f'Chilaw biex jipproteġu lir-Re Dathusena, il-biċċa l-kbira minnhom Kristjani. Bint ir-Re Dathusena żżewġet lil Migara, li kien il-kmandant Kristjan tal-armata Singaliża.
Fdalijiet u karatteristiċi arkeoloġiċi
immodifikaFl-1831 il-Maġġur Jonathan Forbes tat-78 Riġment tal-Fanterija (tal-Artijiet Għoljin) tal-Armata Brittanika, hu u ġej lura fuq iż-żiemel minn vjaġġ lejn Polonnuruwa, inzerta ra "l-quċċata tal-Blata ta' Sigiri miksija bil-veġetazzjoni". Sigiriya ġibdet l-attenzjoni tal-antikwarji u iktar 'il quddiem tal-arkeologi. Ix-xogħol arkeoloġiku fis-Sigiriya beda fuq skala żgħira fis-snin 90 tas-seklu 19. H.C.P. Bell kien l-ewwel arkeologu li wettaq riċerka estensiva rigward Sigiriya. Il-Proġett tat-Triangolu Kulturali, imniedi mill-Gvern tas-Sri Lanka, iffoka l-attenzjoni tiegħu fuq Sigiriya fl-1982. Ix-xogħol arkeoloġiku beda fuq il-belt kollha għall-ewwel darba permezz ta' dan il-proġett. Kien hemm ras skolpita ta' iljun fuq ir-riġlejn u s-saqajn ħdejn id-daħla, iżda din ir-ras ċediet għadd ta' snin ilu.
Sigiriya tikkonsisti minn ċittadella tal-qedem li nbniet mir-Re Kashyapa matul is-seklu 5. Is-sit ta' Sigiriya jinkludi l-fdalijiet ta' palazz fil-quċċata ċatta tal-blata, art imtarrġa fin-nofs tal-blata, li tinkludi d-Daħla tal-Iljun u l-ħajt-mera bl-affreski, u l-palazzi t'isfel max-xaqlibiet ta' taħt il-blat. Il-ħniedaq, il-ħitan u l-ġonna tal-palazz huma estiżi għal ftit ta' mijiet ta' metri mill-bażi tal-blata. Is-sit kien palazz u fortizza. Il-palazz tal-quċċata tal-blata jinkludi ċisterni mħaffrin fil-blat.
Pjanta tas-sit
immodifikaSigiriya titqies bħala wieħed mill-iżjed siti importanti tal-ippjanar urban tal-ewwel millenju, u l-pjanta tas-sit titqies bħala elaborata u immaġinattiva ħafna. Il-pjanta kienet tinkludi kunċetti tas-simetrija u tal-asimetrija biex b'mod intenzjonali ma jistonawx mal-pajsaġġ ġeometriku u naturali tal-madwar. Fuq in-naħa tal-Punent tal-blata kien hemm park għall-familja rjali, li kien stabbilit fuq pjanta simetrika; il-park jinkludi strutturi taż-żamma tal-ilma, fosthom sistemi idrawliċi ssofistikati tal-wiċċ u tas-sottoswol, u wħud minnhom għadhom jaħdmu sal-lum. Fin-Nofsinhar hemm ġibjun magħmul mill-bniedem; dan kien jintuża b'mod estensiv mill-belt kapitali preċedenti taż-żona niexfa tas-Sri Lanka. Fil-punti ta' aċċess kien hemm ħames daħliet. L-iżjed daħla elaborata tal-Punent huwa maħsub li kienet irriżervata għall-familja rjali.
Affreski
immodifikaFl-1907 John Still kiteb, "Il-wiċċ kollu tal-għolja donnha kienet gallerija ġganteska bl-affreski... x'aktarx l-ikbar pittura fid-dinja". L-affreski kienu jiksu l-biċċa l-kbira tal-wiċċ tal-Punent tal-blata, b'tul ta' 140 metru (460 pied) u b'għoli ta' 40 metru (130 pied). Fil-graffiti ta' fuqhom hemm referenzi għall-500 mara f'dawn il-pitturi. Madankollu, il-biċċa l-kbira ntilfu għalkollox. Iktar affreski, differenti minn dawk tal-wiċċ tal-blata, huma preżenti f'inħawi oħra, pereżempju fuq is-saqaf tal-hekk imsejjaħ "Għar tal-Kobra".
Għalkemm l-affreski huma kklassifikati bħal fil-perjodu ta' Anuradhapura, l-istil tat-tpittir jitqies bħala uniku; il-linji u l-istil ta' applikazzjoni tal-pitturi jvarjaw mill-pitturi ta' Anuradhapura. Il-linji ġew impittrin b'tali mod li jamplifika s-sens ta' volum tal-figuri. Iż-żebgħa ġiet applikata b'passati bil-pinzell, b'iktar pressjoni fuq naħa waħda, u b'hekk inħoloq effett ta' tonalità iktar qawwija tal-ilwien lejn ix-xifer. Pitturi oħra tal-perjodu ta' Anuradhapura fihom approċċi simili għat-tpittir, iżda ma fihomx il-linji tal-istil ta' Sigiriya, iżda linja ta' konfini distinta tal-artisti. L-identità reali tan-nisa f'dawn l-affreski għadha ma ġietx ikkonfermata. Jeżistu diversi ideat dwar l-identità tagħhom. Uħud jemmnu li huma n-nisa maħbubin tar-rejiet, filwaqt li oħrajn jaħsbu li huma n-nisa li kienu jieħdu sehem fl-osservanzi reliġjużi. Dawn il-pitturi jixbħu ferm il-pitturi fl-Għerien ta' Ajanta fl-Indja.
Vandaliżmu fl-1967
immodifikaFl-14 ta' Ottubru 1967 seħħ att ta' vandaliżmu fejn inxteħtet iż-żebgħa friska fuq l-affreski. Luciano Maranzi, espert imħarreġ fiċ-Ċentru Internazzjonali għall-Istudju tal-Preservazzjoni u tar-Restawr tal-Proprjetajiet Kulturali f'Ruma, l-Italja, għen fir-restawr, li dam għaddej sal-11 ta' April 1968. Dan ġie meqjus bħala l-iżjed sforz iebes li qatt wettqet id-Diviżjoni tal-Preservazzjoni Kimika tad-Dipartiment tal-Arkeoloġija. Hemm tħassib kontinwu li l-ilwien oriġinali tal-affreski qed jiċċaraw maż-żmien, u fl-2010 ġie ppreżentat rapport li jissuġġerixxi li t-22 affresk ilhom jiċċaraw mill-1930.
Ħajt-mera
immodifikaOriġinarjament dan il-ħajt tant kien jirrifletti li r-re seta' jara lilu nnifsu meta kien jimxi ħdejh. Il-ħajt huwa magħmul mill-brikks u huwa miksi bit-tkaħħol abjad illostrat sew. Issa l-ħajt huwa parzjalment miksi b'versi mħażża mill-viżitaturi, uħud minnhom li jmorru saħansitra għas-seklu 8. Madankollu, il-biċċa l-kbira jmorru lura għas-sekli 9 u 10. In-nies ta' kull tip, minn poeti għal gvernaturi provinċjali għal nisa tad-dar, kitbu fuq dan il-ħajt. Din hija l-unika evidenza ta' poeżija li nstabet mill-perjodu ta' Anuradhapura.
Eżempju partikolari huwa:
ඇසිමි දුන් හසුන් හසුන් සෙයින් විල් දුත්
Aesimi dun hasun hasun seyin vil dut
Bħall-wiżż li jaraw lag, jien smajt il-messaġġ tagħha.[4]
මුල ලා මා සැනැහි පුල් පියුමන් සේය් බමර් දුත්
Mula la ma saenaehi pul piyuman sey bamar dut
Bħal naħla li rat diversi lotus fl-aqwa tagħhom, qalbi ngħatat il-wens.[5]
Dan il-vers juża logħob bil-kliem bil-kelma hasun li tfisser "messaġġ" kif ukoll "wiżż". Il-ħerqa tal-poeta li jisma' mingħand il-maħbuba tiegħu titqabbel mal-istagħġib tan-naħla għall-inwar tal-lotus, li bil-petali l-kbar jipprovdu post akkoljenti biex tixrob in-nektar jekk tkun trid.
Mill-1,500 poeżija u iktar, il-biċċa l-kbira huma indirizzati lin-nisa fuq l-affreski. L-irġiel kienu jfaħħru s-sbuħija tagħhom u n-nisa kienu jaqsmu l-għira tagħhom. Mara kontemporanja, bla dubju inqas impressjonata bl-affreski, ħalliet ukoll emozzjonijiet differenti għalkemm xorta waħda mqanqlin:
"Xbejba b'għajnejn qishom ta' ċerva fuq ġenb il-muntanja tqanqal f'moħħi r-rabja. F'idha għandha ħajta ta' ġawhar, u f'għajnejha nara r-rivalità miegħi".
Il-kitba ulterjuri fuq dan il-ħajt-mera issa ġiet ipprojbita biex jiġu protetti l-kitbiet tal-qedem. Il-Kummissarju Arkeoloġiku tas-Sri Lanka, Senarath Paranavithana, iddeċifra 685 vers li nkitbu fis-sekli 8, 9 u 10 W.K. fuq il-ħajt-mera. Poeżija partikolari minn ta' dak iż-żmien hija:
- බුදල්මි
- සියොර ආමි සිහිගිරි
- බැලීමි ගි බොහො ජන
- ලිතූයෙන් නොලිමි
Bejn wieħed u ieħor, it-traduzzjoni mhux uffiċjali mis-Singaliż tal-qedem hi: "Jiena Budal [isem il-kittieb]. Ġejt flimkien ma' mijiet ta' nies biex nara l-blata ta' Sigiriya. Ladarba l-oħrajn kollha kitbu l-poeżiji, jien ma ktibt xejn!".[6]
Ġonna
immodifikaIl-ġonna ta' Sigiriya huma fost l-eqdem ġonna pajsaġġistiċi fid-dinja. Il-ġonna huma maqsumin fi tliet komponenti distinti iżda kkollegati: il-ġonna bl-ilma, il-ġonna bl-għerien u bil-ħaġar, u l-ġonna mtarrġin.
Ġonna bl-ilma
immodifikaIl-ġonna bl-ilma jinsabu fis-sezzjoni ċentrali tad-diviżjoni tal-Punent. Hemm tliet ġonna prinċipali hemmhekk. L-ewwel ġnien jikkonsisti minn żona mdawra bl-ilma. Dan huwa kkollegat mad-diviżjoni prinċipali permezz ta' erba' passaġġi, b'daħliet qrib kull passaġġ.
It-tieni ġnien fih żewġ vaski twal u fondi maġenb kull naħa tal-mogħdija. Żewġ nixxigħat baxxi u jserrpu jagħtu għal dawn il-vaski. Hemmhekk hemm ukoll funtani magħmula minn strutturi ċirkolari tal-ġebla tal-ġir. Kanali tal-ilma taħt l-art jipprovdu l-ilma għal dawn il-funtani li għadhom funzjonali, speċjalment matul l-istaġun tax-xita. Hemm żewġ gżejjer kbar fuq iż-żewġ naħat tat-tieni ġnien bl-ilma. Fl-uċuħ iċċattjati ta' dawn il-gżejjer inbnew il-palazzi tas-sajf. Hemm żewġ gżejjer oħra li jinsab lejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar. Dawn il-gżejjer inbnew b'mod simili għal dak tal-gżira fl-ewwel ġnien bl-ilma.
It-tielet ġnien jinsab fuq livell ogħla miż-żewġ ġonna l-oħra. Fih ukoll vaska ottagonali kbira b'pedestall olzat fil-Grigal. Il-ħajt il-kbir tal-brikks u tal-ġebel taċ-ċittadella jinsab fit-tarf tal-Lvant ta' dan il-ġnien.
Il-ġonna bl-ilma nbnew b'mod simetriku tul assi mil-Lvant għall-Punent. Il-ħandaq ta' barra jikkollegahom fuq il-Punent u mal-lag artifiċjali l-kbir fin-Nofsinhar tal-Blata ta' Sigiriya. Il-vaski kollha huma interkonnessi wkoll permezz ta' network ta' kanali ta' taħt l-art alimentati mil-lag, u huma kkollegati mal-ħniedaq. Fil-Punent tal-ewwel ġnien bl-ilma hemm ġnien bl-ilma f'minjatura, li jikkonsisti minn diversi vaski u mogħdijiet tal-ilma żgħar. Dan il-ġnien iżgħar li ġie skopert dan l-aħħar milli jidher inbena wara l-perjodu ta' Kashyapan, x'aktarx bejn is-sekli 10 u 13.
Ġonna bil-ħaġar
immodifikaIl-ġonna bil-ħaġar jikkonsistu minn diversi ħaġriet kbar ikkollegati b'passaġġi jserrpu. Il-ġonna huma estiżi mix-xaqlibiet tan-Nofsinhar tal-għoljiet fil-bażi tal-Blata ta' Sigiriya. Il-biċċa l-kbira ta' dawn il-ħaġriet kellhom xi binja jew paviljun fuqhom; għad hemm il-fdalijiet tal-pedamenti jew tat-tħaffir għall-pedamenti li ntużaw għall-ħitan u għax-xorok tal-brikks. Fl-imgħoddi dawn kienu jiġu mbottati minn fuq għal isfel biex jiġu attakkati l-għedewwa malli joqorbu.
Ġonna mtarrġin
immodifikaIl-ġonna mtarrġin ġew iffurmati mill-għolja naturali fil-bażi tal-Blata ta' Sigiriya. Sensiela ta' artijiet imtarrġin jinsabu qrib il-passaġġi tal-ġonna bil-ħaġar u jagħtu għat-taraġ tal-blata. Dawn inħolqu permezz tal-kostruzzjoni ta' ħitan tal-brikks, u nbnew skont pjanta pjuttost konċentrika madwar il-blata. Il-mogħdija qalb il-ġonna mtarrġin hija ffurmata minn taraġ tal-ġebla tal-ġir. Minn dan it-taraġ, hemm mogħdija msaqqfa fuq il-ġenb tal-blata, li tagħti għall-ogħla art imtarrġa fejn jinsab it-taraġ tad-daħla tal-iljun.
Fil-kultura popolari
immodifika- Xi xeni mill-filmat mużikali tal-kanzunetta tal-1982 "Save a Prayer" tad-Duran Duran inġibdu fil-quċċata ta' Sigiriya.
- Sigiriya dehret fil-ħdax-il episodju ta' The Amazing Race 6 fl-2005.
- Arthur C. Clarke bbaża l-"Yakkagala" fittizja fuq Sigiriya fir-rumanz tiegħu The Fountains of Paradise (Il-Funtani tal-Ġenna). Huwa ħass li r-realtà ta' Sigiriya tant "kienet tal-għaġeb li ma kienx hemm bżonn li tintmess bl-ebda mod".
Iktar qari
immodifika- The Story of Sigiriya, by Senani Ponnamperuma (ISBN 978-0-9873451-7-2; ISBN 978-0-9873451-9-6; ISBN 978-0-9873451-4-1).
- Sigiriya, by Senake Bandaranayake (ISBN 978-955-631-146-4).
- The Story of Sigiri, by Professor Senerath Paranavitana (1972), Lake House Investments.
- The Mystique of Sigiriya: Whispers of the Mirror Wall, W.J.M. Lokubandara (ISBN 978-9553006103).
- Chisholm, Hugh, ed. (1911). "Sīgiri" . Encyclopædia Britannica. Vol. 25 (11th ed.). Cambridge University Press.
- Jonathan Forbes and the 'Discovery' of Sigiriya by Avishka Mario Senewiratne (2023).
Referenzi
immodifika- ^ Ponnamperuma, Senani (2013). The Story of Sigiriya. Panique Pty Ltd. ISBN 978-0-9873451-7-2.
- ^ "Ancient City of Sigiriya - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-05.
- ^ Bandaranayake, Senake; Aramudala, Madhyama Saṃskr̥tika (2005). Sigiriya: City, Palace, Gardens, Monasteries, Painting. Central Cultural Fund. ISBN 978-955-631-146-4.
- ^ "Roar Media Archive - Six Verses From Sigiriya With A Story To Tell". archive.roar.media (bl-Ingliż). 2018-01-03. Miġbur 2024-12-05.
- ^ "Roar Media Archive - Six Verses From Sigiriya With A Story To Tell". archive.roar.media (bl-Ingliż). 2018-01-03. Miġbur 2024-12-05.
- ^ Wickramasinghe, Rohan. (2009). Sigiriya: The Rock Fortress. Emmanuel College Magazine, Cambridge University. 91. 149-157.