Għerien ta' Ajanta

għerien Buddisti fl-Indja

L-Għeriern ta' Ajanta huma madwar 30 għar imħaffer fil-blat li jitqiesu bħala monumenti tal-Buddiżmu li jmorru lura mis-seklu 2 Q.K. sal-ħabta tal-480 W.K., fid-distrett ta' Aurangabad fl-istat ta' Maharashtra fl-Indja.[1] L-għerien jinkludu pitturi u skulturi mħaffra fil-blat li ġew deskritti bħala fost l-ifjen eżempji eżistenti ta' arti Indjana antika, b'mod partikolari l-pitturi espressivi li jqanqlu l-emozzjonijiet permezz tal-ġesti, il-pożi u l-forom.[2][3][4]

L-Għerien ta' Ajanta.

Universalment jitqiesu bħala kapulavuri tal-arti reliġjuża Buddista. L-għerien inbnew f'żewġ fażijiet; l-ewwel fażi għall-ħabta tas-seklu 2 Q.K. u t-tieni għall-ħabta tal-400 sas-650 W.K., skont rakkonti antiki, jew f'perjodu qasir bejn l-460-480 W.K. skont studji li saru iktar 'il quddiem.[5] Is-sit huwa monument protett ġestit mill-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja, u mill-1983[6], l-Għerien ta' Ajanta tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[7]

L-Għar Nru 19, sala tat-tip chaitya tas-seklu 5.

L-Għerien ta' Ajanta jikkostitwixxu monasteri antiki u swali ta' qima ta' diversi tradizzjonijiet Buddisti mnaqqxa f'ħajt tal-blat ta' 75 metru (246 pied).[8][9] L-għerien fihom ukoll pitturi dwar il-ħajjiet tal-imgħoddi u t-twelid mill-ġdid tal-Buddha, ġrajjiet pittoriċi mill-Jatakamala ta' Aryasura, u skulturi mħaffra fil-blat ta' divinitajiet Buddisti.[10][11] Rekords testwali jissuġġerixxu li dawn l-għerien kienu jservu bħala post ta' rtir għall-patrijiet Buddisti fl-istaġun tal-monsuni, kif ukoll post ta' mistrieħ għall-merkanti u għall-pellegrini fl-Indja tal-qedem. Filwaqt li l-kuluri jgħajtu u l-affreski mal-ħitan kienu abbundanti fl-istorja Indjana kif joħroġ fid-dieher mir-rekords storiċi, l-Għerien Nri 16, 17, 1 u 2 ta' Ajanta jiffurmaw l-ikbar ġabra eżistenti ta' affreski Indjani antiki.[12]

Veduta panoramika tal-Għerien ta' Ajanta minn għolja fil-qrib.

L-Għerien ta' Ajanta jissemmew fil-memorji ta' diversi vjaġġaturi Ċiniżi Buddisti li vvjaġġaw lejn l-Indja u minn uffiċjali Mugal tal-era ta' Akbar fil-bidu tas-seklu 17.[13] L-għerien kienu mgħottija mill-veġetazzjoni tal-ġungla sa ma ġew "skoperti" b'kumbinazzjoni u ġibdu l-attenzjoni tal-Punent fl-1819 permezz ta' uffiċjal Brittaniku kolonjali, il-Kaptan John Smith waqt li kien qed jieħu sehem f'festin bil-kaċċa tat-tigri.[14] L-għerien jinsabu f'ħajt tal-blat fit-Tramuntana ta' fondoq b'għamla tal-ittra "U" tax-xmara Waghur, fil-promontorju Dekkan.[15] Fi ħdan il-fondoq hemm għadd ta' kaskati, li jistgħu jinstemgħu minn barra l-għerien meta l-livell tax-xmara jkun għoli.[16]

Flimkien mal-Għerien ta' Ellora, l-Għerien ta' Ajanta huma fost l-iktar attrazzjonijiet turistiċi ewlenin ta' Maharashtra. Jinsabu madwar sitt kilometri (3.7 mili) minn Fardapur, 59 kilometru (37 mil) mill-belt ta' Jalgaon, 104 kilometri (65 mil) mill-belt ta' Aurangabad, u 350 kilometru (220 mil) fil-Lvant/fil-Grigal ta' Mumbai.[17] L-Għerien ta' Ajanta jinsabu 100 kilometru (62 mil) mill-Għerien ta' Ellora, li jinkludu għerien Induisti, Ġain u Buddisti, l-aħħar fosthom li jmorru lura għal perjodu simili għall-Għerien ta' Ajanta. L-istil tal-Għerien ta' Ajanta jinstab ukoll fl-Għerien ta' Ellora u f'siti oħra bħall-Għerien ta' Elephanta, l-Għerien ta' Aurangabad, l-Għerien ta' Shivleni u t-tempji-għerien ta' Karnataka.[18]

 
Mappa tal-Għerien ta' Ajanta.

Ġeneralment huwa maqbul li l-Għerien ta' Ajanta saru f'żewġ fażijiet distinti, l-ewwel fażi fis-seklu 2 Q.K. sas-seklu 1 W.K., u t-tieni fażi diversi sekli wara.[19][20][21]

L-għerien jikkonsisti minn 36 struttura identifikabbli, uħud minnhom skoperti wara n-numerazzjoni oriġinali tal-għerien minn 1 sa 29. L-għerien li ġew identifikati iktar tard ingħataw is-suffiss b'ittri tal-alfabett, pereżempju 15A, identifikata bejn l-għerien nri 15 u 16.[22] In-numerazzjoni tal-għerien hija konvenzjoni ta' konvenjenza, u ma tirriflettix l-ordni kronoloġika tal-kostruzzjoni tagħhom.[23]

Għerien tal-ewwel perjodu (Satavahana)

immodifika
 
L-Għar Nru 9, sala ta' qima tat-tip chaitya tal-ewwel perjodu Hinayana bi stupa iżda mingħajr idoli.

L-iżjed grupp bikri jikkonsisti mill-għerien nri 9, 10, 12, 13 u 15A. L-affreski f'dawn l-għerien juru ġrajjiet mill-Jatakas. Għerien li saru iktar tard jirriflettu l-influwenza artistika tal-perjodu Gupta, iżda hemm opinjonijiet diverġenti dwar f'liema seklu nbnew l-għerien bikrin.[24][25] Skont Walter Spink, saru matul il-perjodu bejn il-100 Q.K. sal-100 W.K., x'aktarx taħt il-patrunaġġ tad-dinastija Satavahana Induista (230 Q.K. – sa madwar il-220 W.K.) li kienet tirrenja fir-reġjun.[26][27] Sorsi oħra jindikaw il-perjodu tal-Imperu Maurya (300 Q.K. sal-100 Q.K.).[28] Minn dawn l-għerien, l-għerien nri 9 u 10 huma swali ta' qima bi stupa tat-tip chaitya-griha, u l-għerien nri 12, 13 u 15A huma vihāras. L-ewwel għerien tal-ewwel perjodu Satavahana ma kellhomx skulturi figurattivi, u minflok kienu jenfasizzaw l-istupa.

Skont Spink, ladarba tlestew l-għerien tal-perjodu Satavahana, is-sit ma ġiex żviluppat iktar għal perjodu konsiderevoli sa nofs is-seklu 5. Madankollu, l-għerien bikrin kienu jintużaw matul dan il-perjodu, u pellegrini Buddisti żaru s-sit, skont ir-rekords li tħallew mill-pellegrin Ċiniż Faxian għall-ħabta tal-400 W.K.[29]

Għerien tal-perjodu Vākāṭaka jew wara

immodifika
 
Kolonni b'bassoriljievi fil-veranda tal-Għar Nru 2.

It-tieni fażi tal-kostruzzjoni tal-Għerien ta' Ajanta bdiet fis-seklu 5. Għal żmien twil kien maħsub li l-għerien li nbnew iktar 'il quddiem inbnew tul perjodu estiż mis-sekli 4 sa 7 W.K., iżda f'dawn l-aħħar deċennji sensiela ta' studji mill-espert ewlieni fuq l-għerien, Walter M. Spink, waslu għall-konklużjoni li l-biċċa l-kbira tax-xogħlijiet twettqu fil-perjodu qasir ħafna mill-460 sal-480 W.K, matul ir-renju tal-Imperatur Induista Harishena tad-dinastija Vākāṭaka.[30][31][32] Din il-fehma ġiet ikkritikata minn xi studjużi, iżda issa hija aċċettata b'mod wiesa' mill-biċċa l-kbira tal-awturi ta' kotba ġenerali tal-arti Indjani, pereżempju, Huntington u Harle.[33]

It-tieni fażi hija attribwita lill-Buddiżmu teistiku Mahāyāna.[34][35] L-għerien tat-tieni fażi huma l-għerieni nri 1-8, 11, 14-29, u wħud x'aktarx huma estensjonijiet ta' għerien iktar bikrin. L-għerien nri 19, 26 u 29 huma tat-tip chaitya-griha, u l-bqija huma tat-tip vihara. L-iżjed għerien elaborati saru f'dan il-perjodu, flimkien mar-rinnovazzjoni u t-tpittir mill-ġdid tal-għerien iktar bikrin.[36][37]

Spink jiddikjara li huwa possibbli li tiġi stabbilita d-datazzjoni ta' dan il-perjodu b'livell għoli ta' preċiżjoni. Għalkemm għad hemm dibattitu dwar dan, l-ideat ta' Spink kulma jmur qed jiġu aċċettati b'mod wiesa', mill-inqas fil-konklużjonijiet ġenerali tiegħu. Is-sit web tal-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja tippreżenta d-datazzjoni tradizzjonali: "It-tieni fażi tal-pitturi bdiet għall-ħabta tas-sekli 5-6 W.K. u kompliet għaż-żewġ sekli ta' wara".[38]

Skont Spink, l-attività tal-kostruzzjoni fl-għerien mhux kompluti ta' Ajanta ġiet abbandunata mill-patruni għonja għall-ħabta tal-480 W.K., ftit snin wara l-mewt ta' Harishena. Madankollu, Spink isostni li l-għerien milli jidher baqgħu jintużaw għal perjodu ta' żmien kif jidher mibb kemm huma mikula t-toqob li kienu jintużaw bħala pern fl-għerien li nbnew qrib l-480 W.K.[39] It-tieni fażi tal-kostruzzjonijiet u tat-tiżjin tal-Għerien ta' Ajanta tikkorrispondi għall-qofol tal-Indja Klassika jew l-epoka tad-deheb tal-Indja.[40] Madankollu, f'dak iż-żmien, l-Imperu Gupta diġà kien iddgħajjef minn kwistjonijiet politiċi interni u mill-attakki tal-Hūṇas, tant li l-Vakatakas effettivament kienu wieħed mill-iżjed imperi setgħana fl-Indja.[41] Uħud mill-Hūṇas, l-Unni Alkoni ta' Toramana, kienu fil-fatt qed jirrenjaw fiż-żona fil-qrib ta' Malwa, fuq l-għatba tal-Punent tal-promontorju Dekkan, fiż-żmien meta saru l-Għerien ta' Ajanta.[42] Permezz tal-kontroll li kellhom ta' żoni vasti tal-Majjistral tal-Indja, l-Unni jaf effettivament għamluha ta' pont kulturali bejn l-inħawi ta' Gandhara u l-Punent tal-promontorju Dekkan, fiż-żmien meta l-Għerien ta' Ajanta jew Pitalkhora kienu qed jiġu mżejna b'xi disinni ta' ispirazzjoni ta' Gandhara, pereżempju ta' Buddi lebsin tuniki mdawrin magħhom diversi drabi.[43]

Skont Richard Cohen, deskrizzjoni tal-għerien mill-vjaġġatur Ċiniż tas-seklu 7 Xuanzang u diversi graffiti Medjevali mifruxa mas-sit jissuġġerixxu li l-Għerien ta' Ajanta kienu magħrufa u x'aktarx kienu jintużaw sussegwentement, iżda mingħajr preżenza stabbli jew kontinwa ta' komunità Buddista. L-Għerien ta' Ajanta jissemmew fit-test tas-seklu 17 Ain-i-Akbari ta' Abu al-Fazl, u jiġu deskritti bħala erbgħa u għoxrin tempju-għar imħaffra fil-blat b'idoli notevoli.[13]

Era kolonjali

immodifika
 
Isem u data mnaqqxa minn John Smith wara li sab l-Għar Nru 10 fl-1819.

Fit-28 ta' April 1819 uffiċjal Brittaniku msejjaħ John Smith, tat-28 Kavallerija, hu u jikkaċċja t-tigri skopra d-daħla tal-Għar Nru 10 meta ragħaj żgħir lokali ggwidah lejn il-post u d-daħla. L-għerien kienu magħrufa sew man-nies lokali. Il-Kaptan Smith mar f'villaġġ fil-qrib u staqsa lin-nies lokali biex jiġu miegħu fis-sit b'mannari, lanez, torċi u tnabar, biex ineħħu l-veġetazzjoni tal-ġungla li kienet ħakmet l-għerien.[44] Imbagħad huwa naqqax ismu u d-data apposta mal-ħajt tal-għar fuq pittura ta' bodhisattva. Peress li meta daħal fl-għar huwa kien bilwieqfa fuq munzell radam għoli ħames piedi li akkumula matul is-snin, it-tinqix jinsab ferm iktar fil-għoli mil-livell ta' bniedem adult illum il-ġurnata.[45] Dokument dwar l-għerien imfassal minn William Erskine ġie ppreżentat lis-Soċjetà Letterarja ta' Bombay fl-1822.[46]

Fi żmien ftit deċennji, l-għerien saru famużi għall-ambjent eżotiku ta' madwarhom, għall-arkitettura impressjonanti, u fuq kollox għall-pitturi eċċezzjonali u uniċi tagħhom. Għadd ta' proġetti kbar biex jiġu kkupjati l-pitturi saru fis-seklu ta' wara l-iskoperta mill-ġdid. FL-1848, is-Soċjetà Asjatika Rjali stabbiliet il-"Kummissjoni tal-Għerien-Tempji ta' Bombay" sabiex tneħħi l-veġetazzjoni, tnaddaf u tirreġistra l-iżjed siti importanti mħaffra fil-blat fil-Presidenza ta' Bombay, meta John Wilson kien president. Fl-1861 din saret in-nukleu tal-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja l-ġdid.[47]

Matul l-era kolonjali, l-Għerien ta' Ajanta kienu jinsabu fit-territorju tal-istat tal-prinċep ta' Hyderabad u mhux fl-Indja Brittanika. Fil-bidu tas-snin 20 tas-seklu 20, Mir Osman Ali Khan, l-aħħar Nizam ta' Hyderabad, ħatar lin-nies biex jirrestawraw l-opri tal-arti, ikkonverta s-sit f'mużew u bena triq biex it-turisti jkunu jistgħu jżuru s-sit bi ħlas. Dawn l-isforzi rriżultaw f'ġestjoni bikrija ħażina, skont Richard Cohen, u aċċelleraw id-deterjorament tas-sit. Wara l-indipendenza, il-gvern statali ta' Maharashtra bena faċilitajiet ta' lqugħ u tat-trasport u tejjeb il-ġestjoni tas-sit. Iċ-Ċentru għall-Viżitaturi modern għandu faċilitajiet tajbin ta' parkeġġ u faċilitajiet pubbliċi, kif ukoll karozzi tal-linja operati mill-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja li jaħdmu f'intervalli regolari miċ-Ċentru għall-Viżitaturi sal-għerien.[48]

Id-Direttur tal-Arkeoloġija ta' Nizam kiseb is-servizzi ta' żewġ esperti mill-Italja, il-Professur Lorenzo Cecconi, megħjun mill-Konti Orsini, biex jirrestawraw il-pitturi fl-għerien.[49] Id-Direttur tal-Arkeoloġija għall-aħħar Nizam ta' Hyderabad stqarr dwar ix-xogħol ta' Cecconi u ta' Orsini li:

It-tiswijiet fl-għerien u t-tindif u l-konservazzjoni tal-affreski twettqu skont prinċipji tant tajbin u b'mod xjentifiku li dawn il-monumenti uniċi reġgħu ngħataw il-ħajja għal mill-inqas xi żewġ sekli oħra.[50]

Minkejja dawn l-isforzi, telqa iktar 'il quddiem wasslet biex il-kwalità tal-affreski reġgħet bdiet tiddeterjora.[50]

Mill-1983, l-Għerien ta' Ajanta tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[7] L-Għerien ta' Ajanta, flimkien mal-Għerien ta' Ellora, saru l-iżjed attrazzjonijiet turistiċi popolari f'Maharashtra, u spiss ikunu ffullati fil-btajjel, xi ħaġa li tkompli tkabbar it-theddida għall-għerien, speċjalment l-affreski.[51] Fl-2012, il-Korporazzjoni tal-Iżvilupp tat-Turiżmu ta' Maharashtra ħabbret pjanijiet biex flimkien maċ-ċentru għall-viżitaturi tal-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja fid-daħla tas-sit jiżdiedu repliki sħaħ tal-għerien nri 1, 2, 16 u 17 sabiex jitnaqqas l-iffullar fl-għerien oriġinali, u biex b'hekk il-viżitaturi jkollhom ideat viżiva aħjar tal-affreski, li fl-għerien oriġinali għandhom dawl bati biss fuqhom u diffiċli li wieħed japprezzahom sew.[52]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Wieħed mill-affreski tal-Għerien ta' Ajanta.

L-Għerien ta' Ajanta ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[7]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[7]

Referenzi

immodifika
  1. ^ Gopal, Madan (1990). K.S. Gautam (ed.). India through the ages. Publication Division, Ministry of Information and Broadcasting, Government of India. p. 173.
  2. ^ Ring, Trudy; Watson, Noelle; Schellinger, Paul (2012). Asia and Oceania. Routledge. pp. 17, 14–19. ISBN 978-1-136-63979-1.
  3. ^ Honour, Hugh; Fleming, John (2005). A World History of Art. Laurence King. pp. 228–230. ISBN 978-1-85669-451-3.
  4. ^ Michell, George (2009), The Penguin Guide to the Monuments of India, Volume 1: Buddhist, Jain, Hindu, Penguin Books, ISBN 978-0-14-008144-2. p. 336.
  5. ^ "Ajanta Caves: Advisory Body Evaluation, UNESCO International Council on Monuments and Sites, p. 2" (PDF). 1982.
  6. ^ "Archaeological Survey of India". asi.nic.in. Miġbur 2022-10-07.
  7. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Ajanta Caves". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-07.
  8. ^ Cohen, Richard (2013). Johnston, William M. (ed.). Encyclopedia of Monasticism. Routledge. pp. 18–20. ISBN 978-1-136-78716-4.
  9. ^ Jamkhedkar, Aravinda Prabhakar (2009). Ajanta. Oxford University Press. pp. 61–62, 71–73. ISBN 978-0-19-569785-8.
  10. ^ Cohen, Richard S. (May 1998). "Nāga, Yakṣiṇī, Buddha: Local Deities and Local Buddhism at Ajanta]". History of Religions. University of Chicago Press. 37 (4): 360–400.
  11. ^ Behl, Benoy K.; Nigam, Sangitika (1998). The Ajanta caves: artistic wonder of ancient Buddhist India. Harry N. Abrams. pp. 164, 226. ISBN 978-0-8109-1983-9.
  12. ^ Harle, James C. (1994), The Art and Architecture of the Indian Subcontinent (2nd ed.), Yale University Press, ISBN 978-0-300-06217-5. pp. 355-361, 460.
  13. ^ a b Cohen, Richard S. (2006a). Beyond Enlightenment: Buddhism, Religion, Modernity. Routledge. ISBN 978-1-134-19205-2. pp. 32, 82.
  14. ^ Spink, Walter M. (2007). Ajanta: History and Development, Volume 5: Cave by Cave. Leiden: Brill. ISBN 978-90-04-15644-9. pp. 3, 139.
  15. ^ Sanyal, Narayan (1984). Immortal Ajanta. Bharati. p. 7.
  16. ^ Spink, Walter M. (2007). Ajanta: History and Development, Volume 5: Cave by Cave. Leiden: Brill. ISBN 978-90-04-15644-9. p. 2.
  17. ^ Bhusawal Division: Tourism (Ajanta and Ellora). Indian Railways. 1996. pp. 40–43.
  18. ^ Harle, James C. (1994), The Art and Architecture of the Indian Subcontinent (2nd ed.), Yale University Press, ISBN 978-0-300-06217-5. pp. 118-122.
  19. ^ Jamkhedkar, Aravinda Prabhakar (2009). Ajanta. Oxford University Press. pp. 3–5. ISBN 978-0-19-569785-8.
  20. ^ Spink, Walter M. (2009). Ajanta: History and Development, Volume 4: Painting, Sculpture, Architecture, Year by Year. Leiden: Brill. ISBN 978-90-04-14983-0. pp. 1-2.
  21. ^ Nicholson, Louise (2014). National Geographic India. National Geographic Society. pp. 175–176. ISBN 978-1-4262-1183-6.
  22. ^ Spink, Walter M. (2007). Ajanta: History and Development, Volume 5: Cave by Cave. Leiden: Brill. ISBN 978-90-04-15644-9. pp. 4, 9.
  23. ^ Ring, Trudy; Salkin, Robert M.; La Boda, Sharon (1994). Asia and Oceania. Routledge. pp. 14–19. ISBN 978-1-884964-04-6.
  24. ^ Michell, George (2009), The Penguin Guide to the Monuments of India, Volume 1: Buddhist, Jain, Hindu, Penguin Books, ISBN 978-0-14-008144-2. pp. 335-336.
  25. ^ Spink, Walter M. (2007). Ajanta: History and Development, Volume 5: Cave by Cave. Leiden: Brill. ISBN 978-90-04-15644-9. pp. 4, 9, 163-170.
  26. ^ Spink, Walter M. (2007). Ajanta: History and Development, Volume 5: Cave by Cave. Leiden: Brill. ISBN 978-90-04-15644-9. pp. 4-6.
  27. ^ Behl, Benoy K.; Nigam, Sangitika (1998). The Ajanta caves: artistic wonder of ancient Buddhist India. Harry N. Abrams. pp. 20, 26. ISBN 978-0-8109-1983-9.
  28. ^ Nagaraju 1981, pp. 98–103.
  29. ^ Spink, Walter M. (2009). Ajanta: History and Development, Volume 4: Painting, Sculpture, Architecture, Year by Year. Leiden: Brill. ISBN 978-90-04-14983-0. p. 2.
  30. ^ Cohen, Richard S. (2006a). Beyond Enlightenment: Buddhism, Religion, Modernity. Routledge. ISBN 978-1-134-19205-2. pp. 83-84.
  31. ^ Malandra, Geri Hockfield (1993). Unfolding A Mandala: The Buddhist Cave Temples at Ellora. State University of New York Press. pp. 5–7. ISBN 978-0-7914-1355-5.
  32. ^ Kleiner, Fred S. (2016). Gardner's Art through the Ages: A Concise Global History. Cengage. p. 468. ISBN 978-1-305-57780-0.
  33. ^ Spink, vol. 2, pp. 117–134.
  34. ^ Schastok, Sara L. (1985). The Śāmalājī Sculptures and 6th Century Art in Western India. Brill Academic. p. 40. ISBN 978-90-04-06941-1.
  35. ^ Spink, Walter M. (2006). Ajanta: History and Development, Volume 2: Arguments about Ajanta. Leiden: Brill. ISBN 978-90-04-15072-0.
  36. ^ Spink, Walter M. (2009). Ajanta: History and Development, Volume 4: Painting, Sculpture, Architecture, Year by Year. Leiden: Brill. ISBN 978-90-04-14983-0.
  37. ^ Cohen, Richard S. (2006a). Beyond Enlightenment: Buddhism, Religion, Modernity. Routledge. ISBN 978-1-134-19205-2.
  38. ^ Spink, Walter M. (2007). Ajanta: History and Development, Volume 5: Cave by Cave. Leiden: Brill. ISBN 978-90-04-15644-9. pp. 4-6.
  39. ^ Spink, Walter M. (2007). Ajanta: History and Development, Volume 5: Cave by Cave. Leiden: Brill. ISBN 978-90-04-15644-9. pp. 5-6, 160-161.
  40. ^ Spink, Walter M. (2005a). Ajanta: The end of the Golden Age. Brill. ISBN 978-90-04-14832-1. p. 7.
  41. ^ Auctores Varii (2016). Ajanta Dipinta - Painted Ajanta Vol. 1 e 2: Studio sulla tecnica e sulla conservazione del sito rupestre indiano - Studies on the techniques and the conservation of the indian rock art site. Gangemi Editore. pp. 58–59. ISBN 978-8849274905.
  42. ^ Brancaccio, Pia (2010). The Buddhist Caves at Aurangabad: Transformations in Art and Religion. Brill. pp. 105–106. ISBN 978-9004185258.
  43. ^ Brancaccio, Pia (2010). The Buddhist Caves at Aurangabad: Transformations in Art and Religion. Brill. pp. 106–107. ISBN 978-9004185258.
  44. ^ Cohen, Richard S. (2006a). Beyond Enlightenment: Buddhism, Religion, Modernity. Routledge. ISBN 978-1-134-19205-2. pp. 77-78.
  45. ^ Spink, Walter M. (2007). Ajanta: History and Development, Volume 5: Cave by Cave. Leiden: Brill. ISBN 978-90-04-15644-9. pp. 3, 139.
  46. ^ Upadhya, Om Datt (1994). The Art of Ajanta and Sopoćani: A Comparative Study: an Enquiry in Prāṇa Aesthetics. Motilal Banarsidass. ISBN 978-81-208-0990-1. p. 3.
  47. ^ Gordon, Sophie (2011). Monumental visions: architectural photography in India, 1840–1901 (teżi ta' dottorat). SOAS, l-Università ta' Londra. pp. 23-234.
  48. ^ Cohen, Richard S. (2006a). Beyond Enlightenment: Buddhism, Religion, Modernity. Routledge. ISBN 978-1-134-19205-2. pp. 51-58.
  49. ^ "Ajanta cave paintings of Nizam era lie in a state of neglect". The New Indian Express. Miġbur 2022-10-07.
  50. ^ a b Cohen, Richard S. (2006a). Beyond Enlightenment: Buddhism, Religion, Modernity. Routledge. ISBN 978-1-134-19205-2. p. 51.
  51. ^ Cohen, Richard S. (2006a). Beyond Enlightenment: Buddhism, Religion, Modernity. Routledge. ISBN 978-1-134-19205-2. Kap. 2.
  52. ^ "Tourist centre to house replicas of Ajanta caves - Times Of India". web.archive.org. 2012-08-09. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-08-09. Miġbur 2022-10-07.