Siena

belt fit-Toskana, l-Italja

Siena ([ˈsjɛːna, ˈsjeːna][1]; bil-Latin: Sena Iulia) hija belt fit-Toskana, l-Italja. Hija l-belt kapitali tal-provinċja ta' Siena.

Siena
 Italja
Amministrazzjoni
PajjiżItalja
Region of ItalyToskana
Provinċja tal-ItaljaProvinċja ta' Siena
Isem uffiċjali Siena
Saena Iulia
Kodiċi postali 53100
Ġeografija
Koordinati 43°19′06″N 11°19′53″E / 43.3183°N 11.3314°E / 43.3183; 11.3314Koordinati: 43°19′06″N 11°19′53″E / 43.3183°N 11.3314°E / 43.3183; 11.3314
Siena is located in Italy
Siena
Siena
Siena (Italy)
Superfiċjenti 118.53 kilometru kwadru
Għoli 322 m
Fruntieri ma' Asciano (en) Translate, Castelnuovo Berardenga (en) Translate, Monteroni d'Arbia (en) Translate, Sovicille (en) Translateu Monteriggioni (en) Translate
Demografija
Popolazzjoni 52,812 abitanti (1 Jannar 2023)
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 0577
Żona tal-Ħin UTC+1u UTC+2
bliet ġemellati Avignon, Weimar, Wetzlar (en) Translate, L'Aquila, Buffalo (en) Translateu Bernalda (en) Translate
comune.siena.it
Torre del Mangia u Piazza del Campo, Siena

Il-belt għanda rabta storika mal-attivitajiet kummerċjali u bankarji, u kienet ċentru bankarju ewlieni sas-sekli 13 u 14.[2] Fi Siena hemm ukoll l-eqdem bank fid-dinja msejjaħ Monte dei Paschi, li ilu jopera kontinwament mill-1472.[3]

Diversi pitturi Rinaxximentali sinifikanti twieldu u ħadmu fi Siena, fosthom Duccio, Ambrogio Lorenzetti, Simone Martini u Sassetta, u influwenzaw l-iżvilupp tal-arti Taljana u Ewropea.[4][5]

L-Università ta' Siena, oriġinarjament imsejħa Studium Senese, ġiet stabbilita fl-1240, u b'hekk hija waħda mill-eqdem universitajiet li ilhom joperaw kontinwament fid-dinja.[6][7]

Siena kienet waħda mill-iżjed bliet importanti fl-Ewropa Medjevali, u ċ-ċentru storiku tagħha huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[5][8] Minn Jannar sal-aħħar ta' Settembru 2021, il-wasliet ta' turisti kienu jammontaw għal 217,000 ruħ, u l-ikbar għadd ta' viżitaturi barranin ġew mill-Ġermanja, minn Franza u min-Netherlands.[9] Siena hija magħrufa għall-gastronomija, għall-arti, għall-mużewijiet, għall-pajsaġġ Medjevali u għall-Palio, tellieqa taż-żwiemel li ssir darbtejn fis-sena fil-pjazza ewlenija tal-belt, Piazza del Campo.

Żmien il-Qedem

immodifika

Siena, bħal bliet oħra fl-għoljiet fit-Toskana, ġiet insedjata għall-ewwel darba fi żmien l-Etruski (għall-ħabta tad-900-400 Q.K.) meta ġiet abitata mit-tribù tas-Saina. L-Etruski kienu poplu avvanzat li bidlu l-bixra tal-Italja ċentrali permezz tal-użu tal-irrigazzjoni tagħhom biex jirkupraw ir-raba' minn art li preċedentement ma kinitx tajba biex tinħadem, u kellhom id-drawwa li jibnu l-insedjamenti tagħhom f'fortijiet fl-għoljiet b'difiża tajba ħafna. Raħal Ruman imsejjaħ Saena Julia ġie stabbilit fil-post ta' Siena fi żmien l-Imperatur Awgustu.[10]

Skont leġġenda lokali, Siena ġiet stabbilita minn Senju u Askju, ulied Remo u n-neputijiet ta' Romolo, li għalihom Ruma kienet ingħatat isimha. Jingħad li wara li missierhom inqatel minn Romolo, ħarbu minn Ruma, u ħadu magħhom l-istatwa tal-lupu tredda' lit-trabi, u b'hekk dak is-simbolu beda jintuża għar-raħal ta' Siena. Barra minn hekk, jingħad li vvjaġġaw fuq żwiemel bojod u suwed, li x'aktarx wassal għall-Balzana, jew l-istemma ta' Siena, b'żewġ strixxi orizzontali fuq xulxin. Uħud isostnu li isem Siena oriġina minn Senju. Etimoloġiji oħra jsostnu li l-isem ġej mill-kunjom tal-Etruski Saina, mill-kunjom Ruman Saenii, jew mill-kelma Latina senex li tfisser "anzjan" jew mill-forma derivata minnha seneo li tfisser "li tkun anzjan".[10]

 
Piazza del Campo

Siena ma gawdietx żmien ta' prosperità taħt it-tmexxija tar-Rumani. Ma kinitx tinsab ħdejn xi toroq arterjali u ma kellhiex wisq opportunitajiet ta' kummerċ. Minħabba f'hekk, il-Kristjaneżmu ma wasalx qabel is-seklu 4 W.K., u bdiet tgawdi żmien ta' prosperità biss meta l-Longobardi invadew lil Siena u lit-territorju tal-madwar. Wara l-okkupazzjoni tal-Longobardi, it-toroq Rumani antiki ta' Via Aurelia u Via Cassia kienu jgħaddu minn żoni esposti għal attakki Biżantini, u għaldaqstant il-Longobardi ttrasferew il-biċċa l-kbira tal-kummerċ tagħhom bejn it-territorji tat-Tramuntana tagħhom u Ruma minn rotta ferm iktar sigura, jiġifieri minn Siena. Siena gawdiet minn ġid kbir bħala ċentru kummerċjali, u l-ammont kostanti ta' pellegrini ġejjin u sejrin minn Ruma kien sors imprezzabbli ta' introjtu fis-sekli ta' wara.[10]

Medju Evu

immodifika

L-eqdem familji aristokratiċi fi Siena jmorru lura għaż-żmien meta l-Longobardi arrendew fis-774 quddiem il-qawwa ta' Karlu Manju. F'dak iż-żmien, il-belt imtliet Franki li żżewġu lin-nobbiltà eżistenti ta' Siena u ħallew legat li għadu jista' jiġi apprezzat sa llum fl-abbaziji li stabbilew fit-territorju kollu ta' Siena. Madankollu, is-setgħa fewdali battiet, u mal-mewt tal-Kontessa Matilda fl-1115, it-territorju tal-fruntiera tal-Marċ tat-Toskana li kien taħt il-kontroll tal-familja tagħha, Canossa, ġie maqsum f'diversi reġjuni awtonomi. Fl-aħħar mill-aħħar dan irriżulta fil-ħolqien tar-Repubblika ta' Siena.[11]

Ir-Repubblika eżistiet għal iktar minn erba' mitt sena, mis-seklu 12 sal-1555. Matul l-epoka tad-deheb ta' Siena, qabel ma faqqgħet il-Pesta s-Sewda fl-1348, il-belt kienet tospita 50,000 ruħ.[11] Kienet ċentru ekonomiku ewlieni u fost l-iktar bliet importanti fl-Ewropa, kif ukoll ir-rivali politiku, ekonomiku u artistiku prinċipali tal-belt ġar tagħha, Firenze.[2]

Fil-Gwerra Taljana tal-1551-1559, ir-Repubblika tilfet kontra r-rivali Firenze, alleat tal-kuruna Spanjola. Wara 18-il xahar ta' reżistenza, Siena arrendiet quddiem il-qawwa ta' Spanja fis-17 ta' April 1555, u b'hekk ir-Repubblika ntemmet.[12]

Wara l-waqgħa tar-Repubblika, ftit ċittadini ta' Siena mmexxija mill-eżiljat minn Firenze Piero Strozzi, ma riedux jaċċettaw il-waqgħa tar-Repubblika, fittxew il-kenn f'Montalcino, u ħolqu r-Repubblika ta' Siena mkennija f'Montalcino. Din baqgħet teżisti sal-31 ta' Mejju 1559 meta ġiet traduta mill-alleati Franċiżi, li Siena dejjem kienet appoġġat, u dan temm il-Paċi ta' Cateau Cambrésis b'Karlu V, li effettivament ċeda r-Repubblika lill-familja Medici.[13]

Il-familja Medici, apparti l-parentesi qasira ta' Ferdinandu I, li pprova joħloq stat organizzat, ma rnexxielhomx jagħtu struttura stabbli lill-Gran Dukat tat-Toskana, u kważi żammew id-diviżjoni kif kienet bejn l-hekk imsejjaħ Stat Antik, jiġifieri Firenze, u l-Istat il-Ġdid, jiġifieri Siena u l-parti tan-Nofsinhar sa Pitigliano, b'liġijiet u taxxi differenti. Mal-mewt ta' Gian Gastone de' Medici fl-1737, li ma kellux tfal, id-dinastija tal-familja Medici ntemmet u l-Gran Dukat għadda f'idejn id-dinastija ta' Habsburg-Lorraine sal-1799.[13]

 
Veduta ta' Siena

Era moderna

immodifika

Wara żmien Napuljun u r-rewwixti tar-Risorgimento, Siena kienet l-ewwel belt fit-Toskana, fl-1859, li vvotat favur l-annessjoni mar-Renju tal-Italja.[14]

Ġeografija

immodifika

Siena tinsab fil-parti ċentrali tat-Toskana, fin-nofs ta' pajsaġġ kbir kollu għoljiet bejn il-wied tax-xmara Arbia fin-Nofsinhar, il-wied ta' Merse fil-Lbiċ, il-wied ta' Elsa fit-Tramuntana, l-għoljiet ta' Chianti fil-Grigal, il-Montagnola Senese fil-Punent u l-Crete Senesi fix-Xlokk. Il-belt tinsab 322 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar.

Siena għandha klima Mediterranja tipika tal-inħawi fuq ġewwa. Ix-xita medja li tinżel hija ta' 750 mm u tinżel l-iktar f'Novembru u l-inqas f'Lulju. Lulju huwa l-iktar xahar sħun, b'temperatura medja ta' 22.2 °C, filwaqt li Jannar huwa l-iktar xahar kiesaħ.

Attrazzjonijiet

immodifika
 
Il-Katidral ta' Siena

Il-Katidral ta' Siena, magħruf ukoll bħala d-Duomo, beda jinbena fis-seklu 12, u huwa kapulavur tal-arkitettura Rumaneska-Gotika Taljana. Il-faċċata prinċipali tiegħu tlestiet fl-1380 b'navata orjentata mill-Grigal għal-Lbiċ. Twessigħ propost tal-kappellun tal-Lvant kien jittrasforma l-knisja f'bażilika enormi ambizzjuża, l-ikbar waħda ta' dak iż-żmien fid-dinja, b'navata mil-Lvant għall-Punent. Madankollu, l-iskarsezza ta' fondi, parzjalment minħabba l-gwerra u parzjalment minħabba l-Pesta s-Sewda, temmet il-proġett ħesrem. Żewġ ħitan tat-twessigħ ta' dan il-kappellun tal-Lvant għadhom jeżistu; permezz ta' garigor taraġ intern, il-viżitaturi jistgħu jitilgħu biex jaraw veduta mill-isbaħ tal-belt.

 
Il-Katidral ta' Siena minn ġewwa

Il-pulptu tal-Katidral ta' Siena huwa kapulavur ottagonali tas-seklu 13 li ġie skolpit minn Nicola Pisano b'pedestalli tal-iljuni u panewijiet b'bassoriljievi Bibbliċi. L-art bil-mużajk tal-irħam intarsjat tal-katidral, iddisinjata u maħduma minn bosta artisti, huwa fost l-iktar elaborati fl-Italja. Is-sagristija u l-librerija ta' Piccolomini fihom affreski Rinaxximentali ppreservati tajjeb ħafna u magħmula minn Ghirlandaio u Pinturicchio rispettivament. Skulturi oħra li ħadmu fil-knisja u fil-battisterju taħt l-art huma Donatello, Lorenzo Ghiberti, Jacopo della Quercia u oħrajn. Il-Mużew tal-Opri tad-Duomo fih il-Maestà (1308-1311) famuża ta' Duccio u bosta xogħlijiet oħra ta' maestri ta' Siena. Fil-Pinacoteca jinsabu iktar pitturi, bħal pereżempju xogħlijiet tas-seklu 13 ta' Dietisalvi di Speme.

Piazza del Campo, il-pjazza prinċipali b'għamla ta' arzella, tinsab quddiem il-Palazzo Pubblico bit-torri twil magħruf bħala Torre del Mangia. F'din il-pjazza ssir it-tellieqa taż-żwiemel magħrufa bħala l-Palio. Il-Palazzo Pubblico, li huwa fih innifsu opra kbira tal-arkitettura, jospita mużew ieħor importanti tal-arti. Fil-mużew hemm l-affreski ta' Ambrogio Lorenzetti ta' L-Allegorija u l-Effetti ta' Governanza Tajba u Ħażina, kif ukoll uħud mill-ifjen affreski ta' Simone Martini u Pietro Lorenzetti.

Il-Palazz Salimbeni, li jinsab fil-pjazza bl-istess isem, kien il-kwartieri ġenerali oriġinali u għadu parti mis-sjieda tal-bank Monte dei Paschi di Siena, wieħed mill-eqdem banek b'eżistenza kontijnwa fl-Ewropa.

Il-Palazz Gotiku notevoli ta' Chigi-Saracini f'Via di Città jospita l-Akkademja Mużikali ta' Chigi, il-konservatorju tal-mużika ta' Siena.

 
Il-faċċata tal-Palazzo Pubblico ta' Siena

Fost knejjes oħra li jinsabu fil-belt insibu:

  • il-Bażilika tal-Osservanza
  • il-Knisja ta' San Duminku
  • il-Knisja ta' San Franġisk
  • il-Knisja ta' San Martin
  • il-Knisja ta' Santa Marija tal-Qaddejja
  • il-Knisja ta' Santa Petronilla
  • il-Knisja tal-Ispirtu s-Santu
  • il-Knisja ta' Sant'Indrija l-Appostlu
  • is-Santwarju ta' Santa Katarina, li jinkorpora d-dar antika ta' Santa Katarina ta' Siena. Fih hemm il-Kurċifiss mirakoluż tal-aħħar tas-seklu 12 li permezz tiegħu l-qaddisa rċeviet l-istigmati, u statwa tas-seklu 15 ta' Santa Katarina.
 
Montepaschi di Siena, l-eqdem bank fid-dinja

Is-sinagoga storika ta' Siena hija ppreservata wkoll u hija miftuħa għall-pubbliku.

Il-ġonna tal-belt jinkludu l-Ġnien Botaniku tal-Università ta' Siena.

Il-Fortizza tal-familja Medici tospita l-Enoteka Taljana u l-Iskola tal-Jazz ta' Siena, fejn isiru korsijiet u kunċerti matul is-sena kollha, kif ukoll festival li jsir matul il-Masterclasses Internazzjonali tal-Jazz ta' Siena.

Fil-madwar ta' Siena hemm bosta vilel patrizjani, u wħud minnhom huma attribwiti lil Baldassarre Peruzzi:

  • Villa Chigi
  • il-Kastell ta' Belcaro
  • Villa Celsa
  • Villa Cetinale
  • Villa Volte Alte

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Veduta panoramika ta' Siena

Iċ-Ċentru Storiku ta' Siena tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[5]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[5]

 
Il-Knisja ta' San Duminku, Siena

Contrade

immodifika

Siena tgħożż kultura ta' contrade minn żmien il-Medjuevu. Kull contrada hija rrappreżentata minn annimal jew mascot, u għandha l-konfini u l-identità distinta tagħha stess. Il-piki bejn il-contrade jiżdiedu l-iktar meta jsir il-Palio f'Piazza del Campo.[15] Hemm 17-il contrada: Aquila, Bruco, Chiocciola, Civetta, Drago, Giraffa, Istrice, Leocorno, Lupa, Nicchio, Oca, Onda, Pantera, Selva, Tartuca, Torre u Valdimontone.

Il-Palio ta' Siena huwa tellieqa taż-żwiemel Medjevali tradizzjonali fejn iż-żwiemel itellqu mad-dawra tal-Piazza del Campo darbtejn kull sena, fit-2 ta' Lulju u fis-16 ta' Awwissu. L-avveniment ġie segwit minn folla kbira ta' nies u jixxandar fuq it-televiżjoni. Għaxar contrade jintgħażlu b'mod aleatorju mis-17-il contrada u jikkompetu għal trofew: bandalora jew palio bl-immaġni tal-Imqaddsa Marija Verġni.

 
Il-Madonna u l-Bambin bil-polittiku tal-Qaddisin ta' Duccio (1311-1318)

Matul is-sekli, Siena kellha tradizzjoni rikka tal-arti u ta' artisti. Il-lista ta' artisti minn Siena tinkludi lil Duccio u lill-istudent tiegħu Simone Martini, Pietro Lorenzetti u Martino di Bartolomeo. Għadd ta' kapulavuri Rinaxximentali magħrufa jistgħu jitgawdew fil-galleriji jew fil-knejjes ta' Siena.

Il-Knisja ta' San Duminku fiha opri tal-arti ta' Guido da Siena, li jmorru lura għal nofs is-seklu 13. Il-Maestà ta' Duccio, li ġiet ikkummisjonata mill-Belt ta' Siena fl-1308, kienet strumentali biex tbiegħed il-pittura Taljana mir-rappreżentazzjonijiet eretiċi tal-arti Biżantina u biex tiddirezzjonaha lejn preżentazzjonijiet iktar diretti tar-realtà. Il-Madonna u l-Bambin tiegħu bil-polittiku tal-Qaddisin, impittra bejn l-1311 u l-1318, tinsab fil-Pinacoteca Nazzjonali tal-belt.

Il-Pinacoteca tinkludi wkoll diversi opri tal-arti ta' Domenico Beccafumi, kif ukoll opri tal-arti ta' Lorenzo Lotto, Domenico di Bartolo u Fra Bartolomeo.

Ekonomija

immodifika
 
Stadio Artemio Franchi ta' Siena

L-attivitajiet prinċipali huma t-turiżmu, is-servizzi, l-agrikoltura, l-artiġjanat u l-industrija ħafifa.

Agrikoltura

immodifika

L-agrikoltura tikkostitwixxi l-industrija primarja ta' Siena. Mill-2009, il-forza tax-xogħol agrikola ta' Siena tinkludi 919-il kumpanija b'erja totali ta' 10.755 kilometru kwadru, u erja ta' raba' għall-użu agrikolu li tammonta għal 6.954 kilometru kwadru jew madwar 1⁄30 tal-erja muniċipali totali (skont id-data tal-ISTAT għaċ-ċensiment V tas-sena 2000 għall-agrikoltura).

Industrija u manifattura

immodifika

Is-settur industrijali tal-ekonomija ta' Siena ma tantx hu żviluppat ħafna. Madankollu, is-settur esperjenza tkabbir reċenti f'impriżi tal-manifattura importanti ewlenin.

 
L-istatwa tal-lupu bħal ta' Ruma

L-industrija tal-ħelu hija wieħed mill-iżjed importanti mis-setturi tradizzjonali tal-industrija sekondarja, bis-saħħa tal-ħafna speċjalitajiet lokali. Fost l-iktar magħrufa nsibu l-Panforte, prekursur tal-kejk tal-frott modern, il-gallettini Ricciarelli, magħmula minn pejst tal-lewż, u l-gingerbread. Ħelu ieħor magħruf huwa n-Noto, tip ta' ħelu magħmul bl-għasel, il-lewż u l-bżar. It-territorju fejn isir dan il-ħelu kollu jvarja bejn it-Toskana u l-Umbria. Speċjalitajiet staġonali oħra huma l-qastan u l-pan de' Santi (jew Pan co' Santi) li jitħejja tradizzjonalment fil-ġimgħat ta' qabel il-Festa tal-Qaddisin Kollha, fl-1 ta' Novembru. Dan il-ħelu kollu jiġi kkummerċjalizzat minn furnara industrijali u artiġjanali fi bliet differenti mhux biss fi Siena.

It-territorju esperjenza tkabbir ukoll fil-bijoteknoloġija. L-Istitut Ċentenarju Sieroterapico Achille Sclavo kellu sjieda Żvizzera, u kien jopera bl-isem tal-kumpanija Novartis Vaccines. Novartis kienet tiżviluppa u tipproduċi l-vaċċini u kienet timpjega madwar elf ruħ. Fl-2015, l-impjant tar-riċerka fi Siena sar parti minn Glaxo Smith Kline, bħala parti minn ftehim bejn Novartis u din l-azjenda.[16]

Sport professjonali

immodifika

L-Associazione Calcio Siena (futbol) huwa klabb li twaqqaf fl-1904 u li ġie stabbilit għalkollox fl-1908. Ġie promoss għall-ogħla diviżjoni tal-lig Taljan, is-Serie A, fl-istaġun 2003-2004 u baqa' f'din id-diviżjoni għal disa' staġuni. Wara l-falliment tal-klabb fl-2014, klabb ġdid imsejjaħ Società Sportiva Robur Siena ħadlu postu u kellu jerġa' jibda mis-Serie D. Attwalment jinsab fil-lig tal-Lega Pro. Il-klabb jospita l-logħbiet f'daru fl-istadium imsejjaħ Stadio Artemio Franchi.

 
Strade Bianche tal-2014

Il-klabb tal-premier tal-basketball tal-irġiel fi Siena kien jissejjaħ Mens Sana Basket (u kultant jissejjaħ bl-isem tal-isponsor tiegħu Montepaschi Siena). Dan il-klabb huwa l-eqdem wieħed fi Siena. Il-Mens Sana Basket ipparteċipaw fl-ogħla diviżjoni fl-Italja, il-Lega Basket Serie A, u rebħu l-kampjonat nazzjonali tmien darbiet, b'seba' rebħiet tal-kampjonat wara xulxin (fl-2004 u fl-2007-2013). Il-klabb jospita l-logħbiet f'daru fil-PalaEstra indoor arena. Bħat-tim lokali tal-futbol, il-klabb kellu problemi finanzjarji fl-2014, u ħadlu postu l-klabb il-ġdid Mens Sana 1871, li attwalment jilgħab fil-lig tas-Serie A2. Il-belt kienet koospitant tal-Kampjonat Ewropew tal-Basketball fl-1979.

Siena tospita l-bidu u t-tmiem ta' Strade Bianche, tellieqa ċiklistika professjonali famuża għat-toroq bojod storiċi taż-żrar, imsejħa strade bianche jew sterrati bit-Taljan.[17] Iktar minn 50 kilometru tat-tellieqa ssir fuq toroq mhux asfaltati, li s-soltu jkun mogħdijiet fil-kampanja u mogħdijiet agrikoli li jserpu fl-għoljiet u fil-vinji tar-reġjun ta' Chianti. It-tellieqa tintemm fil-Piazza del Campo, wara telgħa wieqfa u dejqa f'Via Santa Caterina li twassal għaċ-ċentru tal-belt Medjevali.

Ġemellaġġ

immodifika

Siena hija ġemellata ma':

Referenzi

immodifika
  1. ^ "DiPI Online - Dizionario di Pronuncia Italiana". www.dipionline.it. Miġbur 2022-02-19.
  2. ^ a b "Siena | Italy | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-19.
  3. ^ "Monte dei Paschi di Siena: a brief guide to the world's oldest bank". the Guardian (bl-Ingliż). 2016-12-22. Miġbur 2022-02-19.
  4. ^ "Pinacoteca Nazionale in Siena – Terre di Siena" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-19.
  5. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Siena". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-18.
  6. ^ "Storia dell'Ateneo | Università degli Studi di Siena". www.unisi.it. Miġbur 2022-02-19.
  7. ^ "10 of the Oldest Universities in the World". Top Universities (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-19.
  8. ^ "Siena in the Middle Ages | by Siena OnLine". www.sienaonline.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-19.
  9. ^ valdelsa.net. "A Siena boom di presenze turistiche nonostante la pandemia: numeri da cui ripartire". www.valdelsa.net (bit-Taljan). Miġbur 2022-02-19.
  10. ^ a b ċ "Siena nell'Enciclopedia Treccani". www.treccani.it (bit-Taljan). Miġbur 2022-02-19.
  11. ^ a b Smith, T.B.; Steinhoff, J.B. (2012). Art as Politics in Late Medieval and Renaissance Siena. Ashgate Publishing Company. p. 77. ISBN 9781409400660.
  12. ^ Caravale, Giorgio, autor. (2016). Preaching and inquisition in Renaissance Italy : words on trial. ISBN 978-90-04-32545-6.
  13. ^ a b "Beni Culturali Siena". www.movio.beniculturali.it. Miġbur 2022-02-19.
  14. ^ "Breve storia di Siena Dagli etruschi ai giorni nostri Il Cavalleggero". www.ilcavalleggero.it (bit-Taljan). Miġbur 2022-02-19.
  15. ^ Huppert, George (1998). After the Black Death: A Social History of Early Modern Europe (Second ed.). Indiana University Press. p. 36.
  16. ^ "Novartis, gli stabilimenti di Siena passano a Glaxo entro marzo. E attacca il governo sulla maxi-multa". Corriere della Sera (bit-Taljan). 2015-01-28. Miġbur 2022-02-19.
  17. ^ published, Cycling News (2015-11-11). "Siena start for Strade Bianche in 2016". cyclingnews.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-19.