Monumenti ta' Oviedo u tar-Renju tal-Asturjas

Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fi Spanja

Il-Monumenti ta' Oviedo u tar-Renju tal-Asturjas jinkludu sensiela ta' binjiet li nbnew matul ir-Renju tal-Asturjas. Inizjalment, dawn il-monumenti tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985 bit-titlu ta' "Knejjes tar-Renju tal-Asturjas"; id-deżinjazzjoni mbagħad ġiet estiża fl-1998 biex tiġi inkluża l-Kamra Mqaddsa ta' Oviedo, l-Għajn ta' Foncalada u l-Knisja ta' San Julián de los Prados.[1]

Il-Knisja ta' Santa María del Naranco.

Ir-Renju tal-Asturjas kien l-ewwel stat Kristjan li ġie stabbilit fil-Peniżola Iberika wara l-waqgħa tar-renju tal-Viżigoti ta' Toledo tar-Re Rodrigu fil-Battalja ta' Guadalete u l-invażjoni Musulmana suċċessiva. Ir-renju dam mis-718 sad-925, meta Fruela II tela' fuq it-tron tar-Renju ta' León.

Ir-renju beda wara l-Battalja ta' Covadonga tas-722. Pelagio u sħabu kienu jinsabu fl-għoljiet ta' Auseva, f'waħda mill-grotti, Covadonga, fejn kienu qed jistkennu. Hemmhekk irnexxielhom iwettqu attakk ta' suċċess kontra l-istazzjonament tas-Saraċeni. Ir-rebħa, li kienet relativament mudesta, peress li ħadu sehem biss ftit mijiet ta' suldati Berberi, tat prestiġju kbir lil Pelagio u wasslet għal attakk massiċċ mir-Renju tal-Asturjas. Munuza, li sab ruħu iżolat f'reġjun dejjem iktar ostili, iddeċieda li jitlaq minn Gijón u jerħilha lejn il-Meseta mill-Camino de la Mesa. Minkejja dan, xorta waħda ġie interċettat u nqatel mir-Renju tal-Asturjas f'Olalíes (komun attwali ta' Grado).

Wara l-mewt ta' Pelagio u ta' ibnu Favila, il-werriet tat-tron kien Alfonso I. Taħt ir-renju tiegħu bdiet l-espansjoni territorjali, mit-territorji tiegħu li kienu jinsabu fil-muntanji ta' Picos de Europa lejn il-Punent fid-direzzjoni ta' Galizja.

Matul il-ħamsin sena ta' wara (739-791), ir-renju ssaħħaħ ħafna bħala għadd ta' territorji kif ukoll bħala organizzazzjoni politika u soċjali. Is-suċċessjoni tas-sovrani tal-Asturjas baqgħet għaddejja sas-791, meta ġie inkurunat Alfonso II il-Kast. Matul ir-renju tiegħu wettaq xi spedizzjonijiet ta' kkastigar lejn in-Nofsinhar, u wasal sa Liżbona fis-798. Fit-825 rebaħ anke kontra l-Musulmani fuq ix-xmara Nalón. Huwa stabbilixxa l-belt kapitali tar-renju f'Oviedo u l-Galizja u ż-żoni tat-Tramuntana ta' Kastilja u ta' ġiet ippopolata mill-ġdid, iżda r-renju tiegħu kien kontinwament espost għall-attakki tal-Musulmani. Minkejja dan, ir-renju kiber u żviluppat l-epoka "Pre-Rumanesk tal-Asturjas", fejn inħolqu l-opri tal-arti tal-arkitettura Medjevali Ewropea. Alfonso II stabbilixxa l-qima lejn San Ġakbu, li kien l-ewwel figura tal-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu lejn Santiago de Compostela, li kien jikkollega l-Asturjas mal-Ewropa (fuq kollox mar-renju ta' Karlu Manju), b'għadu komuni fin-Nofsinhar b'kultura Orjentali. Omm Alfonso II kienet minn Álava, u dan x'aktarx li juri l-vokazzjoni li jiġu attirati l-Baski fil-qrib lejn ir-Renju tal-Asturjas. Fil-Battalja ta' Lutos (bl-Asturjan: Llodos; bl-Ispanjol: Ciénagas), ir-Renju tal-Asturjas rebaħ rebħa kbira kontra l-Għarab u l-Berberi li riedu jtemmu t-theddida dejjem tikber tar-renju. Fit-808 ġie fondut il-Kurċifiss tal-Anġli. Alfonso II qabbad lill-arkitett Tioda biex jibni diversi binjiet ta' natura rjali u reliġjuża sabiex isebbaħ il-belt ta' Oviedo. B'xorti ħażina ma tantx fadal wisq minn dawn il-binjiet, peress li fuqhom jew minflokhom iktar 'il quddiem inbnew binjiet oħra.

Ir-re, Ramiro I (iben Bermudo li pproklama ruħu re wara gwerra ċivili) u Ordoño I, għexu f'perjodu ta' gwerra kontinwa kontra l-Musulmani. Fi żmien Ramiro I ġiet żviluppata l-arti "Ramirense", li kien l-apoġew tal-Pre-Rumanesk tal-Asturjas. Dan ir-re rebaħ il-Battalja ta' Clavijo, fejn skont leġġenda, l-appostlu Ġakbu (Santiago), riekeb żiemel abjad, għen lill-armata tal-Asturjas kontra t-truppi Iżlamiċi. Fit-844, flotta Normanna waslet max-xtut ta' Gijón. Mhux magħruf eżatt meta żbarkaw, iżda ma kinux inqabdu bħala priġunieri. Skont il-kronaki, il-battalja baqgħet sejra sal-post li fil-kronaki ssejjaħ il-Fanal ta' Brigantio (La Coruña), fejn saret reżistenza kontra l-attakki tan-Normanni, li skont il-kronaki mbagħad komplew l-attakki tagħha lejn Spanja (il-kronaki tal-Asturjas kienu jsejħu "Spanja" il-kaliffat ta' al-Andalus).

Ordoño wassal għar-ripopolazzjoni ta' Astorga, León, Tui u Amaya. Stabbilixxa relazzjonijiet mill-qrib mar-Renju ta' Navarra, u x'aktarx għenu fil-liberazzjoni mir-Re García Íñiguez li kien priġunier tan-Normanni. Fi ħdan il-proċess ta' kollegament mal-wied tax-xmara Ebro, huwa stabbilixxa alleanzi mal-Banu Qasi ta' Zaragoza, għalkemm okkażjonalment iġġieled kontrihom meta varjaw xi ftit l-alleanzi iktar 'il quddiem. Ordoño pprova jgħin ukoll, mingħajr ma rnexxielu, lill-Możarabiċi ta' Toledo fir-ribelljoni kontra l-emir ta' Cordoba. Meta miet laħaq minfloku ibnu Alfonso III.

Alfonso III irrappreżenta l-qofol tal-poter tar-Renju tal-Asturjas. Huwa stabbilixxa relazzjonijiet mill-qrib ħafna mar-Renju ta' Navarra, iġġieled u allea ruħu kemm-il darba mal-Banu Qasi ta' Zaragoza u ġġieled flimkien mal-Możarabiċi ta' Toledo fil-ġlieda tagħhom kontra l-poter tal-emir ta' Cordoba.

Fid-908, seklu wara li Alfonso II ordna li jiġi fondut il-Kurċifiss tal-Anġli, Alfonso III ordna li jiġi fondut il-Kurċifiss tar-Rebħa, li minn dak iż-żmien 'l hawn sar simbolu tal-Asturjas. Alfonso żżewweġ lil Jimena, mara nobbli ta' Navarra, x'aktarx bint García Iñíguez. Bis-saħħa tal-appoġġ tal-Galizjani nobbli, fosthom Hermenegildo Gutiérrez, irnexxielu jikkonkwista t-Tramuntana fejn illum hemm il-Portugall. Avvanza wkoll lejn ix-xmara Duero u kkonkwista lil Zamora u Burgos. Fl-apoġew tiegħu, ir-Renju tal-Asturjas kien jokkupa l-Grigal kollu tal-Peniżola Iberika, minn Oporto sa Álava.

García I, iben Alfonso III il-Manju, wara li ġġieled kontra missieru u l-aħwa Ordoño II u Fruela II, ittrasferixxa l-belt kapitali tar-renju lejn León, u ħoloq renju ġdid li annetta r-Renju ta' León ma' dak tal-Asturjas.[2]

Il-Pre-Rumanesk tal-Asturjas jagħmel parti mill-Pre-Rumanesk li żviluppa fil-Peniżola Iberika tul il-kosta tal-Baħar ta' Cantabria, li kienet inħelset mill-okkupazzjoni Musulmana lejn l-aħħar tas-seklu 8 (wara t-telfa fil-Battalja ta' Guadalete u l-invażjoni suċċessiva tas-Saraċeni sal-bidu tas-seklu 10 meta ġiet assorbita mill-arti Rumaneska minn Franza).

Minkejja li dan l-istil kien suċċessur tal-istil tal-Viżigoti, wieħed ma jistax jgħid li l-Pre-Rumanesk tal-Asturjas huwa eredi leġittimu tiegħu, peress li ma jikkonserva kważi l-ebda wieħed mill-elementi prinċipali tiegħu, bħall-ħnejja b'għamla ta' nagħla. Minkejja li fil-bidu x'aktarx li kienet imitazzjoni fqira ħafna ta' dan l-istil ta' arti, f'qasir żmien żviluppat elementi ġodda u oriġinali li x'aktarx ġew importati mil-Lvant jew mil-Lombardia li wasslu biex dan l-istil jitqies bħala l-prekursur tar-Rumanesk.[3]

 
Il-Knisja ta' Santianes de Pravia.

Il-Pre-Rumanesk tal-Asturjas joffri ż-żewġ tipi jew forom li diġà kienu meqjusa bħala differenti fl-istil tal-Viżigoti, iżda li saru ferm iktar preċiżi fil-Pre-Rumanesk tal-Asturjas: it-tip Latin u t-tip Biżantin. Iż-żewġ tipi kellhom il-kolonni u l-pilastri vertikali ornamentali, kif ukoll is-semikolonni mal-ħajt bil-ħnejjiet, li b'hekk kienu jiffurmaw il-ħajt kompożitu u l-preludju għall-pilastru kompożitu tal-arkitettura Rumaneska, li diġà kien jeżisti fl-arkitettura Możarabika tas-seklu 10. Fit-tnejn li huma hemm il-ħnejjiet ippuntati u mhux b'għamla ta' nagħla, għajr xi eċċezzjoni, kif ukoll il-ħnejjiet ta' skariku fil-ħitan u fir-riffieda. Fit-tnejn li huma hemm il-balavostri jew il-parapetti tal-ġebel, fid-daħla tal-apside, kapitelli kemxejn differenti mill-idea klassika, twieqi bifori b'tiżjin fil-ġebla, rużuni żgħar, ornamenti bi ftit figuri, bħal steli bis-sriep, diversi tipi ta' fjuri u opri oħra bl-istil tal-Viżigoti.

L-ewwel opri tal-arti Pre-Rumaneski tal-Asturjas

immodifika

Il-Knisja tal-Kurċifiss Reali f'Cangas de Onís, oriġinarjament inbniet fuq dolmen preistoriku, ġiet rikostruwita wara li nqerdet waqt il-gwerra ċivili.

Il-Knisja ta' San Ġwann, f'Santianes di Pravia, inbniet skont l-ordni tar-Re Silo. F'din il-knisja prattikament jidhru l-elementi kollha tal-Pre-Rumanesk tal-Asturjas, minkejja li essenzjalment issegwi l-elementi tal-istil tal-Viżigoti.

Pre-Ramirense jew Alfonsino

immodifika

Il-perjodu bejn is-791 u t-842 huwa magħruf bħala Pre-Ramirense jew Alfonsino, b'referenza għar-renju ta' Alfonso II, fejn kienu jiġu emulati l-arkitetturi ta' Toledo fil-belt kapitali tar-renju, Oviedo.[4] Fil-knejjes antiki tal-Asturjas il-kostruzzjoni f'dan il-perjodu kienet issir skont pjanta ta' bażilika bi tliet navati b'apsidi kwadri u tieqa f'kull waħda. Il-volti tan-navata kienu msaqqfa b'soqfa b'qafas tal-injam.

 
Il-Knisja ta' San Julián de los Prados.

Dan ir-re bena l-binja magħrufa bħala l-Kamra Mqaddsa, l-unika fdal tal-ħajt diviżorju Palatin fil-Katidral ta' Oviedo. Din hija binja żgħira fuq żewġ sulari. It-tieni sular, l-oratorju, ġie rriformat fi Żmien ir-Rumani, meta ġiet miżjuda l-volta b'għamla ta' bettija flimkien mal-ewwel relikwarju. Barra minn hekk inbniet ukoll il-kripta ta' Santa Leocadia.

Qrib il-belt kapitali, ir-re ordna li tinbena l-Knisja ta' San Julián de los Prados, jew ta' Santullano, bħala tempju spazjuż b'karatteristiċi distinti ta' dan l-istil Pre-Rumanesk. Il-knisja għandha pjanta ta' bażilika bi tliet navati sseparati minn pilastri kwadri li jirfdu arkati ppuntati bi transett olzat. L-ikonostażi, li tissepara l-parti rriżervata għall-kleru, mill-kumplament tat-tempju, tixbah ħafna l-għamla ta' arkata trijonfali. F'dan it-tempju jispikkaw il-kobor u l-oriġinalità li jitbegħdu mill-mudelli tal-Viżigoti. Bla dubju l-iktar ħaġa li tolqot l-għajn hu t-tiżjin pittoresk tagħha, b'affreski (jew aħjar stukko) f'tliet korpi li jikkuntrastaw lil xulxin, mingħajr ikoni, b'tiżjin arkitettoniku b'influwenza Rumana ċara. Il-knisja kienet tempju pjuttost monastiku u mhux Palatin, għalkemm kien hemm tribuna fit-transett li kienet irriżervata għar-re.

Il-Knisja ta' San Tirso u l-Knisja ta' Santa Marija ta' Bendones inbnew ukoll f'dan il-perjodu.

Ramirense

immodifika
 
Il-Knisja ta' San Miguel de Lillo.

Bil-wasla ta' Ramiro I (842-850), l-arti tal-Asturjas laħqet il-qofol tagħha, minkejja d-durata qasira tar-renju tiegħu, bis-saħħa tal-kostruzzjoni fl-għolja ta' Naranco, li hija l-iktar eżempju rappreżentattiv. Għal din il-knisja tiġi adottata l-pjanta kwadra jew b'għamla ta' salib Grieg, b'apside kwadra, b'tieqa, u b'volta b'għamla ta' bettija biex tgħatti n-navati u b'arkati li jirfdu l-volti.

Il-Knisja ta' Santa Maria del Naranco titqies qisha s-Sala tat-Tron jew is-Sala Rjali tar-Re Ramiro (minkejja li n-nuqqas ta' apside għat-tron donnha tostakola l-użu tagħha), prattikament ir-residenza suburbana tiegħu. Ġiet irrestawrata għal dan l-għan u ntużat ukoll bħala knisja rurali. Is-sular t'isfel fih ambjent imsaqqaf bil-volti, mingħajr twieqi, maqsum fi tliet kompartimenti: wieħed ċentrali għall-gwardji u l-qaddejja, wieħed għal kappella rjali privata, u wieħed għal banju. Is-sular ta' fuq, li wieħed jasal għalij permezz ta' taraġ estern mal-ħajt, fih ambjent rettangolari b'volta b'għamla ta' bettija u b'arkati trasversali, li huwa miftuħ fit-truf permezz ta' loġġa tripla. It-tiżjin huwa purament Nordiku jew Ġermaniku, b'arkati bl-istrixxi u gwarniċi intaljati fil-ġebla li jimitaw l-injam jew id-deheb.

Il-Knisja ta' San Miguel de Lillo kienet il-knisja Palatina ta' Ramiro I, kif jixhed it-tiżjin tagħha, u fiha kienet tiġi kkonservata biċċa mill-Kurċifiss Imqaddes, l-iżjed relikwa mqaddsa tat-teżor tal-Viżigoti. Il-karatteristiċi prinċipali tagħha huma l-volti, ir-riffieda dojoq u t-tribuna maħsuba għall-monarka. Kellha pjanta bi tliet navati, iżda kulma fadal huwa l-portiku b'żewġ kompartimenti u l-ewwel biċċa tan-navati. Ta' min isemmi wkoll il-koxox tal-bibien, li x'aktarx jinkludu rappreżentazzjoni tal-istess monarka li tħabbar minn qabel il-wasla tal-perjodu Rumanesk.

Il-Knisja ta' Santa Kristina ta' Lena, x'aktarx ta' oriġini Viżigota, ġiet ittrasformata minn Ramiro I. Il-karatteristika prinċipali tal-knisja hi l-ikonostażi, iffurmata minn tliet arkati tal-ġebel fuq erba' kolonni tal-irħam, b'elementi Viżigoti, li kien jissepara l-presbiterju min-navata ċentrali.

Il-karatteristiċi ta' dawn il-kostruzzjonijiet wasslu biex diversi awturi jirreferu għall-istil tagħhom bħala Pre-Rumanesk jew Proto-Rumanesk. Minkejja dan, fil-fatt, l-għamliet u s-soluzzjonijiet arkitettoniċi jidher li jindikaw dan l-istil partikolari, u ċertament l-istil Rumanesk Spanjol awtentiku kellu oriġini distinta.

Post-Ramirense

immodifika
 
Il-Knisja ta' San Salvador de Valdediós.

Dan l-istil huwa marbut mar-renju ta' Alfonso III il-Manju (866-910). Ġie influwenzat mill-Viżigoti, minħabba l-kuntatt ta' dawn il-kostruzzjonijiet mar-ripopolazzjoni tal-peniżola, biż-żieda tal-Kristjani u t-tnaqqis tal-Musulmani, għalkemm xi awturi jsemmu perjodu ta' staġnar jew iżolament tal-arti tal-Asturjas.

Il-Knisja ta' San Salvador de Valdediós tas-seklu 9 hija tempju bi tliet navati msaqqaf b'volti b'għamla ta' btieti assjali, b'apside tripla, u b'kompartimenti bil-volti 'l fuq mill-apsidi kwadri u b'portiku laterali miżjud suċċessivament, li sar element kostanti fl-arkitettura Spanjola. Fit-twieqi hemm tiżjin intaljat fil-ġebla b'disinni qishom ktajjen tal-kuruni ta' Guarrazar. Dan l-istil huwa influwenzat ferm mill-arti Możarabika.

Il-Knisja ta' San Indrija ta' Tuñón kellha struttura bi tliet navati, isseparati permezz ta' pilastri, b'portiku triplu u b'kompartimenti fit-truf tan-navati laterali. Dan it-tempju huwa l-iktar wieħed li jitbiegħed mit-tradizzjonijiet tal-arti klassika tal-Asturjas.

Il-Knejjes ta' San Salvador de Priesca, ta' Santiago de Gobiendes u ta' San Pedro de Nora huma eżempji ċari ta' dan il-perjodu, l-istess bħall-Knisja ta' Deva (is-seklu 10), il-Knisja ta' San Salvador de Fonti (tal-bidu tas-seklu 11) u opri oħra ta' importanza minuri.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Monumenti ta' Oviedo u tar-Renju tal-Asturjas ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985.[1] Matul it-13-il sessjoni li saret fil-belt ta' Christchurch, New Zealand, bejn it-23 ta' Ġunju u l-1 ta' Lulju 2007, ġiet aċċettata l-proposta ta' estensjoni sabiex jiddaħħlu l-monumenti ta' Oviedo u l-knisja Pre-Rumaneska ta' San Salvador de Valdediós li tinsab f'Villaviciosa.

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Komponenti

immodifika

Fid-disa' sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO li saret f'Pariġi bejn it-2 u s-6 ta' Diċembru 1985, il-Knisja ta' Santa Maria del Naranco, il-Knisja ta' San Miguel de Lillo u l-Knisja ta' Santa Kristina ta' Lena tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Tlettax-il sena wara, fl-1998, żdiedu wkoll mal-istess sit il-Knisja ta' San Julián de los Prados, il-Kamra Mqaddsa ta' Oviedo u l-Għajn ta' Foncalada.

Knisja ta' San Julián de los Prados

immodifika

Il-Knisja ta' San Julián de los Prados, magħrufa wkoll bħala l-Knisja ta' Santullano, hija knisja Pre-Rumaneska tal-bidu tas-seklu 9 li tinsab f'Oviedo (il-Prinċipat tal-Asturjas), u hija waħda mill-eżempji ewlenin tal-arti tal-Asturjas. Il-knisja hija ddedikata lill-qaddisin martri Ġiljan u Basilissa, u nbniet fis-seklu 9.

Id-data preċiża tal-kostruzzjoni tagħha mhix magħrufa, iżda hu magħruf li l-kostruzzjoni tagħha ġiet ordnata minn Alfonso II.

Il-knisja hija tempju spazjuż li b'mod ċar jippreżenta l-karatteristiċi ta' dan l-istil. Għandha pjanta ta' bażilika bi tliet navati, isseparati permezz ta' pilastri kwadri li jirfdu l-arkati ppuntati, u b'transett olzat sew. L-ikonostażi, li tissepara l-parti rriżervata għall-kleru mill-bqija tat-tempju, tixbah ferm l-għamla ta' arkata trijonfali. Dan it-tempju jiddistingwi ruħu peress li huwa imponenti u oriġinali, u b'hekk jitbiegħed mill-mudelli Viżigoti.[5]

Mit-tliet daħliet tat-tempju, illum il-ġurnata ż-żewġ daħliet laterali ġew magħluqa b'ħitan.

Knisja ta' Santa Maria del Naranco

immodifika
 
Veduta tal-faċċata tal-Lvant tal-Knisja ta' Santa María del Naranco.

Il-Knisja ta' Santa Maria del Naranco hija knisja Pre-Rumaneska tal-Asturjas li tinsab tliet kilometri minn Oviedo, fuq ix-xaqliba tan-Nofsinhar tal-Għolja ta' Naranco, li oriġinarjament kienet il-palazz tar-Re Ramiro I.

Il-binja ġiet ordnata minn Ramiro I biex tinbena bħala palazz, u l-kostruzzjoni tagħha tlestiet fit-842. Kienet parti minn kumpless arkitettoniku li kien jinkludi l-knisja fil-qrib ta' San Miguel de Lillo, li nbniet xi mitt metru 'l bogħod biss. Madankollu, minħabba li kkrollaw is-santwarju u parti min-navati, il-Knisja ta' San Miguel ġiet ittrasformata fi knisja lejn l-aħħar tas-seklu 13. Din tinsab fuq ix-xaqliba tan-Nofsinhar tal-Għolja ta' Naranco fejn fl-imgħoddi kien hemm bosk fejn il-kaċċa kienet abbundanti, u b'hekk kellha xeħta ta' loġġa tal-kampanja jew ta' residenza rjali rikreattiva.[6]

Il-binja fiha żewġ sulari, hija twila 20 metru u hija wiesgħa sitt metri.[7] Fil-ġnub tagħha hemm żewġ fetħiet. Dik tat-Tramuntana fiha taraġ b'żewġ rampi li jwasslu għas-sular ta' fuq.

Il-pjan terran fih spazju ċentrali wiesgħa u msaqqaf b'volta b'għamla ta' bettija, b'arkati trasversali li jserrħu direttament mal-ħajt, u tixbah ferm lill-kappella t'isfel tal-Kamra Mqaddsa ta' Oviedo, li tinsab fil-Katidral ta' Oviedo. X'aktarx kienet tintuża bħala oratorju Palatin, minkejja li ipoteżi oħra hi li kienet sala rjali ddedikata għall-udjenzi. Din it-teorija hija appoġġata mill-fatt li hemm bank tul il-ħitan, u hemm ukoll żewġ kompartimenti laterali b'saqaf tal-injam. Minn dawn il-kompartimenti laterali, dak fuq in-naħa tal-Lvant jagħti għall-kompartiment ċentrali u kien jintuża bħala banju jew ċisterna, kif joħroġ fid-dieher mill-vaska. Dak fuq in-naħa tal-Punent huwa aċċessibbli minn barra, u l-funzjoni tiegħu mhix magħrufa, għalkemm hemm min isostni li setgħet intużat bħala turretta għall-għassa.

Is-sular ta' fuq kien sular għan-nobbiltà, b'distribuzzjoni simili għal dik tal-pjan terran. Is-sala ċentrali kbira, rettangolari u msaqqfa b'volta b'għamla ta' bettija bl-istrixxi, b'sitt arkati trasversali mirfuda bir-riffieda. Fil-ġnub hemm portiku li ma jinfidx li huwa mirfud minn kolonni doppji ta' oriġini Ċeltika. F'dan il-każ, maġenbhom hemm żewġ belvederi jew tribuni msaqqfa wkoll permezz ta' volti.

Knisja ta' San Miguel de Lillo

immodifika

Il-Knisja ta' San Miguel de Lillo, bi stil Pre-Rumanesk, hija ddedikata lil San Mikiel l-Arkanġlu u l-kostruzzjoni tagħha ġiet ordnata fit-842 mir-Re Ramiro I fuq l-Għolja ta' Naranco, qrib Oviedo. Tinsab ftit metri 'l bogħod mill-Knisja ta' Santa Maria del Naranco. F'Jannar 2009, kien hemm tħassib li l-istruttura kienet se ċċedi minn mument għall-ieħor u li l-pitturi tant kienu ġew iddegradati mill-umdità kbira li l-ħsara kienet irreparabbli. Iżda fl-2011 il-wirt ta' din il-knisja ġie salvat bis-saħħa ta' restawr li sar.[8]

Forsi din il-knisja hija dik li skont il-Kronaka Albeldensi, il-monarka kien ordna li tinbena qrib il-palazzi tiegħu, b'funzjoni ta' knisja Palatina. X'aktarx li kienet ġiet iddedikata lil Santa Marija u lil San Mikiel l-Arkanġlu.

Oriġinarjament il-knisja kellha pjanta ta' bażilika bi tliet navati, iżda fadal biss terz mit-tul tagħha, għaliex matul is-seklu 13 jew fil-bidu tas-seklu 14 parti sew minnha kkrollat minħabba l-kundizzjonijiet tal-art. Li għad fadal illum il-ġurnata huwa l-vestibolu u l-biċċa tal-bidu tat-tliet navati. Fl-ewwel navata kien hemm it-tribuna rjali, u fil-ġnub tagħha kien hemm żewġ kompartimenti żgħar.

Li fadal mis-saqaf hi sistema kumplessa ta' volti b'għamla ta' nofs bettija. In-navati huma sseparati b'arkati mirfuda fuq kolonni, xi ħaġa pjuttost mhux tas-soltu għaliex fl-arti tal-Asturjas kien jintuża pilastru riffied. Dawn il-kolonni huma mirfuda permezz ta' bażijiet għoljin u kwadri b'tiżjin skulturali fuq arkati li jservu bħala niċeċ.

Kamra Mqaddsa ta' Oviedo

immodifika
 
Il-Kamra Mqaddsa minn barra.

Il-Kamra Mqaddsa kienet ġiet ordnata minn Alfonso II biex tinbena fil-bidu tas-seklu 9. Il-knisja reġgħet inbniet bl-istil Pre-Rumanesk u ġiet iddedikata lis-Salvatur minn Fruela I, iżda iktar 'il quddiem inqerdet mill-Musulmani.[9][10]

Il-Kamra Mqaddsa hija kappella Palatina maġenb it-Torri ta' San Mikiel, li huwa fdal tal-Palazz ta' Fruela li llum il-ġurnata huwa integrat fil-Katidral ta' Oviedo bi stil Gotiku. Mis-seklu 9 tospita t-Teżori u r-Relikwi tal-Katidral. Ħafna mir-relikwi kienu ġew ittrasportati minn Toledo; bħall-Arka Mqaddsa (is-seklu 11), il-Liżar ta' Oviedo, ir-relikwi tal-Kurċifiss Imqaddes ta' Kristu Nikodemu (is-seklu 12), is-Senduq tal-Agate u oħrajn, biex jitneħħew mit-territorju Musulman u mill-periklu li jinqerdu jew jisparixxu. Il-Kamra Mqaddsa nbniet fuq żewġ sulari: il-kripta (interrata) u l-kappella ta' fuq iddedikata lil San Mikiel. Il-kripta hija msaqqfa b'volta b'għamla ta' bettija bil-brikks u hija ddedikata lil Santa Leocadia. Il-kappella tas-sular ta' fuq hija ddedikata lil San Mikiel u fiha r-relikwi. Il-kappella fiha żewġ navati ta' 12-il metru b'sitt metri. Suċċessivament ġiet immodifikata (fis-seklu 13), u żdiedet il-volta tan-navata u l-iskultura Rumaneska tal-Appostli.[11]

Knisja ta' Santa Kristina de Lena

immodifika

Il-Knisja ta' Santa Kristina nbniet bi stil Pre-Rumanesk tal-Asturjas f'nofs is-seklu 9. Din tinsab fil-komun ta' Lena, fil-Prinċipat tal-Asturjas, 35 kilometru fin-Nofsinhar ta' Oviedo qrib l-awtostrada A-66, fuq għolja tal-parroċċa ta' Felgueras, qrib Pola de Lena, li tiddomina l-wied tax-xmara Lena.

X'aktarx li tikkorrispondi mal-pedamenti antiki tal-Knisja ta' San Pedro u Pablo ta' Felgueras tas-seklu 7, peress li kellha oriġini Viżigota. L-istruttura tagħha llum il-ġurnata, li nbniet fit-852, matul ir-renju ta' Ramiro I, hija kklassifikata bħala Ramirense bħall-monumenti tal-Għolja ta' Naranco.

Din il-binja żgħira b'għamla ta' salib Grieg, xi ħaġa mhux tas-soltu fl-arkitettura tal-Asturjas, issegwi l-parametri tradizzjonali: hija magħmula minn ħames irqajja' kwadri, definiti mill-arkati trasversali mirfuda minn portiku li ma jinfidx tul il-ħitan laterali. L-ikbar wieħed minn dawn il-ħitan jikkostitwixxi n-navata prinċipali tat-tempju. Il-pavimentar fih żewġ livelli, bid-daħla iktar baxxa mill-artal. It-tipoloġija ta' volta li ntużat hi dik b'għamla ta' bettija mirfuda fuq arkati trasversali msaħħa fuq barra permezz ta' kontroriffieda.

Il-knisja fiha narthex u ikonostażi ffurmata minn tliet arkati tal-ġebel mirfuda fuq erba' kapitelli ta' erba' kolonni rispettivi tal-irħam, li jisseparaw il-presbiterju min-navata prinċipali. Fl-isfond tidher l-ikonostażi li ssegwi l-linji gwida tal-arti ta' Ramiro I, għalkemm wieħed jista' jinnota wkoll motivi Viżigoti fit-tiżjin.

Għajn ta' Foncalada

immodifika
 
L-Għajn ta' Foncalada.

L-Għajn ta' Foncalada hija għajn tal-ilma tax-xorb li nbniet skont l-ordni tar-Re tal-Asturjas Alfonso III fil-belt ta' Oviedo u tinsab fit-Triq ta' Foncalada (mil-Latin fonte incalata, jiġifieri għajn integrata). Fl-arti Pre-Rumaneska tal-Asturjas din hija l-unika eżempju kkonservat sa żminijietna, kif ukoll l-unika traċċa jew fdal ta' kostruzzjoni b'għan pubbliku tal-Medjuevu Aħħari fil-belt.

Il-kostruzzjoni tal-għajn hija bbażata fuq opri ċivili Rumani u skont riċerka mwettqa minn Francisco Borge, dan l-aħħar ġiet assoċjata mal-fdalijiet Rumani li tfaċċaw f'Calle de la Rúa. Inbniet qrib triq Rumana li kienet tikkollega t-Tramuntana u n-Nofsinhar tar-reġjun u li kienet tgħaddi quddiem il-Knisja ta' San Julián de los Prados. Skont l-istudju tal-iskrizzjonijiet fuq l-għajn, jingħad li l-kostruzzjoni tagħha tmur lura għall-ewwel nofs tas-seklu 9, u b'hekk taħt ir-renju tar-Re Alfonso II.

Ġiet iddokumentata għall-ewwel darba lejn l-aħħar tas-seklu 11. L-isem tal-għajn ġej minn iskrizzjoni li hemm fuqha, fontem calatam, li tista' tiġi tradotta bħala "għajn integrata". Skavi arkeoloġiċi reċenti, li saru minn Sergio Ríos u César García de Castro, urew li kien parti minn binja monumentali bil-banjijiet termali, li kellha importanza simbolika reliġjuża kbira, b'rabta mal-identifikazzjoni tal-ilmijiet, potenzjalment ta' fejqan, ta' Ġesù Kristu, invokat bħala Salvs fl-iskrizzjonijiet fuq il-faċċata tal-għajn. Fi ħdan l-iskrizzjonijiet, fuq il-fruntun tal-monument, wieħed jista' jara l-Kurċifiss tar-Rebħa, li kien karatteristika ta' Alfonso III, bl-Alfa u l-Omega tal-apokalissi.

Biblijografija

immodifika
  • Arias Páramo Lorenzo, San Julián de los Prados. Arte prerrománico asturiano, Gijón, Trea Ediciones, 1997, ISBN 978-84-89427-74-7.
  • Arias Páramo Lorenzo, Iglesia de San Julián de los Prados. Dibujos planimétricos, Somió, Gijón, Fundación Museo Evaristo Valle, 1991, ISBN 978-84-604-0881-9.
  • Eduardo Carrero Santamaría, El conjunto catedralicio de Oviedo durante la Edad Media, Real Instituto de Estudios Asturianos, 2003, ISBN 84-89645-68-X.
  • De Morales, Ambrosio, Viage de Ambrosio de Morales por orden del rey D. Phelipe II, a los reynos de Leon, y Galicia, y Principado de Asturias, para reconocer las reliquias de santos, sepulcros reales, y libros manuscritos de las cathedrales y monasterios., fuq bibliotecadigitalhispanica.bne.es:80, Biblioteca Digital Hispánica, 1765, p. 69-86.
  • César García de Castro Valdés, de Caso,Francisco, Cuenca Busto, Cosme, Hevia Blanco, Jorge, de la Madrid Álvarez, Vidal e Ramallo Asensio, Germán, La Catedral de Oviedo. Historia y Restauración, I, Ediciones Nobel S.A., 1999, ISBN 84-89770-83-2.
  • César García de Castro Valdés, de Caso,Francisco, Cuenca Busto, Cosme, Hevia Blanco, Jorge, de la Madrid Álvarez, Vidal e Ramallo Asensio, Germán, La Catedral de Oviedo. Catálogo y bienes muebles, II, Ediciones Nobel S.A., 1999, ISBN 84-89770-84-0.

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Monuments of Oviedo and the Kingdom of the Asturias". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-25.
  2. ^ "Asturias | region, Spain | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-25.
  3. ^ "Centro Prerrománico Asturiano". www.prerromanicoasturiano.es. Miġbur 2022-10-25.
  4. ^ "ELMUNDO.ES | SUPLEMENTOS | MAGAZINE 385 | Alfonso II, el monarca que peregrinó al sepulcro del apóstol Santiago". www.elmundo.es. Miġbur 2022-10-25.
  5. ^ García de Castro Valdés César, Arte prerrománico de Asturias, Oviedo: Ediciones Nobel, 2004, ISBN 84-8459-181-6.
  6. ^ "Palacio del Naranco - MSN Encarta". web.archive.org. 2009-05-29. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-05-29. Miġbur 2022-10-25.
  7. ^ "Santa María de Naranco palacio análisis edificio altomedieval". web.archive.org. 2012-02-08. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-02-08. Miġbur 2022-10-25.
  8. ^ "San Miguel de Lillo reabre al público tras más de cuatro meses cerrado por obras". El Comercio (bl-Ispanjol). 2011-07-23. Miġbur 2022-10-25.
  9. ^ "BIBLIOTECA VIRTUAL DEL PRINCIPADO DE ASTURIAS > Viage de Ambrosio de Morales por orden del rey D. Phelipe..." web.archive.org. 2014-09-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-09-04. Miġbur 2022-10-25.
  10. ^ García de Castro Valdés César, Cripta de San Leocadia, in Arte Prerrománico de Asturias, Oviedo: Ediciones Nobel, 2004, ISBN 84-8459-181-6.
  11. ^ García de Castro Valdés César, Cámara Santa, in Arte Prerrománico de Asturias, Oviedo: Ediciones Nobel, 2004, ISBN 84-8459-181-6.