Luigi Pirandello
Luigi Pirandello (pronunzja bit-Taljan: [luˈiːdʒi piranˈdɛllo]; twieled fit-28 ta' Ġunju 1867 – miet fl-10 ta' Diċembru 1936) kien drammaturgu, rumanzier, poeta u kittieb tan-novelli Taljan u l-ikbar kontributi tiegħu kienu d-drammi li kiteb.[1] Huwa ngħata l-Premju Nobel għal-Letteratura fl-1934 "għall-poter kważi maġiku tiegħu li jittrasforma l-analiżi psikoloġika fi dramm tajjeb għat-teatru".[2] Huwa kien nazzjonalist Taljan u kien jappoġġa l-Faxxiżmu b'mod moderat, saħansitra darba minnhom ta l-medalja tal-Premju Nobel tiegħu lill-gvern Faxxist biex tiddewweb bħala parti mill-kampanja tal-1935 tal-Oro alla Patria (Deheb lill-Patrija) matul it-Tieni Gwerra Italo-Etjopjana.[3] Ix-xogħlijiet ta' Pirandello jinkludu r-rumanzi, mijiet ta' novelli, u xi 40 dramm, uħud minnhom miktuba bl-Isqalli. Il-farsi traġiċi ta' Pirandello sikwit jitqiesu bħala l-pijunieri tat-Teatru tal-Assurd.
Luigi Pirandello | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Agrigento, 28 Ġunju 1867 |
Nazzjonalità | Renju tal-Italja |
Mewt | Ruma, 10 Diċembru 1936 |
Kawża tal-mewt | (pulmonite) |
Familja | |
Konjuga/i | Maria Antonietta Portulano (en) |
Ulied |
uri
|
Edukazzjoni | |
Alma mater | Università ta' Bonn |
Lingwi |
Ġermaniż Taljan |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
drammaturgu kittieb poeta rumanzier xeneġġatur reġista |
Xogħlijiet importanti |
L'Esclusa (en) The Turn (en) Ma non è una cosa seria (en) One, No one and One Hundred Thousand (en) Six Characters in Search of an Author (en) Novels for a year (en) Il fu Mattia Pascal (en) Clothing The Naked (en) Henry IV (en) |
Premjijiet | |
Nominat għal |
uri
|
Sħubija | Compagnia del teatro d'arte di Roma (en) |
Psewdonomu | Caliban, Giulian Dorpelli, Fernandou Emma Nevini |
Bijografija
immodifikaĦajja bikrija
immodifikaPirandello twieled f'familja ta' klassi għolja f'żona msejħa Caos (li bit-Taljan tfisser Kaos, iżda bid-djalett Sqalli tfisser litteralment "qalziet", u tirreferi għall-għamla ta' rdum fil-qrib), ħdejn Porto Empedocle, subborg fqir ta' Girgenti (Agrigento, fin-Nofsinhar ta' Sqallija). Missieru, Stefano, kien ġej minn familja sinjura involuta fl-industrija tal-kubrit, u ommu, Caterina Ricci Gramitto, kienet ukoll ġejja minn familja sinjura dixxendenti tal-klassi għolja tal-borgeżija ta' Agrigento. Iż-żewġ familji, Pirandello u Ricci Gramitto, kien ferm kontra l-Borboni u pparteċipaw b'mod attiv fit-taqbida għall-unifikazzjoni u d-demokrazija magħrufa bħala Risorgimento. Stefano pparteċipa fl-ispedizzjoni famuża tal-elf, u iktar 'il quddiem segwa lil Garibaldi sal-Battalja ta' Aspromonte, u Caterina, li bilkemm kellha tlettax-il sena, ġiet imġiegħla takkumpanja lil missierha lejn Malta, fejn kien intbagħat f'eżilju mill-monarkija tal-Borboni. Iżda l-parteċipazzjoni fil-beraħ għall-kawża ta' Garibaldi u s-sens qawwi ta' idealiżmu ta' dawk is-snin bikrin malajr ittrasformaw, speċjalment għal Caterina, f'diżappunt feroċi u morr bir-realità ġdida maħluqa mill-unifikazzjoni. Eventwalment Pirandello assimila dan is-sens ta' tradiment u għadab u esprimieh f'diversi poeżiji tiegħu u fir-rumanz tiegħu I Vecchi e I Giovani. X'aktarx ukoll li din il-klima ta' diżillużjoni qanqlet f'Luigi sens ta' sproporzjon bejn l-ideali u r-realità li joħroġ fid-dieher fis-saġġ tiegħu dwar l-umoriżmu (L'Umorismo).
Pirandello ngħata l-edukazzjoni primarja tiegħu d-dar, iżda kien iktar affaxxinat mill-ħrejjef u mil-leġġendi, xi mkien bejn il-popolari u l-maġija, li s-seftura anzjana tiegħu Maria Stella kienet tirrakkontalu milli mill-affarijiet skolastiċi jew akkademiċi. Meta kellu 12-il sena, kien diġà kiteb l-ewwel traġedja tiegħu. Fuq l-insistenza ta' missieru, inkiteb fi skola tas-snajja', iżda eventwalment qaleb għall-istudju tal-umanitajiet fil-ginnasio, xi ħaġa li dejjem kienet tattirah.
Fl-1880, il-familja Pirandello marret tgħix f'Palermo. Hemmhekk, fil-belt kapitali ta' Sqallija, Luigi temm l-edukazzjoni sekondarja tiegħu. Huwa beda wkoll jaqra bosta kotba, u ffoka l-iktar fuq il-poeti Taljani tas-seklu 19 bħal Giosuè Carducci u Arturo Graf. Imbagħad beda jikteb l-ewwel poeżiji tiegħu u sar iħobb lill-kuġina tiegħu Lina.
Matul dan il-perjodu, feġġew l-ewwel sinjali ta' differenzi serji bejn Luigi u missieru; Luigi kien skopra xi noti li żvelaw li Stefano kien qed jaqlibha lill-mara tiegħu. B'reazzjoni għan-nuqqas ta' fiduċja u ta' armonija dejjem tiżdied li Luigi beda jrawwem fil-konfront ta' missieru, raġel ta' fiżiku sod u li ma tantx joqgħod jomgħod il-kliem, ir-rabta tiegħu m'ommu baqgħet tikber tant li laħqet punt kważi ta' venerazzjoni qalila. Iktar 'il quddiem dan ħareġ fid-dieher, wara mewtha, fil-paġni li jmissu l-qlub tar-rumanz Colloqui con i personaggi fl-1915.
Is-sentimenti romantiċi għall-kuġina tiegħu, li inizjalment ma ġewx aċċettati mill-familja ta' Lina, f'daqqa waħda ttieħdu bis-serjetà ħafna. Il-familja tagħha talbet li Luigi jabbanduna l-istudji tiegħu u jiddedika ruħu għan-negozju tal-kubrit biex b'hekk ikun jista' jiżżewwiġha minnufih. Fl-1886, waqt jum ta' vaganza mill-iskola, Luigi mar iżur il-minjieri tal-kubrit ta' Porto Empedocle u beda jaħdem ma' missieru. Din l-esperjenza kienet essenzjali għalih u pprovdietlu l-bażi għal stejjer bħal Il Fumo, Ciàula scopre la Luna, kif ukoll għal uħud mid-deskrizzjonijiet u mill-isfond tar-rumanz I Vecchi e I Giovani. Iż-żwieġ, li inizjalment deher li kien se jkun xi ħaġa imminenti, ġie pospost.
Pirandello mbagħad inkiteb fl-Università ta' Palermo fid-dipartimenti tal-Liġi u tal-Umanitajiet. F'dawk is-snin l-Università ta' Palermo u speċjalment id-Dipartiment tal-Liġi kienu ċ-ċentru tal-moviment vast li eventwalment evolva fil-Faxxisti Sqallin. Għalkemm Pirandello ma kienx membru attiv ta' dan il-moviment, huwa kellu rabtiet mill-qrib ta' ħbiberija mal-ideologi ewlenin tiegħu: Rosario Garibaldi Bosco, Enrico La Loggia, Giuseppe De Felice Giuffrida u Francesco De Luca.[4]
Edukazzjoni għolja
immodifikaFl-1887, wara li għażel b'mod definittiv id-Dipartiment tal-Umanitajiet, Pirandello mar jgħix f'Ruma sabiex ikompli bl-istudji tiegħu. Iżda l-impatt mal-belt, iċ-ċentru tat-taqbida għall-unifikazzjoni li għaliha l-familji tal-ġenituri tiegħu kienu tant issieltu b'entużjażmu ġeneruż, kien diżappuntanti u xejn qrib dak li kien stenna. "Meta wasalt Ruma kienet nieżla xita qliel, kien billejl u ħassejt qisu qalbi tingħafas, iżda mbagħad dħakt bħal raġel iddisprat".
Pirandello, li kien moralista estremament sensittiv, finalment kellu ċans jara b'għajnejh id-dekadenza kbira tal-hekk imsejħa eroj tar-Risorgimento fil-persuna ta' zijuh Rocco, li dak iż-żmien kien uffiċjal anzjan u eżawst tal-prefettura, li pprovdielu abitazzjoni temporanja f'Ruma. Id-"daħka ddisprata", l-unika manifestazzjoni ta' tpattija għad-diżappunt, ispirat il-versi morri tal-ewwel ġabra ta' poeżiji tiegħu, Mal Giocondo (1889). Iżda mhux kollox kien negattiv; din l-ewwel żjara lejn Ruma pprovdietlu l-opportunità li jżur b'mod assidwu bosta teatri tal-belt kapitali, fosthom it-Teatri Nazionale, Valle u Manzoni, u stqarr "O t-teatru drammatiku! Se naħkmu. Ma nistax nidħol ġo teatru mingħajr ma nesperjenza sensazzjoni stramba, eċitament li jwassal biex demmi jbaqbaq fil-vini kollha tiegħi..."
Minħabba kunflitt ma' professur tal-Latin, kellu jitlaq mill-Università ta' Ruma u mar lejn Bonn b'ittra ta' preżentazzjoni minn wieħed mill-professuri l-oħra tiegħu. Is-soġġorn tiegħu f'Bonn, li dam sentejn, kien mimli ħajja kulturali. Huwa qara r-romantiċi Ġermaniżi, Jean Paul, Tieck, Chamisso, Heinrich Heine u Goethe. Huwa beda jittraduċi l-Eleġiji Rumani ta' Goethe, ikkompona l-Eleġiji Boreali b'imitazzjoni tal-istil tal-Eleġiji Rumani, u beda jimmedita fuq is-suġġett tal-umoriżmu permezz tax-xogħlijiet ta' Cecco Angiolieri.
F'Marzu 1891 ingħata d-dottorat tiegħu fil-Filoloġija Rumanza b'teżi dwar id-djalett ta' Agrigento: Ħsejjes u Żviluppi tal-Ħsejjes fid-Djalett Mitkellem ta' Craperallis.
Żwieġ
immodifikaWara soġġorn qasir fi Sqallija, li matulu ż-żwieġ ippjanat ma' kuġintu tħassar, huwa reġa' lura Ruma, fejn sar ħbieb ma' grupp ta' kittieba u ġurnalisti, fosthom Ugo Fleres, Tommaso Gnoli, Giustino Ferri u Luigi Capuana. Capuana ħeġġeġ lil Pirandello jiddedika lilu nnifsu għall-kitba narrattiva. Fl-1893 kiteb l-ewwel xogħol importanti tiegħu, Marta Ajala, li ġie ppubblikat fl-1901 bħala l'Esclusa. Fl-1894 huwa ppubblika l-ewwel kollezzjoni ta' novelli tiegħu, Amori senza Amore. Huwa żżewweġ fl-1894 ukoll. Fuq suġġeriment ta' missieru huwa żżewweġ lil tfajla kwieta u mistħija minn familja tajba ta' Agrigento edukata mis-sorijiet ta' San Vinċenz: Maria Antonietta Portulano.
L-ewwel snin taż-żwieġ qanqlulu interess ġdid fl-istudji u fil-kitbiet tiegħu: huwa kompla jiltaqa' mal-ħbieb tiegħu u kompla jiddiskuti l-arti, b'mod iktar vivaċi u stimolanti minn qatt qabel, filwaqt li l-ħajja tal-familja tiegħu, minkejja n-nuqqas ta' komprensjoni ma' martu fir-rigward tal-vokazzjoni artistika tiegħu, baqgħet għaddejja bi trankwillità relattiva bit-twelid ta' wliedu Stefano, Fausto u Rosalia "Lietta". Sadanittant Pirandello intensifika l-kollaborazzjonijiet tiegħu mal-edituri tal-gazzetti u ma' ġurnalisti oħra f'rivisti bħal La Critica u La Tavola Rotonda fejn fl-1895 ippubblika l-ewwel parti tad-Dialoghi tra Il Gran Me e Il Piccolo Me.
Fl-1897 huwa aċċetta offerta biex jgħallem it-Taljan fl-Istituto Superiore di Magistero di Roma, u fir-rivista Marzocco ppubblika diversi paġni oħra tad-Dialoghi. Fl-1898, flimkien ma' Italo Falbo u Ugo Fleres, huwa stabbilixxa l-Ariel li kienet tinħareġ darba fil-ġimgħa, fejn ippubblika d-dramm b'att wieħed L'Epilogo (li iktar 'il quddiem biddel għal La Morsa) u xi novelli (La Scelta, Se...). L-aħħar tas-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20 kienu perjodu ta' produttività kbira għal Pirandello. Fl-1900 ippubblika f'Marzocco wħud mill-iżjed novelli famużi tiegħu (Lumie di Sicilia, La Paura del Sonno...) u fl-1901 ippubblika l-ġabra ta' poeżiji Zampogna. Fl-1902 ippubblika l-ewwel sensiela ta' Beffe della Morte e della Vita u t-tieni rumanz tiegħu, Il Turno.
Diżastru fil-familja
immodifikaIs-sena 1903 kienet fundamentali għall-ħajja ta' Pirandello. L-għargħar fil-minjieri tal-kubrit ta' Aragona, li fihom missieru Stefano kien investa mhux biuss ammont enormi tal-kapital tiegħu iżda anke d-dota ta' Antonietta, wasslet għall-kollass finanzjarju tal-familja. Antonietta, wara li fetħet u qrat l-ittra li ħabbret id-diżastru, daħlet fi stat ta' semikatatonija u tant ħadet xokk psikoloġiku li l-bilanċ mentali tagħha baqa' ssussat ferm u b'mod irrimedjabbli.
Pirandello, li inizjalment kellu ħsibijiet ta' suwiċidju, ipprova jagħmel tajjeb għas-sitwazzjoni mill-aħjar li seta' billi żied in-numru ta' lezzjonijiet kemm tat-Taljan kif ukoll tal-Ġermaniż, u talab għal kumpens mir-rivisti li kien tahom il-kitbiet u l-kollaborazzjonijiet tiegħu mingħajr ħlas. Sadanittant, fir-rivista Nuova Antologia, immexxija minn G. Cena, bdew jiġu ppubblikati l-ewwel episodji tar-rumanz li Pirandello kien qed jikteb matul dik is-sitwazzjoni orribbli (filwaqt li billejl kien jieħu ħsieb lil martu li kienet marida mentalment wara jum sħiħ jaħdem). Ir-rumanz kien Il Fu Mattia Pascal. Dan ir-rumanz fih bosta elementi awtobijografiċi li ġew elaborati mill-ġdid b'mod li ma jikkorrispondix mar-realtà. Ir-rumanz mill-ewwel kiseb suċċess kbir. Fl-1905 ir-rumanz ġie tradott bil-Ġermaniż u witta t-triq għall-fama u għall-popolarità ta' Pirandello, li b'hekk seta' jippubblika ma' ditti iktar importanti bħal Treves, li magħhom fl-1906 ippubblika ġabra oħra ta' novelli msejħa Erma Bifronte. Fl-1908 ippubblika volum ta' saġġi bit-titlu Arte e Scienza u s-saġġ importanti L'Umorismo, fejn ta bidu għad-dibattitu leġġendarju ma' Benedetto Croce li kompla jiħrax fir-realtà miż-żewġ naħat għal bosta snin.
Fl-1909 ġiet ippubblikata l-ewwel parti ta' I Vecchi e I Giovani f'episodji. Dan ir-rumanz jirrakkonta l-istorja tal-falliment u tar-repressjoni tal-Faxxisti Sqallin mill-1893 sal-1894. Meta ħareġ ir-rumanz fl-1913, Pirandello bagħat kopja tiegħu lill-ġenituri għall-ħmistax-il anniversarju taż-żwieġ tagħhom flimkien ma' dedika fejn kiteb li "l-ismijiet tagħhom, Stefano u Caterina, jgħixu b'mod erojku". Madankollu, filwaqt li ommu ġiet ittrasfigurata fir-rumanz fil-personaġġ ta' Caterina Laurentano, missieru, rappreżentat mir-raġel ta' Caterina, Stefano Auriti, jidher biss fil-memorji u fil-flashbacks, peress li, kif osserva tajjeb Leonardo Sciascia, "huwa miet iċċensurat b'sens Freudjan minn ibnu, li fil-fond ta' ruħu, huwa l-għadu tiegħu". Fl-1909 ukoll, Pirandello beda l-kollaborazzjoni tiegħu mal-ġurnal prestiġjuż Corriere della Sera fejn ippubblika n-novelli Mondo di Carta, La Giara, u fl-1910 Non è una cosa seria u Pensaci, Giacomino!. Dak iż-żmien, il-fama ta' Pirandello bħala kittieb kompliet tiżdied. Madankollu, il-ħajja privata tiegħu ġiet ivvelenata mis-suspetti u mill-għira ossessiva ta' Antonietta li bdiet issir fiżikament vjolenti.
Fl-1911, filwaqt li l-pubblikazzjoni tan-novelli kompliet, Pirandello spiċċa r-raba' rumanz tiegħu, Suo Marito, ippubblikat mill-ġdid wara mewtu fl-1941, u rivedut għalkollox fl-ewwel erba' kapitli, bit-titlu Giustino Roncella nato Boggiòlo. Matul ħajtu l-awtur qatt ma ppubblika mill-ġdid dan ir-rumanz għal raġunijiet ta' diskrezzjoni; dan għaliex fih referenzi impliċiti għall-kittieba Grazia Deledda. Iżda x-xogħol li l-iżjed xoroblu l-enerġiji tiegħu dak iż-żmien kien il-ġabra ta' ġrajjiet La Vendetta del Cane, Quando s'è capito il giuoco, Il treno ha fischiato, Filo d'aria u Berecche e la guerra. Dawn kollha ġew ippubblikati mill-1913 sal-1914 u issa kollha jitqiesu bħala klassiċi tal-letteratura Taljana.
L-Ewwel Gwerra Dinjija
immodifikaMalli l-Italja daħlet fl-Ewwel Gwerra Dinjija, iben Pirandello Stefano nkiteb bħala voluntier għas-servizz militari u ttieħed bħala priġunier mill-Awstro-Ungeriżi. Fl-1916 l-attur Angelo Musco rnexxielu jirreċta l-kummiedja fi tliet atti li l-kittieb kien silet min-novella Pensaci, Giacomino! u l-kummiedja pastorali Liolà.
Fl-1917 il-ġabra ta' novelli E domani Lunedì ġiet ippubblikata, iżda s-sena kienet immarkata l-iktar minn rappreżentazzjonijiet teatrali importanti: Così è (se vi pare), A birrita cu' i ciancianeddi u Il Piacere dell'onestà. Sena wara, Ma non è una cosa seria u Il Gioco delle parti ġew prodotti bħala drammi fuq il-palk. Iben Pirandello Stefano reġa' lura d-dar meta l-gwerra ntemmet.
Fl-1919 Pirandello daħħal lil martu fi sptar tal-mard mentali. Is-separazzjoni minn ma' martu, minkejja l-għira morbuża u l-alluċinazzjonijiet tagħha, ikkawżaw tbatija kbira għal Pirandello li, saħansitra fl-1924, baqa' jemmen li seta' jieħu ħsiebha d-dar. Martu qatt ma ħarġet mill-isptar. L-1920 kienet is-sena tal-kummiedja bħal Tutto per bene, Come prima meglio di prima, u La Signora Morli. Fl-1921, il-Compagnia di Dario Niccodemi tellgħet fuq il-palk fil-Valle di Roma, id-dramm Sei personaggi in cerca d'autore. Dan kien tassew falliment. Il-pubbliku kien maqsum f'dawk li kienu favur u dawk li kienu kontra, u dawn tal-aħħar bdew jgħajtu, "Sptar tal-Mard Mentali, Sptar tal-Mard Mentali!". L-awtur, li kien preżenti fl-ispettaklu ma' bintu Lietta, telaq minn ħruġ laterali biex jevita l-folla ta' avversarji. Madankollu, l-istess dramm kien suċċess kbir meta ġie ppreżentat f'Milan. Fl-1922 f'Milan, Enrico IV ttella' għall-ewwel darba fuq il-palk u kien suċċess universali. Ir-reputazzjoni internazzjonali ta' Pirandello żviluppat ukoll. Is-Sei personaggi ttella' f'Londra u fi New York.
L-Italja taħt il-Faxxisti
immodifikaFl-1924 Pirandello kiteb ittra lil Benito Mussolini biex jitolbu jaċċettah bħala membru tal-Partit Faxxista Nazzjonali. Fl-1925 Pirandello, bl-għajnuna ta' Mussolini, kiseb id-direzzjoni artistika u s-sjieda tat-Teatro d'Arte di Roma, stabbilit mill-Grupp tal-Ħdax. Huwa ddeskriva lilu nnifsu bħala "Faxxist minħabba li jien Taljan". Għad-devozzjoni tiegħu għal Mussolini, ir-rivista satirika Il Becco Giallo kienet issejjaħlu P. Randello (randello bit-Taljan tfisser għuda twila u rqiqa).
Pubblikament kien jesprimi twemmin apolitiku, u kien jgħid: "Jien apolitiku, jien bniedem fid-dinja biss". Huwa kellu kunflitti kontinwi mal-mexxejja Faxxisti. Fl-1927 huwa qatta' biċċiet il-karta tas-sħubija Faxxista tiegħu quddiem is-segretarju ġenerali tal-Partit Faxxista li baqa' ċċassat. Għall-bqija ta' ħajtu, Pirandello dejjem kien taħt sorveljanza stretta mill-pulizija sigrieta Faxxista OVRA.
Id-dramm tiegħu I Giganti della Montagna ġie interpretat bħala evidenza tar-realizzazzjoni tiegħu li l-Faxxisti kienu ostili għall-kultura; minkejja dan, fi New York Pirandello ta stqarrija fejn ħabbar l-appoġġ tiegħu għall-annessjoni tal-Abissinja tal-Italja. Huwa ta l-medalja tal-Premju Nobel tiegħu lill-gvern Faxxista biex tiddewweb għall-Kampanja ta' Abissinja. L-appoġġ ta' Mussolini tah fama internazzjonali u għamel tour dinji, fejn introduċa x-xogħol tiegħu f'Londra, Pariġi, Vjenna, Praga, Budapest, il-Ġermanja, l-Arġentina, u l-Brażil.
Il-kunċett ta' teatru ta' Pirandello għadda minn bidla sinifikanti. L-idea tal-attur bħala traditur inevitabbli tat-test, bħal fis-Sei personaggi, wittiet it-triq għall-identifikazzjoni tal-attur mal-karattru li jirreċta. Il-kumpanija tellgħet l-att tagħha fil-bliet ewlenin tal-Ewropa, u r-repertorju ta' Pirandello kulma jmur sar magħruf ferm. Bejn l-1925 u l-1926 l-aħħar u x'aktarx l-aħjar rumanz ta' Pirandello, Uno, Nessuno e Centomila, ġie ppubblikat bħala sensiela fir-rivista Fiera Letteraria. Huwa kien wieħed mill-kontributuri tar-rivista nazzjonalista tan-nisa, Lidel, u tal-ġurnal Faxxist Il Tevere.
Pirandello ġie nnominat bħala l-Akkademiku tal-Italja fl-1929, u fl-1934 ingħata l-Premju Nobel għal-Letteratura wara li kien ġie nnominat minn Guglielmo Marconi, bħala membru tal-Akkademja Rjali tal-Italja. Huwa kien l-aħħar drammaturgu Taljan li ntgħażel għall-premju sad-9 ta' Ottubru 1997.
Pirandello miet waħdu f'daru f'Via Bosio, Ruma, fl-10 ta' Diċembru 1936. Huwa rrifjuta funeral Statali offrut minn Mussolini u fl-1947 biss il-fdalijiet ikkremati tiegħu ndifnu fi Sqallija.
Għażla ta' xogħlijiet
immodifikaDrammi ewlenin
immodifika- 1916: Liolà
- 1917: Così è (se vi pare)
- 1917: Il piacere dell'onestà
- 1918: Il gioco delle parti
- 1919: L'uomo, la bestia e la virtù
- 1921: Sei personaggi in cerca d'autore
- 1922: Enrico IV
- 1922: L'imbecille
- 1922: Vestire gli ignudi
- 1923: L'uomo dal fiore in bocca
- 1923: L'altro figlio (The Other Son)
- 1923: La vita che ti diedi
- 1924: Ciascuno a suo modo
- 1924: Sagra del Signore della Nave
- 1926: L'Amica delle Mogli
- 1926: Bellavita
- 1927: Diana e la Tuda
- 1929: O di Uno o di Nessuno
- 1929: Come Tu Mi Vuoi
- 1930: Questa sera si recita a soggetto
Rumanzi
immodifika- 1902: Il turno
- 1904: Il fu Mattia Pascal
- 1908: L'esclusa
- 1911: Suo marito
- 1913: I vecchi e i giovani
- 1915: Si Gira, Quaderni di Serafino Gubbio
- 1926: Uno, nessuno e centomila
Novelli
immodifika- 1922-1937: Novelle per un anno, 15-il volum. Għażla ta' tletin ġrajja ġew tradotti minn Virginia Jewiss bħala Stories for the Years (Yale, 2021).
Poeżiji
immodifika- 1889: Mal giocondo
- 1891: Pasqua di Gea
- 1894: Pier Gudrò, 1809-1892
- 1895: Elegie renane, 1889-1890
- 1901: Zampogna
- 1909: Scamandro
- 1912: Fuori di chiave
Filmografija
immodifika- Il crollo, dirett minn Mario Gargiulo (l-Italja, 1920, ibbażat fuq id-dramm Lumie di Sicilia)
- Il lume dell'altra casa, dirett minn Ugo Gracci (l-Italja, 1920, ibbażat fuq in-novella Il lume dell'altra casa)
- Lo scaldino, dirett minn Augusto Genina (l-Italja, 1920, ibbażat fuq in-novella Lo scaldino)
- But It Isn't Serious, dirett minn Augusto Camerini (l-Italja, 1921, ibbażat fuq id-dramm Ma non è una cosa seria)
- La rosa, dirett minn Arnaldo Frateili (l-Italja, 1921, ibbażat fuq in-novella La rosa)
- The Voyage, dirett minn Gennaro Righelli (l-Italja, 1921, ibbażat fuq in-novella Il viaggio)
- Feu Mathias Pascal, dirett minn Marcel L'Herbier (Franza, 1925, ibbażat fuq in-novella Il fu Mattia Pascal)
- The Flight in the Night, dirett minn Amleto Palermi (il-Ġermanja, 1926, ibbażat fuq id-dramm Enrico IV)
- The Song of Love, dirett minn Gennaro Righelli (l-Italja, 1930, ibbażat fuq in-novella In silenzio)
- La Dernière berceuse, dirett minn Gennaro Righelli u Jean Cassagne (Franza, 1931, ibbażat fuq in-novella In silenzio)
- Liebeslied, dirett minn Constantin J. David (il-Ġermanja, 1931, ibbażat fuq in-novella In silenzio)
- As You Desire Me, dirett minn George Fitzmaurice (1932, bibbażat fuq id-dramm Come tu mi vuoi)
- Steel, dirett minn Walter Ruttmann (l-Italja, 1933, ibbażat fuq in-novella Giuoca, Pietro!)
- Pensaci, Giacomino!, dirett minn Gennaro Righelli (l-Italja, 1936, ibbażat fuq id-dramm Pensaci, Giacomino!)
- But It's Nothing Serious, dirett minn Mario Camerini (l-Italja, 1936, ibbażat fuq id-dramm Ma non è una cosa seria)
- The Man Who Couldn't Say No, dirett minn Mario Camerini (il-Ġermanja, 1938, ibbażat fuq id-dramm Ma non è una cosa seria)
- The Man from Nowhere, dirett minn Pierre Chenal (Franza, 1937, ibbażat fuq ir-rumanz Il fu Mattia Pascal)
- The Former Mattia Pascal, dirett minn Pierre Chenal (l-Italja, 1937, ibbażat fuq ir-rumanz Il fu Mattia Pascal)
- No Man's Land, dirett minn Mario Baffico (l-Italja, 1939, ibbażat fuq żewġ novelli)
- Enrico IV, dirett minn Giorgio Pastina (l-Italja, 1943, ibbażat fuq id-dramm Enrico IV)
- This Love of Ours, dirett minn William Dieterle (1945, ibbażat fuq id-dramm Come prima, meglio di prima)
- Man, Beast and Virtue, dirett minn Steno (l-Italja, 1953, ibbażat fuq id-dramm L'uomo, la bestia e la virtù)
- Of Life and Love, dirett minn Aldo Fabrizi, Giorgio Pastina, Mario Soldati u Luigi Zampa (l-Italja, 1954, ibbażat fuq erba' novelli)
- Vestire gli ignudi, dirett minn Marcello Pagliero (l-Italja, 1954, ibbażat fuq id-dramm Vestire gli ignudi)
- Never Say Goodbye, dirett minn Jerry Hopper (1956, ibbażat fuq id-dramm Come prima, meglio di prima)
- Todo sea para bien, dirett minn Carlos Rinaldi (l-Arġentina, 1957, ibbażat fuq id-dramm Tutto per bene)
- Liolà, dirett minn Alessandro Blasetti (l-Italja, 1963, ibbażat fuq id-dramm Liolà)
- The Voyage, dirett minn Vittorio De Sica (l-Italja, 1974, ibbażat fuq in-novella Il viaggio)
- Il turno, dirett minn Tonino Cervi (l-Italja, 1981, ibbażat fuq ir-rumanz Il turno)
- Henry IV, dirett minn Marco Bellocchio (l-Italja, 1984, ibbażat fuq id-dramm Enrico IV)
- Kaos, dirett minn Paolo and Vittorio Taviani (l-Italja, 1984, ibbażat fuq erba' novelli)
- The Two Lives of Mattia Pascal, dirett minn Mario Monicelli (l-Italja, 1985, ibbażat fuq ir-rumanz Il fu Mattia Pascal)
- You Laugh, dirett minn Paolo and Vittorio Taviani (l-Italja, 1998, ibbażat fuq żewġ novelli)
- The Nanny, dirett minn Marco Bellocchio (l-Italja, 1999, ibbażat fuq in-novella La balia)
- The Choice, dirett minn Michele Placido (l-Italja, 2015, ibbażat fuq id-dramm L'innesto)
- The Wait, dirett minn Piero Messina (l-Italja, 2015, ibbażat fuq id-dramm La vita che ti diedi)
Iktar qari
immodifika- Giudice, Gaspare. Luigi Pirandello, UTET, 1963.
- Baccolo, L. Pirandello. Milan: Bocca. 1949 (it-tieni edizzjoni).
- Di Pietro, L. Pirandello. Milano: Vita e Pensiero. 1950. (it-tieni edizzjoni).
- Ferrante, R. Luigi Pirandello. Firenze: Parenti. 1958.
- Gardair, Pirandello e il Suo Doppio. Rome: Abete. 1977.
- Janner, A. Luigi Pirandello. Firenze, La Nuova Italia. 1948.
- Monti, M. Pirandello, Palermo: Palumbo. 1974.
- Moravia. A. "Pirandello" in Fiera Leteraria. Rome. 12 December 1946.
- Pancrazi, P. "L'altro Pirandello" In Scrittori Italiani del Novecento. Bari: Laterza. 1939.
- Pasini. F. Pirandello nell'arte e nella vita. Padova. 1937.
- Podestà. G. "Kafka e Pirandello." Humanitas, XI, 1956, pp. 230–44.
- Sarah Zappulla Muscarà, Enzo Zappulla, Pirandello e il teatro siciliano, Giuseppe Maimone Editore, Catania 1986.
- Mirella Maugeri Salerno, Pirandello e dintorni, Giuseppe Maimone Editore, Catania, 1987.
- Sarah Zappulla Muscarà (a cura di), Narratori siciliani del secondo dopoguerra, Giuseppe Maimone Editore, Catania 1990.
- Elio Providenti (a cura di), Archeologie pirandelliane, Giuseppe Maimone Editore, Catania, 1990.
- Carlo Schirru, Per un’analisi interlinguistica d’epoca: Grazia Deledda e contemporanei, Rivista Italiana di Linguistica e di Dialettologia, Fabrizio Serra editore, Pisa-Roma, Anno XI, 2009, pp. 9-32.
- Virdia. F. Pirandello. Milan:Mursia. 1975.
- Frederick May, Three Major Symbols in Four Plays by Pirandello, Lawrence, Kansas: Allen Press, 1974.
Referenzi
immodifika- ^ "The Nobel Prize in Literature 1934". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2022-06-29.
- ^ "The Nobel Prize in Literature 1934". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2022-06-29.
- ^ WINEGARTEN, RENEE (1994). "The Nobel Prize for Literature". The American Scholar. 63 (1): 63–75. ISSN 0003-0937.
- ^ "Giuseppe Bonghi Biografia di Luigi Pirandello". web.archive.org. 2010-06-20. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-06-20. Miġbur 2022-06-29.