Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fl-Ungerija
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] L-Ungerija ffirmat il-Konvenzjoni fil-15 ta' Lulju 1985, u b'hekk is-siti storiċi u naturali tagħha saru eliġibbli biex jitniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
Mill-2021, l-Ungerija għandha tmien Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, seba' kulturali u wieħed naturali, l-Għerien Karstiċi ta' Aggtelek u tas-Slovakkja. L-ewwel żewġ siti fl-Ungerija tniżżlu fil-lista fil-11-il sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji, li kien sar f'Pariġi, Franza fl-1987. Wieħed minn dawn iż-żewġ siti kien il-villaġġ ta' Hollókő, u l-ieħor kien Budapest u x-Xtut tad-Danubju bid-distrett tal-Kastell ta' Buda (dan is-sit tal-aħħar ġie estiż fl-2002). L-iżjed sit reċenti li żdied mal-lista huwa l-Pajsaġġ Kulturali Storiku tar-Reġjun tal-Inbid ta' Tokaj, li tniżżel fl-2002. Fl-2003, it-tmien siti kollha ngħataw ismijiet ġodda kif elenkat hawn taħt. Żewġ siti huma transnazzjonali. Il-Pajsaġġ Kulturali ta' Fertö / Neusiedlersee huwa kondiviż mal-Awstrija u l-Għerien Karstiċi ta' Aggtelek u tas-Slovakkja huma kondiviżi mas-Slovakkja.
Siti ta' Wirt Dinji
immodifikaL-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali.[4]
NB: * Siti transnazzjonali (bl-ikħal)
Sit | Ritratt | Post | Sena tad-deżinjazzjoni | Kriterji tal-għażla | Deskrizzjoni |
---|---|---|---|---|---|
Budapest, inkluż ix-Xtut tad-Danubju, il-Kwartier tal-Kastell ta' Buda u Triq Andrássy | Budapest | 1987 | ii, iv (kulturali) | Budapest inħolqot bl-unifikazzjoni ta' tliet bliet, Buda, Pest u Óbuda, fis-seklu 19. Il-Kastell ta' Buda nbena fis-seklu 13 mir-Re Béla IV tal-Ungerija. Il-Kwartier tal-Kastell fih binjiet Gotiċi u Barokki. Min-naħa l-oħra l-binjiet f'Pest huma tal-istil tal-Istoriċiżmu u l-Art Nouveau. Triq Andrássy, li żdiedet b'estensjoni tas-sit fl-2002, inbniet fl-aħħar tas-seklu 19 u mmarkat it-trasformazzjoni ta' Budapest f'metropoli moderna. Il-Linja Ferrovjarja ta' Taħt l-Art tal-Millenju li tgħaddi taħt it-triq kienet l-ewwel linja ferrovjarja taħt l-art fl-Ewropa kontinentali u ilha operattiva mill-1896.[5] | |
Il-Villaġġ Antik ta' Hollókő u l-inħawi ta' madwaru | Kontea ta' Nógrád | 1987 | v (kulturali) | Hollókő huwa villaġġ tradizzjonali tal-poplu Palóc, li huwa sottogrupp tal-Ungeriżi. Żviluppa l-iktar matul is-sekli 17 u 18, u ġie ppreservat apposta bħala eżempju ħaj tal-ħajja rurali qabel ir-rivoluzzjoni agrikola tas-seklu 20.[6] | |
Għerien Karstiċi ta' Aggtelek u tas-Slovakkja* | Tramuntana tal-Ungerija | 1995 | viii (naturali) | Is-sit huwa magħmul minn 712-il għar fl-Ungerija u fis-Slovakkja. Dawn jirrappreżentaw żona karstika tipika b'sistema miti. Is-sedimenti u l-fossili fl-għerien juru rekords ġeoloġiċi tal-kundizzjonijiet klimatiċi tropikali u sottotropikali fil-Kretaċju Aħħari u fit-Terzjarju Bikri, kif ukoll tal-glaċjazzjonijiet fil-Plejstoċen. Fis-sena 2000, l-Għar tas-Silġ ta' Dobšiná fis-Slovakkja ġie miżjud bħala estensjoni tas-sit. Fl-2008 saret modifika tal-konfini tas-sit fl-Ungerija.[7][8] | |
Abbazija Benedittina Millenarja ta' Pannonhalma u l-Ambjent Naturali tagħha | Pannonhalma, Kontea ta' Győr-Moson-Sopron | 1996 | iv, vi (kulturali) | Il-patrijiet Benedittini stabbilew l-abbazija fid-996. Kellha rwol ewlieni fid-diffużjoni tal-Kristjaneżmu fl-Ungerija u fl-Ewropa Ċentrali. Il-kumpless tal-monasteru għadda minn diversi trasformazzjonijiet matul is-sekli. L-iżjed binjiet eżistenti antiki jmorru lura għas-seklu 13, b'żidiet iktar 'il quddiem bl-istil Gotiku, Barokk u Romantiku. Il-Monument Millenarju nbena fuq għolja ċentrali fl-1896, biex ifakkar l-elf anniversarju tal-ħakma Ungeriża.[9] | |
Park Nazzjonali ta' Hortobágy – il-Puszta | Kontej ta' Borsod-Abaúj-Zemplén, ta' Heves, ta' Hajdú-Bihar u ta' Jász-Nagykun-Szolnok | 1999 | iv, v (kulturali) | Il-Park Nazzjonali ta' Hortobágy huwa żona vasta ta' pjanuri u ta' artijiet mistagħdra fil-Pjanura Ungeriża l-Kbira. Iż-żona ntużat minn rgħajja nomadiċi għal millenji sħaħ, u l-eqdem tumbati funebri jew kurgan li nstabu jmorru lura għall-2000 Q.K. Lejn l-aħħar tas-seklu 9 W.K., l-Ungeriżi waslu fil-Baċir tal-Karpazji u insedjaw iż-żona. Madankollu, l-insedjamenti għebu mis-seklu 14 'il quddiem. Fiż-żminijiet moderni, iż-żona ma għandha kważi l-ebda resident permanenti, iżda tintuża għar-ragħa fl-istaġun tas-sajf. Fost il-ftit strutturi magħmula mill-bniedem fuq il-pjanuri hemm il-Pont tad-Disa' Ħnejjiet, li nbena fl-ewwel nofs tas-seklu 19.[10] | |
Nekropoli Kristjana Bikrija ta' Pécs (Sopianae) | Pécs | 2000 | iii, iv (kulturali) | In-nekropoli Kristjana bikrija tar-raħal provinċjali Ruman ta' Sopianae, fejn illum hemm ir-raħal modern ta' Pécs, inbniet fis-seklu 4. L-oqbra nbnew taħt l-art u ġew imżejna b'mod rikk b'affreski b'temi Kristjani. Diversi oqbra kellhom kappelli ta' mafkar mibnija fuqhom.[11] | |
Pajsaġġ Kulturali ta' Fertö / Neusiedlersee* | Kontea ta' Győr-Moson-Sopron | 2001 | v (kulturali) | Iż-żona tal-Lag ta' Fertö/Neusiedl ilha okkupata minn popli differenti għal tmien millenji. In-network oriġinali ta' rħula u ta' villaġġi jmur lura għas-sekli 12 u 13. Fis-sekli 18 u 19 inbnew diversi palazzi. Is-sit huwa kondiviż mal-Awstrija.[12] | |
Pajsaġġ Kulturali Storiku tar-Reġjun tal-Inbid ta' Tokaj | Kontea ta' Borsod-Abaúj-Zemplén | 2002 | iii, v (kulturali) | Ir-Reġjun tal-Inbid ta' Tokaj jinsab fl-għoljiet tal-Grigal tal-Ungerija. Formalment, ġie stabbilit fl-1737 minn Karlu VI, l-Imperatur Ruman Sagru, għalkemm id-dokumentazzjoni tal-produzzjoni tal-inbid tmur lura sal-1561. Huwa pajsaġġ kulturali marbut mal-produzzjoni tal-inbejjed Tokaji, b'vinji, b'azjendi tal-vitikultura, b'villaġġi, b'irħula żgħar u b'kantini tal-inbid.[13] |
Referenzi
immodifika- ^ "UNESCO World Heritage Centre - The World Heritage Convention". web.archive.org. 2016-05-23. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-05-23. Miġbur 2023-04-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Convention Concerning the Protection of the World Cultural and Natural Heritage". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-01.
- ^ "Hungary - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2014-07-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-07-14. Miġbur 2023-04-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "UNESCO World Heritage Centre - The Criteria for Selection". web.archive.org. 2016-06-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-12. Miġbur 2023-04-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Budapest, including the Banks of the Danube, the Buda Castle Quarter and Andrássy Avenue". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Old Village of Hollókő and its Surroundings". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-01.
- ^ "UNESCO World Heritage Centre - Decision - 32COM 8B.48". web.archive.org. 2011-10-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-10-20. Miġbur 2023-04-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Caves of Aggtelek Karst and Slovak Karst". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Millenary Benedictine Abbey of Pannonhalma and its Natural Environment". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Hortobágy National Park - the <i>Puszta</i>". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Early Christian Necropolis of Pécs (Sopianae)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Fertö / Neusiedlersee Cultural Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Tokaj Wine Region Historic Cultural Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-01.