Għerien Karstiċi ta' Aggtelek u tas-Slovakkja
L-Għerien Karstiċi ta' Aggtelek u tas-Slovakkja huma Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li jikkonsisti minn 712-il għar mifruxa f'erja totali ta' 55,800 ettaru (138,000 akru) tul il-fruntiera tal-Ungerija u tas-Slovakkja.
Sfond
immodifikaDan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jinkludi seba' komponenti. Dawn huma Aggtelek, l-Għolja ta' Szendrő-Rudabánya u Esztramoill fl-Ungerija, u l-Għar tas-Silġ ta' Dobšiná, il-promontorju ta' Koniar, il-promontorju ta' Plešivec, u l-viċinat ta' Silica u ta' Jasov fis-Slovakkja.
L-għerien inklużi huma:
- il-kumpless tal-għerien ta' Baradla u Domica;
- l-Għar ta' Gombasek;
- l-Għar tas-Silġ ta' Silica;
- l-Għar tas-Silġ ta' Dobšiná;
- l-Għar tal-Aragonit ta' Ochtinská; u
- l-Għar ta' Jasovská.
Deżinjazzjonijiet
immodifikaDeżinjazzjonijiet | |
---|---|
Art Mistagħdra ta' Ramsar | |
Isem uffiċjali | Domica |
Deżinjazzjoni | 2 ta' Frar 2001 |
Nru ta' referenza | 1051[1] |
Art Mistagħdra ta' Ramsar | |
Isem uffiċjali | Sistema tal-Għar ta' Baradla u l-artijiet mistagħdra relatati |
Deżinjazzjoni | 14 ta' Awwissu 2001 |
Nru ta' referenza | 1092[2] |
Għerien prinċipali
immodifikaIl-kumpless tal-Għar ta' Baradla-Domica huwa twil 21 kilometru (13-il mil) u bejn wieħed u ieħor kwart minnu jinsab fis-Slovakkja u l-kumplament fl-Ungerija. L-ewwel dokumentazzjoni bil-miktub fejn jissemma l-għar ta' Baradla tmur lura għall-1549 u mill-1920 l-għar jintuża bħala attrazzjoni turistika. Ján Majko skopra l-Għar ta' Domica (il-parti Slovakka tal-kumpless) fl-1926 u ċ-ċirkwit turistiku nfetaħ għall-pubbliku fl-1932 b'tul ta' iktar minn 1,700 metru (5,600 pied). L-għar kien abitat diġà fil-5000 Q.K. u huwa sit arkeoloġiku importanti tal-kultura Bükk. It-temperatura fil-parti Slovakka tvarja bejn 10 u 12.3 °C (50.0 u 54.1 °F) b'umdità li taqbeż il-95 %.
L-Għar ta' Gombasek ġie skopert fl-1951 u 530 metru mill-1,525 metru (5,003 pied) tal-għar infetħu għall-pubbliku mill-1955. L-għar jintuża bħala esperiment għall-"ispeleoterapija" bħala sanatorium, iffukata fuq il-mard respiratorju bis-saħħa tat-temperatura kostanti ta' 9 °C (48 °F), l-umdità għolja ta' 98 % u l-mikroklima favorevoli. Ġeomorfoloġikament huwa wieħed mill-iżjed għerien reċenti iżda xorta waħda huwa wieħed mill-iżjed għerien impressjonanti fis-Slovakkja b'tiżjin straordinarju li wassal biex jitlaqqam bħala "l-għar tal-ħrejjef".
L-Għar tas-Silġ ta' Dobšiná żdied fil-lista ta' komponenti ta' dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000. L-għar ġie skopert fl-1870 minn Eugen Ruffinyi, għalkemm id-daħla tal-għar kienet magħrufa fost ir-rgħajja lokali ferm qabel. Infetaħ għall-pubbliku sena wara biss li ġie skopert, u fl-1887 sar l-ewwel għar imdawwal bl-elettriku fl-Ewropa. Bejn wieħed u ieħor terz mit-tul tiegħu ta' 1,483 metru (4,865 pied) ikun miftuħ minn Mejju sa Settembru kull sena. Il-ħxuna tas-silġ mal-art tlaħħaq il-25 metru (82 pied), b'erja totali ta' 11,200 m2 (121,000 pied kwadru) u volum stmat ta' 145,000 m3 (5,100,000 pied kubu) ta' silġ. It-temperatura medja tal-għar tkun −1 °C (30 °F) u l-umdità relattiva tkun bejn 96 u 99 %. Dan l-għar huwa fost l-iżjed għerien b'tiżjin naturali rikk fid-dinja.
Għalkemm l-Għar tal-Aragonit ta' Ochtinská huwa twil 300 metru (980 pied) biss b'ċirkwit turistiku ta' 230 metru (750 pied), huwa famuż għall-aragonit rari li hemm fih peress li hemm tliet għerien tal-aragonit biss fid-dinja li ġew skoperti sa issa. Fl-hekk imsejħa Sala tat-Triq ta' Sant'Anna, l-attrazzjoni prinċipali tal-għar, hemm bosta friegħi bojod u raggruppamenti tal-aragonit ileqqu qishom stilel fit-Triq ta' Sant'Anna. L-għar ġie skopert fl-1954 u nfetaħ għall-pubbliku fl-1972. It-temperatura fl-għar tkun madwar 7 °C (45 °F) b'umdità relattiva ta' bejn 92 u 97 %.
L-Għar ta' Jasovská nfetaħ parzjalment għall-pubbliku fl-1846, u b'hekk huwa l-għar li ilu aċċessibbli għall-pubbliku l-iktar fis-Slovakkja. Il-partijiet t'isfel tal-għar ġew skoperti bejn l-1922 u l-1924. Iktar minn terz tat-tul totali tiegħu ta' 2,148 metru (7,047 pied) huwa miftuħ għall-pubbliku. Fl-għar instabu artefatti arkeoloġiċi Paleolitiċi u Neolitiċi flimkien ma' artefatti tal-kultura ta' Hallstatt.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaL-Għerien Karstiċi ta' Aggtelek u tas-Slovakkja ġew iddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji transnazzjonali tal-UNESCO fis-sena 2000.[3]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[3]
Gallerija
immodifika-
L-Għar ta' Baradla.
-
L-Għar tal-Aragonit ta' Ochtina.
-
L-Għar ta' Gombasek.
-
Għar tas-Silġ ta' Dobšiná.
Referenzi
immodifika- ^ "Domica | Ramsar Sites Information Service". rsis.ramsar.org. Miġbur 2023-04-01.
- ^ "Baradla Cave System and related wetlands | Ramsar Sites Information Service". rsis.ramsar.org. Miġbur 2023-04-01.
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Caves of Aggtelek Karst and Slovak Karst". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-01.