Pécs

belt fl-Ungerija

Pécs (pronunzja: /peɪtʃ/ PAYTCH, bl-Ungeriż: [peːt͡ʃ]; bil-Kroat: Pečuh; bil-Ġermaniż: Fünfkirchen, pronunzjata [fʏnfˈkɪʁçn̩]; magħrufa wkoll b'ismijiet oħra) hija l-ħames l-ikbar belt fl-Ungerija, u tinsab fuq ix-xaqlibiet tal-muntanji Mecsek fil-Lbiċ tal-pajjiż, qrib il-fruntiera mal-Kroazja u mas-Serbja. Hija ċ-ċentru amministrattiv u ekonomiku tal-Kontea ta' Baranya, u s-sede tad-Djoċesi Kattolika Rumana ta' Pécs.

Pécs
 Ungerija
Amministrazzjoni
Stat sovranUngerija
County of HungaryKontea ta' Baranya
District of HungaryDistrett ta' Pécs
Kap tal-Gvern Attila Péterffy (en) Translate
Kodiċi postali 7600–7636
Ġeografija
Koordinati 46°04′15″N 18°13′59″E / 46.0708°N 18.2331°E / 46.0708; 18.2331Koordinati: 46°04′15″N 18°13′59″E / 46.0708°N 18.2331°E / 46.0708; 18.2331
Pécs is located in Hungary
Pécs
Pécs
Pécs (Hungary)
Superfiċjenti 16,278 hectare
Għoli 153 m
Fruntieri ma' Kozármisleny (en) Translate, Orfű (en) Translate, Pécsudvard (en) Translate, Keszü (en) Translate, Cserkút (en) Translate, Nagykozár (en) Translate, Bogád (en) Translate, Pellérd (en) Translate, Kökény (en) Translate, Pogány (en) Translateu Martonfa (en) Translate
Demografija
Popolazzjoni 141,031 abitanti (1 Jannar 2023)
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 72
Żona tal-Ħin Ħin tal-Ewropa Ċentrali, UTC+1u UTC+2
bliet ġemellati Arad, Cluj-Napoca, Fellbach, Graz, Kütahya, Lahti, Dijon, Grenoble, Lyon, Novi Sad, Olomouc, Osijek, Seattle, Sliven, Terracina, Tucson, Tuzla, Krakovja, Pula, Beyoğlu, Shiraz, Samobor, Namuru Aix-en-Provence
pecs.hu

Il-belt tmur lura għal żmien il-qedem, ġiet insedjata miċ-Ċeltiċi u mir-Rumani, u saret sede episkopali fi żmien l-Ungerija Medjevali bikrija. Għandha l-eqdem università fil-pajjiż u hija waħda miċ-ċentri kulturali ewlenin tal-Ungerija. Il-belt għandha wirt kulturali rikk minn żmien l-okkupazzjoni Ottomana li damet 150 sena. Storikament il-belt kienet u għadha multietnika fejn bosta kulturi interaġixxew matul 2,000 sena ta' storja. Dan l-aħħar, il-belt ġiet rikonoxxuta għall-wirt kulturali tagħha, u ġiet imsemmija bħala waħda mill-bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura.

Etimoloġija immodifika

L-iżjed isem bikri għat-territorju kien l-isem Ruman ta' Sopianæ. L-isem x'aktarx oriġina mill-plural tal-kelma Ċeltika sop li tfisser "marġ". Kuntrarjament għat-twemmin popolari, l-isem ma kienx jirreferi għal belt unika, u ma hemm l-ebda traċċa ta' ħajt madwar il-belt mill-era Rumana bikrija, imma mis-seklu 4 biss.

Il-belt Medjevali ssemmiet għall-ewwel darba fit-871 bl-isem ta' Quinque Basilicae ("ħames katidrali"). L-isem jirreferi għall-fatt li meta kienu qed jibnu l-knejjes tal-belt, il-bennejja użaw il-materjal minn ħames kappelli Kristjani antiki tal-belt. F'dokumenti Latini iktar 'il quddiem, il-belt issemmiet bħala Quinque Ecclesiae ("ħames knejjes", isem identiku fit-tifsira għall-isem Ġermaniż Fünfkirchen u għall-isem Slovakk Päťkostolie).[1]

L-isem Pécs tfaċċa fid-dokumenti fl-1235 fil-kelma Pechyut (spellut illum il-ġurnata bħala pécsi út, li tfisser "triq lejn/minn Pécs") li wisq probabbli oriġinat mill-Proto-Slaviku *pęčь jew mill-Illirjan *penče, li t-tnejn ifissru ħames/ħamsa.[2] B'lingwi oħra: bil-Latin, Quinque Ecclesiae; bit-Taljan, Cinquechiese; bil-Kroat, Pečuh; bis-Serbjan, Печуј (Pečuj); bis-Slovakk, Päťkostolie; biċ-Ċek, Pětikostelí; bl-Olandiż, Vijfkerken; bil-Ġermaniż, Fünfkirchen; u bit-Tork, Peçuy.

Ġeografija immodifika

Pécs tinsab fil-Baċir tal-Karpazji tal-Ewropa Ċentrali, fiċ-ċentru tal-Kontea ta' Baranya, fin-Nofsinhar tal-Ungerija. Hija mdawra bl-għoljiet ta' Mecsek fit-Tramuntana u bil-pjanura fin-Nofsinhar. Pécs għandha passat sinifikanti fix-xogħol tal-estrazzjoni. L-ilma dolomitiku ta' Mecsek huwa famuż għad-densità għolja ta' minerali tiegħu b'ekwilibriju kostanti.

Il-belt ta' Pécs tinsab qrib il-fruntiera mal-Kroazja u mas-Serbja. Il-parti tan-Nofsinhar tagħha hija pjuttost ċatta filwaqt li l-parti tat-Tramuntana tagħha tinsab qrib ix-xaqliba tal-muntanji Mecsek. Għandha klima favorevoli ħafna, u madwarha għandha għadd ta' boskijiet. Matul l-iljieli sħan tas-sajf, flussi ta' arja friska jinżlu mill-muntanji Mecsek u jnaddfu l-arja tal-belt.[3]

Pécs hija mdawra bil-pjanura fin-Nofsinhar (b'elevazzjoni ta' 120-130 metru), filwaqt li l-muntanji Mecsek jibqgħu telgħin sa elevazzjonijiet ta' 400-600 metru wara l-belt. L-għolja ta' Jakab, li tinsab fil-Punent tal-muntanji Mecsek, hija għolja 592 metru (1,942 pied), Tubes, eżatt fuq Pécs, hija għolja 612-il metru (2,008 pied), u Misina hija għolja 535 metru (1,755 pied).[4] Partijiet iktar għoljin tal-belt jitilgħu sa 200-250 metru (656-820 pied), l-iktar Pécsbánya, Szabolcsfalu, Vasas u Somogy. Il-boskijiet ġeneralment jibdew minn elevazzjonijiet ta' madwar 300 metru (984 pied). L-għoljiet ta' Mecsek huma kkaratterizzati b'bosta widien li jaqdu rwol ewlieni fit-titjib tal-klima tal-belt, ladarba ma hemmx lagi u xmajjar fil-qrib. L-ilmijiet jinżlu mill-għoljiet ta' Mecsek, inixxu fin-nixxiegħa ta' Pécsi taħt il-linja ferrovjarja mil-Lvant għall-Punent u eventwalment jaslu fix-xmara Danubju.

Storja immodifika

Belt Rumana Antika immodifika

L-inħawi tal-belt ilhom abitati minn żmien il-qedem, u l-eqdem sejbiet arkeoloġiċi li nstabu għandhom 6,000 sena. Qabel żmien ir-Rumani l-inħawi kienu abitati miċ-Ċeltiċi.

Il-belt ta' Sopianae ġiet stabbilita mir-Rumani fil-bidu tas-seklu 2, f'żona popolata miċ-Ċeltiċi u mit-tribujiet Pannoni. Mis-seklu 4 saret il-belt kapitali tal-provinċja ta' Valeria u ċentru Kristjan bikri sinifikanti. In-nekropoli Kristjana bikrija minn dak iż-żmien saret Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Diċembru 2000.[5][6]

Meta l-Punent tal-Ungerija kienet provinċja tal-Imperu Ruman (imsejħa Pannonia), ir-Rumani stabbilew diversi kolonji li kienu jipproduċu l-inbid bl-isem kollettiv ta' Sopianae fejn issa hemm Pécs, fil-bidu tas-seklu 2.

Iċ-ċentru ta' Sopianae kien fejn issa hemm il-Palazz tal-Isqof. Xi partijiet tal-akkwedott Ruman għadhom viżibbli. Meta l-provinċja ta' Pannonia ġiet maqsuma f'erba' diviżjonijiet amministrattivi, Sopianae kienet il-belt kapitali tad-diviżjoni msemmija Valeria.

Fl-ewwel nofs tas-seklu 4, Sopianae saret belt Kristjana importanti. L-ewwel ċimiterji Kristjani, li jmorru lura għal dak iż-żmien, tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Sal-aħħar tas-seklu, it-tmexxija Rumana fl-inħawi ddgħajfet, l-iktar minħabba l-attakki mill-Barbari u mill-Unni.

Belt Medjevali Bikrija immodifika

Meta Karlu Manju wasal fl-inħawi fis-791, il-belt kienet immexxija mill-Avari. Karlu Manju, wara li ħakem l-inħawi, annetta l-belt mal-Imperu Ruman Sagru.[7] Kienet tagħmel parti mid-Djoċesi ta' Salzburg.[8]

Dokument miktub f'Salzburg fit-871 huwa l-ewwel dokument li fih tissemma l-belt Medjevali bikrija bl-isem ta' Quinque Basilicae. Matul is-seklu 9, il-belt kienet abitata mill-popli Slaviċi u mill-Avari u kienet parti mill-Prinċipat ta' Balaton, stat vassall tal-Franki.

Belt Medjevali Ungeriża immodifika

 
In-Nekropoli Kristjana Bikrija ta' Pécs (Sopianae).

Skont it-teorija tat-toponimi ta' György Györffy, wara li l-Ungeriżi ħakmu l-Baċir tal-Karpazji, żammew l-istil ta' ħajja seminomadiku tagħhom, u kienu jirgħu f'postijiet differenti fix-xitwa u fis-sajf. Il-kwartieri tax-xitwa ta' Árpád – ovvjament wara l-okkupazzjoni ta' Pannonia fid-900 – x'aktarx li kienu f'Pécs. Iktar 'il quddiem, meta ġie stabbilit il-Comitatus ta' Baranya, il-belt kapitali tal-comitatus ma kinitx Pécs iżda kastell fil-qrib imsejjaħ Baranyavár ("il-Kastell ta' Baranya"). Madankollu, Pécs saret ċentru reliġjuż u sede episkopali importanti. Fid-dokumenti bil-Latin, il-belt issemmiet bħala Quinque Ecclesiae. Għall-ħabta tas-sena 1000, iż-żona ġiet abitata mill-Ungeriżi (Magyar) Suwed. Il-Patt tal-Istabbiliment tad-Djoċesi ta' Pécs inħareġ fl-1009.

Id-Djoċesi Kattolika Rumana ta' Pécs ġiet stabbilita fl-1009 minn Stiefnu I, u l-ewwel università fl-Ungerija ġiet stabbilita f'Pécs fl-1367 minn Lwiġi I il-Kbir. L-ikbar università għadha tinsab f'Pécs u tilqa' madwar 34,000 student.[9]

 
Il-Barbakán.

Peter Orseolo, it-tieni re tal-Ungerija, indifen fil-katidral fl-1046. Il-pożizzjoni tal-qabar tiegħu mhix magħrufa. Dan għaliex fl-1064, meta r-Re Solomon għamel paċi ma' kuġinuh, li iktar 'il quddiem sar ir-Re Géza I, huma ċċelebraw l-Għid flimkien f'Pécs. Ftit wara, il-katidral ħa n-nar. Il-katidral attwali huwa rikostruzzjoni li saret fit-tieni nofs tas-seklu 11.

Diversi ordnijiet reliġjużi stabbilew ruħhom f'Pécs. L-Ordni Benedittina kienet l-ewwel waħda fl-1076. Fl-1181 diġà kien hemm sptar fil-belt. L-ewwel monasteru Dumnikan tal-pajjiż inbena f'Pécs fl-1238.

 
Il-kripta Medjevali tal-katidral.

Ir-Re Lwiġi l-Kbir stabbilixxa università f'Pécs fl-1367 fuq parir ta' William, l-isqof ta' Pécs, li kien ukoll il-kanċillier tar-re. Din kienet l-ewwel università fl-Ungerija. Id-dokument tal-istabbiliment huwa kważi identiku, kelma b'kelma, għal dak tal-Università ta' Vjenna, fejn jiġi ddikjarat li l-università għandha d-dritt li tgħallem l-arti u x-xjenzi, bl-eċċezzjoni tat-teoloġija.

Fl-1459, Janus Pannonius, l-iżjed poeta Umanista Medjevali importanti tal-Ungerija sar l-isqof ta' Pécs. Huwa saħħaħ l-importanza kulturali tal-belt.

Pécs saret waħda miċ-ċentri kulturali u tal-arti tal-pajjiż bis-saħħa tal-isqof Janus Pannonius.[10]

Pécs taħt l-Ottomani immodifika

 
Il-Moskea ta' Gázi Kászim Pasa (il-Paxà Qasim ir-Rebbieħ).

Wara l-Battalja ta' Mohács (1526) fejn l-armata Ottomana għelbet l-armati tar-Re Lwiġi II, l-armati ta' Suleiman okkupaw lil Pécs. Mhux talli parti kbira mill-pajjiż kien okkupat mill-Ottomani, talli l-opinjoni pubblika kienet diviża wkoll rigward min kellu jkun ir-re tal-Ungerija. Parti miċ-ċittadini kienu jappoġġaw lil Ferdinandu tal-Asburgi, u parti oħra inkurunat lil John Zápolya f'Székesfehérvár. Iċ-ċittadini ta' Pécs kienu jappoġġaw lill-Imperatur Ferdinandu, iżda l-bqija tal-Kontea ta' Baranya kienet tappoġġa lir-Re John. Fis-sajf tal-1527 Ferdinandu rebaħ kontra l-armati ta' Szapolyai u ġie inkurunat re fit-3 ta' Novembru. Ferdinandu kellu għal qalbu l-belt minħabba l-appoġġ li kellu, u eżenta l-belt mill-ħlas tat-taxxi. Pécs ġiet rikostruwita u ffortifikata.

Fl-1529, l-Ottomani reġgħu ħakmu lil Pécs, u għamlu kampanja militari kontra Vjenna. L-Ottomani obbligaw lil Pécs taċċetta lir-Re John (li kien alleat magħhom) bħala l-mexxej. John miet fl-1540. Fl-1541, l-Ottomani okkupaw il-Kastell ta' Buda, u ordnaw lil Isabella, l-armla ta' John tagħtihom il-belt ta' Pécs, peress li l-belt kellha importanza strateġika. Iċ-ċittadini ta' Pécs iddefendew il-belt kontra l-Ottomani, u kienu leali lejn Ferdinandu. L-imperatur għen il-belt u ddefendiha minn attakki oħra tal-Ottomani, iżda l-konsulenti tiegħu pperswadewh jiffoka iktar fuq il-bliet ta' Székesfehérvár u Esztergom minflok fuq Pécs. Pécs kienet qed tħejji għall-assedju, iżda jum qabel, merċenarji Fjammingi u tal-Wallonja ħarbu mill-belt u attakkaw l-artijiet fil-qrib. L-għada f'Ġunju 1543, l-isqof innifsu mar għand l-Ottomani bl-imfietaħ tal-belt.

 
Tarka ta' Pécs imnaqqxa fil-ġebel b'kitba Ungeriża Antika (għall-ħabta tal-1250 W.K.).

Wara li okkupaw il-belt, l-Ottomani ffortifikawha u kkonvertewha f'belt Ottomana. Il-knejjes Kristjani ġew ikkonvertiti f'moskej; inbnew banjijiet Torok u minareti, ġew stabbiliti skejjel Iżlamiċi tat-tagħlim tal-Koran, u minflok is-suq kien hemm bażaar. Għal mitt sena l-belt kienet gżira ta' paċi f'art mifnija bil-gwerra. Għall-ewwel kienet ċentru sanjak f'Budin Eyalet u iktar 'il quddiem f'Kanije Eyalet bħala "Peçuy".

L-era Ottomana wasslet għal bosta binjiet ikoniċi jew għeliem, fosthom il-Moskea ta' Paxà Qasim ir-Rebbieħ fil-Pjazza ta' Széchenyi, il-Qabar ta' İdris Baba, u l-Moskea ta' Yakovalı Hasan Paşa.

Il-kronista Ottoman İbrahim Peçevi (Ibrahim ta' Pécs), li x-xogħol tiegħu jifforma l-korp ewlieni ta' referenza għall-istorja Ottomana bejn l-1520 u l-1640, twieled fil-belt.

Fl-1664, in-nobbli Kroat-Ungeriż Nicholas Zrínyi wasal f'Pécs flimkien mal-armata tiegħu. Peress li l-belt kienet parti sew mit-territorji Ottomani, kienu jafu li anke jekk jirnexxilhom jokkupawha, ma kinux se jżommuha wisq fit-tul, u għalhekk ippjanaw li jisirqu r-rikkezzi tagħha biss. Huma ħarbtu l-belt u tawha n-nar iżda ma setgħux jokkupaw il-kastell. Il-belt Medjevali ta' Pécs inqerdet għalkollox, għajr il-ħajt madwar il-belt storika, bastjun wieħed (il-Barbakán), u n-network ta' mini u ta' katakombi taħt il-belt, li partijiet minnhom huma magħluqa filwaqt li partijiet oħra huma parti mis-sjieda tal-fabbrika famuża tax-xampanja Litke u llum il-ġurnata huma miftuħa għall-pubbliku. Instabu wkoll diversi monumenti Torok, fosthom tliet moskej, żewġ minareti, il-fdalijiet ta' banju fuq l-oqbra Kristjani antiki ħdejn il-katidral, u diversi djar, waħda minnhom saħansitra b'balla ta' kanun imwaħħla fil-ħajt.

 
Il-Moskea ta' Yakovalı Hasan Paşa.

Wara li l-Kastell ta' Buda nħeles minn taħt l-Ottomani fl-1686, l-armati ħakmu l-kumplament ta' Pécs. Il-gwardji li avvanzaw setgħu jidħlu fil-belt u jisirqu r-rikkezzi tagħha. Kif l-Ottomani raw li ma setgħux jibqgħu jżommu l-belt, tawha n-nar u rtiraw fil-kastell. L-armata mmexxija minn Lwiġi ta' Baden okkupat il-belt fl-14 ta' Ottubru u qerdet l-akkwedott li kien iwassal l-ilma lejn il-kastell. B'hekk l-Ottomani ma kellhom l-ebda għażla oħra għajr li jarrendu, u hekk għamlu fit-22 ta' Ottubru.

Il-belt kienet taħt il-liġi marzjali taħt il-kmand ta' Karl von Thüngen. Il-qorti ta' Vjenna riedet teqred il-belt għall-ewwel, iżda iktar 'il quddiem iddeċidiet li żżommha bħala kontrobilanċ għall-importanza ta' Szigetvár, li kienet għadha taħt tmexxija Ottomana. Bil-mod il-mod il-belt reġgħet bdiet tiffjorixxi, iżda fis-snin 90 tas-seklu 17 faqqgħu żewġ epidemiji tal-pesta u mietu ħafna nies. Fl-1688 waslu l-insedjaturi Ġermaniżi. Madwar kwart biss tal-popolazzjoni tal-belt kienu Ungeriżi, il-kumplament kienu Ġermaniżi jew Slavi tan-Nofsinhar. Ċensiment ta' min ħallas it-taxxi fl-1698 jelenka 637 familja u Janja Živković Mandić jikkonkludi li 308 familji kellhom nazzjonalità Kroata (Kroati Kattoliċi, Racs, Šokci, Bunjevci, Illirjani, Slavi, Bożnijaċi) u t-329 l-oħra kienu Ungeriżi, Ġermaniżi, Serbjani jew Griegi. Skont l-istess ċensiment, István Tabo jsemmi 171 Ungeriż, 349 Slav u 79 Ġermaniż, filwaqt li Đuro Šarošac isemmi li dak iż-żmien fil-belt kienu jgħixu 325 Kroat, 139 Ungeriż, 92 Ġermaniż, 53 Vlach u 28 Serb. Skont id-data tal-1698, is-Slavi tan-Nofsinhar kienu jirrappreżentaw iktar minn nofs il-popolazzjoni tal-belt. Minħabba li l-Ungeriżi kienu biss minoranza tal-popolazzjoni, Pécs ma kinitx tappoġġa r-rivoluzzjoni kontra l-Asburgi mmexxija minn Francis II Rákóczi, u l-armati tiegħu serqu r-rikkezzi tal-belt fl-1704.[11]

Pécs fil-bidu taż-żminijiet moderni immodifika

 
Il-pjazza prinċipali ta' Pécs qabel l-2009.
 
Il-Muniċipju tal-Kontea ta' Baranya.

Wara l-1710 bdiet era iktar paċifika. L-industrija, il-kummerċ u l-vitikultura ffjorixxew, ġew stabbiliti l-manifatturi, u nbena muniċipju ġdid għall-belt. Il-mexxej fewdali tal-belt kien l-Isqof ta' Pécs, iżda l-belt riedet teħles mill-kontroll episkopali. L-Isqof George Klimó, raġel għaref li stabbilixxa l-ewwel librerija pubblika tal-pajjiż, kien jaqbel li jċedi d-drittijiet li kellu fuq il-belt, iżda s-Santa Sede pprojbietu milli jagħmel dan. Meta Klimó miet fl-1777, ir-Reġina Marija Tereża mill-ewwel elevat lil Pécs għal belt irjali ħielsa qabel ma ġie elett isqof ġdid. Dan sewa lill-belt 83,315-il fjorin.

Skont l-ewwel ċensiment tal-1787 mill-Ordni ta' Josef II, f'Pécs kien hemm 1,474 dar u 1,834 familja, u b'kollox kien hemm 8,853 resident, li minnhom 133 kienu patrijiet u 117 kienu nobbli.

Fl-1785, l-Akkademja ta' Győr ġiet ittrasferita f'Pécs. Din l-akkademja eventwalment evolviet fi skola tad-dritt. L-ewwel teatru tal-ġebel tal-belt inbena fl-1839. Dak iż-żmien ta' Marija Tereża u binha Josef II, fil-belt insedjaw ruħhom ukoll nies mis-Swabja tul id-Danubju, il-Ġermanja.

 
Dar Vasváry.

Pécs matul is-seklu 19 u wara immodifika

L-industrija żviluppat ħafna fit-tieni nofs tas-seklu 19. Sal-1848, kien hemm 1,739 ħaddiem industrijali. Uħud mill-manifatturi kienu famużi fuq livell nazzjonali. Il-fabbriki tal-ħadid u tal-karta kienu fost l-iżjed moderni ta' dak iż-żmien. L-estrazzjoni tal-faħam kienet rilevanti. Inbnew ukoll fabbrika taz-zokkor u birrerija. Dak iż-żmien il-belt kellha 14,616-il resident.

Matul ir-rivoluzzjoni tal-1848-1849, Pécs ġiet okkupata mill-armati Kroati għal żmien qasir, iżda nħelset minnhom bis-saħħa tal-armati tal-Asburgi f'Jannar 1849.

Wara l-Kompromess Awstrijak-Ungeriż tal-1867, il-belt ta' Pécs żviluppat ferm, bħall-bliet u l-irħula l-oħra kollha tal-pajjiż. Mill-1867, Pécs ġiet ikkollegata mar-raħal fil-qrib ta' Barcs permezz ta' linja ferrovjarja, u mill-1882 ġiet ikkollegata wkoll ma' Budapest. Fl-1913 ġiet stabbilita sistema tat-tramm, iżda ma baqgħetx topera mill-1960.

 
Il-Pjazza ta' Széchenyi.

Lejn l-aħħar tal-Ewwel Gwerra Dinjija, il-Kontea ta' Baranya ġiet okkupata mit-truppi Serbjani, u damet sa Awwissu 1921 biex tiżgura li baqgħet parti mill-Ungerija. L-Università ta' Pressburg (illum il-ġurnata Bratislava, is-Slovakkja) ġiet ittrasferita f'Pécs wara li l-Ungerija tilfet lil Pressburg skont it-Trattat ta' Trianon.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, Pécs inħatfet mit-truppi Sovjetiċi tat-Tielet Front Ukren fid-29 ta' Novembru 1944 matul l-Offensiva ta' Budapest. Il-belt ġarrbet ħsarat żgħar biss, minkejja li seħħet battalja kbira bit-tankijiet tal-gwerra xi 20-25 kilometru (12-16-il mil) fin-Nofsinhar tal-belt, qrib l-inħawi ta' Villány, meta l-Armata Ħamra avvanzat lejn l-Awstrija. Sa tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, il-maġġoranza tal-abitanti kienu nies mis-Swabja tul id-Danubju. Uħud mill-eks insedjaturi Ġermaniżi tkeċċew lejn il-Ġermanja u l-Awstrija fl-1945-1948, bis-saħħa tal-Ftehim ta' Potsdam. Il-Ġermaniżi tal-Ungerija xorta waħda għadhom minoranza fil-belt.[12]

Wara l-gwerra, l-iżvilupp reġa' qabad malajr ġmielu, u l-belt kibret u assorbiet diversi rħula fil-qrib. Fis-snin 80 tas-seklu 20, Pécs diġà kellha 180,000 abitant.[13]

Popolazzjoni storika
Sena Pop. ± %
1870 30,821 —    
1890 43,869 +42.3 %
1900 53,721 +22.5 %
1910 60,237 +12.1 %
1920 58,808 −2.4 %
1930 74,395 +26.5 %
1941 88,473 +18.9 %
1949 88,302 −0.2 %
1960 114,655 +29.8 %
1970 149,253 +30.2 %
1980 168,715 +13.0 %
1990 170,039 +0.8 %
2001 162,489 −4.4 %
2011 156,049 −4.0 %
2020 141,843 −9.1 %
 
Il-pedamenti ta' Mawżolew Kristjan Bikri.

Wara t-tmiem tal-era Soċjalista (1989-1990), Pécs u l-kontea tagħha, bħal ħafna inħawi oħra, ġew affettwati ħażin mit-tibdil: ir-rata tal-qgħad kienet għolja, il-minjieri u diversi fabbriki għalqu, u l-gwerra fl-eks Jugoslavja fis-snin 90 tas-seklu 20 affettwat it-turiżmu.

Pécs kienet ukoll iċ-ċentru tal-Grupp tal-Appoġġ Nordiku (NSG) li kien jikkonsisti minn unitajiet mid-Danimarka, min-Norveġja, mill-Iżvezja, mill-Finlandja u mill-Polonja, bħala parti mill-iskjeramenti IFOR u mbagħad SFOR tan-NATO, wara l-Ftehim ta' Dayton u wara li nkisbet il-paċi fl-eks Jugoslavja; l-ewwel unitajiet ġew skjerati f'Pécs lejn l-aħħar tal-1995 u l-bidu tal-1996. L-NSG ħadet ħsieb it-twassil tal-provvisti u tal-persunal u ħadet ħsieb kompiti loġistiċi oħra bejn il-pajjiżi parteċipanti u l-forzi skjerati tagħhom fil-Bożnija-Ħerzogovina.

Fl-1998 Pécs ingħatat l-premju tal-UNESCO "Bliet għall-Paċi" talli żammet il-minoranzi kulturali tagħha, u anke għall-attitudni tolleranti u ta' għajnuna fil-konfront tar-refuġjati tal-Gwerer tal-Jugoslavja.[14]

Fl-2007 Pécs ġiet ikklassifikata fit-tielet post, u fl-2008 ġiet ikklassifikata fit-tieni post bħala "Belt li Tgħix Fiha" (il-Premjijiet LivCom)[15] fil-kategorija ta' bliet b'bejn 75,000 u 200,000 abitant.[16]

Fl-2010, Pécs intgħażlet bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura flimkien ma' Essen u Istanbul. Il-motto tal-belt huwa "Il-Belt Mingħajr Fruntieri". Wara li ngħatat dan it-titlu, il-belt bdiet tiġi rinnovata ferm.[17] Ġew iddisinjati u rinnovati l-postijiet pubbliċi, it-toroq, il-pjazez u l-kwartieri tal-belt, u nbnew ċentri kulturali ġodda, sala ġdida tal-kunċerti, librerija ġdida u kwartier kulturali ġdid sħiħ.[18]

Sit ta' Wirt Dinji immodifika

In-Nekropoli Kristjana Bikrija ta' Pécs (Sopianae) ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[6]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[6]

Attrazzjonijiet prinċipali immodifika

 
Iċ-Cella Septichora.
 
Il-Barbakán imdawwal waqt festival.
 
Is-Salib ta' Tettye.
 
Il-Mużew ta' Zsolnay f'dar tas-seklu 13.
 
It-Teatru Nazzjonali ta' Pécs.
 
Il-Mużew ta' Csontváry.

Eżempju tajjeb tal-istorja tal-belt u tal-imgħoddi interessanti tagħha joħroġ fid-dieher fil-pjazza prinċipali, fejn għad hemm il-Moskea ta' Gazi Kasim, u għalkemm ġiet ikkonsagrata bħala knisja wara li t-Torok Ottomani rtiraw sekli ilu, in-nofs qamar tal-Iżlam għadu viżibbli fuq il-koppla, u fuqu hemm salib. Tabilħaqq, Pécs hija l-iżjed belt rikka f'termini ta' arkitettura Torka, permezz tal-fdalijiet notevoli tal-Banjijiet ta' Memi Pasa u l-mawżolew ta' Idris Baba, fost l-oħrajn. Il-Moskea ta' Yakovalı Hasan Paşa, li tmur lura għal nofs is-seklu 16, għadha tiffunzjona bħala moskea attiva u hija miftuħa għall-pubbliku għajr waqt is-servizzi tal-Ġimgħa mis-2.30 sat-3.30 ta' waranofsinhar.

Dawn ta' hawn taħt huma l-attrazzjonijiet prinċipali tal-belt:

  • in-Nekropoli ta' Sopianae (Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO);
  • iċ-Cella Septichora (tas-seklu 4);
  • il-Katidral (tas-seklu 11, rinnovat fis-seklu 19);
  • il-Palazz tal-Isqof Ungeriż (tas-seklu 12)
  • l-Università ta' Pécs (1367), il-binja tal-Fakultà tax-Xjenza u tal-Fakultà tal-Umanitajiet fit-Triq Ifjúság, u Ġnien Botaniku;
  • il-Librerija ta' Klimo (1774), l-ewwel librerija pubblika fl-Ungerija, li ġiet stabbilita mill-isqof George Klimo;
  • it-"Torri" tal-Barbakán (tas-seklu 15);
  • il-Fdalijiet f'Tettye (1505-1521);
  • il-Pjazza ta' Széchenyi (il-pjazza prinċipali);
  • il-Moskea tal-Paxà Qasim (1543-1546), oriġinarjament knisja Gotika: il-Katidral ta' San Bertalan mis-seklu 13;
  • il-Moskea ta' Yakovalı Hasan Paşa (tas-seklu 16);
  • iċ-Ċentru Storiku (djar Medjevali, Barokki, Klassiċi, Rokokò u tal-Art Nouveau);
  • il-Lukanda Nádor (1846) fil-Pjazza ta' Széchenyi;
  • il-Muniċipju tal-Kontea fil-Pjazza ta' Széchenyi;
  • il-Muniċipju tal-Belt fil-Pjazza ta' Széchenyi;
  • is-Sinagoga (1869);
  • il-Binja tal-Akkademja Ungeriża tax-Xjenzi (1884);
  • it-Teatru Nazzjonali ta' Pécs (Nemzeti Színház), inawgurat fl-1895;
  • il-Funtana ta' Zsolnay;
  • il-Palazz tal-Posta;
  • id-Dar tal-Hungaricum;
  • il-Mużew ta' Janus Pannonius;
  • il-Mużew tar-Rinaxximent;
  • il-Mużew ta' Csontváry;
  • il-Mużew ta' Zsolnay;
  • il-Mużew ta' Victor Vasarely;
  • il-Mużew ta' Amerigo Tot;
  • il-Mużew Etnografiku ta' Pécs;
  • il-Mużew tal-Istorja Naturali ta' Pécs;
  • il-Mużew tal-Ispiżjar ta' Szerecsen;
  • il-Gallerija ta' Pécs;
  • it-Triq tal-Mużewijiet;
  • il-Mawżolew ta' Zsolnay;
  • Bóbita (spettaklu ta' Punch u Judy);
  • it-Teatru ta' Janus (Pannonius);
  • it-Teatru Kroat f'Pécs;
  • it-Tielet Teatru;
  • il-Ġnien Żooloġiku ta' Pécs;
  • il-lukketti tal-imħabba;
  • Magasház (fl-imgħoddi; twaqqa' fl-2016);
  • it-Torri tat-televiżjoni fuq il-muntanja Mecsek (1960).

Demografija immodifika

 
Il-Knisja tal-Liċeo fit-Triq Király.

Il-maġġoranza taċ-ċittadini (84.0 %) huma Ungeriżi skont iċ-ċensiment tal-2011. Il-Ġermaniżi fil-belt huma l-ikbar minoranza (4.2 %), segwiti mir-Rom (2.0 %), mill-Kroati (1.2 %) u mir-Rumeni (0.2 %).

L-ikbar grupp reliġjuż huma l-Kattoliċi b'39.7 % Kattoliċi Rumani u 0.3 % Kattoliċi Griegi. It-tieni l-ikbar denominazzjoni huma l-Kalvinisti (5.2 %) u t-tielet huma l-Luterani (1.3 %). 27.8 % tal-popolazzjoni mhumiex reliġjużi.

Minħabba l-għadd ta' studenti internazzjonali li jistudjaw u jgħixu f'Pécs, hemm diversità notevoli ta' ċittadini mhux permanenti.

Klima immodifika

Data klimatika għal Pécs
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja medja f'°C (°F) 1.6

(34.9)

4.8

(40.6)

10.3

(50.5)

16.0

(60.8)

20.9

(69.6)

24.0

(75.2)

26.3

(79.3)

25.9

(78.6)

22.3

(72.1)

16.6

(61.9)

8.8

(47.8)

3.4

(38.1)

15.1

(59.1)

Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) −1.4

(29.5)

1.3

(34.3)

5.6

(42.1)

10.7

(51.3)

15.5

(59.9)

18.6

(65.5)

20.5

(68.9)

20.1

(68.2)

16.6

(61.9)

11.3

(52.3)

5.1

(41.2)

0.6

(33.1)

10.4

(50.7)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) −4.0

(24.8)

−1.7

(28.9)

1.6

(34.9)

6.0

(42.8)

10.5

(50.9)

13.6

(56.5)

15.0

(59.0)

14.7

(58.5)

11.7

(53.1)

7.0

(44.6)

2.2

(36.0)

−1.7

(28.9)

6.2

(43.2)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 39

(1.5)

32

(1.3)

38

(1.5)

55

(2.2)

63

(2.5)

84

(3.3)

61

(2.4)

63

(2.5)

47

(1.9)

37

(1.5)

56

(2.2)

44

(1.7)

619

(24.5)

Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni (≥ 1.0 mm) 7 6 7 8 9 10 7 7 6 6 8 8 89
Umdità relattiva medja (%) 90 85 70 65 65 70 70 70 75 80 85 90 76.3
Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar 68.2 92.4 145.7 186.0 235.6 258.0 294.5 266.6 207.0 164.3 81.0 58.9 2,058.2
Sors: Climates to travel.[19]

Ekonomija immodifika

 
L-iżjed prodott magħruf ta' Pécs huwa l-Porċellana ta' Zsolnay - Vażun ta' Alhambra magħmul minn Tádé Sikorski (1884).

Storikament Pécs kienet magħrufa sew fl-Ungerija għall-industrija tagħha b'diversi fabbriki, iżda wara l-waqgħa tal-Purtiera tal-Ħadid ħafna minnhom ma felħux għat-tranżizzjoni ekonomiku u fallew (eż. Pécsi Kesztyűgyár, Pécsi Bőrgyár, Littke Pezsgőgyár, eċċ.).[20] Sa ftit snin ilu, il-belt kellha minjiera tal-faħam u tal-uranju, iżda issa baqgħet teżisti biss il-minjiera tar-ramel li tiġi operata mill-kumpanija tal-estrazzjoni Ungeriża msejħa Quartz.[21]

Il-fabbrika tal-porċellana tant famuża nazzjonalment (u sa ċertu punt internazzjonalment ukoll), Zsolnay Porcelain hija l-mimmi ta' għajnejn Pécs. Il-ħitan u s-soqfa ta' diversi binjiet pubbliċi u privati fil-belt huma mżejna bil-porċellana tal-kumpanija u b'hekk joħolqu l-pajsaġġ urban uniku ta' Pécs.

Il-Pécsi Sörfőzde (il-Birrerija ta' Pécs) hija waħda mill-erba' birreriji Ungeriżi prinċipali (l-oħrajn huma l-Birreriji ta' Dreher, Borsod u Heineken Hungária), iżda l-unika waħda minnhom b'sjieda Ungeriża għalkollox. Tipproduċi birra speċjali, li hija magħrufa għax ma tissaffiex qabel l-ibbottiljar.[22]

Il-manifattur Ungeriż tat-tessuti Rovitex Hungária, il-manifattur Amerikan tal-krejnijiet Terex[23], il-manifattur Ungeriż tal-imwieżen Pécsi Mérlegstúdió[24], il-manifattur Ungeriż tal-għamara Megyeri Bútor[25], il-manifattur Ungeriż tal-għodda għall-qtugħ FORSZ[26], il-manifattur Ġermaniż tal-iswiċċbords HB-Kapcsolószekrénygyártó (parti minn Bader Gruppe)[27], il-kumpanija Ungeriża tar-riċiklaġġ Alcufer[28], il-manifattur agrikolu Ungeriż HIDROT[29], il-manifattur Ungeriż tal-għodda tat-trobbija tal-annimali Önitató[30], il-fabbrika tat-tabakk Pécsi Dohánygyár (bis-sjieda f'idejn il-British American Tobacco), il-manifattur Ungeriż tal-ispare parti tal-karozzi Matro[31], il-manifattur Ungeriż tal-kaxxaforti Strauss Metal[32], il-manifattur Ungeriż tal-makkinarji tal-ippakkjar SOMAPAK[33], il-produttur Ungeriż tal-plastik Termoplast[34], l-Istamperija Bocz[35], il-manifattur Ungeriż tal-pikles Babina[36], il-manifattur Ungeriż tal-prodotti tal-plastik Karsai Pécs[37], u l-manifattur Ungeriż tal-metall Riner Metal[38], huma bbażati hemmhekk u għandhom faċilitajiet tal-produzzjoni fil-belt.

Hemm żvilupp gradwali tal-industrija moderna tat-teknoloġija avvanzata, pereżempju bil-kumpanija Finlandiża tal-manifattura tal-elettronika Elcoteq, li hija l-ikbar impjegatur industrijali fil-belt, flimkien mal-manifattur Ungeriż tal-elettronika Z Elektronika[39] u mal-manifattur Ungeriż tan-networks informatiċi TG Netcom.[40]

Il-kumpanija Ġermaniża tat-trasport, Dachser, għandha ċentru tal-loġistika f'Pécs.

Il-kumpanija tal-immaniġġjar u tar-riċiklaġġ tal-iskart Biokom[41] (b'sjieda f'idejn il-belt) hija responsabbli għat-trasport u għar-riċiklaġġ tal-iskart fit-territorju kollu ta' Pécs u fl-inħawi tal-madwar. L-enerġija li tintuża fl-insedjament tiġi prodotta l-iktar miż-żewġ impjanti tal-bijomassa ta' Pannonpower (parti minn Veolia) li jikkonsistu minn impjant tal-enerġija mħaddem bil-laqx tal-injam ta' 49,9 MW u minn impjant tal-enerġija mħaddem bil-prodotti agrikoli sekondarji ta' 35 MW.[42] L-ikbar għalqa b'ċelloli solari tal-pajjiż tinsab f'Pécs ukoll, bis-saħħa tal-pożizzjoni tal-belt fin-Nofsinhar u l-ammont ta' sigħat ta' xemx fil-belt, u din tista' tipproduċi madwar 10 MW ta' enerġija fis-sena. L-impjant tal-enerġija solari huwa operat minn MVM Hungarowind (parti mill-Grupp MVM).[43]

Iċ-Ċentru Expo ta' Pécs għall-Wirjiet u l-Konferenzi jipprovdi spazju għall-wirjiet u għall-konferenzi internazzjonali.

Edukazzjoni immodifika

L-Università ta' Pécs ġiet stabbilita minn Lwiġi I tal-Ungerija fl-1367. Hija l-eqdem università fl-Ungerija, u hija fost l-ewwel universitajiet Ewropej. Dan l-aħħar kienet maqsuma f'żewġ entitajiet, waħda għall-Mediċina u l-Ortodontika (POTE) u oħra ikbar għal studji oħra: JPTE (Janus Pannonius Tudományegyetem).[44] Il-POTE (l-Iskola Medika tal-Università ta' Pécs, issa magħrufa bħala l-Iskola Medika) għandha programm kbir bl-Ingliż għall-mediċina ġenerali u għad-dentistrija (bi studenti mill-Amerka, mill-Asja, mill-Afrika u mill-Ewropa, inkluż bosta Skandinavi) u programm ġdid bil-Ġermaniż. Fl-1 ta' Jannar 2000, dawn iż-żewġ entitajiet ġew imwaħħda bl-isem ta' Università ta' Pécs (bl-akronimu: PTE - Pécsi Tudományegyetem - l-Università ta' Pécs). Illum il-ġurnata, l-Università ta' Pécs saret l-iżjed università internazzjonalizzata fl-Ungerija b'madwar 5,000 student internazzjonali minn total ta' madwar 20,000 student (madwar 25 %).[45]

Politika immodifika

Is-sindku attwali ta' Pécs huwa Attila Péterffy (Pécs Jövője, Öt Torony).

L-Assemblea Muniċipali lokali, eletta fl-elezzjonijiet tal-gvern lokali fl-2019, hija magħmula minn 26 membru (Sindku, 18-il kostitwenza individwali jew MEPs u seba' MEPs mil-Lista ta' Kumpens), maqsuma f'partiti u f'alleanzi politiċi kif ġej:[46]

Partit Siġġijiet
Pécs Jövője 18
Fidesz-KDNP-ÖPE 7
Politics Can Be Different 1

Il-politiki mfassla minn Fidesz f'Pécs inkludew liġi tal-2014, li permezz tagħha huwa illegali li tgħix fil-belt mingħajr saqaf fuq rasek[47], u sejħa uffiċjali tal-2017 biex is-sidien tal-proprjetà ma jagħtux spazju lil NGO appoġġata mill-OSF.[48]

Lista ta' sindki immodifika

Lista ta' sindki tal-belt mill-1990:

Membru Partit Mandat
Zoltán Krippl SZDSZ 1990–1994
Zsolt Páva Fidesz 1994–1998
László Toller MSZP 1998–2006
Péter Tasnádi MSZP 2006–2009
Zsolt Páva Fidesz 2009–2019
Attila Péterffy Indipendenti 2019–

Trasport immodifika

 
Żewġ ferroviji fl-Istazzjon Ċentrali ta' Pécs.

Toroq immodifika

  • L-awtostrada M6/M60 tikkollega lil Pécs u Budapest b'ħin tas-sewqan bejn iż-żewġ bliet ta' madwar siegħa u nofs attwalment. L-awtostrada kollha nfetħet fil-31 ta' Marzu 2010. L-awtostrada M6 tgħaddi minn ġol-belt u b'hekk għandha assi mil-Lvant għall-Punent u tibqa' sejra lejn Barcs fil-fruntiera mal-Kroazja. Rotot sekondarji huma:
  • Rotta 57: Pécs - Mohács,
  • Rotta 58: Pécs - Drávaszabolcs,
  • Rotta 66: Pécs - Kaposvár.

Ferrovija immodifika

 
Karozza tal-linja Volvo 7900A tal-Linja 2A fiċ-ċentru tal-belt.

Pécs hija kkollegata ma' Budapest permezz ta' Pusztaszabolcs, u għandha kollegamenti diretti ma' Mohács u ma' Nagykanizsa.

Iddisinjat minn Ferenc Pfaff, l-istazzjon ferrovjarju prinċipali nbena fl-1900 u sar binja elenkata fl-2008. Il-binja stess inbniet bl-istil tal-Ekklettiċiżmu Rinaxximentali, u fiha riljievi ta' James Watt u ta' George Stephenson iddisinjati minn Klein Ármin u magħmula mill-fabbrika ta' Zsolnay. Fil-pjazza quddiem l-istazzjon ferrovjarju hemm ċentru kbir ta' tranżitu, inkluż venda tal-karozzi tal-linja, waqfa tal-karozzi tal-linja u żona tat-taksis.

 
L-Ajruport Internazzjonali.

Tramm immodifika

Bejn l-1914 u l-1960 fil-belt kien jopera t-tramm ukoll.

Karozzi tal-linja immodifika

Il-karozzi tal-linja huma l-mezz primarju tat-trasport pubbliku fil-belt.

Ajruport immodifika

F'Marzu 2006 infetaħ ajruport ġdid f'Pécs, imsejjaħ l-Ajruport Internazzjonali ta' Pécs-Pogány. It-traffiku prinċipali tiegħu huwa fornut minn ajruplani żgħar mikrija.

Sport immodifika

 
Zoltán Gera.
 
László Sólyom, President Ungeriż mill-2005-2010.

Nies notevoli li twieldu f'Pécs immodifika

Ġemellaġġ immodifika

Pécs hija ġemellata ma':[49][50]

Il-belt għandha rabta amikevoli informali ma' Peterborough, l-Ingilterra.

Gallerija immodifika

Referenzi immodifika

  1. ^ Google, Knihy (1998). Slovenská reč: časopis pre výskum a kultúru slovenského jazyka (bl-Islovakk). Jazykovedný ústav L̕udovíta Štúra. Parametru mhux magħruf |iktar= injorat (għajnuna)
  2. ^ Kniezsa, István (1962). Beke, Ödön (ed.). "Pécs város neve" [The name of the city of Pécs]. Magyar Nyelvőr: 326–329.
  3. ^ "Pécs klímája". web.archive.org. 2008-06-09. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-06-09. Miġbur 2023-03-30.
  4. ^ "Mecsek-hegység - Lexikon ::". www.kislexikon.hu (bl-Ungeriż). Miġbur 2023-03-30.
  5. ^ "Kezdőlap". Városunk Pécs (bl-Ungeriż). Miġbur 2023-03-30.
  6. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Early Christian Necropolis of Pécs (Sopianae)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-30.
  7. ^ "Lajos Gubcsi, Hungary in the Carpathian Basin, MoD Zrínyi Media Ltd, 2011" (PDF).
  8. ^ Kleindel: Österreich, Zahlen – Daten - Fakten, Sonderausgabe A&M 2004, ISBN 3-902397-49-7.
  9. ^ "Oktatási és Kulturális Minisztérium - Oktatási statisztikák". web.archive.org. 2007-06-25. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-06-25. Miġbur 2023-03-30.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  10. ^ "Pécs kulturális központ". web.archive.org. 2009-03-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-03-15. Miġbur 2023-03-30.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  11. ^ "Ladislav Heka, 2016, The Borders Of Baranja Since The Middle Ages Until Today. p. 29" (PDF).
  12. ^ "Die Vertreibung – Landsmannschaft der Deutschen aus Ungarn" (bil-Ġermaniż). Miġbur 2023-03-30.
  13. ^ Molnar, Miklos. (2001). A Concise History of Hungary. English translation. Cambridge, UK: Cambridge University Press.
  14. ^ "Hetek Közéleti Hetilap - Kezdőlap". www.hetek.hu. Miġbur 2023-03-30.
  15. ^ "Livcom Awards 2009 - Whole City Awards". web.archive.org. 2010-03-12. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-03-12. Miġbur 2023-03-30.
  16. ^ "Dél-dunántúli Regionális Államigazgatási Hivatal - Hírek". web.archive.org. 2009-03-05. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-03-05. Miġbur 2023-03-30.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  17. ^ "Pécs-Baranyai Kereskedelmi és Iparkamara". Pécs-Baranyai Kereskedelmi és Iparkamara (bl-Ungeriż). Miġbur 2023-03-30.
  18. ^ [Pécsre áramlik a tőke www.origo.hu, 2008. 07. 17. - Pécsre áramlik a tőke].
  19. ^ "Pecs climate: weather by month, temperature, precipitation, when to go". www.climatestotravel.com. Miġbur 2023-03-30.
  20. ^ Viktor, Gyimesi (2016-07-26). "Tele van Pécs az iparoscsaládok örökségeivel" (bl-Ungeriż). Miġbur 2023-03-30.
  21. ^ "Quartz Kft. – Homokbányászat VOLVO és CATERPILLAR rakodó- és kotrógépek igénybevételével" (bl-Ungeriż). Miġbur 2023-03-30.
  22. ^ "Kezdőlap". Pécsi Sörfőzde (bl-Ungeriż). Miġbur 2023-03-30.
  23. ^ "Locations". Terex Cranes (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-30.
  24. ^ "Cégünkről". merlegstudio.hu (bl-Ungeriż). Miġbur 2023-03-30.
  25. ^ butorlapszabaszat.hu (2012-10-14). "Megyeri Bútor Kft. – bútorlapszabászat – Pécs | Országos Bútorlapszabászat és Lapszabászat kereső". butorlapszabaszat.hu (bl-Ungeriż). Miġbur 2023-03-30.
  26. ^ "FORSZ Ltd. |" (bl-Ungeriż). Miġbur 2023-03-30.
  27. ^ "Kontakt – Bader Gruppe" (bil-Ġermaniż). Miġbur 2023-03-30.
  28. ^ "Bemutatkozás — Alcufer Kft". www.alcufer.hu. Miġbur 2023-03-30.
  29. ^ "Hidrot". hidrot.hu (bl-Ungeriż). Miġbur 2023-03-30.
  30. ^ "Kezdőlap". Önitató Kft. (bl-Ungeriż). Miġbur 2023-03-30.
  31. ^ "Rólunk" (bl-Ungeriż). Miġbur 2023-03-30.
  32. ^ "Széf, páncélszekrény kis- és nagykereskedés! Strauss Metal B". straussmetal.hu (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-30.
  33. ^ "Somapak | History" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-30.
  34. ^ "Company review | TERMOPLAST Műanyagfeloldgozó Kkt". www.termoplast.hu. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-04-16. Miġbur 2023-03-30.
  35. ^ "Bocz nyomdaipari Kft. – Ofszet- és digitális nyomda Pécsen". bocznyomda.hu. Miġbur 2023-03-30.
  36. ^ "Pannon Flavour". web.archive.org. 2018-10-11. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-10-11. Miġbur 2023-03-30.
  37. ^ "Karsai Pecs Kft. Company Profile - Hungary | Financials & Key Executives | EMIS". www.emis.com. Miġbur 2023-03-30.
  38. ^ "Riner-Metal Kft". riner.hu. Miġbur 2023-03-30.
  39. ^ "Homepage". Z Elektronika (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-30.
  40. ^ "TG Netcom Kft. | Our company". www.tgnetcom.hu. Miġbur 2023-03-30.
  41. ^ "CÉGBEMUTATÁS" (bl-Ungeriż). Miġbur 2023-03-30.
  42. ^ "Pannonpower". web.archive.org. 2018-05-09. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-05-09. Miġbur 2023-03-30.
  43. ^ Zrt, REGON Média. "Óriási naperőmű épült a pécsi hőerőmű helyére". magyarepitok.hu (bl-Ungeriż). Miġbur 2023-03-30.
  44. ^ "PTE ÁOK". aok.pte.hu. Miġbur 2023-03-30.
  45. ^ "International Relations in a Nutshell". international.pte.hu (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-30.
  46. ^ "Település adatlap". Nemzeti Választási Iroda (bl-Ungeriż). Miġbur 2023-03-30.
  47. ^ Prókai, -Eszter (2014-09-26). "Pécs bans homeless from public areas". The Budapest Beacon (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-30.
  48. ^ Novak, Benjamin (2017-12-14). "Pécs adopts declaration calling on property owners to refrain from renting property to OSF grantee". The Budapest Beacon (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-30.
  49. ^ "Twin cities of Pécs – PécsEconomy" (bl-Ungeriż). Miġbur 2023-03-30.
  50. ^ Shqiptare, Axhencia Telegrafike (2018-10-12). "Binjakëzim mes Shkodrës dhe qytetit Pec në Hungari - ATSH -". Agjencia Telegrafike Shqiptare (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-11-13. Miġbur 2023-03-30.