Park Nazzjonali ta' Hortobágy

park nazzjonali u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Ungerija

Il-Park Nazzjonali ta' Hortobágy (pronunzja bl-Ungeriż: [ˈhortobaːɟ]) huwa park nazzjonali b'erja ta' 800 km2 fil-Lvant tal-Ungerija, li huwa rikk fil-folklor u fl-istorja kulturali. Il-park, li huwa parti mill-Pjanura l-Kbira ta' Alföld, ġie ddeżinjat bħala park nazzjonali fl-1973 (l-ewwel wieħed fl-Ungerija), u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1] Il-Park Nazzjonali ta' Hortobágy huwa l-ikbar żona protetta fl-Ungerija u l-ikbar bur tal-ħaxix seminaturali fl-Ewropa.[2]

Il-pajsaġġ rurali ta' Hortobágy.

Sa dan l-aħħar kien maħsub li din l-isteppa alkalinika ġiet iffurmata mill-qtugħ f'daqqa ta' foresti enormi fil-Medju Evu, segwit minn miżuri ta' kontroll tal-fluss tax-xmara Tisza, li allegatament irriżultaw fl-istruttura u fil-livell ta' pH attwali tal-ħamrija. Madankollu, il-Park Nazzjonali ta' Hortobágy huwa ferm eqdem, u huwa stmat li l-alkalinizzazzjoni bdiet madwar 10,000 sena ilu, meta x-xmara Tisza laħqet għall-ewwel darba l-Pjanura l-Kbira Ungeriża, u qatgħet bosta nixxigħat mis-sorsi tagħhom fil-muntanji tat-Tramuntana. Il-formazzjoni ntemmet bil-mergħa tal-annimali u taż-żwiemel selvaġġi matul l-Era Glaċjali, segwiti mill-annimali ddomestikati.[3]

Waħda mill-iżjed attrazzjonijiet ikoniċi tal-Park Nazzjonali ta' Hortobágy huwa l-Pont tad-Disa' Arkati. Diversi bjar tradizzjonali b'għamla tal-ittra T jagħmlu parti mill-pajsaġġ tal-park, flimkien mal-miraġġ ta' xi siġar li qajla jidhru fil-bogħod fis-sħana riflessa tal-puszta (steppa). Parti mill-park nazzjonali huwa riżerva tas-sema mudlam fejn wieħed jista' josserva l-istilel mingħajr it-tniġġis tad-dawl.[4] L-artijiet mistagħdra tal-park ġew elenkati wkoll bħala sit tar-Ramsar.[5]

Il-Park Nazzjonali ta' Hortobágy kellu wkoll konnotazzjonijiet negattivi bħala sit ta' xogħol sfurzat taħt ir-reġim Komunista.[6]

Flora u fawna

immodifika
 
Mappa li turi l-pożizzjoni ġeografika (bl-aħmar) tal-Park Nazzjonali ta' Hortobágy bħala wieħed mill-mikroreġjuni fil-ġeografija fiżika tal-Ungerija.

Il-Park Nazzjonali ta' Hortobágy huwa steppa, jiġifieri pjanura jew bur tal-ħaxix li fih jirgħu l-bhejjem tal-ifrat tal-Ungerija, il-gniedes, il-bufli tal-ilma, in-nagħaġ racka u ż-żwiemel li jieħdu ħsiebhom rgħajja spiss rekbin iż-żwiemel, imsejħa Csikós. Jipprovdi l-ħabitat għal diversi speċijiet, inkluż 342 speċi ta' għasafar. Iż-żumbrell, it-tellerita, il-pitarrun u l-farruġ huma rrappreżentati b'popolazzjonijiet li jitnisslu hemmhekk. Il-park huwa sit importanti fejn jieqfu jistrieħu l-għasafar tal-passa, fosthom l-għarnuq, il-birwina u l-wiżż Anser erythropus.[7]

Il-Park Nazzjonali ta' Hortobágy huwa wkoll iċ-ċentru għat-tnissil tal-bhejjem tal-ispeċi Taurus, wieħed minn diversi tentattivi biex jerġa' jitnissel l-annimal tal-ifrat estint Anser erythropus.[8][9]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Park Nazzjonali ta' Hortobágy ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]

Gallerija

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Hortobágy National Park - the <i>Puszta</i>". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-21.
  2. ^ "A Vilagorokseg Bizottsag 26. Ulese". web.archive.org. 2007-12-09. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-12-09. Miġbur 2023-03-21.
  3. ^ "Nominazzjoni tas-sit". web.archive.org (bl-Ingliż). Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-10-26. Miġbur 2023-03-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ "Hortobágy National Park (Hungary)". web.archive.org. 2016-10-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-10-12. Miġbur 2023-03-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ "Hortobágy | Ramsar Sites Information Service". rsis.ramsar.org. Miġbur 2023-03-21.
  6. ^ "Hortobágy Forced Labour Camps 1950-1953 (Excerpt)". magyarmegmaradasert.hu. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-03-21. Miġbur 2023-03-21.
  7. ^ "Lengyel S, Tar J, Rózsa L (2012). "Flock size measures of migrating Lesser White-fronted Geese Anser erythropus" (pdf). Acta Zoologica Academiae Scientiarum Hungaricae. 58: 297–303" (PDF).
  8. ^ "Margret Bunzel-Drüke: ″Projekt Taurus – En økologisk erstatning for uroksen.″ Lohne: ABU 2004; Århus: Nepenthes, 2005" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2011-10-17. Miġbur 2023-03-21.
  9. ^ "Waltraut Zimmermann, Lydia Kolter, Istvan Sandor: Naturschutzprojekt Hortobágy – Jahresbericht 2003" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-12-03. Miġbur 2023-03-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)