Kanal il-Kbir (iċ-Ċina)

l-itwal kanal artifiċjali fid-dinja fiċ-Ċina

Il-Kanal il-Kbir (biċ-Ċiniż: 大运河; bil-Pinjin: Dà yùnhé) jinkludi sistema ta' kanali interkonnessi li jikkollegaw diversi xmajjar ewlenin fit-Tramuntana u fil-Lvant taċ-Ċina, li kienet isservi bħala infrastruttura importanti tat-trasport fuq l-ilma bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar matul il-perjodi Medjevali u premoderni taċ-Ċina. Il-Kanal il-Kbir huwa l-itwal mogħdija tal-ilma artifiċjali fid-dinja u huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

Il-Kanal il-Kbir u l-Pont ta' Wanning f'Beijing.

Huwa maħsub li l-parti prinċipali tal-Kanal il-Kbir, magħrufa fost iċ-Ċiniżi bħala l-Kanal il-Kbir ta' Jing–Hang, hija estiża għal 1,776 kilometru (1,104 mili) u hija maqsuma f'6 subsezzjonijiet prinċipali. Il-Kanal ta' Jiangnan huwa estiż mix-xmara Qiantang f'Hangzhou sax-xmara Yangtze f'Zhenjiang; il-Kanal Intern huwa estiż mix-xmara Yangtze f'Yangzhou sax-xmara Huai f'Huai'an, li għal sekli sħaħ kien iservi wkoll bħala l-punt ta' kollegament mal-mogħdija preċedenti tax-Xmara s-Safra; il-Kanal Nofsani huwa estiż minn Huai'an sal-Lagi ta' Nansi; il-Kanal ta' Lu huwa estiż mil-lagi ta' wara Jining sal-mogħdija attwali tax-Xmara s-Safra sax-xmara Wei f'Linqing; il-Kanal tan-Nofsinhar huwa estiż minn Linqing sax-xmara Hai f'Tianjin; u l-Kanal tat-Tramuntana huwa estiż minn Tianjin sa Tongzhou fil-periferiji ta' Beijing. B'hekk, il-Kanal il-Kbir jgħaddi mill-provinċji u mill-muniċipalitajiet ta' Zhejiang, Jiangsu, Shandong, Hebei, Tianjin u Beijing. Fl-2014, il-gvern Ċiniż u l-UNESCO rrikonoxxew il-Kanal tal-Lvant ta' Zhejiang minn Hangzhou sa Ningbo tul il-Kanali preċedenti ta' Tongji u ta' Yongji bħala komponent uffiċjali tal-Kanal il-Kbir.[1]

Il-mogħdijiet tal-ilma tal-Kanal il-Kbir.

L-iżjed sezzjonijiet antiki ta' dak li issa jitqies bħala l-Kanal il-Kbir tlestew fil-bidu tas-seklu 5 Q.K. matul il-kunflitti tar-rebbiegħa u tal-ħarifa taċ-Ċina, sabiex jipprovdu rotot tat-trasport tal-provvisti għall-istati ta' Wu u ta' Yue. In-network tlesta mill-Imperatur Yang tad-dinastija Sui fis-609 W.K., u kkollega r-reġjun għammiel ta' Jiangnan fin-Nofsinhar mal-belt kapitali tiegħu f'Luoyang fil-Punent u mal-armati tiegħu fit-Tramuntana mbiegħda. Il-gwerer tiegħu li la kellhom suċċess u lanqas kienu popolari, flimkien mal-ammont kbir ta' xogħol sfurzat meħtieġ biex jinħoloq il-kanal kienu fost il-fatturi prinċipali li wasslu għall-waqgħa rapida tad-dinastija Sui, iżda l-kollegament tal-korpi tal-ilma u taċ-ċentri tal-populazzjoni ewlenin taċ-Ċina kienu tassew ta' benefiċċju. Kanali addizzjonali kienu jwasslu l-provvisti lil Chang'an (issa Xi'an) u saħansitra iktar lejn il-Punent taħt id-dinastija Tang filwaqt li l-irħula intermedji tul il-mogħdija tal-ilma prinċipali saru ċ-ċentri ekonomiċi tal-imperu. L-għargħar perjodiku tax-Xmara s-Safra hedded is-sikurezza u l-funzjonament tal-kanal, filwaqt li matul żmien il-gwerra, id-digi għoljin tax-xmajjar xi kultant tkissru apposta biex idewwmu jew jeqirdu għalkollox lit-truppi tal-għadu kull meta kienu javvanzaw. Minkejja dan, ir-restawr u t-titjib tal-kanal u x-xogħlijiet assoċjati tal-kontroll tal-għargħar saru bħala dmir minn kull dinastija suċċessiva. Il-kanal kellu rwol ewlieni biex perjodikament jerġa' jgħaqqad it-Tramuntana u n-Nofsinhar taċ-Ċina, u l-uffiċjali inkarigati biex jieħdu ħsieb il-kanal u l-impjanti tal-melħ fil-madwar saru tassew għonja. Minkejja l-ħsara mill-għargħar, mir-ribelljonijiet u mill-gwerer, l-importanza tal-kanal kibret biss bit-tneħħija tal-belt kapitali lejn Khanbaliq taħt il-Yuan Mongoli u lejn Beijing taħt l-Imperatur Yongle tad-dinastija Ming u taħt id-dinastija Qing ta' Manchu. Minkejja l-importanza tal-linji ferrovjarji u tat-toroq fiċ-Ċina moderna, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ħadmet sabiex ittejjeb in-navigabbiltà tal-kanal mill-aħħar tal-Gwerra Ċivili Ċiniża u l-parti tan-Nofsinhar tax-Xmara s-Safra għadha tintuża ħafna mill-barkuni għall-ġarr tal-merkanzija tqila. Iż-żieda fit-tħassib dwar it-tniġġis fiċ-Ċina u b'mod partikolari dwar l-użu tal-Kanal il-Kbir bħala l-mogħdija tal-Lvant tal-Proġett ta' Devjazzjoni tal-Ilma min-Nofsinhar għat-Tramuntana — maħsub biex jipprovdi ilma tajjeb għax-xorb lit-Tramuntana — wasslet għal regolamenti u diversi proġetti biex tittejjeb il-kwalità tal-ilma tul il-mogħdija tal-ilma.

L-ikbar għoli tal-kanal hija elevazzjoni ta' 42 metru (138 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar fil-bażi tal-għoljiet ta' Shandong.[2] Il-bastimenti fil-kanali Ċiniżi ma kellhomx problemi biex jilħqu elevazzjonijiet ogħla wara li l-uffiċjal u l-inġinier tad-dinastija Song Qiao Weiyue vvinta l-magħlaq tal-aġġustament tal-livell tal-ilma fis-seklu 10.[3] Il-kanal ġie ammirat minn bosta viżitaturi matul l-istorja tiegħu, inkluż il-patri Ġappuniż Ennin (794–864), l-istoriku Persjan Rashid al-Din Hamadani (1247–1318), l-uffiċjal Korean Choe Bu (1454–1504), u l-missjunarju Taljan Matteo Ricci (1552–1610).[4][5]

Perjodi bikrin

immodifika

Fl-aħħar tal-perjodu tar-rebbiegħa u tal-ħarifa, ir-Re Fuchai ta' Wu (li l-belt kapitali tiegħu kienet tinsab f'Suzhou attwali), reħielha lejn it-Tramuntana sabiex jattakka l-Istat ta' Qi. Huwa ordna li jinbena kanal għall-kummerċ kif ukoll bħala mezz biex ikun jista' jibgħat bosta provvisti lejn it-Tramuntana f'każ li l-qawwiet tiegħu jitħabtu mal-istati tat-Tramuntana ta' Song u ta' Lu. Dan sar magħruf bħala l-Kanal ta' Han jew ta' Hangou (邗溝, 邗沟, Hángōu). Ix-xogħol inbeda fl-486 Q.K., min-Nofsinhar ta' Yangzhou sat-Tramuntana ta' Huai'an f'Jiangsu, u fi żmien tliet snin il-Kanal ta' Han ikkollega x-xmara Yangtze max-xmara Huai permezz tal-mogħdijiet tal-ilma, tal-lagi u tal-imraġ eżistenti.

Il-Kanal ta' Han huwa magħruf bħala t-tieni l-eqdem sezzjoni tal-Kanal il-Kbir minn żmien il-Kanal ta' Hong (鴻溝, 鸿沟, Hónggōu, "il-Kanal tal-Wiżż Selvaġġi" jew "il-Kanal Imbiegħed") li x'aktarx kien hemm qablu. Kien jikkollega x-Xmara s-Safra qrib Kaifeng max-xmajjar Si u Bian, u sar il-mudell għat-tiswir tal-Kanal il-Kbir fit-Tramuntana. Id-data eżatta tal-kostruzzjoni tal-Kanal ta' Hong mhijiex ċerta; issemma għall-ewwel darba mid-diplomatiku Su Qin fit-330 Q.K. meta kien qed jiddiskuti dwar il-konfini tal-istat. L-istoriku Sima Qian (145–90 Q.K.) ma kienx jaf id-data storika tal-kostruzzjoni tiegħu, u qiegħed id-diskussjoni dwaru wara x-xogħlijiet leġġendarji ta' Yu l-Kbir; l-istudjużi moderni issa jqisu li jmur lura għas-seklu 6 Q.K.

Dinastija Sui

immodifika
 
Il-Kanal il-Kbir matul żmien id-dinastiji Sui u Tang.

L-unifikazzjoni mill-ġdid taċ-Ċina fi żmien id-dinastija Sui (581–618) temmet tliet sekli ta' kaos mir-Rivoluzzjoni tal-Ħames Barbari, u l-istabbiltà politika mġedda ppermettiet kemm it-tiswija mifruxa tal-kanali u tas-sistemi tal-kontroll tal-għargħar eżistenti, kif ukoll il-kostruzzjoni ta' kanali ġodda. Il-kunsiderazzjoni primarja tal-kanali tad-dinastija Sui kienet il-ħtieġa li tilħaq ir-riżorsi ekonomiċi u agrikoli dejjem jiżdiedu tar-reġjun ta' Jiangnan fix-Xlokk sabiex tissaħħaħ il-belt kapitali prinċipali tad-dinastija Sui f'Luoyang lejn il-Punent u biex twassal il-provvisti lill-armati tal-ispedizzjonijiet tad-dinastija Sui fil-Gwerer bejn Goguryeo u s-Sui lejn il-Grigal. L-istabbiliment tal-Kanal il-Kbir għamel tajjeb ukoll għall-ħtieġa ta' gwarniġjoni tal-armati biex isiru bdiewa-milizji temporanji awtosuffiċjenti filwaqt li jgħassu l-fruntieri nexfin bejn iċ-Ċina, Goguryeo u Göktürk.

Proġett ta' kostruzzjoni ta' diga fil-587 tul ix-Xmara s-Safra —issorveljat mill-inġinier Liang Rui — stabbilixxa xatbiet tal-imgħalaq tal-kanal biex jirregolaw il-livelli tal-ilma għall-kanal. Skali doppji ġew installati biex id-dgħajjes jiġu olzati meta d-differenza fil-livelli tal-ilma kienet tkun kbira wisq biex jitħaddem il-magħlaq. B'mod simili, sas-sena 600, inġemgħu bosta depożiti fil-qiegħ tal-Kanal ta' Hong, li ostakolaw il-barkuni tax-xmara li kellhom pixka fonda wisq għall-ilmijiet tal-kanal. L-inġinieri ewlieni tad-dinastija Sui, Yuwen Kai, issuġġerixxa t-tħaffir ta' kanal ġdid parallel mal-kanal eżistenti, li kellu jiġi ddevjat minnu f'Chenliu (Yanzhou). Il-kanal il-ġdid kellu jgħaddi mhux minn Xuzhou iżda minn Suzhou, biex jiġi evitat li jiġi kkollegat max-xmara Si, u minflok iservi ta' kollegament dirett max-xmara Huai kemm kemm il-Punent tal-Lag ta' Hongze. Bix-xogħol irreġistrat ta' ħames miljun persuna taħt is-superviżjoni ta' Ma Shumou, l-ewwel sezzjoni ewlenija tal-Kanal il-Kbir tlestiet fis-605 u ġiet imsejħa Bian Qu.

L-Imperatur Wen tad-dinastija Sui, li vara l-proġett tal-Kanal il-Kbir (fuq ix-xellug), flimkien ma' ibnu l-Imperatur Yang tad-dinastija Sui, li temm l-ewwel stadju tal-proġett (fuq il-lemin). Żewġ pitturi ta' Yan Liben.

Il-Kanal il-Kbir tlesta għalkollox mis-604 sas-609 taħt l-Imperatur Yang, l-ewwel billi kkollega l-belt kapitali tiegħu ta' Yangzhou fil-Majjistral ma' Luoyang permezz tal-Kanal ta' Tongji (通濟渠, 通济渠, Tōngjì Qú). Imbagħad ikkollega lil Yangzhou fix-Xlokk ma' Suzhou u ma' Hangzhou permezz tal-Kanal ta' Jiangnan u kkollega lil Luoyang fil-Grigal mal-gwerer tiegħu mal-Korea permezz tal-Kanal ta' Yongji (永濟渠, 永济渠, Yǒngjì Qú). Wara t-tlestija tan-network fis-609, l-Imperatur Yang jingħad li mexxa flotta ta' bastimenti ta' 105 kilometri (65 mil) mit-Tramuntana 'l isfel sal-belt kapitali tiegħu fin-Nofsinhar f'Yangzhou. Dan il-proċess kien jinvolvi wkoll tariffi kbar ta' xogħol ċirkoskritt u ġie spjegat fid-dettall fir-Reġistru tal-Ftuħ tal-Kanal (開河記, 开河记, Kāihéjì).

Dak iż-żmien, il-Kanal il-Kbir baqa' juża kanali artifiċjali mhux kontigwi u mogħdijiet kanalizzati u naturali, iktar minn kanal artifiċjali kontinwu uniku. Madankollu, b'mod parallel mal-mogħdija tal-kanali, kien hemm triq imperjali bi stalel f'intervalli regolari biex tiġi appoġġata sistema rapida ta' kurriera. Tħawwlu wkoll linji ta' siġar tul partijiet mill-kanal bħala paraventi.

Dinastiji Tang sa Yuan

immodifika

Għalkemm il-belt kapitali tad-dinastija Tang (618–907) f'Chang'an kienet l-iżjed metropoli prosperuża taċ-Ċina fl-aqwa tagħha, kienet il-belt ta' Yangzhou — qrib il-Kanal il-Kbir — li kienet iċ-ċentru ekonomiku ta' żmien id-dinastija Tang. Apparti li kienet is-sede tal-monopolju tal-melħ tal-gvern u l-ikbar ċentru tal-produzzjoni industrijali premoderna tal-imperu, Yangzhou kienet ukoll il-punt ċentrali ġeografiku tul l-assi kummerċjali mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, u b'hekk saret iċ-ċentru ewlieni għat-trasport tal-merkanzija min-Nofsinhar għat-Tramuntana. Wieħed mill-ikbar benefiċċji tas-sistema tal-kanali fid-dinastija Tang — u fid-dinastiji sussegwenti — kien li naqqas il-kost tat-trasport tal-qmuħ li kien jinġabar bħala taxxi (caoyun) mid-delta tax-xmara Yangtze sat-Tramuntana taċ-Ċina. Saru żidiet minuri lill-kanal wara l-perjodu tad-dinastija Sui sabiex jitnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar, iżda inġenerali ma kien hemm l-ebda differenza fundamentali bejn il-Kanal il-Kbir tad-dinastija Sui u dak tad-dinastija Tang.

Sas-735, ġie rreġistrat li madwar 149,685,400 kilogramma (165,000 tunnellata) ta' qmuħ kienu jiġu ttrasportati kull sena tul il-kanal. Il-gvern tad-dinastija Tang issorvelja l-effiċjenza tal-magħlaq tal-kanal u bena fosos tal-qmuħ tul ir-rotta f'każ ta' għargħar jew xi diżastru ieħor li setgħu jxekklu l-ġarr tal-merkanzija. Sabiex jiġi żgurat it-trasport bla xkiel tal-qmuħ, il-Kummissarju tat-Trasport Liu Yan (mis-763 sas-779) ordna d-disinn u l-kostruzzjoni ta' barkuni speċjali tax-xmara tajbin għall-fond ta' kull sezzjoni tal-kanal kollu.

Wara r-ribelljoni ta' An Lushan (755–763), l-ekonomija tat-Tramuntana taċ-Ċina qalgħet daqqa ta' ħarta kbira u qatt ma rpiljat minħabba l-gwerer u l-għargħar kostanti tax-Xmara s-Safra. Dan seħħ ukoll fit-858, meta għargħar kbir tul il-Kanal il-Kbir għerreq eluf ta' akri ta' raba' agrikolu u qatel lil għexieren ta' eluf ta' nies fil-Pjanura tat-Tramuntana taċ-Ċina. Avveniment bħal dan seta' jnaqqas il-leġittimità ta' dinastija fit-tmun billi seta' jwassal biex oħrajn iqisuha li kienet tilfet il-Mandat tas-Smewwiet; din kienet raġuni valida biex l-awtoritajiet dinastiċi jieħdu ħsieb il-manutenzjoni tal-kanal biex ikun effiċjenti u jimxi ħarir.

 
L-invenzjoni ta' magħlaq għall-aġġustament tal-livell tal-ilma fis-seklu 10 waslet bħala tweġiba għall-ħtieġa ta' iktar sikurezza għall-ivvjaġġar tal-barkuni tul l-inqas ilmijiet kalmi tal-Kanal il-Kbir.

Il-belt ta' Kaifeng kibret u saret ċentru ewlieni, u iktar 'il quddiem saret il-belt kapitali tad-dinastija Song (960–1279). Għalkemm il-portijiet marittimi internazzjonali tad-dinastiji Tang u Song — l-ikbar kienu Guangzhou u Quanzhou, rispettivament — u l-kummerċ barrani marittimu kattru l-ġid għall-merkanti, kien il-Kanal il-Kbir fi ħdan iċ-Ċina li xpruna l-ikbar ammont ta' attività ekonomika u profitti kummerċjali. Matul żmien id-dinastija Song u l-perjodi iktar bikrin, il-barkuni okkażjonalment kienu jaħbtu u jgħerqu tul is-sezzjoni ta' Shanyang Yundao tal-Kanal il-Kbir huma u jgħaddu l-iskali doppji, u iktar iva milli le kienu jinsterqulhom it-taxxi tal-qmuħ minn ħallelin lokali. Dan wassal biex Qiao Weiyue, Assistent Kummissarju tat-Trasport għal Huainan, ivvinta sistema ta' xatbiet doppji magħrufa bħala l-magħlaq tal-aġġustament tal-livell tal-ilma fid-984. Bis-saħħa ta' din l-invenzjoni l-bastimenti setgħu jistennew fi spazju magħluq bix-xatbiet sakemm l-ilma jitbattal sal-livelli xierqa; iċ-Ċiniżi bnew ukoll ħangars imsaqqfa fuq dan l-ispazju bħala protezzjoni ulterjuri għall-bastimenti.

Il-biċċa l-kbira tal-Kanal il-Kbir iġġarraf għal diversi snin wara l-1128, meta l-gvernatur ta' Kaifeng Du Chong (杜充, Dù Chōng, li miet fl-1141) iddeċieda li jkisser id-digi li kienu qed iżommu l-ilmijiet tax-Xmara s-Safra sabiex jeqred l-invażuri ta' Jurchen li kienu qed javvanzaw matul il-gwerer bejn id-dinastiji Jin–Song. Matul sensiela ta' għargħar, ix-xmara ġiet iddevjata għalkollox fin-Nofsinhar ta' Shandong, qabdet il-mogħdija tax-xmara Si u battlet ix-Xmara s-Safra fil-Lag ta' Hongze u fil-Baħar tal-Lvant taċ-Ċina għal sekli sħaħ. Id-dinastija Jin ta' Jurchen kienet kontinwament f'battalji kontra d-dinastija Song f'dan ir-reġjun. Dawn il-battalji wasslu għad-dilapidazzjoni tal-kanal sal-invażjoni tal-Mongoli fis-seklu 13 li mbagħad bdew it-tiswijiet meħtieġa.

 
L-invenzjoni Ċiniża tas-sistema tal-magħlaq għall-aġġustament tal-livell tal-ilma tal-Kanal il-Kbir wasslet għal titjib fl-ivvjaġġar fuq il-kanal.

Matul id-dinastija Yuan tal-Mongoli (1271–1368), il-belt kapitali taċ-Ċina ġiet ittrasferita lejn Beijing, u b'hekk ġiet eliminata l-ħtieġa għall-fergħa tal-kanal bi flus fil-Punent lejn Kaifeng jew Luoyang. Sezzjoni tħaffret tul il-bażi tal-għoljiet tal-katina muntanjuża ta' Shandong matul is-snin 80 tas-seklu 13, u b'hekk it-tul kumplessiv tal-kanal tqassar b'saħansitra 700 kilometru (430 mil), u b'hekk it-tul totali kien ta' madwar 1,800 kilometru (1,100 mil), u Hangzhou u Beijing ġew ikkollegati permezz ta' mogħdija tal-ilma diretta mit-Tramuntana għan-Nofsinhar għall-ewwel darba. Bħal fi żmien id-dinastiji Song u Jin, il-kanal ġie mitluq matul id-deklin tad-dinastija Yuan.

Bħala infrastruttura, il-Kanal il-Kbir kellu influwenza fuq xogħlijiet arkitettoniċi oħra fil-Punent. Il-Kanal ta' Erie fl-Amerka ta' Fuq huwa ddisinjat u ġie ispirat mill-arkitettura Ċiniża. Bosta raw il-kanal bħala vantaġġ ekonomiku li seta' jġib miegħu prosperità ekonomika. Il-Ġurnali ta' Matteo Ricci jiddeskrivi l-kanal b'dettall kbir u jiddokumentaw il-prosperità ekonomika. Il-magħlaq tal-aġġustament tal-livell tal-ilma huwa wieħed mill-iżjed karatteristiċi notevoli tal-Kanal ta' Erie b'rabta diretta mal-infrastruttura tal-Kanal il-Kbir u jintuża f'korpi tal-ilma simili oħra.

Restawr tad-dinastija Ming

immodifika
 
L-Imperatur Yongle (li rrenja fl-1402–1424) irrestawra l-Kanal il-Kbir fl-era tad-dinastija Ming.

Il-Kanal il-Kbir ġie rinnovat kważi għalkollox bejn l-1411 u l-1415 matul żmien id-dinastija Ming (1368–1644). Maġistrat ta' Jining, Shandong bagħat memorandum lit-tron tal-Imperatur Yongle sabiex jipprotesta kontra l-mezzi mhux effiċjenti għat-trasport ta' 4,000,000 dan (428,000,000 litru) ta' qmuħ fis-sena permezz ta' trasferiment tul diversi xmajjar u kanali differenti f'barkuni skont il-fond tax-xmara Huai, u li mbagħad jerġgħu jiġu ttrasferiti fuq barkuni fondi ladarba l-vjeġġ tal-qmuħ kien ikun wasal fix-Xmara s-Safra. L-inġiniera Ċiniżi bnew diga biex jiddevjaw ix-xmara Wen lejn ix-Xlokk sabiex jalimentaw 60 % tal-ilma tagħha fit-Tramuntana lejn il-Kanal il-Kbir, u l-kumplament fin-Nofsinhar. Huma ħaffru erba' ġibjuni kbar f'Shandong biex jirregolaw il-livelli tal-ilma, u b'hekk setgħu jevitaw l-ippompjar tal-ilma minn sorsi lokali u mill-ilma tal-pjan. Bejn l-1411 u l-1415 total ta' 165,000 ħaddiem ħammlu l-qiegħ tal-kanal f'Shandong u bnew kanali, xtut u mgħalaq ġodda.

L-Imperatur Yongle ttrasferixxa l-belt kapitali tad-dinastija Ming minn Nanjing lejn Beijing fl-1403. B'hekk Nanjing ġiet imċaħħda mill-istatus tagħha bħala ċentru politiku ewlieni taċ-Ċina. Il-ftuħ mill-ġdid tal-Kanal il-Kbir kien ta' benefiċċju wkoll għal Suzhou peress li kienet f'pożizzjoni aħjar tul l-arterja prinċipali tal-Kanal il-Kbir, u b'hekk saret l-ikbar ċentru ekonomiku taċ-Ċina matul żmien id-dinastija Ming. L-uniku kompetitur ieħor vijabbli ta' Suzhou fir-reġjun ta' Jiangnan kienet Hangzhou, iżda kienet tinsab 200 kilometru (120 mil) iktar 'l isfel tul il-Kanal il-Kbir u 'l bogħod mid-delta prinċipali. Saħansitra n-nawfragu Korean Choe Bu (1454–1504) — hu u jivvjaġġa għal ħames xhur fiċ-Ċina kollha fl-1488 — irrikonoxxa li Hangzhou ma kinitx kompetitur iżda alimentatur ekonomiku tas-suq ta' Suzhou u tal-madwar. Għaldaqstant, il-Kanal il-Kbir serva sabiex isaħħaħ jew idgħajjef il-ġid ekonomiku ta' ċerti bliet tul ir-rotta tiegħu u serva bħala arterja ekonomika tal-kummerċ indiġenu fi ħdan iċ-Ċina.

L-istudjuż Gu Yanwu tad-dinastija Qing bikrija (1644–1912) stima li d-dinastija Ming preċedenti kellha timpjega 47,004 ħaddiema full-time rreklutati permezz tas-sistema tal-corvée magħrufa bħala lijia sabiex issir il-manutenzjoni tas-sistema kollha tal-kanal. Huwa magħruf li 121,500 suldat u uffiċjal kienu meħtieġa sempliċement għat-tħaddim tal-11,775 barkun tal-qmuħ tal-gvern f'nofs is-seklu 15.

Apparti l-funzjoni tiegħu bħala rotta tat-trasport tal-qmuħ u bħala arterja ewlenija tal-kummerċ indiġenu fuq ix-xmajjar fiċ-Ċina, il-Kanal il-Kbir kien ilu wkoll jintuża bħala rotta tal-kurriera mħaddma mill-gvern. Fid-dinastija Ming, kien hemm stazzjonijiet tal-kurriera uffiċjali f'intervalli ta' 35 sa 45 kilometru (22 sa 28 mil). Kull stazzjon tal-kurriera ġie assenjat isem differenti u kollha kemm huma ġew popolarizzati permezz tal-kanzunetti tal-ivvjaġġar ta' dak il-perjodu.

Dinastija Qing

immodifika
 
Tpinġija tal-Kanal il-Kbir ta' William Alexander tal-Ambaxxata ta' Macartney fiċ-Ċina tal-1793.

Il-Manchu invadew iċ-Ċina f'nofs is-seklu 17, billi tħallew jgħaddu mill-mogħdijiet muntanjużi tat-Tramuntana mill-ġeneral Ċiniż Wu Sangui ladarba l-belt kapitali tad-dinastija Ming f'Beijing kienet sfat f'idejn armata ribelli. Il-Manchu stabbilew id-dinastija Qing (1644–1912), u taħt it-tmexxija tagħhom, il-Kanal il-Kbir ġie ssorveljat u saritlu l-manutenzjoni meħtieġa bħalma saru fil-perjodi iktar bikrin.

Fl-1855, ix-Xmara s-Safra faret u bidlet il-mogħdija tal-ilma tagħha, u b'hekk qatgħet il-mogħdija tal-ilma tal-kanal f'Shandong. Dan ġie previst minn uffiċjal Ċiniż fl-1447, li rrimarka li l-għargħar tax-Xmara s-Safra setgħu jwasslu biex il-Kanal il-Kbir jitqies bħala griżmejn li faċilment setgħu jiġu fgati (dan wassal biex xi uffiċjali talbu biex il-vjeġġi tal-qmuħ jerġgħu jibdew isiru mill-Baħar tal-Lvant taċ-Ċina). Fl-1855, id-digi tal-kanal infetħu biex jgħerrqu t-truppi tal-Ispedizzjoni tat-Tramuntana tar-Ribelljoni ta' Taiping li kienu qed javvanzaw.

Ċina moderna

immodifika

Minħabba diversi fatturi — id-diffikultà tal-qsim tax-Xmara s-Safra, iż-żieda fl-iżvilupp ta' rotta marittima alternattiva għall-bastimenti tat-trasport tal-qmuħ, u l-ftuħ ta' Linja Ferrovjarja bejn Tianjin u Pukou u ta' Linja Ferrovjarja bejn Beijing u Hankou — l-importanza tal-kanal battiet u għal deċennji sħaħ il-partijiet tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar baqgħu separati. Bosta mis-sezzjonijiet tal-kanal ġew mitluqa, u xi partijiet reġgħu saru għelieqi ċatti. Anke llum il-ġurnata, il-Kanal il-Kbir ma reġax kiseb għalkollox l-importanza li kellu qabel l-għargħar ta' nofs is-seklu 19. Wara l-istabbiliment tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fl-1949, il-ħtiġea għall-iżvilupp ekonomiku wasslet biex l-awtoritajiet jordnaw xogħol kbir ta' rikostruzzjoni.

Il-Kanal il-Kbir kellu rwol ewlieni matul il-Qabża l-Kbir 'Il Quddiem ta' Mao Zedong peress li pprovda mod effiċjenti għat-trasport tal-qmuħ. Ġie rinnovat iktar wara r-Riforma u l-Ftuħ ta' Deng Xiaoping, permezz tat-titjib fil-kundizzjonijiet ekonomiċi li wasslu għal iktar investiment fl-infrastruttura. L-importanza ekonomika tal-kanal x'aktarx li se tkompli. Il-gvernijiet provinċjali ta' Shandong, Jiangsu, u ta' Zhejiang wettqu tħammil bil-ħsieb li jżidu l-kapaċità tat-trasport b'40 % sal-2012. Il-gvern ċentrali wassal biex ir-rotta prinċipali tal-Kanal il-Kbir issir il-mogħdija tal-Lvant tal-Proġett ta' Devjazzjoni tal-Ilma min-Nofsinhar għat-Tramuntana, permezz ta' impjanti enormi tal-ippompjar li ddiriġew l-ilma mill-ġdid mid-delta tax-xmara Yangtze għat-Tramuntana li kienet iktar niexfa.

Il-kanal tniġġes ferm matul l-industrijalizzazzjoni taċ-Ċina. Sas-snin 90 tas-seklu 20, l-ekwipaġġi tal-barkuni tal-kanal kienu jindunaw li waslu qrib Hangzhou minħabba l-intiena tal-ilma iswed li kellhom jgħaddu minnhom. B'mod simili, is-sajjieda fil-Lag ta' Dongping f'Shandong oġġezzjonaw kontra l-introduzzjoni tal-ilma mix-xmara Yangtze bħala parti mill-Proġett ta' Devjazzjoni tal-Ilma min-Nofsinhar għat-Tramuntana meta raw li b'hekk il-ħut kien qed imut u kienu qed jaqbdu inqas ħut. Matul is-seklu 21, saru iktar sforzi biex jittejbu l-kundizzjonijiet ambjentali tul il-kanal. Madwar Hangzhou, pereżempju, fl-2001 inbeda proġett ta' restawr ta' $250 miljun li tejjeb il-kwalità tal-ilma tant li ma għadux jinten u reġa' qed isostni l-għajxien ta' xi fawna.

Fit-22 ta' Ġunju 2014, il-Konferenza tal-UNESCO dwar is-Siti ta' Wirt Dinji niżżlet il-Kanal il-Kbir fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Sezzjonijiet storiċi

immodifika
 
Il-Mawra ta' Spezzjoni tan-Nofsinhar tal-Imperatur Qianlong, is-Sitt Skroll: il-Wasla f'Suzhou tul il-Kanal il-Kbir fl-1770.

Erbatax-il seklu ta' kostruzzjoni fil-kanal li wasslu għall-mogħdija tal-ilma attwali, wasslu wkoll għal għadd ta' sezzjonijiet storiċi tul il-kanal. Uħud minnhom għebu maż-żmien, filwaqt li oħrajn għadhom jeżistu parzjalment, u oħrajn jiffurmaw il-bażi għall-kanal modern. Dawn li ġejjin huma l-iżjed sezzjonijiet importanti iżda mhumiex eżawrjenti.

Kanal ta' Jia

immodifika

Fit-12 Q.K., sabiex tissolva l-problema tal-Kanal il-Kbir li kellu juża 160 kilometru (100 mil) tal-mogħdija perikoluża tax-Xmara s-Safra fit-Tramuntana ta' Jiangsu, raġel jismu Li Hualong ħoloq il-Kanal ta' Jia. Ingħata isem ix-xmara Jia peress li jsegwi l-mogħdija tal-ilma tagħha, u kien twil 140 kilometru (87 mil) minn Xiazhen (illum Weishan) max-xatt tal-Lag ta' Weishan f'Shandong sa Suqian f'Jiangsu. Il-kostruzzjoni tal-Kanal ta' Jia ħalliet biss 100 kilometru (62 mil) ta' navigazzjoni fuq ix-Xmara s-Safra tul il-Kanal il-Kbir, minn Suqian sa Huai'an, li sal-1688 tneħħew permezz tal-kostruzzjoni tal-Kanal Nofsani minn Jin Fu.

Kanal il-Ġdid ta' Nanyang

immodifika

Fl-1566, sabiex jiġu evitati l-problemi tal-għargħar tax-Xmara s-Safra madwar Yutai (issa max-xatt tal-Punent tal-Lag ta' Weishan), infetaħ il-Kanal il-Ġdid ta' Nanyang. Kien estiż għal 75 kilometru (47 mil) minn Nanyang (issa r-raħal ta' Nanyang, fiċ-ċentru tal-Lag ta' Weishan) sal-insedjament iż-żgħir ta' Liucheng (qrib il-villaġġ modern ta' Gaolou, il-Kontea ta' Weishan, Shandong) fit-Tramuntana tal-belt ta' Xuzhou. Din il-bidla fil-fatt ċaqilqet il-Kanal il-Kbir mill-art baxxa li dejjem kienet tkun f'periklu ta' għargħar fil-Punent tal-Lag ta' Weishan lejn art marġinalment iktar għolja fil-Lvant tal-lag. Kien alimentat mill-fluss tax-xmajjar mil-Lvant għall-Punent mill-konfini tal-katina muntanjuża ta' Shandong.

Kanal ta' Huitong

immodifika

Fit-Tramuntana tas-sezzjoni tal-quċċata tal-Kanal ta' Jizhou, il-Kanal ta' Huitong kien estiż għan-niżla, u kien alimentat prinċipalment mix-xmara Wen, biex imbagħad jingħaqad max-xmara Wei fil-belt ta' Linqing. Fl-1289, stħarriġ ġeoloġiku ppreċeda l-kostruzzjoni tiegħu li damet sena. Il-Kanal ta' Huitong, li nbena minn inġinier jismu Ma Zhizhen, kien estiż fuq art b'niżla qawwija u minħabba l-konċentrazzjoni kbira ta' mgħalaq ġie mlaqqam bħala chahe jew zhahe, jiġifieri "ix-xmara tal-imgħalaq". L-għadd kbir ta' fawwariet tal-alimentazzjoni li kellu (bejn mitejn u erba' mija, skont il-metodu tal-għadd u l-istaġun tas-sena) wasslu biex jissejjaħ ukoll bħala l-quanhe jew "ix-xmara tal-fawwariet".

Kanal ta' Jizhou

immodifika

Il-Kanal ta' Jizhou, l-ewwel sezzjoni tassew tal-quċċata tal-Kanal il-Kbir, inbena mill-Oqruqči Mongoli fl-1238 biex jikkollega lil Jining mat-tarf tan-Nofsinhar tal-Kanal ta' Huitong. Kien jitla' sa għoli ta' 42 metru (138 pied) 'il fuq mix-xmara Yangtze, iżda minħabba fatturi ambjentali u tekniċi tħalla bi skarsezzi kroniċi ta' ilma sa ma reġa' nbena fl-1411 minn Song Li tad-dinastija Ming. It-titjib li għamel Song Li, skont ir-rakkomandazzjoni ta' raġel lokali jismu Bai Ying, kien jinkludi l-kostruzzjoni ta' digi max-xmajjar Wen u Guang u l-kostruzzjoni ta' kanali laterali sabiex jalimentaw il-lagi li kienu jservu bħala ġibjuni fil-quċċata nett, f'raħal żgħir jismu Nanwang.

Passaġġ tad-Duka Huan

immodifika

Fit-369 W.K., il-Ġeneral Huan Wen tad-dinastija Jin tal-Lvant ikkollega l-widien baxxi tax-xmara Huai u tax-Xmara s-Safra. Huwa kiseb dan billi għaqqad iż-żewġ tributarji ta' dawn ix-xmajjar, Si u Ji rispettivament, fl-eqreb punt tagħhom, tul korp tal-ilma baxx tal-katina muntanjuża ta' Shandong. Il-kanal primittiv tal-quċċata ta' Huan Wen sar mudell għall-inġiniera tal-Kanal ta' Jizhou.

Kanal ta' Yilou

immodifika

Il-Kanal ta' Shanyang oriġinarjament kien jagħti għax-xmara Yangtze ftit fin-Nofsinhar ta' Yangzhou. Maż-żmien, ix-xatt tat-Tramuntana tax-xmara Yangtze mtliet bid-depożiti u nħolqot il-gżira bir-ramel ta' Guazhou, għaldaqstant sar meħtieġ li d-dgħajjes jaqsmu l-Kanal ta' Jiangnan biex ibaħħru r-rotta t-twila kollha madwar it-tarf tal-Lvant ta' dik il-gżira. Wara qsim partikolarment iebes tax-xmara Yangtze minn Zhenjiang, il-prefett lokali wettaq kanal imħaffer direttament minn naħa għall-oħra ta' Guazhou sabiex inaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar u l-qsim ikun iktar sikur. Il-Kanal ta' Yilou nfetaħ fis-738 u għadu jeżisti, għalkemm mhux bħala partio mir-rotta l-moderna tal-Kanal il-Kbir.

Mogħdija moderna

immodifika
 
Barkuni fil-Kanal il-Kbir modern (is-sezzjoni tal-"Kanal ta' Li") qrib Yangzhou.

Nominalment il-Kanal il-Kbir huwa estiż bejn Beijing u Hangzhou b'tul totali ta' 1,794 kilometru (1,115-il mil); madankollu, is-sezzjoni minn Hangzhou sal-Kontea ta' Liangshan biss attwalment hija navigabbli. Illum il-ġurnata l-mogħdija tal-ilma tiegħu hija maqsuma f'seba' sezzjonijiet. Min-Nofsinhar għat-Tramuntana dawn huma l-Kanal ta' Jiangnan Canal, il-Kanal ta' Li, il-Kanal Intern, il-Kanal Nofsani, il-Kanal ta' Lu, il-Kanal tan-Nofsinhar, il-Kanal tat-Tramuntana u x-xmara Tonghui.

Lag Artifiċjali ta' Lianhu

Il-Lag Artifiċjali ta' "Lianhu" kien jintuża biex jalimenta l-ilma lis-sezzjoni tal-Kanal il-Kbir qrib Jiangnan. Ladarba l-kanal kien artifiċjali, ma kienx hemm biżżejjed fluss tal-ilma naturali biex il-kanal jinżamm b'fond xieraq sabiex il-bastimenti jkunu jistgħu jinnavigaw fuqu. Għalhekk kien jintuża lag artifiċjali biex jalimenta l-ilma lis-sezzjoni ta' Jiangnan tal-Kanal il-Kbir. Dan kien protett mill-gvern permezz tal-irkupru tal-art u kwalunkwe użu tal-ilma tal-lag mingħajr tassazzjoni xierqa kien meqjus bħala illegali. Kellu jiġi protett mill-isfruttament għall-profitt, iżda minħabba li l-gvern inbidel matul is-snin, il-Lag ta' Lianhu sarlu rkupru tal-art kemm-il darba u maż-żmien beda jsir iktar baxx. Il-gvern bidel il-lag biex jagħmel iktar profitt mir-raba' agrikolu u b'hekk kien hemm iktar irkupru tal-art u tisqija agrikola bl-ilma tal-lag. Dan beda jwassal għal nuqqas ta' alimentazzjoni kif suppost għall-Kanal il-Kbir mil-Lag ta' Lianhu. In-nuqqas ta' fond minħabba l-irkupru tal-art u l-għoli tal-kostijiet tal-manutenzjoni wasslu biex il-lag ma jibqax iktar prattiku għall-użu. Minkejja li kien lag artifiċjali xorta waħda kien attrazzjoni mill-isbaħ. Ħafna nies differenti faħħru s-sbuħija tiegħu u nkitbu bosta poeżiji dwar il-lag. Fl-aħħar snin, l-użi rikreattivi tal-lag saru iktar popolari u jaf iwasslu biex il-lag jiġi rrestawrat.

Kanal ta' Jiangnan

immodifika
 
Il-Kanal ta' Jiangnan.

Din is-sezzjoni tal-kanal hija l-iżjed waħda fin-Nofsinhar u hija estiża minn Hangzhou f'Zhejiang, fejn il-kanal jikkollega max-xmara Qiantang, sa Zhenjiang f'Jiangsu, fejn jiltaqa' max-xmara Yangtze. Wara li jitlaq minn Hangzhou lejn it-Tramuntana fid-direzzjoni ta' Beijing, il-kanal jgħaddi madwar il-konfini tal-Lvant tal-Lag ta' Tai, u jgħaddi mill-bliet ewlenin ta' Jiaxing, ta' Suzhou, ta' Wuxi u ta' Changzhou qabel ma jasal f'Zhenjiang.

Il-Kanal ta' Jiangnan (jew in-"Nofsinhar tax-xmara Yangtze") jintuża ferm mit-traffiku tal-barkuni li jittrasportaw il-faħam, il-kontejners u l-materjali tal-kostruzzjoni lejn id-delta li qed tiżviluppa b'rata mgħaġġla. Ġeneralment ikollu wisa' minima ta' 100 metru fiċ-ċentri kkonġestjonati tal-bliet, u sikwit id-doppju jew it-triplu ta' din il-wisa' fil-kampanja tal-madwar. F'dawn l-aħħar snin, tħaffru kanali sekondarji wesgħin madwar il-bliet ewlenin biex jitnaqqsu l-konġestjonijiet tat-traffiku.

Is-sezzjoni ta' Suzhou tal-Kanal ta' Jiangnan tnixxi mill-parti tal-Punent tal-belt. Tinkludi għaxar daħliet tal-belt u iktar minn 20 pont tal-ġebel b'disinn tradizzjonali, kif ukoll żoni storiċi, tempji u paviljuni li ġew ippreservati sew.

Kanal Intern

immodifika
 
Barkuni turistiċi fil-Kanal il-Kbir f'Suzhou.

Il-Kanal Intern huwa estiż bejn ix-xmajjar Yangtze u Huai, u jgħaddi madwar il-Lagi ta' Shaobo, ta' Gaoyou u ta' Hongze ta' Jiangsu ċentrali. Din is-sezzjoni tikkolega l-bliet ta' Huai'an u ta' Yangzhou. Hawnhekk l-art lejn il-Punent tal-kanal hija ogħla mill-qiegħ tal-kanal, filwaqt li l-art lejn il-Lvant hija iktar baxxa. Storikament, ir-reġjun ta' Shanghe fil-Punent tal-kanal kien iktar suxxettibbli għal għargħar frekwenti, filwaqt li r-reġjun ta' Xiahe lejn il-Lvant ġie affettwat inqas mill-għargħar għalkemm il-ftit għargħar li kien hemm ikkawżaw ħsara kbira minħabba li ma ħadmux ix-xatbiet tal-aġġustament tal-livell tal-ilma tal-Kanal il-Kbir. Xogħlijiet reċenti ippermettew l-ilmijiet tal-għargħar minn Shanghe jiġu ddevjati b'mod sikur lejn il-baħar. Bħall-Kanal ta' Jiangnan, il-Kanal Intern jintuża ferm mit-traffiku tal-barkuni li jittrasportaw il-faħam, il-materjali tal-kostruzzjoni u kulma jmur bosta kontejners madwar il-Provinċja ta' Jiangsu.

Kanal Nofsani

immodifika
 
Il-kanal fil-Belt ta' Jining.

Din is-sezzjoni tal-Kanal Nofsani hija estiża minn Huai'an sal-Lag ta' Weishan, u tgħaddi mil-Lag ta' Luoma u ssegwi iktar minn mogħdija waħda tal-ilma, minħabba l-impatt ta' sekli ta' għargħar tax-Xmara s-Safra. Wara Pizhou, mogħdija tal-ilma mit-Tramuntana tgħaddi minn Tai'erzhuang u tidħol fil-Lag ta' Weishan f'Hanzhuang qabel ma tgħaddi lejn Nanyang u Jining (din il-mogħdija tal-ilma hija l-fdal tal-Kanal il-Ġdid ta' Nanyang tal-1566 – ara iktar 'l isfel). Mogħdija tal-ilma min-Nofsinhar tgħaddi qrib Xuzhou u tidħol fil-Lag ta' Weishan qrib Peixian. Din il-mogħdija tal-aħħar tintuża inqas illum il-ġurnata. Il-kanal jintuża mit-traffiku tal-barkuni li jittrasportaw il-faħam u l-materjali tal-kostruzzjoni madwar it-Tramuntana tal-Provinċja ta' Jiangsu.

Kanal ta' Lu

immodifika

Fil-Lag ta' Weishan, iż-żewġ mogħdijiet tal-ilma jidħlu fil-Provinċja ta' Shandong. Minn hemmhekk sa Linqing, il-kanal jissejjaħ il-Kanal ta' Lu jew ta' Shandong. Jaqsam sensiela ta' lagi — Zhaoyang, Dushan u Nanyang — li nominalment jiffurmaw korp tal-ilma kontinwu. Attwalment, minħabba devjazzjonijiet tal-ilma, il-lagi spiss ikunu kważi art niexfa għalkollox. Fit-Tramuntana tal-Lag ta' Nanyang li jinsab l-iktar fit-Tramuntana hemm il-belt ta' Jining. Iktar 'il quddiem, madwar 30 kilometru (19-il mil) fit-Tramuntana ta' Jining, l-ogħla elevazzjoni tal-kanal (38.5 metru jew 126 pied 'il fuq mil-livell tal-baħar) tintlaħaq fir-raħal ta' Nanwang. Fis-snin 50 tas-seklu 20, tħaffer kanal ġdid lejn in-Nofsinhar tas-sezzjoni l-antika fil-quċċata. Din is-sezzjoni issa hija niexfa, filwaqt li l-kanal il-ġdid ma fihx biżżejjed ilma biex ikun navigabbli. Madwar 50 kilometru (31 mil) iktar fit-Tramuntana, qrib il-Lag ta' Dongping, il-kanal jilħaq ix-Xmara s-Safra. Hemmhekk ma jifdallux ilma u għaldaqstant ma għadux jikkollega max-xmara. Jerġa' jfeġġ fil-belt ta' Liaocheng max-xatt tat-Tramuntana, fejn b'mod intermittenti jnixxi minn kanal rinnovat tal-ġebel, u jilħaq il-belt ta' Linqing mal-konfini bejn Shandong u Hebei. Il-Kontea ta' Liangshan hija l-punt tat-Tramuntana tal-kanal għat-traffiku tal-barkuni.

Kanal tan-Nofsinhar

immodifika
 
Is-sezzjoni tal-Kanal ta' Lu u tal-Kanal tan-Nofsinhar.

Il-ħames sezzjoni tal-kanal hija estiża għal distanza ta' 524 kilometru (326 mil) minn Linqing sa Tianjin tul il-mogħdija tal-ilma kanalizzata tax-xmara Wei. Għalkemm hija waħda mill-iżjed sezzjonijiet fit-Tramuntana, isimha ġej mill-pożizzjoni tagħha b'rabta ma' Tianjin. Ix-xmara Wei f'dan il-punt hija mniġġsa ferm, filwaqt li n-nixfa u l-estrazzjoni tal-ilma industrijali wasslu biex ikun baxx wisq għan-navigazzjoni. Il-kanal, issa fil-Provinċja ta' Hebei, jgħaddi mill-bliet ta' Dezhou u ta' Cangzhou. Għalkemm għall-viżitaturi l-kanal jidher bħallikieku huwa mogħdija tal-ilma fonda f'dawn iċ-ċentri tal-bliet, il-fond tiegħu jinżamm bis-saħħa ta' digi u jkun l-iktar fond meta jgħaddi mill-kampanja tal-madwar. F'dan il-punt, il-kanal jingħaqad max-xmara Hai fiċ-ċentru tal-belt ta' Tianjin qabel ma jdur lejn il-Majjistral.

Kanal tat-Tramuntana u x-Xmara Tonghui

immodifika

F'Tianjin, il-kanal jibqa' sejjer lejn il-Majjistral, u għal żmien qasir isegwi l-mogħdija tal-ilma ta' Yongding, tributarja tax-xmara Hai, qabel ma jofroq lejn Tongzhou fit-tarf tal-muniċipalità ta' Beijing. Hemmhekk il-kanal modern jieqaf u nbena Park Kulturali tal-Kanal il-Kbir. Matul id-dinastija Yuan, kanal ieħor tul ix-xmara Tonghui kien jikkollega lil Tongzhou ma' maħżen imsejjaħ Houhai jew "baħar ta' wara" fiċ-ċentru ta' Beijing. Madankollu, matul żmien id-dinastiji Ming u Qing, il-livell tal-ilma fix-xmara Tonghui niżel u l-bastimenti ma setgħux jivvjaġġaw minn Tongzhou sa Beijing. B'hekk Tongzhou saret il-punt tat-Tramuntana tat-trasport fuq il-kanal. Il-merkanzija kienet tinħatt f'Tongzhou u kienet tiġi ttrasportata lejn Beijing bl-art. Ix-xmara Tonghui għadha teżisti bħala kanal wiesa' tal-konkos f'każ ta' maltempati u għad-drenaġġ tas-subborgi ta' Beijing.

Kanal tal-Lvant ta' Zhejiang

immodifika
 
Is-sezzjoni ta' Beiyunhe tal-Kanal il-Kbir.

Il-Kanal tal-Lvant ta' Zhejiang huwa estiż għal 239 kilometru (149 mil) tul il-pjanura kostali fin-Nofsinhar tal-Bajja ta' Hangzhou fit-Tramuntana ta' Zhejiang. Jibda fix-xmara Qiantang f'Xixing, id-Distrett ta' Binjiang, Hangzhou; jaqsam ix-xmara Cao'e f'Shaoxing; u jikkollega x-xmara Yong u l-portijiet tal-Baħar tal-Lvant taċ-Ċina f'Ningbo.

Dan il-kanal bejn Hangzhou–Ningbo beda bħala l-Kanal ta' Shanyin li ġie skavat f'Shaoxing mill-uffiċjali tad-dinastija Yue Fan Li fil-bidu tas-seklu 5 Q.K. matul il-perjodu tar-rebbiegħa u tal-ħarifa taċ-Ċina. Minkejja d-diffikultà biex jiġu kkollegati d-diversi korpi tal-ilma tar-rotta, ir-rotta attwali tlestiet permezz tal-kostruzzjoni tal-Kanal ta' Xixing mill-uffiċjal tad-dinastija Jin He Xun fl-aħħar tas-seklu 3 W.K. Il-kanal kien arterja importanti tat-trasport u tal-provvisti għar-reġjun matul il-perjodi tan-nuqqas ta' unità fiċ-Ċina Medjevali u kien partikolarment prosperuż u vitali matul id-dinastija Song tan-Nofsinhar, li stabbiliet il-belt kapitali tagħha f'Lin'an fejn illum il-ġurnata hemm Hangzhou. Matul id-dinastiji Yuan, Ming u Qing, l-importanza tal-kanal battiet iżda l-kanal baqa' navigabbli sal-iżvilupp tal-linji ferrovjarji u t-toroq fis-sekli 19 u 20. Ir-rinnovazzjoni tal-kanal għall-użu mill-barkuni moderni beda fl-2002 u tlesta għajr għaż-żoni madwar Ningbo fl-2009, u tlesta għalkollox fl-aħħar tal-2013.

F'Novembru 2008, il-Kanal tal-Lvant ta' Zhejiang żdied man-nominazzjoni tal-Kanal il-Kbir bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, u f'Mejju 2013, ġie inkluż uffiċjalment bħala parti mill-Kanal il-Kbir u ġie elenkat fost is-seba' grupp ta' Siti Storiċi u Kulturali Ewlenini Protetti fil-Livell Nazzjonali mill-gvern Ċiniż. Fl-2014, ġie inkluż mal-kanali ta' Beijing–Hangzhou tad-dinastiji Sui u Tang bħala parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Kanal il-Kbir ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2014.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Sezzjonijiet Reġistrati u Komponenti tas-Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO tal-Kanal il-Kbir huwa magħmul minn 31 sezzjoni u minn għadd ta' siti aċċessorji.[1]

Provinċja Prefettura Sezzjoni tal-Mogħdija tal-Ilma Siti sussidjarji
Beijing TH-01 Sezzjoni tal-Kanal ta' Tonghui taċ-Ċentru Storiku ta' Beijing (il-Kanal Antik ta' Yuhe) Magħlaq Superjuri ta' Chengqing, Magħlaq Nofsani ta' Chengqing, Shichahai
TH-02 Sezzjoni ta' Tongzhou tal-Kanal ta' Tonghui
Tianjin BY-01 Sezzjoni ta' Sanchakou tal-Kanal tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar ta' Tianjin
Hebei Cangzhou NY-01 Sezzjoni ta' Cangzhou-Hengshui-Dezhou tal-Kanal tan-Nofsinhar Diga ta' Lianzhen ta' Xiejia, Impjant Kritiku tal-Ħamrija Kkumpattjata ta' Hujiakou
Hengshui
Shandong Dezhou
Liaocheng HT-01 Sezzjoni ta' Lingqing tal-Kanal ta' Huitong Sala tad-Dwana ta' Linqing
HT-02 Sezzjoni ta' Yanggu tal-Kanal ta' Huitong Magħlaq Inferjuri ta' Echeng, Magħlaq Superjuri ta' Echeng, Magħlaq Inferjuri ta' Jingmen, Magħlaq Superjuri ta' Jingmen
Taian HT-03 Kumpless tal-Kontroll tal-Ilma ta' Nanwang u l-Kanal ta' Xiaowen Diga ta' Daicun
Jining Shili Lock, Xujiankou Doumen Ruins, Xingtong Doumen Ruins, Upper Wenyun Canal Zhuanqi Dike, Liulin Lock, Nanwang Water Diversion Point's Dragon King Temple Ruins, Siqianpu Lock
HT-04 Sezzjoni ta' Weishan tal-Kanal ta' Huitong Magħlaq ta' Lijian
Zaozhuang ZH-01 Sezzjoni ta' Tai'erzhuang tal-Kanal ta' Zhongyun (il-Kanal antik tal-Qamar)
Suqian ZH-02 Sezzjoni ta' Suqian tal-Kanal ta' Zhongyun Palazz Temporanju fit-Tempju tar-Re Dragun
Henan Anyang WH-01 Sezzjoni ta' Huaxian-Xunxian tal-Kanal ta' Yongji (il-Kanal ta' Weihe)
Hebi  
WH-02 Sezzjoni tal-Fdalijiet tal-Fosos tal-Qamħ ta' Liyang Fosos tal-Qamħ ta' Liyang
Luoyang TJ-01 Sezzjoni tal-Fdalijiet tal-Fosos tal-Qamħ Nru 160 ta' Hanjia
TJ-02 Sezzjoni tal-Fosos tal-Qamħ ta' Huiluo
Zhengzhou TJ-03 Sezzjoni ta' Zhengzhou tal-Kanal ta' Tongji
Shangqiu TJ-04 Sezzjoni ta' Shanqiu ta' Nanguan tal-Kanal ta' Tongji
TJ-05 Sezzjoni ta' Shanqiu Xiayi tal-Kanal ta' Tongji
Anhui Huaibei TJ-06 Sezzjoni tal-Fdalijiet tal-Kanal ta' Liuzi Fdalijie tal-Pont ta' Liuzi
Suzhou TJ-07 Sezzjoni ta' Sixian tal-Kanal ta' Tongji
Jiangsu Huai'an HY-01 Kumpless tal-Ġestjoni tal-Ilma ta' Qingkuo

Sezzjoni ta' Huai'an tal-Kanal ta' Huaiyang

Magħlaq ta' Shuangjin, Magħlaq ta' Qingjiang, Diga tal-Ġebel tal-Lag ta' Hongze
HY-02 Fdalijiet tas-Sala tal-Ministeru tat-Trasport tal-Ilma
Yangzhou HY-03 Sezzjoni ta' Yangzhou tal-Kanal ta' Huaiyang Magħlaq ta' Liubao, Postazzjoni ta' Yucheng, Diga Antika ta' Shaobo, Imħażen ta' Shaobo, Lag ta' Shouxi, Palazz Temporanju tat-Tempju ta' Tianning, Geyuan, Residenza ta' Wang Lumen, Tempju ta' Yanzong, Residenza ta' Lu Shaoxu
Changzhou JN-01 Sezzjoni tal-Belt ta' Changzhou tal-Kanal ta' Jiangnan
Wuxi JN-02 Sezzjoni tal-Belt ta' Wuxi tal-Kanal ta' Jiangnan Kwartier Storiku tal-Pont ta' Qingming
Suzhou JN-03 Sezzjoni ta' Suzhou tal-Kanal ta' Jiangnan (biċ-Ċiniż: 江南运河苏州段) Panmen, Pont ta' Baodai, Kwartier Storiku ta' Shantang, Kwartier Storiku ta' Pingjiang, Rampa Antika tal-Irmonk tal-Kanal ta' Wujian
Zhejiang Huzhou JN-05 Sezzjoni ta' Nanxun tal-Kanal ta' Jiangnan Belt Antika ta' Nanxun
Jiaxing JN-04 Sezzjoni ta' Jiaxing-Hanzhou tal-Kanal ta' Jiangnan Fdalijiet tal-Magħlaq ta' Chang'an, Pont ta' Changhong
Hangzhou Fdalijiet tad-Daħla tal-Ilma ta' Fengshan, Fosos tal-Qamħ ta' Fuyi, Pont ta' Gongchen, Pont ta' Guangji, Kwartier Storiku ta' Qiaoxi
ZD-01 Sezzjoni ta' Xiaoshan-Shaoxing tal-Kanal Zhedong Fdalijiet tal-Maħżen u taċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni ta' Xixing
Shaoxing Pont ta' Bazi, Kwartier Storiku tal-Pont ta' Bazi, Mogħdija Antika tal-Irmonk ta' Shaoxing
ZD-02 Sezzjoni ta' Shangyu-Yuyao tal-Kanal ta' Zhedong (il-Kanal antik ta' Yuyu)  
Ningbo  
ZD-03 Sezzjoni ta' Ningbo tal-Kanal ta' Zhedongyun
ZD-04 Sezzjoni ta' Ningbo-Sanjiangkou Sala tax-Xirka ta' Qing'an

Elevazzjonijiet

immodifika

Għalkemm nominalment il-kanal jgħaddi mill-korpi tal-ilma ta' ħames sistemi ta' xmajjar, fil-verità l-varjazzjoni bejniethom tant hi baxxa li fih sezzjoni waħda f'elevazzjoni. L-elevazzjoni tal-qiegħ tal-kanal tvarja minn metru taħt il-livell tal-baħar f'Hangzhou għal 38.5 metru fil-quċċata tiegħu. F'Beijing, l-elevazzjoni tal-kanal tilħaq is-27 metru, alimentat minn nixxigħat bi fluss 'l isfel mill-muntanji lejn il-Punent. Il-fluss tal-ilma jnixxi minn Beijing lejn Tianjin, mit-Tramuntana ta' Nanwang lejn Tianjin, min-Nofsinhar ta' Nanwang lejn Yangzhou. Il-livell tal-ilma fil-Kanal ta' Jiangnan jibqa' kemm kemm 'il fuq mil-livell tal-baħar (ix-xifer ta' Zhenjiang huwa 12-il metru ogħla minn dak tax-xmara Yangtze).

Trasport

immodifika
 
Il-Kanal il-Kbir fit-Tramuntana ta' Houhai f'Beijing.

Mid-dinastija Tang sad-dinastija Qing, il-Kanal il-Kbir intuża bħala l-arterja prinċipali bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar taċ-Ċina u kien essenzjali għat-trasport tal-qmuħ lejn Beijing. Għalkemm kien jintuża l-iktar għat-trasport tal-qmuħ, fuqu kienu jiġu ttrasportati prodotti bażiċi oħra u l-kuritur tul il-kanal żviluppa f'mogħdija ekonomika importanti. I-rekords juru li fl-aqwa tiegħu, kull sena iktar minn 8,000 dgħajsa kienu jittrasportaw bejn erba' u sitt miljun dan (240,000–360,000 tunnellata metrika) ta' qmuħ. Il-konvenjenza tat-trasport ippermettiet ukoll lill-mexxejja biex jagħmlu mawriet ta' spezzjoni lejn in-Nofsinhar taċ-Ċina. Fid-dinastija Qing, l-Imperaturi Kangxi u Qianlong għamlu tnax-il mawra lejn in-Nofsinhar, u dejjem ħlief darba waslu sa Hangzhou.

Il-Kanal il-Kbir ippermetta wkoll l-iskambju kulturali u l-integrazzjoni politika bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar taċ-Ċina. Il-kanal ħalla impressjoni distinta fuq uħud mill-viżitaturi Ewropej bikrin taċ-Ċina. Marco Polo rrakkonta dwar il-pontijiet bl-arkati tal-Kanal il-Kbir kif ukoll dwar l-imħażen u l-kummerċ prosperuż tal-bliet fis-seklu 13. Il-missjunarju Kattoliku Ruman famuż Matteo Ricci vvjaġġa minn Nanjing sa Beijing tul il-kanal fl-aħħar tas-seklu 16.

Mill-istabbiliment tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fl-1949, il-kanal intuża primarjament għat-trasport ta' ammonti kbar ta' oġġetti sfużi bħal brikks, żrar, ramel, diżel u faħam. L-imgħalaq ta' Jianbi tul ix-xmara Yangtze attwalment jaġġustaw xi 75,000,000 tunnellata metrika kull sena, u l-Kanal ta' Li huwa previst li jilħaq il-100,000,000 tunnellata metrika fil-ftit snin li ġejjin. Meta nbena għall-ewwel darba, il-kanal intuża bħala sors ewleini tat-trasport, u kien jikkollega t-Tramuntana u n-Nofsinhar taċ-Ċina. Bl-introduzzjoni tal-linji ferrovjarji ta' veloċità għolja u tat-toroq fiċ-Ċina moderna, it-trasport tal-passiġġier tul il-kanal sar ferm inqas komuni.

Attwalment, il-bastimenti jistgħu jivvjaġġaw sa Jining biss. Is-sezzjoni minn Jining sa Beijing mhijiex disponibbli għat-trasport minħabba li nġemgħu d-depożiti mix-Xmara s-Safra u minħabba n-nuqqas ta' sorsi tal-ilma. Hemm pjanijiet fis-seħħ biex jerġa' jkun jista' jsir it-trasport tul il-kanal sa Tai'an.

Proġett tat-Trasferiment tal-Ilma min-Nofsinhar għat-Tramuntana

immodifika
 
Il-punt tat-tluq tar-rotta ċentrali tal-Proġett tat-Trasferiment tal-Ilma min-Nofsinhar għat-Tramuntana f'Nanyang.

Il-Kanal il-Kbir ġie mmodernizzat biex jintuża bħala r-Rotta tal-Lvant tal-Proġett tat-Trasferiment tal-Ilma min-Nofsinhar għat-Tramuntana. Iktar ilma jiġi ppompjat fil-kanal mix-xmara Yangtze f'Jiangdu qrib Yangzhou permezz ta' impjant tal-ippompjar ta' 400 m3/s (14,000 pied kubu/s). Dan l-ilma jerġa' jiġi ppompjat permezz ta' 23 impjant sakemm jasal sal-korp tal-ilma f'Nanwang. Imbagħad, il-fluss tal-ilma jsir bil-gravità, kanal sekondarju jgħaddi l-ilma sal-peniżola ta' Shandong, u l-kanal prinċiopali jaqsam ix-Xmara s-Safra permezz ta' 7.9 kilometri ta' mini u ta' flussi minn rotta mmodifikata għall-ġibjuni f'Tianjin. Il-fluss tal-ilma żejjed ippermetta l-bidu ta' diversi proġetti għall-istabbiliment mill-ġdid tat-trasport tal-merkanzija fil-parti tat-Tramuntana tal-Kanal il-Kbir.

Vjaġġaturi notevoli

immodifika

Fl-1169, biċ-Ċina maqsuma bejn id-dinastija Jin immexxija minn Jurchen fit-Tramuntana u d-dinastija Song tan-Nofsinhar fin-Nofsinhar, l-Imperatur Xiaozong tad-dinastija Song tan-Nofsinhar bagħat delegazzjoni lejn Jurchen biex iwasslu t-tislijiet tiegħu lill-mexxej tagħhom għas-Sena l-Ġdida. Uffiċjal u studjuż jismu Lou Yue, li kien segretarju tad-delegazzjoni, żamm rendikont tal-vjaġġ, li l-biċċa l-kbira minnu sar fuq il-Kanal il-Kbir, u mar-ritorn tiegħu bagħat id-Djarju ta' Vjaġġ lejn it-Tramuntana lill-imperatur.

Fl-1170, il-poeta, il-politiku u l-istoriku Lu You vvjaġġa tul il-Kanal il-Kbir minn Shaoxing sax-xmara Yangtze, u żamm rendikont tal-progress tiegħu f'djarju.

Fl-aħħar tas-seklu 13, Marco Polo vvjaġġa b'mod estensiv fiċ-Ċina u matul il-vjaġġi tiegħu qatta' xi żmien fuq il-Kanal il-Kbir, li dak iż-żmien kien arterja ewlenija għat-trasport tal-ħarir, tal-porċellana u tal-inbid.

Fl-1345, il-vjaġġatur mill-Magreb Ibn Battuta vvjaġġa fiċ-Ċina tul ix-xmara Abe Hayat (il-Kanal il-Kbir) sal-belt kapitali ta' Khanbalik (Beijing).

Fl-1488, l-istudjuż nawfragu Korean Choe Bu vvjaġġa t-tul kollu tal-Kanal il-Kbir fi triqtu minn Zhejiang sa Beijing (u sal-Korea) u ħalla rendikont dettaljat dwar il-vjaġġ tiegħu.

Fl-1600, Matteo Ricci vvjaġġa lejn Beijing minn Nanjing permezz tal-mogħdija tal-ilma tal-Kanal il-Kbir biex jikseb l-appoġġ tal-Imperatur Wanli tad-dinastija Ming bl-għajnuna ta' Wang Zhongde, id-Direttur tal-Bord tar-Riti fil-gvern ċentrali taċ-Ċina ta' dak iż-żmien.

Fl-1793, wara missjoni diplomatika lejn Jehol li ma tatx frott, parti kbira mill-ambaxxata ta' Lord Macartney reġgħet lura lejn id-delta tax-xmara Yangtze permezz tal-Kanal il-Kbir.

Fl-1848, Robert Fortune wasal f'Hang Chow Foo permezz tal-Kanal il-Kbir matul il-vjaġġ tiegħu biex isib il-pjanti tat-te.

Iktar qari

immodifika
  • Chisholm, Hugh, ed. (1911). "China" . Encyclopædia Britannica. Vol. 6 (11th ed.). Cambridge University Press. p. 168.
  • Benn, Charles. (2002). China's Golden Age: Everyday Life in the Tang Dynasty. Oxford University Press. ISBN 0-19-517665-0.
  • Bishop, Kevin (1997). China's Imperial Way. Hong Kong: Odyssey.
  • Bowman, John S. (2000). Columbia Chronologies of Asian History and Culture. New York: Columbia University Press.
  • Brook, Timothy. (1998). The Confusions of Pleasure: Commerce and Culture in Ming China. Berkeley: University of California Press. ISBN 0-520-22154-0
  • Carles, W.R. (1900). The Grand Canal of China. Shanghai: Journal of the North China Branch RAS, Vol. 31, pp. 102–115, volum tal-1896-1897, li fil-fatt ġie ppubblikat fl-1900.
  • Ebrey, Patricia Buckley (1999). The Cambridge Illustrated History of China. Cambridge: Cambridge University Press. ISBN 0-521-66991-X (paperback).
  • Fairbank, John King and Merle Goldman (1992). China: A New History; Second Enlarged Edition (2006). Cambridge: MA; Londra: The Belknap Press of Harvard University Press. ISBN 0-674-01828-1.
  • Gandar, Dominique (1903). Le Canal Imperial: Etude Historique et Descriptive. Shanghai: Imprimerie de la Mission Catholique. Variétés Sinologiques No. 4.
  • Garnett, J.W. (1907). Report by Mr. J.W. Garnett of a Journey through the Provinces of Shantung and Kiangsu. British Parliamentary Papers, China No.1, CD3500. Londra: HMSO.
  • Hinton, Harold C. (1956). The Grain Tribute System of China (1845-1911). Cambridge: Harvard University Press.
  • Liao Pin, ed. (1987). The Grand Canal: An Odyssey. Beijing: Foreign Languages Press.
  • Martin, W.A.P. (1897). A Cycle of Cathay.
  • Needham, Joseph. (1986). Science and Civilization in China: Volume 4, Physics and Physical Technology, Part 3, Civil Engineering and Nautics. Taipei: Caves Books, Ltd. ISBN 0-521-07060-0
  • New China News Ltd. (1984). The Grand Canal of China. Hong Kong: South China Morning Post Ltd.
  • Staunton, George (1797). An Authentic Account of an Embassy ...to the Emperor of China.
  • China's Ancient Lifeline, Mejju 2013, ir-rivista National Geographic.
  • 中国运河, 竞放、杜家驹 主编, 金陵书社 1997年; China's Canal, Jing Fang and Du Jiaju eds, Jinling Book Society, 1997.

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d e f Centre, UNESCO World Heritage. "The Grand Canal". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-10-01.
  2. ^ Needham, Volume 4, Part 3, 307.
  3. ^ Needham, Volume 4, Part 3, 350–352
  4. ^ Needham, Volume 4, Part 3, 308 & 313.
  5. ^ Brook, 40–51.