Ġużeppi De Piro
Ġużeppi De Piro (2 Novemberu 1877 – 17 Settembru 1933) kien saċerdot u l-fundatur tas-Soċjetà Missjunarja ta' San Pawl.
Ġużeppi De Piro | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Mdina, 2 Novembru 1877 |
Nazzjonalità | Kolonja ta' Malta |
Grupp etniku | Maltin |
Mewt | Ħamrun, 17 Settembru 1933 |
Post tad-dfin |
Ċimiterju tal-Addolorata Rabat |
Edukazzjoni | |
Alma mater | Università ta' Malta |
Lingwi | Malti |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
politiku saċerdot Kattoliku |
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Ħajja
immodifikaĠużeppi De Piro twieled fit-2 ta' Novembru 1877, fl-Imdina. Kien is-seba' wieħed fost disat aħwa. Jekk f'dak iż-żmien in-nobbli kienu jqisuha ħaġa dispreġjattiva li jmorru jaħdmu, għalihom jidher li kien aktarx daqshekk ieħor diżonorevoli li jibagħtu lil uliedhom f'xi skola. Għall-familja De Piro, għalkemm waħda ta' barunijiet, il-każ jidher li kien differenti. Wara li ħa l-ewwel edukazzjoni tiegħu fid-dar tal-familja, Ġużeppi għadda għal-Liċeo.
Hemmhekk baqa' sakemm qagħad għall-Matrikola li permezz tagħha daħal l-Universita` Rjali ta' Malta. Wara kors ta' tliet snin fl-Arti u x-Xjenza, hu beda l-istudju għal avukat. Sa minn tfulitu, De Piro kellu namra lejn l-Arti. Ġużeppi, iż-żagħżugħ pittur, kadett u student, kien qiegħed jagħmel l-ewwel sena ta' studju tal-Liġi. Iżda De Piro kien fuq kollox żagħżugħ li kellu l-għeruq tiegħu f'familja fejn kif stqarr l-Arċisqof Pietru Pace, "...ma kienx jara fiha ħlief eżempji ta' ħajja virtuża".
Saċerdozju
immodifikaDe Piro kien imtella' fit-talb u fid-direzzjoni spiritwali. Huwa kien ilu lest għas-sejħa minn meta kien għadu tifel żgħir. Hu nnifsu jesprimi bil-kitba tiegħu: "Fit-8 ta' Mejju 1898 wara novena lill-Verġni ta' Pompei, li fiha jiena tlabtha biex tgħinni nagħraf verament ir-rieda t'Alla għalija, jien ħassejt il-qawwa li niddeċiedi fis-sewwa, ċioè favur is-saċerdozju".
Xejn ma waqqfu milli jsegwi din id-deċiżjoni. De Piro kellu n-nobbiltà xi jħalli. Din kienet tfisser fost l-oħrajn it-titlu nobiljari, ħafna proprjetà mobbli u mmobbli, stil ta' ħajja lussuża u komdu, popolarità fis-soċjetà, stima, awtorità, ħafna faċilitajiet,eċċ. De Piro jgħid ukoll x'għenu biex waslu biex isir saċerdot. Fost il-ħdax ir-raġuni favur is-saċerdozju, hu jippreżenta waħda li tispjega kollox; "ix-xewqa li ningħata kollni kemm jien lil Alla wara li Hu bata tant għad-dnubiet tiegħi". Wara li tkellem ma' ommu dwar id-deċiżjoni tiegħu u ġie mgħarraf l-Arċisqof Pace, saru l-arranġamenti meħtieġa u Ġużeppi mar Ruma biex joqgħod fil-Kulleġġ Capranica u jibda l-Filosofija fl-Università Gregoriana. Ċertament meta ċaħad għal ġid materjali, De Piro ma neħħiex minnu l-krejattività, il-kuraġġ, l-enerġija u d-dedikazzjoni li bihom hu kien diġà qed jidħol għal kull biċċa xogħol. Fil-fatt minn ittra li kiteb lil ommu fil-bidu ta' l-istudju tiegħu, jidher li hu kien ippjana li jagħmel għaxar snin Ruma : wara li jlesti l-kors istituzzjonali kellu l-ħsieb li jkompli l-ispeċjalizzazzjoni fil-Liġi Kanonika. Hawnhekk, iżda, hu importanti li wieħed jirreferi għal korrispondenza oħra li nkitbet bejn Ġużeppi u l-familjari tiegħu. Ħames xhur wara li hu kien beda l-Filosofija, u allura sitt xhur wara li kien kiteb lil ommu dwar il-pjan ta' studju, oħtu Tereżina kitbitlu biex tawguralu s-suċċess fl-istudji li kien qed jagħmel. Ġużeppi kiteb lil ommu u bla tlaqliq qalilha: "Nosserva 'l Teresina biex ma toqgħodx tagħmilli ċerti awguri b'tant serjetà. Hemm awgurju wieħed li naċċetta bil-qalb. Dan hu li jien nagħraf tajjeb ir-rieda ta' Alla, u nagħmilha b'mod perfett. Dan għalija jkun biżżejjed". Wara li ġie ordnat saċerdot f'San Ġwann Latern, fil-15 ta' Marzu 1902, u ġie jagħmel l-ewwel quddiesa solenni tiegħu fil-Katidral tal-Imdina, Ġużeppi De Piro mar lura Ruma biex jispiċċa t-tielet sena Teoloġija. Fi tmiem din is-sena akkademika hu ġie Malta għal żmien qasir ħafna qabel telaq lejn l-Isvizzera għall-kura. It-talb, l-għajn ta' faraġ u l-aqwa akkumpanjament, kif stqarr l-istess De Piro, għenuh biex jegħleb il-mumenti iebsa fejn kien imċaħħad li jmur San Ġużepp u jwettaq il-ħidma ta' missjunarju : "...qalb is-silġ tal-Alpi, u daqshekk 'il bogħod mill-pajjiż fejn ħsibt li npoġġi l-proġetti tiegħi fil-konkret ma kien baqagħli xejn għajr it-talb - l-aqwa kumpanija għalija - u tlabt, tlabt, tlabt." Dam hemm sena u nofs. Fit-2 ta' Marzu 1904 Dun Ġużepp ġie lura Malta.
Il-Qaddej t'Alla żamm kuntatt kontinwu m'ommu permezz tal-ittri. Din tal-aħħar, għalkemm kellha wlied oħra, kellha fiduċja kbira f'binha Ġużeppi u spiss kienet tħoss in-nuqqas tiegħu meta kien barra minn xtutna, okkażjonalment f'Ruma minħabba raġunijiet akkademiċi u fl-iSvizzera għall-kura. Minħabba f'hekk, hu ħa ħsieb li jtaffilha dan id-dispjaċir tagħha b'korrispondenza regolari. Din l-affettività ma setax jgħixha bl-istess mod ma' missieru, li miet fil-bidu tal-1898.
Fil-ministeru
immodifikaFil-Parroċċa tal-Qrendi (1904-1907)
immodifikaMeta De Piro ġie lura Malta mill-iSvizzera, fejn kien ingħata kura, huwa kien saċerdot żagħżugħ ta' 27 sena. Kien mimli proġetti għall-futur. Fl-istess ħin xejn ma eżita li jistenna ftit aktar biex jista' jpoġġihom fil-prattika. Fil-fatt, meta wasal Malta, flok intefa' għax-xogħol hu għażel li jmur joqgħod għal xi żmien fid-dar li l-familja tiegħu kellha fil-Qrendi. Hu hemmhekk mar biex ikompli jieħu saħħtu imma fl-istess ħin ma qagħadx fil-għażż. Ir-reġistri tiegħu tal-quddies juru li kien iqaddes ta' kuljum fil-knisja parrokkjali. Iżda kien kontribut li De Piro almenu kellu l-ħsieb li jagħti hawnhekk kien marbut mal-formazzjoni kontinwata tal-kleru. Huwa kien ġa ra kif għamel biex ikkuntattja s-saċerdoti tal-parroċċi qrib il-Qrendi u ħejja għalihom programm ta' laqgħat li kellhom jitmexxew minn saċerdoti oħrajn speċjalizzati fil-materji magħżula. Kienet biss ħidma ġdida li ngħatatlu li waqqfitu milli jpoġġi dan il-proġett fil-prattika.
Monsinjur u Djaknu tal-Kapitlu Metropolitan ta' Malta (1911-1933)
immodifikaDe Piro kien ipprefera ħidma sempliċi u fqira fl-Istitut ta' San Ġużepp milli jagħmel parti mill-korp diplomatiku tal-Knisja. Biex wasal għal din l-għażla hu niżżel bil-miktub ir-raġunijiet tiegħu. Fl-istqarrijiet ta' De Piro toħroġ l-umiltà safja tiegħu: "Fl-Akkademia donni nkun qegħedt ruħi fil-għoli biex ħaddieħor jarani ħalli lili jerfagħni għal xi pożizzjoni tajba; imma hu tagħlim ċert li Ġesù għandu preferenza għal dawk li jixtiequ jinħbew...diġa' jkun infinitament iżjed milli jistħoqqli jekk nasal biex insir saċerdot."
Din l-istess attitudni baqgħet fih kontinwament. Fil-fatt daqs għaxar snin wara li għamel l-għażla favur San Ġużepp, De Piro kellu quddiemu sfida oħra simili. Mons. Vinċenz Vassallo, li kien id-Djaknu tal-Kapitlu Metropolitan, kien qed jikber fl-età u allura beda' jfittex koadjatur għalih innifsu. Skont ittra miktuba lil De Piro minn Dun Mikiel Anġ Pace, kappillan tal-Arċisqof Pace, kien jidher li l-Eċċellenza tiegħu kien ħaseb fih. F'risposta li kiteb lill-istess Dun Mikiel Anġ, De Piro kien ċar ħafna: "Nitolbok twassal lill-Arċisqof ir-radd ta' ħajr tiegħi talli ħa ħsiebi u ried jgħollini fil-ġieħ. Agħmilli wkoll pjaċir li twassal lill-Arċisqof li l-ġieħ li ser jiġi offert lili ma jgħoddx għalija minħabba x-xogħol li għandi. Ngħid dan biss mingħajr ma noqgħod insemmi raġunijiet oħrajn. Għalhekk, hu impossibli li naċċetta." Lill-Arċisqof hu kitiblu kliem simili. Imma fir-risposta li bagħatlu bil-miktub l-Arċisqof innifsu, jidher aktar u aktar x'kienet l-attitudni ta' De Piro quddiem l-unuri: "Inti qatt ma fittixt la postijiet u lanqas dinjitajiet. Ilqa', għalhekk, minn idejn Alla din il-proposta u aċċettaha bħala att ta' ubbidjenza lejja..."
Dun Ġużeppi De Piro spiċċa biex obda u aċċetta li jkun Monsinjur u wara anki Djaknu.
Segretarju tal-Arċisqof Mawru Caruana (1915-1918)
immodifikaMons. De Piro kien bniedem krejattiv ħafna u enerġetiku biżżejjed biex ipoġġi fil-prattika dak li kien jaħseb fih. Dan kien ġa wrieh fl-ewwel snin tas-saċerdozju tiegħu. Proprju minħabba f'hekk, wieħed ma tantx seta' jimmaġina li meta l-Arċisqof Mawru Caruana ġie Malta, hu kien sejjer jagħżel wieħed raġel li ħadem u bata fl-istess ħin: Ġużeppi De Piro. Hu kien ħa jagħżlu bħala l-ewwel segretarju tiegħu. Il-ħafna volumi ta' korrispondenza li kien hemm tul it-tliet snin ta' segretarjat ta' De Piro (1915-1918) juru biċ-ċar li hu kien bniedem verament tad-dover. Għalkemm barra din il-ħidma hu kien qed iwettaq diversi xogħlijiet oħra, qatt ma kien iħalli bla risposta lil min jiktiblu. Ir-responsabbiltà tiegħu kienet tidher ukoll fil-fatt li regolarment hu żamm kopji ta' materjal importanti.
Il-Formazzjoni tas-Saċerdoti żgħażagħ (1915-)
immodifikaFtit snin wara li De Piro ppjana proġett għall-formazzjoni tas-saċerdoti tal-parroċċi fil-qrib, hu ġie magħżul biex jagħmel parti minn kummissjoni li tieħu ħsieb il-formazzjoni tas-saċerdoti żgħażagħ. Kien żmien l-Ewwel Gwerra Dinjija. L-Arċisqof kien jinnota li meta s-seminaristi kienu jiġu ordnati saċerdoti u joħorġu mis-seminarju biex jibdew il-pastorali tagħhom huma kienu qegħdin isibu ruħhom fi problemi kbar. Mawru Caruana rrealizza li dawn il-qassisin novelli kienu jeħtieġu saċerdoti aktar maturi u ta' eżempju tajjeb li waqt li jakkumpanjawhom f'dik l-esperjenza ġdida għalihom ikunu jistgħu jgħinuhom jgħaddu bil-mod il-mod mill-ħajja tas-seminarju għall-ftuħ tal-appostolat. Fid-19 ta' Lulju 1915, l-Arċisqof ħareġ digriet li fih wera x'kellu f'moħħu. Hu kien sejjer ikun dak prinċipalment responsabbli tal-proġett. Imma fost il-membri msemmija Mons. De Piro kien qiegħed fl-ewwel post.
Rettur tas-Seminarju Maġġuri fl-Imdina(1918-1920)
immodifikaFit-30 ta' Settembru 1918 l-Arċisqof Caruana għażel u nnomina lil De Piro biex ikun Rettur tas-Seminarju Maġġuri fl-Imdina. Il-kliem tan-nomina hu ċar ħafna: "Aħna nafu tajjeb kemm int bniedem ta' skola, ta' ħajja tajba, u ta' tant merti fid-Djoċesi, speċjalment fl-uffiċju tiegħek ta' Segretarju Ġenerali tagħna : uffiċju li inti qdejtu billi għoġobt, mhux biss lilna, imma wkoll lil dawk kollha li kellhom bżonn tas-servizz tiegħek. Għalhekk lilek,...Dun Ġużepp...nagħżluk u tas-servizz tiegħek. Għalhekk lilek,...Dun Ġużepp...nagħżluk u ninnominawk Rettur tas-Seminarju Maġġuri ta' San Pawl fl-Imdina".
Wara li kien ilu sentejn Rettur tas-Seminarju, fis-27 ta' Awissu 1920, hu talab lill-Arċisqof biex jekk dan ma kienx jaħsibha mod ieħor, lilu jserrħu mill-uffiċċju ta' Rettur. Iżda a parti din it-talba, ir-Rettur bagħat lill-Arċisqof relazzjoni ta' ħdax-il paġna. Fiha hu jagħti rapport dwar id-diversi aspetti tal-ħajja tas-Seminarju Maġġuri. Waqt li għamel hekk, lilna kompla jtina ħliel dwar il-persuna tiegħu nnifsu. Kien żmien diffiċli u ta' ħafna taħbit, iżda De Piro wera li jrid jagħmel impenn f'ħajtu u f'xogħlu. Wara il-ħidmiet kbar ta' De Piro, huwa ġie ppreżentat fost l-oħrajn bħala membru ta' l-Assemblea Nazzjonali li fl-1919 bdiet taħdem għat-tifsil ta' Kostituzzjoni adegwata għal Malta. F'din l-istess sena, ta sehmu fil-kisba tal-paċi waqt il-kwistjoni tas-Sette Giugno. Għalkemm De Piro kien ikun xi drabi fiżikament assenti mis-Seminarju, hu wera li kien b'għajnejh miftuħin "għall-ispirtu rivoluzzjonarju mifrux mad-dinja kollha u li daħal xi ftit anke fis-Seminarju."
Il-Gudja flok il-Kappillan (1922)
immodifikaMinħabba tilwima bejn żewġ fratellanzi dwar statwa, il-Vigarju Kurat Dun Nikol Aquilina kellu jitlaq mill-parroċċa qisu maħrub. Il-paroċċa sfat magħluqa. Kien hemm saħansitra il-kawża l-Qorti. L-Arċisqof għamel xahar sħiħ jipprova jsib min jista' jieħu r-responsabbiltà tal-parroċċa. Ċertament f'din is-sitwazzjoni ħadd ma nstab li jista' jmexxi. Proprju minħabba f'hekk, l-Arċisqof ftakar f'Mons. De Piro. Dan is-saċerdot, sentejn qabel, kien talab li jitnaqqaslu x-xogħol fid-Djoċesi speċifikament biex jista' jingħata aktar għas-Soċjetà li kien waqqaf fl-1910. Issa meta l-Arċisqof kien qed jurih xewqtu dwar il-Gudja, għalkemm ir-responsabbiltajiet mhux naqsu kienu iżda żdiedu, hu mhux talli ma rrifjutax imma mar immedjatament u miegħu ħa tnejn mill-ftit membri tas-Soċjetà tiegħu. De Piro ta kull għajnuna lil Dun Nikol Abdilla, il-kappillan il-ġdid. Malli l-qagħda rranġat xi ftit, De Piro telaq mingħajr ebda pretensjoni. Ħidmietu f'dik il-parroċċa kienet lesta.
“ Niġi warajk kull fejn tmur. ”
—Monsinjur Ġużeppi De Piro
Ministru tal-Kelma u tas-Sagramenti
immodifikaB'dak li ġa ngħad u dak li għad irid jissemma, wieħed jasal jikkonkludi li Mons. De Piro altru li kien qiegħed jagħti s-sehem mistenni minnu. Fl-istess ħin, il-Qaddej ta' Alla jidher li kien iħoss li ma kienx ikun jgħin biżżejjed il-vokazzjoni saċerdotali tiegħu jekk ma jħaddimx il-ministeru tal-predikazzjoni. Għad irridu ngħidu li hu pprova jgħix b'mod sħiħ il-mandat ta' Ġesù Kristu :"Morru fid-dinja kollha, xandru l-bxara t-tajba."
Fiż-żmien meta kien għadu seminarista, De Piro ma tantx kien juri li kien sejjer ikun kapaċi jippriedka. Kien ibati minn infjammazzjoni fi griżmejh li barra li kienet qed tikkaġunalu l-uġigħ kienet qed toħloqlu diffikultajiet biex jitkellem. Għalkemm biż-żmien hu ħeles minn din il-marda, meta kien il-Qrendi bħala saċerdot novell hu kien għadu jbati l-konsegwenzi tat-T.B Kien għadu jibża' jaċċetta l-offerta li kien jagħmillu Mons. Debono, id-Direttur tal-Opra tal-Missjoni, biex jingħata għall-predikazzjoni fil-parroċċi ta' Malta. Madankollu meta għadda ftit żmien hu rebaħ din il-biża' u, għalkemm mhux ma' Mons. Debono, daħal b'dedikazzjoni għal dan l-appostolat.
F'ħajtu De Piro għamel ħiltu biex xogħlu ikun dejjem eżatt u organizat. Fil-fatt, fl-Arkivji tas-Soċjetà għad hemm merfugħin prietki li hu kien jikteb, diversi drabi mill-bidu sal-aħħar, qabel jgħaddihom lill-udjenza. Għad hemm sal-lum it-total ta' mitejn u tnax, iżda li wħud mill-kitbiet mhumiex kompluti; juru li magħhom kien hemm aktar materjal. Oħrajn jagħmlu referenza għal xi waħda li tkun ġa saret imma li fil-fatt illum ma tinsabx mal-kollezzjoni. Huwa kien jerfagħhom klassifikati ġo files, priniċipalment skont il-kwalità tagħhom. Fuq quddiem tal-prietka, mhux darba u tnejn kiteb lil min kien ser jagħmilha jew anki jiddedika, fejn, meta u lil min. Għalkemm meta jipprietka hu kien juża l-Malti, il-preparazjoni miktuba kienet issir bit-Taljan, il-lingwa l-aktar faċli għal De Piro. Ġeneralment dawn il-prietki kienu jkunu marbutin sew mal-liturġija tal-Ħadd kif ukoll mal-eżerċizzi tar-Randan. Ġieli kien mitlub li jipprietka f'okkażjonijiet aktar speċjali u solenni bħalma kienu l-Kungress Ewkaristiku tal-1913, iċ-ċentinarju ta' San Franġisk t'Assisi jew Sant'Antnin ta' Padova. Peress li l-Qaddej t'Alla għex is-saċerdozju tiegħu fiż-żmien meta l-Papiet kienu qed jimbuttaw id-devozzjoni lejn il-Qalb ta' Ġesù, De Piro ħass il-ħtieġa li jipprietka din l-istess devozzjoni. Fil-fatt għandna xejn inqas minn tlettax-il prietka dwar il-Qalb Imqaddsa.
Għal dik li hi amministrazzjoni ta' sagramenti, wieħed ma tantx jista' jistenna li jsib dokumenti. Madankollu, xi intervisti li saru fis-snin sittin u sebgħin minn membri tas-Soċjetà lil nies li kienu jafu lil De Piro, jagħtu xi indikazzjonijiet. Skont kitba minnhom: "Għall-qrar hu kien imfittex ħafna, u kien jgħaddi s-sigħat fil-konfessjonarju".
Ċittadin li ħabb lil pajjiżu
immodifikaĠa ngħad li wara li Mons. De Piro ġie magħżul Rettur tas-Seminarju Maġġuri ta' Malta u beda' għaddej iż-żmien, hu beda jħoss li ma kienx possibbli għalih li jwettaq dik ir-responsabbiltà sewwa waqt li jibqa' jmexxi d-diversi ħidmiet li kellu f'dak l-istess żmien. Fit-talba tal-eżonerazzjoni li hu għamel lill-Arċisqof fis-27 ta' Awwissu 1920, hu jsemmi: "...l-Istitut għall-Missjonijiet Barranin." Imma minn barra s-Soċjetà reliġjuża-missjunarja li hu kien waqqaf u li kien qed jidderieġi, kellu ħafna ħidmiet oħrajn. Fost dawn semmejna s-sehem li ta fil-ħajja politika ta' pajjiżna.
Membru tal-Assemblea Nazzjonali (1918-1921)
immodifikaFit-23 ta' Novembru 1918, it-Tabib Sir Filippo Sceberras ħa f'idejh l-organizzazzjoni li kellha tieħu ħsieb dak kollu li kien meħtieġ biex Malta tasal ikollha Kostituzzjoni. It-Tabib Sceberras ma riedx li biċċa xogħol bħal din tiġi f'idejn il-politiċi. Allura huwa għamel sejħa lil kull assoċċjazzjoni ta' Malta u Għawdex biex huma jibagħtu r-rappreżentanti tagħhom. Fost l-erba' Monsinjuri li dehru għall-Kapitlu tal-Katidral ta' Malta, kien hemm Mons. De Piro.
L-Assemblea Nazzjonali li sejjaħ Sceberras, iltaqgħet ħames darbiet bejn il-25 ta' Frar 1919 u s-27 ta' Marzu, 1921. Imma fis-7 ta' Ġunju 1919, il-membri tal-Assemblea, li kienu jgħoddu mitejn u sebgħin, iddeċidew li jintgħażel rappreżentant wieħed għal kull sezzjoni importanti u dawn jiffurmaw Kummissjoni Ċentrali, dejjem għat-tifsil tal-Kostituzzjoni. Il-membri li ntgħażlu kienu ħmistax biss. Fost dawn kien hemm mill-ġdid Mons. De Piro biex jirrappreżenta l-Kapitlu tal-Kattidral ta' Malta, u fl-aħħar mill-aħħar lill-kleru kollu ta' pajjiżna.
Din il-Kummissjoni ltaqgħet erbatax-il darba. Ovvjament bħalma jiġri f'laqgħat bħal dawn, il-ħin ma kien ifisser xejn għax dawn is-seduti kienu jieħdu fit-tul. Iżda l-impenn ta' De Piro ma jitfissirx biss mill-fatt li hu kien jattendi regolarment kemm għal-laqgħat tal-Assemblea kif ukoll għal dawk tal-Kummissjoni Ċentrali. La kien qiegħed jirrappreżenta l-Kapitlu tal-Kattidral, allura qabel il-laqgħat imsemmija kien jeħtieġlu li jiltaqa' mal-Monsinjuri ħalli magħhom jara x'kellu jingħad lill-Assemblea jew lill-Kummissjoni. Wara l-laqgħat ta' dawn tal-aħħar, kien ċertament jerġa' jiltaqa' mal-Kapitulari biex jaġġornahom. Ma' dawn ċertament kien irid jagħmel ħafna riċerki waħdu. Meta twaqqfet is-Sotto Kummissjoni biex tistudja speċifikament ir-Reliġjon fil-Kostituzzjoni, għalkemm De Piro ma kienx membru, hu ħa ħsieb li jwassal il-proposti tal-Kapitlu tal-Kattidral u ressaqhom b'dik il-ħeġġa kollha li ma kinitx għajr il-prodott ta' twemmin sħiħ. Mill-ġdid dan kollu kien ifisser ħafna sigħat ta' xogħol fil-moħbi.
Strument ta' paċi fil-ġrajja tas-7 ta' Ġunju (1919)
immodifikaIżda dawn il-laqgħat kollha, bil-preparazzjoni għalihom u kultant b'laqgħat oħra mal-Kapitlu li hu kien jirrappreżenta, ma kinux kollox. Proprju waqt il-laqgħa tas-7 ta' Ġunju, it-tieni waħda tal-Assemblea, daħlet bħal feles l-istorja iebsa u delikata tas-Sette Giugno. Xi uħud mill-Maltin, miġbura fil-Belt Valletta, telgħu fis-Sala tal-Giovane Malta u xtaqu li l-mitejn u sebgħin membru tal-Assemblea jintervjenu għalihom quddiem il-Gvern Ingliż. Dan, iżda, ma seħħx."Bi ftit ta' diffikultà", jgħid il-Konti Caruana Gatto, "ġiet iffurmata delegazzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-membri fittxew okkażjoni biex iwarrbu minn dak iċ-Ċirkolu". De Piro ma kienx minn dawn tal-aħħar. Flimkien mal-Avukat A. Caruana Gatto nnifsu, l-Avukat Serafin Vella, Dun Nerik Dandria, il-Kunsillier G. Vassallo u Salvu Zammit Hammet, De Piro ħabrek bla waqfien u għal tlett ijiem sħaħ, biex jinkisbu xi drittijiet li għalihom kienu qed jiġġieldu l-Maltin... u fuq kollox il-paċi. Meta, wara dawn il-ġrajjiet twaqqfet Kummissjoni ta' Inkjesta biex tisma' x-xhieda, De Piro kien wieħed minn dawk li ta l-informazzjoni li kellu. Kien attent li jgħid biss id-dritt u s-sewwa. La ried ixaqleb lejn l-Ingliżi u lanqas lejn il-Maltin. Barra minn hekk, meta x-xhieda kienet tinvolvi persuni, hu qagħad attent li ma jgħid l-ebda kelma żejda. Anke meta dan kien jinvolvi xi inġustizzja li saret lilu personalment, hu pprefera li jbatiha u jaħbiha ġo fih bla ma jxandarha. Meta, imbagħad, twaqqaf il-Kumitat "Pro Maltesi Morti il 7 e 8 giugno" biex jgħin lill-familji tal-vittmi, De Piro reġa' ta l-kontribut tiegħu, din id-darba bħala kaxxier.
Strument ta' paċi bejn Lord Strickland u l-Knisja (1930)
immodifikaLa l-kisba tal-Kostituzzjoni tal-1921 u lanqas l-ikkalmar tal-kwistjonijiet tas-Sette Giugno ma kienu t-tmiem tas-sehem li De Piro ta fil-ħajja politika ta' Malta. F'inqas minn għaxar snin wara dawn il-ġrajjiet huwa kellu jerġa' jidħol f'dik li Mons. Dandria qies il-gwerra bħala l-iżjed ħaġa ħarxa li qatt inqalgħet kontra l-Knisja u l-Kleru. Din waslet ħafna problemi kif ukoll mistoqsijiet, il-kwistjoni bejn Lord Strickland u l-Knisja.
Meta fl-1927 Strickland, il-mexxej tal-Partit Kostituzzjonali, ħa l-gvern f'idejh, huwa beda juri d-disapprovazzjoni tiegħu għall-fatt li fl-Assemblea Leġislattiva ta' Malta kien hemm il-qassisin. Fl-1928 din il-kwistjoni ħraxet aktar għax iż-żewġ saċerdoti li kien hemm fl-Assemblea vvutaw kontra l-budget li ressaq Strickland, u allura ma għaddiex. It-tensjoni bejn iż-żewġ naħat kompliet tibker. Wara ħafna problemi u inkwiet, reġa' daħal De Piro. Huwa kien l-bniedem li kiseb il-paċi bejn iż-żewġ naħat. Għalkemm għadda ż-żmien, dan il-kontribut favur il-paċi baqa' mfakkar. Fil-fatt, tliet snin wara l-ġrajjiet infushom u propjru jumejn wara l-mewt tal-Qaddej t'Alla, waħda mill-gazzetti Maltin dehrilha li għandha tfakkru billi tirreferi għas-sehem f'dawn is-seħħiet. Iċ-ċertifikat tagħtulu proprju l-gazzetta tal-partit ta' Strickland: "Fi żmien li m'ilux wisq li għadda, kien hawn okkażjoni magħrufa li fiha Mons. De Piro kellu sehem sewwa u ta' ġid għal Malta. Hu ta s-sehem siewi tiegħu fil-qasam politiku, b'ħidma li bilkemm qatt dehret fil-beraħ. Fil-fatt, kien prinċipalment bil-ħila, ħidma u tattika tiegħu li t-tilwima politika u reliġjuża waslet biex waqfet... bil-ħila tiegħu, ir-relazzjonijiet bejn Knisja u Stat reġgħu ġew għall-istat tradizzjonali tagħhom: jiġifieri għal stat ta' paċi u kollaborazzjoni sinċiera. Ħadd daqsu ma kien tant adattat għal dik il-biċċa xogħol iebsa. Ħadd ma kien igawdi iżjed minnu l-fiduċja taż-żewġ naħat. Ħadd iżjed minnu ma kellu l-kwalitajiet meħtieġa biex jieħu f'idejh missjoni tant delikata. Żgur li ħadd ma kien hemm kapaċi iżjed minnu biex iwassal dik it-tilwima għal konklużjoni li ferrħitna."
Senatur fit-Tielet Parlament Malti (1932-33)
immodifikaMinkejja l-oppożizzjoni ta' Strickland għall-preżenza tal-kleru fil-Parlament, meta fl-1932 reġgħet ingħatat il-kostituzzjoni lil Malta, l-Arċisqof Mawru Caruana xorta nnomina żewġ saċerdoti biex ikunu membri tas-Senat fit-Tielet Parlament. De Piro kien wieħed minnhom. Id-Daily Malta Chronicle qalet x'kien li ħajjar lil De Piro biex jaċċetta dan ix-xogħol meta diġà kellu tant responsabiltajiet: "Għal ftit iżjed minn sena, minn mindu nfetaħ il-Parlament preżenti, Mons. De Piro tgħabba b'ħidma oħra mal-ħafna li kellu. Hu ntgħażel bħala wieħed mir-rappreżentanti tal-Arċisqof fis-Senat. Aħna nħossu li għandna niġġudikaw li hu aċċetta li jidħol għal dik il-ħidma għaliex ra li dak kien dmir tiegħu u għaliex qatt ma fittex dak li jaqbillu. Is-sens tad-dmir u d-dedikazzjoni għall-oħrajn, fil-karattru tiegħu, dejjem inħassu li kienu qabel kull ħaġa oħra. Hu tqabad dejjem mingħajr qatt ma daħal fit-tilwim ta' bejn partit u ieħor."
Għalkemm kien regolari fl-attendenza tiegħu, De Piro tkellem darba waħda biss, fil-21 ta' Frar 1933. Quddiem is-Senat kien hemm każ ta' difiża tal-moralità pubblika. "Sur President, jiddispjaċini ħafna li kwistjoni ta' moralità li kulħadd imissu jorbotha ma' qalbu u li fiha kien imiss li lkoll kemm aħna nimxu id f'id, ġiet imkaxkra fil-kamp tal-politika... dwar dak li jmiss lill-moralità, inħoss li l-mozzjoni li llum għandna quddiemna tagħtini l-possibiltà, u turini li jien fid-dmir li niftaħ fommi. Jiddispjaċini li jkolli niftaħ fommi għall-ewwel darba, f'din l-Awla proprju dwar din il-materja. Irrid infisser lill-Onorevoli Membri ta' dan is-Senat ix-xewqa kbira tiegħi li nara jitbiegħed mill-gżira tagħna kull tiġrib ta' immoralità. Imissna naħsbu, mhux biss għall-imsejkna tfajliet tagħna, imma wkoll għall-ġuvintur. Il-ħsieb tagħna għandu jkun li ntellgħuhom b'saħħithom moralment u fiżikament sabiex, 'il quddiem, ikollhom ħila jitqabdu t-taqbida tal-ħajja li lkoll irridu ngħaddu minnha".
Missier l-iltiema u l-foqra
immodifikaDirettur tal-Istitut Fra Diegu (1907-1933)
immodifikaFra Diegu Bonanno, tal-Franġiskani Minuri, fl-1860, beda jiġbor madwaru dawk it-tfajliet li minħabba diversi raġunijiet kienu jispiċċaw fit-toroq ta' Malta u jitilfu ġieħhom. Il-bidu ta' din l-inizjattiva kien fqir għall-aħħar imma aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, l-opra aktar bdiet tikber. Iżda s-snin wasslu wkoll lil Fra Diegu fit-tmiem ta' ħajtu. Hu miet fl-4 ta' Mejju 1902. Sħabu l-Franġiskani għamlu xi żmien jieħdu ħsieb dak l-Istitut imma wara ftit kellhom iħalluh. Fil-fatt huma għaddewh lid-Djoċesi fit-2 ta' Awwissu 1907. L-Arċisqof Pietru Pace talab il-parir ta' Dun Ġorġ Buġeja, ta' San Ġużepp, dwar min seta' jieħu post Fra Diegu Bonanno fit-tmexxija tal-Istitut. Buġeja ma setax jissuġġerixxi għajr lil Dun Ġużepp De Piro. L-Arċisqof ta kas ta' dan il-parir, tant li nnomina lill-Qaddej t'Alla bħala d-Direttur tal-Istitut Fra Diegu. Mons. Pace kien intebaħ li Dun Ġużeppi De Piro kien saċerdot "...twajjeb, ħabrieki, għaqli, imħeġġeġ, attiv..."
Direttur tal-Istitut ta' San Ġużepp f'Santa Venera (1922-1933)
immodifikaIngħad li wara li kien ilu sentejn Rettur tas-Seminarju Maġġuri fl-Imdina, De Piro talab biex jieqaf minn din il-ħidma. Xtaq li jingħata aktar għas-Soċjetà reliġjuża-missjunarja li kien għadu kif waqqaf ftit sin qabel. Minkejja li l-Arċisqof kien laqa' din it-talba tal-Qaddej t'Alla, sentejn wara, l-Eċċellenza tiegħu ppreżenta lil De Piro Istitut ieħor, dak ta' San Ġużepp, f'Santa Venera. Riedu jgħaddu ħmistax-il sena sabiex De Piro ġie magħżul għat-tmexxija ta' San Ġużepp.
Direttur tal-Istitut ta' Ġesù Nazzarenu, Żejtun (1922-1933)
immodifikaFl-istess sena li ngħata San Ġużepp, hu ġie mgħobbi bir-responsabbiltà tal-Istitut Ġesù Nazzarenu fiż-Żejtun. Il-kuntatti ma' Ġużeppina Curmi, il-fundatriċi, kienu ilhom li nbdew. Fl-1922 Madre Curmi xtaqet li De Piro jaċċetta li jkun Direttur tal-Istitut li issa kien qiegħed fid-dar tal-Markiż Testaferrata Bonniċi, dejjem fiż-Żejtun. Il-Monsinjur jiktiblu hekk lill-Arċisqof Caruana: "Dik id-darba, jien ma aċċettajtx ħlief wara li ġejt mitlub mill-Eċċellenza tiegħek."
Billi n-numru tat-tfal kien kulma jmur jikber, Curmi ħasset il-bżonn li tibni Istitut aħjar. Fil-fatt, wara li ssellfet xi flus hi xtrat biċċa art ħdejn San Girgor u fl-1925 bdiet tibni. Malli tqegħdet l-ewwel ġebla, De Piro, għalkemm mgħobbi b'tant ħidmiet oħra, tgħabba b'ħafna xogħol materjali b'risq dak l-Istitut. Kien hu responsabbli għall-bini. Fis-16 ta' Lulju 1930 saret l-inawgurazzjoni tal-ewwel biċċa mill-bini. Id-diskors li għamel De Piro f'din l-okkażjoni jitkellem waħdu dwar id-Direttur: "Minn dik il-ġurnata li l-barka tas-sema niżlet, bil-ministeru tal-Eċċellenza Tiegħek, fuq l-ewwel ġebla, għaddew fuq ħames snin. Kienu ħames snin miżgħuda bi qtigħ il-qalb u b'faraġ... Inbeda x-xogħol ta' dan il-bini kbir, li għadu ma ntemmx għalkollox. Dak iż-żmien li bdejna, ir-reġistri kienu juru li ma kellna xejn f'idejna. Minkejja dan, konna bdejna b'rieda qawwija." De Piro żied jgħid li l-ispiża kellha taqbeż l-4,000 lira.
Direttur tal-Istitut San Ġużepp, Għajnsielem, Għawdex (1925-1933)
immodifikaMeta Mons. Mikiel Gonzi bħala Isqof t'Għawdex, bl-għajnuna tal-kappillani ta' din id-Djoċesi, għażel lil De Piro biex jibda u jmexxi l-Istitut il-ġdid ta' San Ġużepp f'Għajnsielem, hu ħareġ digriet li barra li kien id-dokument tal-erezzjoni, kien ukoll ċertifikat sabiħ għall-Qaddej t'Alla. Fih hu jippreżentah bħala "bniedem dehen ta' tifħir", li għandu "idejn imħarrġin bl-esperjenza", u bniedem "imfaħħar". Wara li l-Isqof Gonzi u l-kappillani t'Għawdex kienu ddeċidew li jibdew Istitut għat-tfal subien f'Għawdex, l-Isqof Gonzi ta l-approvazzjoni tiegħu. Għamel ukoll l-Istatut. Meta bdew ifittxu lil min ser jipproponu bħala Direttur, u ġie aċċettat De Piro, dan tal-aħħar sab id-diffikultajiet. Waħda mill-problemi kienet li Mons. De Piro deherlu li jekk kien sejjer jintgħażel bħala Direttur, hu kellu jkollu ċerta awtonomija u libertà fit-tmexxija. Aktar minn hekk, iżda, hu ma setax jaċċetta li l-Istatuti jillimitaw in-numru ta' tfal fl-Istitut; ried li jkun hemm fiduċja sħiħa fil-Providenza.
Fundatur tas-Soċjetà Missjunarja ta' San Pawl
immodifikaMewt
immodifikaWara il-ħidmiet kollha li De Piro kien għamel fosthom Direttur tal-Istitut Fra Diegu (1907-1933), Direttur tal-Istitut ta' San Ġużepp f'Santa Venera (1922-1933), Direttur tal-Istitut ta' Ġesù Nazzarenu, Żejtun (1922-1933) u Direttur tal-Istitut San Ġużepp, Għajnsielem, Għawdex (1925-1933), u sar il-Fundatur tas-Soċjeta' Missjunarju ta' San Pawl, il-Qaddej ta' Alla miet ta' malajr fis-17 ta' Settembru 1933 wara li ħassu ħażin fuq l-artal tal-Knisja ta' San Gejtanu waqt il-Barka Sagramentali. Dan ġara wara li kien mexxa l-purċissjoni tad-Duluri, fil-Ħamrun.
Is-Soċjeta' llum
immodifikaIżda De Piro ma mietx. Dak li ħejja fil-passat huwa l-frott ta' dak li qed twettaq is-Soċjeta'. Is-Soċjeta' baqgħet tikber f'artijiet barranin. Wara Malta u l-Etjopja, is-Soċjeta' kompliet tisseddaq fl-Awstralja (1948), fil-Kanada (1959), fil-Perù (1968), fl-Istati Uniti (1973), fil-Pakistan (1981), fl-Italja (1998) u fil-Filippini (1999).
Referenzi
immodifika- Fr Tony Sciberras MSSP, "Il-Qaddej ta' Alla Ġużeppi De Piro" (2002)