Ġnien Persjan
Il-Ġnien Persjan jew il-Ġnien Iranjan (bil-Persjan: باغ ایرانی) jirrappreżenta t-tradizzjoni u l-istil tad-disinn tal-ġonna "pajsaġġistiċi" li feġġew matul l-Imperu Akemenid fl-Iran. Il-ġnien qisu ġenna, li huwa eżempju ta' ġnien Persjan, influwenza d-disinn ta' ġonna mill-Andalusija sal-Indja u lil hinn.[1] Il-ġonna tal-Alhambra juru l-influwenza tal-filosofija u tal-istil tal-Ġnien Persjan fuq skala ta' Palazz tal-Għarab Iberiċi, mill-era ta' al-Andalus fi Spanja. Il-Qabar ta' Humayun u t-Taj Mahal jinkludu wħud mill-ikbar ġonna Persjani fid-dinja, mill-era tal-Imperu Mugal fl-Indja.
Kunċett u etimoloġija
immodifikaMinn żmien l-Imperu Akemenid, l-idea ta' ġenna tal-art infirxet permezz tal-letteratura Persjana u kienet ta' eżempju għal kulturi oħra, kemm il-ġonna Ellenistiċi tal-Imperu tas-Selewċidi kif ukoll it-Tolomej f'Lixandra. Pairidaēza- bl-Avestan, *paridaida- bil-Persjan Antik, *paridaiza- bil-Medjan, li jfissru "mdawra b'ħajt", jiġifieri ġnien imdawwar b'ħajt, ġew mislufa mill-Akkadjan, u mbagħad mill-Grieg Antik: παράδεισος, b'ittri Rumani: parádeisos, u mbagħad mil-Latin: paradīsus, u mbagħad il-kelma daħlet fil-lingwi Ewropej bħall-Franċiż: paradis, il-Ġermaniż: Paradies, u l-Ingliż: paradise.
Bħalma nafu min-nisel tal-kelma, dawn il-ġonna kienu jkunu mdawra b'ħajt. L-iskop tal-ġnien kien u għadu li jservi bħala post għar-rilassament protett b'varjetà ta' modi: spiritwali, u ta' mgħoddija taż-żmien (bħal laqgħat mal-ħbieb), essenzjalment ġenna tal-art. Il-kelma komuni bil-Persjan għal "spazju magħluq" kienet *pari-daiza- (bl-Avestan: pairi-daēza-), terminu li ġie adottat mill-mitoloġija Kristjana bħala deskrizzjoni tal-ġnien tal-Eden jew Ġenna tal-art.[2]
Il-kostruzzjoni tal-ġnien tista' tkun formali (b'enfasi fuq l-istruttura) jew informali (b'enfasi fuq in-natura), u ssegwi diversi regoli sempliċi tad-disinn. B'hekk ikun jista' jiġi massimizzat, f'termini ta' funzjoni u ta' emozzjoni", dak li jista' jsir fil-ġnien.
Storja
immodifikaIl-ġonna Persjani jaf oriġinaw saħansitra fl-4000 Q.K., iżda mhuwiex ċar jekk din it-tradizzjoni bdietx meta kien hemm id-dinastija Akemenida għall-ħabta tas-seklu 6 Q.K. It-tiżjin tal-bċejjeċ tal-fuħħar ta' dak iż-żmien għandu l-istess pjanta tipika b'għamla ta' salib tal-ġnien Persjan. Il-kontorn ta' Pasargadae, sit li nbena għall-ħabta tal-500 Q.K., għadu viżibbli llum il-ġurnata. L-Iranjani Klassiċi kienu meqjusa mill-Griegi bħala "ġardinara mill-aqwa" tal-antikità; Cyrus II (magħruf ukoll bħala Cyrus iż-Żgħir) allegatament qal lill-kmandant Spartan Lysander li kien jagħmel xogħol fil-ġnien meta ma kienx ikun impenjat f'xi kampanja militari, u hu stess kien stabbilixxa park f'Sardis, li sejjaħlu l-"ġenna" tiegħu.[3]
Matul it-tmexxija tal-Imperu tas-Sassanidi, taħt l-influwenza taż-Żoroastrijaniżmu, l-ilma fl-arti kulma jmur beda jsir iktar importanti. Din ix-xejra ħarġet fid-dieher ukoll fid-disinn tal-ġonna, b'iktar enfasi fuq il-funtani u fuq l-għadajjar fil-ġonna.
Matul il-perjodi tal-Umajjad u tal-Abbasidi, l-aspett estetiku tal-ġonna sar iktar importanti, saħansitra iktar mill-utilità tagħhom. Matul dan iż-żmien, ir-regoli estetiċi li jirregolaw il-ġonna saru iktar importanti. Eżempju ta' dan hu ċ-chahār bāgh (چهارباغ), tip ta' ġnien li jipprova jemula il-kunċett Abramiku tal-Ġnien tal-Eden, b'erba' xmajjar u erba' kwadranti li jirrappreżentaw id-dinja. Id-disinn xi kultant ikun estiż fuq assi itwal mill-assi trasversali u jista' jinkludi kanali tal-ilma li jgħaddu minn kull wieħed mill-erba' ġonna u jingħaqdu ma' vaska jew għadira ċentrali.
Taħt id-dinastija Abbasida (is-seklu 8 W.K.), dan it-tip ta' ġnien sar parti integrali tal-arkitettura rappreżentattiva.
Il-ġnien Persjan huwa ġnien pajsaġġistiku, iddisinjat individwalment u maħluq intenzjonalment bħala spazju integrat f'kuntest estetiku u spiritwali tal-ambjent kulturali, politiku u soċjali tal-imgħoddi u kontemporanju. Il-karatteristika ewlenija ta' dawn il-ġonna formali hija l-konfigurazzjoni ġeometrika skont prinċipji ġeometriċi u viżwali, implimentata fin-natura permezz ta' kanali tal-ilma u vaski li jiddividu l-ispazju magħluq f'kwadranti ddefiniti b'mod ċar; prinċipju li sar magħruf bħala Chahar Bagh (jiġifieri "erba' ġonna"), b'kanali, vaski, funtani u kaskati, paviljuni, assi ċentrali prominenti b'veduta, u veġetazzjoni mħawla bir-reqqa b'varjetà ta' siġar, ħxejjex aromatiċi u fjuri. Il-kelma bil-Persjan Antik għal dawn il-ġonna, "pari-daizi", tesprimi l-kunċett ta' ġenna tal-art inerenti għalihom. B'hekk, il-ġonna jistgħu jitqiesu bħala metafora tal-ordni divina kif ukoll tal-unifikazzjoni u tal-protezzjoni ta' dawk li jagħmlu l-ġid. Il-kontropartijiet tagħhom fuq l-art jaqdu funzjoni simili. Dawn il-prinċipji joħorġu fid-dieher b'mod perfett fil-ġonna tal-imperatur bħala l-"ġardinar it-tajjeb".
Minkejja standardizzazzjoni formali, il-ġonna pajsaġġistiċi jirriflettu wkoll id-diversità u l-iżvilupp, marbuta mal-funzjoni, ma' karatteristiċi reġjonali u kronoloġiċi, kif ukoll teknoloġiċi, mal-preferenzi abbażi tal-għarfien personali, mal-ambizzjonijiet u mad-domanda. Il-ġonna Persjani huma multifunzjonali: mhux talli jservu għall-kontemplazzjoni u għar-rilassament, iżda huma wkoll rappreżentazzjoni u manifestazzjoni tal-poter. Id-disinn u l-implimentazzjoni ta' ġnien juru l-okkupazzjoni tal-art, l-ilqugħ tal-udjenzi, u ċ-ċelebrazzjoni tar-rebħiet jew taż-żwiġijiet f'dawn il-ġonna bħala sinjal ta' superjorità, jew rabtiet soċjali u politiċi. Mis-sekli 12-13, l-oqbra għall-membri tal-familja rjali jew għall-personalitajiet importanti kienu jitpoġġew f'tali ġonna formali, biex b'hekk min jemmen kien jingħata l-opportunità li jgawdi mill-ispiritwalità ta' persuna venerata u mill-awra partikolari tal-ġnien.[4]
L-invażjoni tal-Persja mill-Mongoli fis-seklu 13 wasslet għal enfasi ġdid fuq l-istruttura mżejna ferm fil-ġnien. Eżempji ta' dan jinkludu l-peonji u l-kriżantemi. Il-Mongoli mbagħad ħadu magħhom it-tradizzjoni tal-ġnien Persjan lejn partijiet oħra tal-imperu tagħhom (l-iktar l-Indja).
L-imperatur Mugal Babur introduċa l-ġnien Persjan fl-Indja, u pprova jirreplika l-awra friska ta' art twelidu fil-Wied ta' Fergana permezz tal-kostruzzjoni ta' ġonna Persjani, bħal dawk fi bliet Timuridi oħra bħal Samarkanda u Herat. Babur kien ġardinar ħawtiel u ddisinja u ssorvelja personalment mill-inqas għaxar ġonna fil-belt kapitali tiegħu ta' Kabul fl-Afganistan modern, bħal Bagh-e Babur, fejn huwa rreġistra s-seħer tas-siġar tar-rummien, taċ-ċirasa u tal-larinġ li kien ħawwel. Għalkemm l-imperu tiegħu f'qasir żmien ġie estiż saħansitra sal-Indja ċentrali u sat-Tramuntana tal-Indja, tassew kien jobgħod l-ambjent sħun u umduż tal-pjanuri mimlijin trab tal-Indja; b'hekk ġie midfun f'Bagh-e Babur f'Kabul mill-mara tiegħu fl-1544.[5]
L-Aram Bagh ta' Agra kien l-ewwel ġnien Persjan minn ħafna li ħoloq fl-Indja stess. Il-ġonna tal-Mugal għandhom erba' rekwiżiti bażiċi, li jissimbolizzaw erba' elementi allegoriċi essenzjali għall-ħajja wara l-mewt: id-dell, il-frott, il-fragranza u l-ilma ġieri, u dan il-mudell intuża biex jinbnew bosta ġonna Persjani fis-subkontinent Indjan, bħall-Ġonna ta' Shalimar f'Lahore, is-Shalimar Bagh u n-Nishat Bagh f'Kashmir, u l-ġonna tat-Taj Mahal. Il-ġonna tat-Taj Mahal iħaddnu l-kunċett Persjan ta' ġnien ideali qisu ġenna tal-art, u nbnew b'kanali tal-irrigazzjoni u b'kanali mix-xmara Yamuna. Dawn il-ġonna dan l-aħħar ġew irrestawrati mill-awtoritajiet Indjani għas-sbuħija oriġinali tagħhom wara deċennji ta' tniġġis u ta' qtugħ tas-siġar tal-frott tal-ġnien li kienu jipprovdu wkoll id-dell.[6][7][8]
Id-dinastija Safavida (is-sekli 17 u 18) bniet u żviluppat konfigurazzjonijiet grandjużi u epiċi li marru lil hinn minn sempliċi estensjoni ta' palazz u saru parti estetika u funzjonali integrali tiegħu. Fis-sekli ta' wara, id-disinn tal-ġonna Ewropej beda jinfluwenza lill-Persja, b'mod partikolari d-disinni ta' Franza, kif ukoll dawk tar-Russja u tar-Renju Unit. L-influwenzi tal-Punent wasslu għal bidliet fl-użu tal-ilma u fl-ispeċijiet użati għall-marqad tal-ġonna Persjani.
Il-forom u l-istil tradizzjonali għadhom jiġu applikati fil-ġonna Iranjani moderni. Jidhru wkoll f'siti storiċi, f'mużewijiet u f'ġonna privati tad-djar tal-għonja.
Elementi tal-Ġnien Persjan
immodifikaId-dawl tax-xemx u l-effetti tiegħu kienu fattur importanti tad-disinn strutturali fil-ġonna Persjani. L-isfumaturi u l-għamliet kienu jintgħażlu apposta mill-arkitetti sabiex jisfruttaw id-dawl.
Minħabba n-nixfa u s-sħana tal-Iran, id-dell huwa tassew importanti fil-ġonna, inkella jkun impossibbli li wieħed igawdihom mingħajru. Is-siġar u l-kannizzati kienu jintużaw għad-dell bijotiku; il-paviljuni u l-ħitan huma elementi prominenti wkoll strutturalment biex jimblokkaw ix-xemx.
Minħabba s-sħana, l-ilma huwa tassew importanti wkoll, kemm fid-disinn kif ukoll fil-manutenzjoni tal-ġnien. It-tisqija jaf tkun meħtieġa, u kienet tiġi pprovduta permezz ta' sistema ta' gandotti magħrufa bħala qanat, li jittrasportaw l-ilma minn akwifer lokali. Imbagħad, strutturi qishom bjar kienu jkunu kkollegati mal-qanat, sabiex l-ilma jkun jista' jittieħed minnhom. Bħala alternattiva għalihom, kienu jintużaw ukoll bjar Persjani mħaddma bl-użu tal-annimali biex l-ilma jittella' fil-wiċċ. Tali sistemi kienu jintużaw biex l-ilma jiġi ttrasportat anke mis-sistemi tal-ilma fil-wiċċ, bħal dawk fl-istil ta' chahar bāgh. Spiss is-siġar kienu jitħawlu f'foss imsejjaħ juy, li kien jipprevjeni l-evaporazzjoni tal-ilma u kien jippermetti l-aċċess rapidu għall-għeruq tas-siġar.
L-istil Persjan spiss jipprova jintegra l-ispazji fuq ġewwa mal-ispazji fuq barra permezz tal-kollegament ta' ġnien madwar spazju fil-beraħ intern. Id-disinjaturi sikwit jinkludu elementi arkitettoniċi bħal ħnejjiet bil-volti bejn iż-żewġ żoni sabiex joħolqu distakk bejniethom.
Deskrizzjoni
immodifikaDeskrizzjoni bikrija (mill-ewwel nofs tas-seklu 4 Q.K.) ta' ġnien Persjan tinsab fl-Oeconomicus ta' Xenophon fejn Sokrate jirrakkontra l-ġrajja taż-żjara tal-ġeneral Spartan Lysander għand il-prinċep Persjan Cyrus iż-Żgħir. Dan tal-aħħar juri l-"ġenna tal-art tiegħu f'Sardis". F'din il-ġrajja, Lysander jibqa' "msaħħar bis-sbuħija tas-siġar tal-ġnien, kollha mħawla f'intervalli ugwali, bir-ringieli dritti u twal ta' siġar bil-friegħi jixxejru mar-riħ, bir-regolarità perfetta, bis-simetrija rettangolari tal-assjem, u bil-bosta rwejjaħ ifuħu li xammew huma u mexjin fil-park".
L-eqdem deskrizzjonijiet u illustrazzjoni rappreżentattivi tal-ġonna Persjani saru minn vjaġġaturi li vvjaġġaw lejn l-Iran mill-Punent. Dawn ir-rakkonti jinkludu dawk ta' Ibn Battuta fis-seklu 14, ta' Ruy González de Clavijo fis-seklu 15 u ta' Engelbert Kaempfer fis-seklu 17. Battuta u Clavijo għamlu referenzi żgħar għall-ġonna u ma ddeskrivewx id-disinn tagħhom, iżda Kaempfer għamel tpinġijiet bir-reqqa u kkonvertihom f'inċiżjonijiet dettaljati meta mar lura l-Ewropa. Dawn juru l-ġonna tat-tip charbagh li kienu mdawra b'ħajt, vaski rettangoli, network intern ta' kanali, paviljuni u veġetazzjoni folta. Hemm eżempji eżistenti ta' dan it-tip ta' ġnien f'Yazd (Dowlatabad) u f'Kashan (il-Ġnien ta' Fin). Il-pożizzjoni tal-ġonna fl-illustrazzjonijiet ta' Kaempfer jistgħu jiġu identifikati bħala ġonna f'Esfahan.
Stili
immodifikaIs-sitt stili primarji tal-ġonna Persjani huma elenkati fit-tabella ta' hawn isfel, fil-kuntest tal-funzjoni u tal-istil tagħhom. Il-ġonna mhumiex limitati għal stil partikolari, iżda sikwit jintegraw stili differenti, jew ikollhom żoni b'funzjonijiet u bi stili differenti.
Klassiku | Formali | Informali | |
Pubbliku | Hayāt | Meidān | Park |
Privat | Hayāt | Chahār Bāgh | Bāgh |
Hayāt
immodifikaPubblikament, dan il-ġnien għandu konfigurazzjoni Persjana klassika b'enfasi qawwija fuq l-estetika iktar milli fuq il-funzjoni. L-istrutturi magħmula mill-bniedem huma partikolarment importanti, bil-ħnejjiet u bil-vaski (li setgħu jintużaw bħala pixxini). L-art spiss kienet miksija biż-żrar u bil-ġebel. Il-veġetazzjoni tipikament kienet tkun sempliċi ħafna, pereżempju ringiela ta' siġar li jipprovdu d-dell ukoll.
Privatament, dan il-ġnien ikun iċċentrat fuq vaska jew għadira, u mill-ġdid huwa strutturali. Il-vaska sservi bħala sors ta' umdità u bħala enfasi għall-atmosfera tal-madwar. Ikollu ftit pjanti, spiss minħabba l-ilma limitat disponibbli fiż-żoni urbani.
Meidān
immodifikaDan huwa ġnien formali pubbliku li jagħmel iktar enfasi fuq l-element bijotiku meta mqabbel mal-hayāt u li jimminimizza l-istruttura. Il-pjanti fih ivarjaw minn siġar, arbuxxelli, pjanti tal-marqad u ħaxix. Mill-ġdid, ikun fih elementi bħala vaska u mogħdijiet biż-żrar li jiddividu l-lon. Meta jintużaw xi strutturi, spiss ikunu mibnija, bħal fil-każ tal-paviljuni, biex jipprovdu d-dell.
Chahar Bāgh
immodifikaDawn il-ġonna huma privati u formali. L-istruttura bażika tikkonsisti minn erba' kwadranti maqsuma permezz ta' mogħdijiet tal-ilma jew tal-mixi. Tradizzjonalment, l-għonja kienu jużaw dawn il-ġonna għal funzjonijiet marbuta max-xogħol (pereżempju l-intratteniment tal-ambaxxaturi). Dawn il-ġonna jibbilanċjaw l-istruttura mal-ħdura, u spiss il-pjanti jkunu mħawla madwar il-perimetru ta' vaska jew xi struttura bbażata fuq il-mogħdijiet.
Boostān
immodifikaBħal parks oħra, il-park Persjan jaqdi funzjoni pubblika informali b'enfasi fuq il-pjanti. Jipprovdu mogħdijiet għall-mixi u postijiet fejn wieħed joqogħdu bilqiegħda, iżda mill-bqija normalment ikunu limitati f'termini ta' elementi strutturali. L-iskop ta' tali postijiet huwa r-rilassament u s-soċjalizzazzjoni.
Bāgh
immodifikaBħall-ġnien informali l-ieħor, il-bāgh jenfasizza l-aspett naturali u ekoloġiku tal-ġnien. Għad-differenza ta' park dan il-ġnien ikun żona privata spiss mehmuża mad-djar u jkun jikkonsisti minn lon, siġar u pjanti baxxi. Il-mogħdijiet tal-ilma u tal-mixi ma tantx jispikkaw daqs il-kontropartijiet iktar formali u jkunu pjuttost funzjonali. Il-funzjoni primarja ta' tali postijiet hija r-rilassament tal-familja.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaDisa' komponenti rappreżentattivi tal-Ġnien Persjan ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2011.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' ħames kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Komponenti ta' dan is-Sit ta' Wirt Dinji u Siti ta' Wirt Dinji oħra relatati
immodifika- Il-Ġnien ta' Pasargad, Pasargadae, l-Iran (kodiċi: 1372-001)
- Il-Ġnien ta' Eram, Shiraz, l-Iran (kodiċi: 1372-002)
- Iċ-Chehel Sotoun, Esfahan, l-Iran (kodiċi: 1372-003)
- Il-Ġnien ta' Fin, Kashan, l-Iran (kodiċi: 1372-004)
- Il-Ġnien ta' Abbasabad, Abbasabad, Mazandaran, l-Iran (kodiċi: 1372-005)
- Il-Ġnien ta' Shazdeh, Mahan, il-Provinċja ta' Kerman, l-Iran (kodiċi: 1372-006)
- Il-Ġnien ta' Dolatabad, Yazd, l-Iran (kodiċi: 1372-007)
- Il-Ġnien ta' Pahlevanpour, l-Iran (kodiċi: 1372-008)
- Il-Ġnien ta' Akbarieh, il-Provinċja tan-Nofsinhar ta' Khorasan, l-Iran (kodiċi: 1372-009)
- It-Taj Mahal, Agra, l-Indja (kodiċi: 252)
- Il-Qabar ta' Humayun, New Delhi, l-Indja (kodiċi: 232a)
- Il-Ġonna ta' Shalimar, Lahore, il-Pakistan (kodiċi: 171-002)
- Generalife, Granada, Spanja (kodiċi: 314-001).
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "The Persian Garden". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-30.
- ^ Persians: Masters of Empire, p. 62, ISBN 0-8094-9104-4.
- ^ Xenophon (1975-06-26). The Persian Expedition. Penguin UK. ISBN 9780141909387.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Bagh-e Babur". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-30.
- ^ "THE MEMOIRS OF BABUR". depts.washington.edu. Miġbur 2023-12-30.
- ^ Magazine, Smithsonian; Daley, Jason. "Restored Mughal Gardens Bloom Once More Along Agra's Riverfront". Smithsonian Magazine (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-30.
- ^ "From the Magazine: Agra, Again in Bloom". World Monuments Fund (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-30.
- ^ Magazine, Smithsonian. "How to Save the Taj Mahal?". Smithsonian Magazine (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-30.