Sheki
Sheki (bl-Ażerbajġani: Şəki), magħrufa wkoll bħala Shaki (spelluta wkoll bħala Xeki jew Xaki), hija belt fil-Majjistral tal-Ażerbajġan, imdawwar bid-distrett bl-istess isem. Tinsab fil-parti tan-Nofsinhar tal-katina muntanjuża tal-Kawkasi l-Kbar, 240 kilometru (150 mil) mill-belt kapitali ta' Baku.[1] Mill-2020 għandha popolazzjoni ta' 68,400 ruħ.[2] Iċ-ċentru tal-belt u l-Palazz tal-Khan ta' Sheki tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2019 minħabba l-arkitettura unika u l-istorja tas-sit bħala ċentru kummerċjali importanti tul it-Toroq tal-Ħarir.[3]
Sheki | ||
---|---|---|
Ażerbajġan | ||
| ||
Amministrazzjoni | ||
Historical country | Imperu Russu | |
Governorate | Governorat ta' Elizavetpol | |
Uyezd of the Soviet Union | Nukhinsky Uyezd | |
Kap tal-Gvern | Elkhan Usubov (en) | |
Isem uffiċjali |
Şəki Нуха Нуха Nuxa | |
Ismijiet oriġinali | Şəki | |
Kodiċi postali |
AZ5500 | |
Ġeografija | ||
Koordinati | 41°11′31″N 47°10′14″E / 41.1919°N 47.1706°EKoordinati: 41°11′31″N 47°10′14″E / 41.1919°N 47.1706°E | |
Superfiċjenti | 9 kilometru kwadru | |
Għoli | 545 m | |
Demografija | ||
Popolazzjoni | 68,360 abitanti (2017) | |
Informazzjoni oħra | ||
Kodiċi tat-telefon |
+994 2424 | |
Żona tal-Ħin | UTC+4 | |
bliet ġemellati | Gabrovo, Zhmerynka, Osmangaziu Giresun (en) | |
sheki-ih.gov.az… |
Skont l-istoriċi tal-Ażerbajġan, isem il-belt imur lura għal isem is-Saka, li waslu fit-territorju modern tal-Ażerbajġan fis-seklu 7 Q.K. u għexu hemmhekk għal diversi sekli.[4] Skont sorsi Medjevali, isem il-belt jingħata b'diversi forom, fosthom Sheke, Sheki, Shaka, Shakki, Shakne, Shaken, Shakkan u Shekin.[5]
Il-belt kienet magħrufa wkoll bħala Nukha (bl-Ażerbajġani: Nuxa; bir-Russu: Нуха) sal-1968.
Storja
immodifikaŻmien il-qedem
immodifikaHemm traċċi ta' insedjamenti fuq skala kbira f'Sheki li jmorru lura għal iktar minn 2,700 sena ilu. Is-Saka kienu poplu Iranjan li kien jimraħ min-naħa tat-Tramuntana tal-Baħar Iswed mill-passaġġ ta' Derbend san-Nofsinhar tal-Kawkasi u minn hem sal-Asja Minuri fis-seklu 7 Q.K. Huma okkupaw għadd kbir ta' artijiet għammiela fin-Nofsinhar tal-Kawkasi f'żona msejħa Sakasena. Il-belt ta' Sheki kienet waħda miż-żoni okkupati mis-Saka. L-insedjament oriġinali jmur lura għal Żmien il-Bronż Aħħari.
Sheki ġiet stabbilita fis-seklu 8 Q.K. u kienet waħda mill-ikbar bliet tal-istati Albaniżi tal-Kawkasi fis-seklu 1.[6] Ir-renju ta' Sheki kien maqsum fi 11-il provinċja amministrattiva. It-tempju prinċipali tal-Albaniżi tal-qedem kien jinsab hemmhekk. L-Albaniżi adottaw il-Kristjaneżmu fi stadju bikri mill-Armeni, u l-influwenza kulturali u reliġjuża ssaħħet sew f'Sheki.
Bis-saħħa tal-iskavi arkeoloġiċi li saru fl-1902 fil-villaġġ ta' Boyuk-Dakhna fir-reġjun ta' Sheki, ġew skoperti diversi prodotti taċ-ċeramika u lapida tal-ġebel li jmorru lura għas-seklu 2 W.K. b'kitbiet imnaqqxa bil-Grieg.[7]
Sheki kienet waħda mill-bliet politiċi u ekonomiċi importanti qabel l-invażjoni tal-Għarab.[8] Iżda wara l-invażjoni fis-654, Sheki ġiet annessa mat-tielet emirat ta' Arminiya. Mas-seklu 9, meta l-kaliffat Għarbi kien dgħajjef, Sheki ngħaqdet ma' Kambisen u tmexxiet mill-prinċpijiet Smbateani Armeni bħala parti mill-prinċipat indipendenti ta' Sheki jew Hereti, vassall tar-renju Bagratida Armen. Il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni kellha oriġini Armena u kienet titkellem bl-Armen.[9] L-ewwel prinċep Armen ta' Sheki kien Sahl Smbatean, li rrenja b'awtonomija relattiva mill-Kaliffat tal-Abbasidi.[10][11] Sas-seklu 10, il-ġeografu Għarbi Ibn Haukal isemmi li Sheki kienet immexxija mill-prinċep Armen Ishkhanik. Mill-1038 sal-1105, id-dinastija Armen Kiurikian mexxiet lil Sheki bħala parti mir-Renju ta' Kakheti-Hereti.[12] Fl-1117 ir-reġjun inħataf mill-armata tar-re David IV mill-Georgia.[13]
Il-belt ġiet immexxija wkoll mill-Atabegi tal-Ażerbajġan u mill-Imperu Kwarażmjan, qabel l-invażjoni tal-Mongoli.
Era fewdali
immodifikaFis-sekli 13 u 14, it-territorju tad-distrett attwali ta' Sheki kien parti mill-istat tax-Shirvanshah. Il-ġestjoni ta' Sheki ġiet inkarigata lil iben Rashid al-Din Hamadani – Jalat.[14] Fis-snin 30 tas-seklu 14, it-tribù lokali tal-Oirat ħadu l-poter f'idejhom. Wara l-waqgħa tal-Khan ta' Hulagu fl-ewwel nofs tas-seklu 14, Sheki kisbet l-indipendenza taħt it-tmexxija ta' Sidi Ahmed Orlat.[15] Fl-1392, Emir Timur ħakem lil Sheki, u l-mexxej ta' Sheki ta' dak iż-żmien, Seyid Ali, inqatel. Iben Seyid Ali, Seyid Ahmed, li kiseb il-poter, flimkien max-Shirvanshah Ibrahim I Derbendi, akkumpanjaw lil Timur fit-tielet kampanja militari tiegħu kontra l-Ażerbajġan fl-1399.[16][17] Fl-1444, Sheki, li dak iż-żmien kienet magħrufa bħala Nukhi, kienet immexxija minn familja Musulmana ta' oriġini Armena. Ir-renju tagħha dam sal-1551 biss.[18] Fil-bidu tas-seklu 16, ir-Re tas-Safavidi Ismail I (li rrenja fl-1501-1524) ħakem l-inħawi, iżda r-raħal baqa' jiġi ggvernat mill-mexxejja ereditarji tiegħu taħt is-Safavidi.[19]
Iben Ismail u s-suċċessur tiegħu Shah Tahmasp (li rrenja fl-1524-1576) temm din it-tmexxija ereditarja, u fl-1551 huwa ħatar l-ewwel gvernatur tal-Qizilbash biex imexxi r-raħal. It-territorju ġie anness mad-dinastija tas-Safavidi bħala l-beylerbey indipendenti ta' Sheki mmexxi minn Toygun-bey Qajar.[20][21] It-tmexxija tas-Safavidi ġiet interrotta għal żmien qasir darbtejn mill-Ottomani bejn l-1578 u l-1603 u fl-1724-1735. Fl-1734-1735 kien hemm rewwixta tal-foqra kontra l-politika ta' Nadir Shah fil-villaġġ ta' Bilecik (Sheki).
Fl-1741, kien hemm rewwixta oħra kontra l-mexxej lokali, Melik Najaf. Maħtur minn Nadir Shah, Haji Chelebi, li sostna li kellu dixxendenza ereditarja mill-mexxejja Musulmani-Armeni tal-provinċja, ħabbar l-istabbiliment tal-Khanat indipendenti ta' Sheki fl-1743. Malli sema' dan, Nadir Shah Afshar bagħat l-armata tiegħu lejn Sheki. Haji Chelebi fittex il-kenn fil-fortizza ta' Gelesen-Geresen. Fl-1746, Haji Celebi ġie mġiegħel jirrikonoxxi l-awtorità ta' Nadir Shah. Madankollu, rewwixti ġodda u l-mewt ta' Nadir Shah ippermettew lil Haji Chelebi jerġa' jiddikjara lilu nnifsu bħala l-Khan.[22] Matul l-eżistenza tal-khanat ta' Sheki, il-popolazzjoni lokali kienet involuta fl-artiġjanat u fis-sengħa tat-tnissil tad-dud tal-ħarir.[23] Minħabba għargħar tax-xmara Kish, il-belt ta' Sheki nqerdet parzjalment u l-popolazzjoni marret tgħix fejn tinsab il-belt attwalment.[24]
B'alleanza ma' Shamakhi Khan, fl-1748 Haji Chelebi pprova jassedja l-fortizza ta' Bayat. It-telfa fil-battalja ta' Bayat, li damet għaddejja xahar sħiħ, kienet problema serja għall-alleati.
Is-sultanati ta' Jaro-Balakan Jamaat, Qabala u Ares kienu jiddependu fuq il-khanat ta' Sheki.[25]
Fl-1751, Haji Chelebi rebaħ kontra l-armata tar-Re ta' Kakheti Erakliju II. Fuq inizjattiva ta' Erakliju II, tħejjiet konfoffa politika tar-Renju ta' Kakheti u tal-khanati ta' Karabakh, Ganja, Irevan, Nakhichevan u Karadag kontra l-khanat ta' Sheki. Fl-1752, fl-inħawi ta' Kyzylgaya, it-truppi tal-Georgia qabdu u attakkaw il-khanati u l-khan inqabdu. Haji Celebi stess rebaħ kontra l-armata tal-Georgia fil-battalja qrib Ganja u ġie jagħti palata lill-khan. L-armata tal-khanat ta' Sheki ħakmet lil Gazakh u lil Borchali.[26]
Fl-1767, il-parti tal-Punent tal-khanat ta' Shamakhi ġiet annessa mal-khanat ta' Sheki. Fl-1785, il-khanat ta' Sheki beda jiddependi fuq il-khanat ta' Guba. Madankollu, din is-sitwazzjoni ma damitx wisq: wara l-mewt tal-khan ta' Guba, Fatali, il-khanat ta' Sheki reġa' kiseb l-indipendenza tiegħu.[27][28]
Matul ir-renju tal-khan ta' Selim, it-territorju tal-khanat ġie maqsum kundizzjonalment fi tmien magal, li kienu mmexxija min-naib li nħatru direttament mill-khan innifsu.
Fil-21 ta' Mejju 1805, it-Trattat ta' Kyurekchay ġie ffirmat bejn ir-Russja u l-khanat ta' Sheki. Il-kundizzjoni prinċipali tat-trattat kienet l-annessjoni tal-khanat ta' Sheki mar-Russja. Fl-1806, l-armata Russa daħlet f'Sheki. Il-khan ta' Selim tneħħa mill-karigi tal-poter u nħoloq bord temporanju ta' bek Pro-Russi.[29]
Era moderna
immodifikaIż-żona ġiet annessa għalkollox mar-Russja permezz tat-Trattat ta' Gulistan fl-1813 u l-khanat ġie abolit fl-1819. Minfloku ġiet stabbilita l-provinċja ta' Sheki. Din il-provinċja ġiet imwaħħda mal-provinċji ta' Shemakha, Baku, Susha, Lankaran, Derbent u Kuban fl-1840 u nħolqot l-Oblast tal-Kaspju. Fl-istess żmien Sheki bdiet tissejjaħ Nukha. L-Oblast ġiet xolta fl-1846 u saret iċ-ċentru tar-raion tal-Governorat ta' Shemakha. Wara t-terremot f'Shemakha fl-1859, il-governorat sar il-Governorat ta' Baku. Fid-19 ta' Frar 1868, ir-raion ta' Nukha għadda għand il-Governorat il-ġdid ta' Elizavetpol bħala n-Nukha uezd. Wara l-istabbiliment tal-Unjoni Sovjetika, kienet iċ-ċentru tar-raion ta' Nukha. Dan ġie abolit fl-4 ta' Jannar 1963 u twaħħad ma' dak ta' Vartashen. Dak ta' Nukha reġa' ġie stabbilit fl-1965 u finalment il-belt u r-raion reġgħu ngħataw l-isem tradizzjonali ta' Sheki fl-1968.
Matul l-istorja tagħha, il-belt għaddiet minn devastazzjoni bosta drabi u minħabba f'hekk, l-eqdem monumenti storiċi u arkitettoniċi ppreservati attwalment imorru lura għas-sekli 16-19 biss. Għal ħafna sekli, Sheki kellha komunità Armena kbira u kienet famuża bħala ċ-ċentru tat-tnissil tad-dud tal-ħarir u tal-produzzjoni lokali tal-ħarir. Oriġinarjament kienet tinsab max-xatt tax-xellug tax-xmara Kish, iktar 'l isfel fl-għolja, madankollu Sheki tressqet fejn tinsab attwalment wara għargħar devastanti li seħħ fl-1772 u saret il-belt kapitali tal-Khanat ta' Sheki. Peress li l-pożizzjoni l-ġdida kienet qrib il-villaġġ ta' Nukha, il-belt ukoll saret magħrufa b'dak l-isem sal-1968, meta mbagħad reġgħet bdiet tissejjaħ Sheki.
Fl-1829 infetħet il-fabbrika ta' Khanabad f'Sheki. Il-prodotti tal-fabbrika tal-għażil tal-ħarir ta' Nukha, li nfetħet fl-1861, ingħataw medalja f'Londra fl-1862. Ir-rewwixta ta' Sheki tal-1838 kellha impatt fuq ir-riformi amministrattivi, ġudizzjarji u agrarji tas-snin 40 tas-seklu 19. Fl-1917 il-bliet Sovjetiċi tal-ħaddiema ġew iffurmati f'għadd ta' bliet tal-Ażerbajġan, inkluż Sheki. F'Mejju 1920, il-poter Sovjetiku ġie stabbilit f'Sheki, kif ukoll fi bliet oħra tal-Ażerbajġan.
Fl-1930 faqqgħet rewwixta kontra l-politika tal-ġbir kollettiv fir-Repubblika Sovjetika tal-Ażerbajġan fil-villaġġ ta' Bash Goynyuk fid-distrett ta' Sheki u r-reġim Sovjetiku ġie abolit. Wara ftit daħlu l-unitajiet tal-Armata Ħamra fil-belt u r-ribelli ġew ġustizzjati.[30]
Era Repubblikana
immodifikaB'ittra mill-President tal-Kunsill tal-Belt ta' Kjoto, Daisaku Kadokawa, tat-8 ta' Diċembru 2008, Sheki saret membru tal-Lega tal-Bliet Storiċi Dinjin. Sheki saret membru uffiċjalment wara l-laqgħa tal-Bord tal-Lega tal-Bliet Storiċi Dinjin f'Ottubru 2008.
Ġew identifikati x-xogħlijiet li kellhom isiru fil-qasam tar-rinnovazzjoni u tal-kostruzzjoni. Flimkien mal-Awtorità Eżekuttiva tal-Belt ta' Sheki u l-Kumitat tal-Urbanizzazzjoni Arkitettonika, tħejja l-Pjan Ġenerali tal-Belt ta' Sheki. Skont il-Pjan Ġenerali, tħejjiet l-implimentazzjoni ta' għadd ta' proġetti tal-infrastruttura, kif ukoll it-tkabbir tal-belt lejn il-Punent, bl-inklużjoni tal-belt ta' Oxud u l-villaġġi ta' İncə, Kish u Qoxmuq f'Sheki.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIċ-Ċentru Storiku ta' Sheki bil-Palazz tal-Khan ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2019.[3]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[3]
Ġeografija
immodifikaSheki hija mdawra bil-qċaċet miksijin borra tal-Kawkasi l-Kbar, li f'xi postijiet ilaħħqu t-3,00-3,600 metru. Il-klima ta' Sheki tinkludi firxa ta' ċikluni u antiċikluni, mases tal-arja u rjieħ lokali. It-temperatura annwali medja f'Sheki tkun 12 °C. F'Ġunju u f'Awwissu, it-temperatura medja tvarja bejn 20 u 25 °C.
Il-foresti muntanjużi fl-inħawi jipprevjenu l-għargħar fil-belt u s-sħana eċċessiva tal-inħawi matul is-sajf. Ix-xmajjar prinċipali tal-belt huma x-xmajjar Kish u Gurjhana. Matul it-tmexxija Sovjetika tal-Ażerbajġan, bosta kienu jżuru Sheki biex jgħumu fil-fawwariet minerali prestiġjużi tal-belt.
Demografija
immodifikaSkont il-pubblikazzjoni tal-1917 tal-Kalendarju tal-Kawkasi, Sheki, li dak iż-żmien kienet magħrufa bħala Nukha, kellha popolazzjoni ta' 52,243 ruħ fl-1916, inkluż 33,813-il Musulman Sunniti (64.7 %), 9,588 Musulman Xiiti (18.4 %), u 8,009 Armen (15.3 %).[31]
Il-popolazzjoni attwali ta' Sheki taqbeż il-1,741,000 ruħ. Il-popolazzjoni rurali hi ta' 1,057,000 ruħ, filwaqt li l-popolazzjoni urbana hi ta' 669,000 ruħ. Id-densità tal-popolazzjoni hi ta' 72 ruħ kull kilometru kwadru. Mill-popolazzjoni totali, 864,000 ruħ jew 49.6 % huma rġiel, filwaqt li 877,000 ruħ jew 50.4 % huma nisa. 38.4 % tal-popolazzjoni jgħixu fil-belt u 61.6 % jgħixu fil-villaġġi.
Reliġjon
immodifikaSheki tospita għadd ta' knejjes Albaniżi antiki tal-Kawkasi. Ir-reliġjon hija ferm importanti għall-poplu ta' Sheki minħabba d-diversità reliġjuża storika tagħha. Hemm bosta knejjes u moskej fil-belt. Huwa maħsub li xi knejjes bħall-Knisja ta' Kish f'Sheki għandhom madwar 1,500 sena.[32] Il-Moskea tal-Khan, il-Moskea ta' Omar Efendi u l-Minaret ta' Gileili jitqiesu bħala postijiet importanti ta' qima fil-belt.[33]
Ekonomija
immodifikaFl-1850-1870, Sheki saret ċentru internazzjonali tal-produzzjoni tal-ħarir. Iktar minn 200 kumpanija Ewropea fetħu l-uffiċċji tagħhom fil-belt, u kull sena kienu jinbigħu d-dud tal-ħarir b'valur kumplessiv ta' 3 miljun rubli.
Sheki għad għandha industrija żgħira tal-ħarir u tiddependi fuq is-settur agrikolu tagħha, li jipproduċi t-tabakk, l-għeneb, il-bhejjem tal-ifrat, il-lewż, iċ-ċereali u l-ħalib. Il-faċilitajiet prinċipali ta' Sheki huma l-fabbrika tal-ħarir, l-impjant tal-gass, il-fabbrika tal-brikks, il-fabbrika tal-inbid, il-fabbrika taz-zalzett, il-fabbrika tal-ikel tal-bott, u impjant tal-prodotti tal-ħalib b'azjenda agrikola integrata fuq skala kbira tal-produzzjoni tal-prodott tal-ħalib magħrufa bħala Pedigree Dairy Farm.[34]
Turiżmu u kummerċ
immodifikaFl-2010, Sheki laqgħet madwar 15,000 turist barrani mid-dinja kollha.[35]
Kultura
immodifikaSheki għandha fost l-ikbar densitajiet ta' riżorsi kulturali u monumenti li jinkludu 2,700 sena ta' storja tal-Ażerbajġan. Il-belt għandha bosta djar bis-soqfa ħomor. Fil-kultura popolari, x'aktarx li l-iżjed karatteristika famuża taċ-ċittadini ta' Sheki hi li jafu jieħdu ċajta u l-ġrajjiet komiċi tagħhom. Eroj tal-ġrajjiet komiċi ta' Sheki hu Hacı dayı (iz-Ziju Haji) li jissemma kważi fiċ-ċajt kollu tal-inħawi.[36][37]
Sheki dejjem kellha rwol ċentrali fl-arti tal-Ażerbajġan u b'mod iktar ġenerali fl-arti u fl-arkitettura tal-Ażerbajġan. Ir-reċta ta' Brecht The Caucasian Chalk Circle hija ambjentata fil-belt għalkemm bl-isem ta' Nukha.[38]
Fit-tieni nofs tas-seklu 19, Nukha kienet ikklassifikata fit-tieni post bħala kummerċ u żvilupp industrijali. B'hekk inħolqu tipi ġodda ta' skejjel tal-belt u tal-kontea.[39]
Skont ir-Riżoluzzjoni Nru 97 tal-Kunsill tal-Ministri tal-SSR tal-Ażerbajġan tas-6 ta' Marzu 1968, iż-żona ta' "Yukhary Bash" f'Nukha ġiet iddikjarata bħala riżerva arkitettonika. Fl-1975 tlestiet il-kostruzzjoni tat-teatru ta' Sheki. Fl-1983 infetaħ il-Mużew tal-Artiġjanat ta' Sheki.[40][41]
Arkitettura
immodifikaL-arkitettura f'Sheki ssawret l-iktar mill-istorja tal-belt stess. Tmur lura għal żmien meta kienet ċentru kummerċjali bis-swieq tul it-Toroq tal-Ħarir, fejn kienet tikkollega Dagestan, ir-Russja mat-toroq kummerċjali tat-Tramuntana permezz tal-Kawkasi.[42]
Il-pjazez miftuħa ċentrali u prinċipali tal-belt huma ddominati minn żewġ torrijiet Sovjetiċi. Bosta postijiet pubbliċi u djar privati f'Sheki huma mżejna bix-shebeke, tiżjin bl-injam u l-ħġieġ ikkulurit, miżmuma ma' xulxin mingħajr il-kolla jew l-imsiemer. It-teknika hija kumplessa u magħrufa biss fost ftit artiġjani li jgħaddu din is-sengħa minn ġenerazzjoni għal oħra.[43]
Il-Palazz tal-Khan ta' Sheki, li kien residenza tas-sajf tal-Khan ta' Sheki, għadu wieħed mill-iżjed attrazzjonijiet importanti ta' Sheki. Inbena fl-1762 mingħajr l-użu tal-imsiemer u huwa wieħed mill-isbaħ monumenti ta' dik l-epoka. Fi ħdan il-palazz hemm għall-wiri artefatti ta' żmien il-khanat tal-Ażerbajġan, kif ukoll wirjiet tax-xena artistika, li jitqies fost l-ifjen fid-dinja.[44][45] Iċ-Ċentru Storiku ta' Sheki flimkien mal-Palazz tal-Khan tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Lulju 2019 matul it-43 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji.[3]
Il-Kastell ta' Sheki nbena mill-fundatur tal-Khanat ta' Sheki Haji Chelebi Khan (1743-1755) qrib il-villaġġ ta' Nukha fl-għoljiet tan-Nofsinhar tal-Kawkasi. Is-swar tal-fortizza huma twal kważi 1,200 metru u ħoxnin iktar minn żewġ metri.[46] Protetta b'għadd ta' bastjuni, wieħed jaċċessa l-fortizza minn waħda miż-żewġ daħliet prinċipali mit-Tramuntana u min-Nofsinhar. Fl-eqqel żmien tal-khanat, il-fortizza kienet tħaddan kumpless ta' palazz u strutturi pubbliċi u kummerċjali tal-belt, filwaqt li l-kwartier residenzjali kien jinsab 'il barra mis-swar. Il-fortizza ġiet irrestawrata b'mod estensiv bejn l-1958 u l-1963.[47] Għal bosta snin il-fortizza ta' Sheki ssalvagwardjat l-aċċessi għall-belt u l-atti ta' qlubija tad-difensuri tal-belt kontra l-oppressjonijiet tal-għedewwa barranin ġew deskritti f'bosta kotba tal-istorja. Ir-rumanz magħruf ta' Leo Tolstoy, Hadji Murat, huwa ambjentat fil-fortizza ta' Sheki.
Attrazzjonijiet
immodifika- Il-fortizza (is-seklu 19);
- il-Moskea tal-Khan ta' Sheki (is-seklu 18);
- il-Karavanseraj ta' fuq (is-seklu 18);
- il-Karavanseraj t'isfel (is-seklu 17);
- id-Dar tal-Khan ta' Sheki (is-seklu 18);
- il-Minaret u l-Moskea ta' Gileyli (is-seklu 18);
- il-Minaret u l-Moskea ta' Godak (is-seklu 19);
- il-Moskea tal-Ġimgħa (is-seklu 19);
- il-Moskea ta' Omar Efendi (is-seklu 19);
- il-Moskea ta' "Kyshlak" (is-seklu 19);
- il-Banjijiet ta' taħt l-art (is-seklu 19);
- il-Banjijiet ta' "Aguanlar" (is-seklu 19);
- il-Banjijiet ta' "Kyshlak" (is-seklu 19);
- il-Banjijiet ta' Dara (is-seklu 19);
- it-Tempju Tond (is-seklu 19);
- il-Pont tax-xmara Gurjanachai (is-sekli 18-19);
- il-Fdalijiet tal-Fortizza ta' Gelesan-Goresen;
- id-Dar-Mużew ta' Mirza Fatali Akhundov;
- id-Dar-Mużew ta' Rashid Bey Efendiyev;
- id-Dar-Mużew ta' Sabit Rahman.[48]
Gastronomija
immodifikaX'aktarx li l-iżjed aspett magħruf tat-tisjir ta' Sheki huwa l-ħelu tal-belt. Tradizzjonalment Sheki titqies bħala l-post fejn issir tip speċjali ta' baklava msejħa Halva ta' Sheki. Ħelu ieħor jinkludi z-zokkor mgħolli tan-nabat u l-pesheveng.[49]
Sheki għandha wkoll ikel famuż ieħor bħal girmabadam, zilviya, piti (stuffat tal-laħam u l-patata ġo kontenitur tat-terrakotta).[49]
Djalett
immodifikaIl-belt ta' Shaki żviluppat id-djalett tagħha stess tal-lingwa Ażerbajġana, li hi mitkellma l-iktar fil-belt u fir-reġjun tad-Distrett ta' Sheki. Ir-residenti tal-belt huma magħrufa għall-intonazzjoni ferrieħija tal-kliem.
Mużewijiet
immodifikaSheki tospita firxa ta' mużewijiet storiċi u wħud mill-iżjed importanti fil-pajjiż. Il-Mużew Storiku ta' Sheki huwa wieħed mill-mużewijiet prinċipali u jitqies bħala wieħed mill-iżjed importanti għall-artefatti tal-perjodu tal-Khanat.
Mis-seklu 18, ħames karavanseraj kbar (Isfahan, Tabriz, Lezgi, Ermeni u Taze) kienu attivi f'Sheki iżda tnejn biss minnhom baqgħu jeżistu. Il-karavanseraj ta' fuq u t'isfel inbnew fis-seklu 18 u kienu jintużaw mill-merkanti biex jaħżnu l-merkanzija tagħhom fil-kantini. Il-merkanti kienu jagħmlu l-kummerċ fl-ewwel sular u kienu jgħixu fit-tieni sular. Iż-żewġ karavanseraj kienu postijiet siguri għall-ħżin tal-merkanzija tal-merkanti.
Mużika u midja
immodifikaKull sena fil-belt isir il-Festival tal-Mugham u l-Festival tal-Mużika Internazzjonali tat-Triq tal-Ħarir.[50]
L-istazzjoni reġjonali Kanal-S u l-gazzetti Shaki u Shakinin Sasi għandhom is-sede tagħhom fil-belt.
Trasport
immodifikaKuljum hemm ferrovija li topera billejl minn Sheki għal Baku u lura tul ir-rotta ta' Baku-Balakan.
Edukazzjoni
immodifikaF'Sheki joperaw 84 skola ġenerali u vokazzjonali, kif ukoll il-fergħa ta' Sheki tal-Università Pedagoġika tal-Ażerbajġan u l-Kulleġġ Reġjonali ta' Sheki.[51]
Residenti notevoli
immodifikaFost ir-residenti notevoli tal-belt kien hemm: Fatali Khan Khoyski, il-Prim Ministru tar-Repubblika Demokratika tal-Ażerbajġan, Ahmadiyya Jabrayilov, attivist tar-Reżistenza Franċiża, il-poeta Bakhtiyar Vahabzadeh, il-kompożitur Jovdat Hajiyev, ir-reġista Rasim Ojagov, l-attur Lutfali Abdullayev, il-mexxej reliġjuż Mahammad Hasan Movlazadeh Shakavi, u oħrajn.
-
Mirza Fatali Akhundov, il-fundatur tal-materjaliżmu u l-ateiżmu fl-Ażerbajġan u tal-letteratura Iranjana moderna, kif ukoll wieħed mill-pijunieri tan-nazzjonaliżmu Iranjan.
-
Shakili Alasgar, prattikant tal-mugham.
-
Abdulali bey Amirjanov, membru tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ażerbajġan.
-
Mahammad Hasan Movlazadeh Shakavi, l-ewwel studjuż li ttraduċa l-Koran bl-Ażerbajġani.
-
Fatali Khan Khoyski, l-ewwel Prim Ministru tar-Repubblika Demokratika indipendenti tal-Ażerbajġan.
-
Salman Mumtaz, studjuż letterarju u poeta Ażerbajġani.
Ġemellaġġ
immodifikaSheki hija ġemellata ma':[52]
Gallerija
immodifika-
Dar antika f'Sheki.
-
Id-Dar tal-Kultura f'Sheki.
-
Il-faċċata tal-Knisja Albaniża.
-
Waħda mit-toroq l-antiki ta' Sheki.
-
Id-daħla tal-Palazz tal-Khan ta' Sheki.
-
Knisja Albaniża tal-Kawkasi tas-seklu 6.
-
Il-portiċi tal-Karavanseraj ta' Sheki.
-
Il-Moskea ta' Omer Efendi.
-
Il-fortizza ta' Sheki.
-
Id-Dar tax-Shakikhanov.
-
Il-Karavanseraj ta' Sheki.
-
Il-Karavanseraj ta' Ashagi.
-
Id-Dar tal-Farhadbayov.
-
Id-Dar tal-Alijanbayov.
-
Il-Minaret tal-Moskea tal-Ġimgħa.
-
Il-Moskea ta' Ömər Əfəndi.
-
Il-banjijiet ta' Ağvanlar.
-
Il-banjijiet taħt l-art ta' Sheki.
-
Eks Knisja Armena f'Sheki.
-
Il-Lukanda tal-Palazz ta' Sheki.
Referenzi
immodifika- ^ "Maps, Weather, and Airports for Saki, Azerbaijan". www.fallingrain.com. Miġbur 2023-04-11.
- ^ "Əhalisi | Azərbaycan Respublikası Şəki şəhər İcra Hakimiyyəti". sheki-ih.gov.az. Miġbur 2023-04-11.
- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Sheki with the Khan’s Palace". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-11.
- ^ "Narin Qala". web.archive.org. 2011-07-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-09. Miġbur 2023-04-11.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "AZƏRBAYCAN MİLLİ ENSİKLOPEDİYASI". ensiklopediya.gov.az. Miġbur 2023-04-11.
- ^ "КЕРИМ АГА ФАТЕХ. КРАТКАЯ ИСТОРИЯ ШЕКИНСКИХ ХАНОВ. DrevLit.Ru - библиотека древних рукописей". drevlit.ru. Miġbur 2023-04-11.
- ^ Foundation, Encyclopaedia Iranica. "Welcome to Encyclopaedia Iranica". iranicaonline.org (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-11.
- ^ Буниятов, З. (1965). Азербайджан в VII-IX вв. Баку: Изд-во АН Азербайджанской ССР. (bir-Russu).
- ^ Foundation, Encyclopaedia Iranica. "Welcome to Encyclopaedia Iranica". iranicaonline.org (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-11.
- ^ Minorsky, V.; Bosworth, C. E. (2012-04-24). S̲h̲akkī (bl-Ingliż). Brill. Miġbur 2023-04-11.
- ^ Foundation, Encyclopaedia Iranica. "Welcome to Encyclopaedia Iranica". iranicaonline.org (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-11.
- ^ Hewsen, Robert H. (2001). Armenia: A Historical Atlas. Chicago: University of Chicago Press. p. 114. ISBN 0-226-33228-4.
- ^ Musxelišvili, Davitʻ (1982). Из исторической географии восточной Грузии: Шаки и Гогарена (bir-Russu). Тбилиси: Изд-во "Мецниереба".
- ^ Foundation, Encyclopaedia Iranica. "Welcome to Encyclopaedia Iranica". iranicaonline.org (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-11.
- ^ Swietochowski, Tadeusz; Collins, Brian C. (1999). Historical Dictionary of Azerbaijan (bl-Ingliż). Scarecrow Press. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|iktar=
(għajnuna) - ^ "L-Istorja tal-Ażerbajġan" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2021-01-08. Miġbur 2023-04-11.
- ^ Uljaeva, Shohistahon. "Амир Темур в истории Азербайджана". Ċitazzjoni journal għandha bżonn
|journal=
(għajnuna) - ^ Hewsen, Robert H. (2001). Armenia: A Historical Atlas. Chicago: University of Chicago Press. p. 154. ISBN 0-226-33228-4.
- ^ Nasiri, Ali Naqi; Floor, Willem M. (2008). Titles and Emoluments in Safavid Iran: A Third Manual of Safavid Administration. Mage Publishers. p. 279. ISBN 978-1933823232.
- ^ var; ejwrote; var; Var, Ej; ej. "Шеки (Нуха). Часть 1: Новый город и общий колорит". varandej.livejournal.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-11.
- ^ "Welcome to Heydar Aliyevs Heritage Research Center". lib.aliyev-heritage.org. Miġbur 2023-04-11.
- ^ "Zerrspiegel". web.archive.org. 2007-01-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-01-27. Miġbur 2023-04-11.
- ^ "Sheki, Shaki,, history, travel to Azerbaijan, travelling to Azerbaijan, Azerbaijan tours, travel agency Azerbaijan, Azeri, Baku, Ganca, Silk Road tours". web.archive.org. 2011-07-21. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-21. Miġbur 2023-04-11.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Shaki". azer.com. Miġbur 2023-04-11.
- ^ "Welcome to Heydar Aliyevs Heritage Research Center". lib.aliyev-heritage.org. Miġbur 2023-04-11.
- ^ Левиатов, В. (1948). Очерки из истории Азербайджана в XVIII веке. Изд-во АН Азербайджанской ССР. (bir-Russu).
- ^ "Storja". heydar-aliyev-foundation.org. Miġbur 2023-04-11.
- ^ Абдуллаев, Г. (1958). Из истории Северо-Восточного Азербайджана в 60-80-х гг. XVIII в. Изд-во АН Азербайджанской ССР. (bir-Russu).
- ^ Мустафаев, Дж. (1989). Северные ханства Азербайджана и Россия: конец XVIII-начало XIX века. «Элм». (bir-Russu).
- ^ "Северный Азербайджан в период советской власти (1920-1991)". a-r.az. Miġbur 2023-04-11.
- ^ Кавказский календарь на 1917 год [Caucasian calendar for 1917] (in Russian) (72nd ed.). Tiflis: Tipografiya kantselyarii Ye.I.V. na Kavkaze, kazenny dom. 1917. pp. 190–197.
- ^ "8.4 The Kish Church - Digging Up History - An Interview with J. Bjornar Storfjell". azer.com. Miġbur 2023-04-11.
- ^ "Sheki". web.archive.org. 2010-12-13. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-12-13. Miġbur 2023-04-11.
- ^ "The Great Silk Road and trade between the Caspian and Europe". www.visions.az. Miġbur 2023-04-12.
- ^ "Зарегистрировано увеличение туристического потока в Шекинский район". 1news.az (bir-Russu). Miġbur 2023-04-12.
- ^ "Təhsilimizin Hacı dayısı... » Gundelik-Baku.com". web.archive.org. 2011-07-11. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-11. Miġbur 2023-04-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ İsmayıllı, Sevda (2009-04-01). "Novella Cəfəroğlu: «Referendumdan sonra elə gülürəm…»" (bl-Ażerbajġani). Miġbur 2023-04-12.
- ^ Correspondent, Jeffrey Gantz Globe; July 16; 2013; Comments, 6:00 p m Share on Facebook Share on TwitterView. "On Chelsea waterfront, a moving story of motherhood - The Boston Globe". BostonGlobe.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-12.Manutenzjoni CS1: ismijiet bħala numri: authors list (link)
- ^ "Welcome to Heydar Aliyevs Heritage Research Center". lib.aliyev-heritage.org. Miġbur 2023-04-12.
- ^ Саламзаде, А. Р.; Исмаилов, А. И.; Мамед-заде, К. М. (1988). Шеки. Историко-архитектурный очерк / Под ред. М. А. Усейнова. Элм.
- ^ "История города Шеки - Афаг ТАИРОВА by kitabxana - Issuu". issuu.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-12.
- ^ "CNN stops at Shaki City on the Silk Road | The European Azerbaijan Society". web.archive.org. 2014-11-13. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-11-13. Miġbur 2023-04-12.
- ^ "Stained Glass". www.visions.az. Miġbur 2023-04-12.
- ^ "GENERAL INFORMATION ON AZERBAIJANI CULTURE". web.archive.org. 2011-07-25. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-25. Miġbur 2023-04-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Gink, Kalory (1979). Azerbaijan: Mosques, Turrets, Palaces. Corvina-Kiado. pp. 60–61.
- ^ Mammadov, Farid (1994). Azerbaijan: Fortresses-Castles. Iterturan Inc. pp. 195–201.
- ^ "Fortress and Summer Residence of the Khans of Sheki". web.archive.org. 2010-12-14. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-12-14. Miġbur 2023-04-12.
- ^ Т. А. Ханларов (1972). Архитектура Советского Азербайджана. Москва: Стройиздат. p. 56.
- ^ a b "What To Eat In Shaki - Guidepicker.com". web.archive.org. 2011-07-11. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-11. Miġbur 2023-04-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "News.Az - 5th International music festival "Silk Road" to open in Shaki". web.archive.org. 2014-11-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-11-29. Miġbur 2023-04-11.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Təhsil | Azərbaycan Respublikası Şəki şəhər İcra Hakimiyyəti". sheki-ih.gov.az. Miġbur 2023-04-11.
- ^ "Qardaşlaşmış şəhərlər | Azərbaycan Respublikası Şəki şəhər İcra Hakimiyyəti". sheki-ih.gov.az. Miġbur 2023-04-11.