Park Nazzjonali ta' Cilento, Vallo di Diano u Alburni

park nazzjonali Taljan

Il-Park Nazzjonali ta' Cilento, Vallo di Diano u Alburni (bit-Taljan: Parco nazionale del Cilento, Vallo di Diano e Alburni) huwa park nazzjonali Taljan fil-Provinċja ta' Salerno, fir-reġjun ta' Campania fin-Nofsinhar tal-Italja. Jinkludi l-biċċa l-kbira ta' Cilento, il-Wied ta' Diano (bit-Taljan: Vallo di Diano) u l-Għoljiet ta' Alburni. Ġie stabbilit fl-1991[1], u preċedentement kien magħruf bħala l-Park Nazzjonali ta' Cilento u Vallo di Diano.

Veduta ta' Capo Palinuro

Fl-1995 ġiet stabbilita awtorità għall-ġestjoni tal-park nazzjonali.[2] Iż-żona naturali protetta fiha madwar 36,000 ettaru, kollha kemm huma fil-Provinċja ta' Salerno, u iktar 'il quddiem din iż-żona ġiet estiża biex tkopri sa 181,048 ettaru. Illum il-ġurnata din l-art tikkorrispondi għall-parti tan-Nofsinhar tal-provinċja, li tinsab bejn il-pjanura ta' Sele fit-Tramuntana, ir-reġjun ta' Basilicata fil-Lvant u fin-Nofsinhar, u l-Baħar Tirren fil-Punent. Il-park jinkludi t-territorji parzjali jew kollha kemm huma ta' tmien komunitajiet muntanjużi u 80 komun. Mill-1998 l-park nazzjonali tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO[3] (flimkien mas-siti arkeoloġiċi ta' Paestum, Velia u l-Monasteru ta' Padula), mill-1997 sar Riżerva ta' bijosfera u mill-2010 sar l-ewwel park nazzjonali Taljan li sar ġeopark.[4][5] Is-sede tal-park tinsab f'Vallo della Lucania.

 
Is-Sit Arkeoloġiku ta' Paestum

Il-park inħoloq fl-1991 permezz tal-liġi qafas Nru 394 tas-6 ta' Diċembru 1991 (il-Liġi Qafas dwar iż-żoni protetti, il-Ġurnal Uffiċjali (ĠU) Nru 292 tat-13 ta' Diċembru 1991). Iktar 'il quddiem ġew approvati dispożizzjonijiet dwar il-konfini u t-tqassim f'żoni tal-park permezz tal-Ordni tal-Ministeru għall-Ambjent tal-4 ta' Diċembru 1992 (ĠU Nru 300 tat-22 ta' Diċembru 1992) u tat-22 ta' April 1993 (ĠU Nru 103 tal-5 ta' Mejju 1993), kif ukoll permezz tad-Digriet tal-Ministru għall-Ambjent tal-5 ta' Awwissu 1993 (ĠU Nru 199 tal-25 ta' Awwissu 1993). L-ewwel President tal-park nazzjonali kien in-naturalista Vincenzo La Valva.

Diġà fl-1973 kienu saru diskussjonijiet dwar il-ħtieġa li ż-żona ta' Cilento tiġi mħarsa mill-ispekulazzjonijiet tal-kostruzzjoni u minn turiżmu distruttiv tal-massa fil-Konvenju Internazzjonali dwar il-parks kostali Mediterranji f'Castellabate. L-ewwel riżultati nkisbu bl-istabbiliment ta' żewġ riżervi naturali, rispettivament fl-għolja ta' Cervati u tul ix-xmara Calore, b'total ta' 36,000 ettaru.[6]

Permezz tad-Digriet tal-Ministru għall-Ambjent tat-22 ta' Diċembru 1998 (ĠU Nru 127 tat-2 ta' Ġunju 1999) ġie approvat l-istatut tal-Park Nazzjonali ta' Cilento, Vallo di Diano u Alburni, u fl-istess żmien ġew stabbiliti l-konfini u t-tqassim f'żoni tat-territorju, b'superfiċi totali ta' 181,048 ettaru.[7]

Fi Frar 2011, sar ukoll l-ewwel park nazzjonali li għandu biblijoteka diġitalizzata, b'għoxrin elf volum diġitalizzat b'mod fiżiku u online tal-park "Giambattista Vico" ta' Vatolla.[8]

Territorju

immodifika
 
Caselle in Pittari

Il-profil orografiku huwa muntanjuż u mimli għoljiet spiss weqfin. Iż-żoni watja bil-pjanura huma ftit u ġeneralment jinsabu qrib ix-xmajjar prinċipali, ix-xmara Alento lejn il-kosta u x-xmara Tanagro f'Vallo di Diano. Xmajjar oħra tal-park nazzjonali iktar qishom torrenti u nixxigħat, fosthom ix-xmajjar Mingardo, Bussento u Calore stess, li huwa affluwent f'Sele fit-Tramuntana tal-park, li jospita biss il-parti superjuri tagħha (Gole del Calore). Il-qċaċet l-iktar importanti huma: Cervati (1898 m), Alburni (1742 m), Gelbison, magħruf bħala Sacro Monte (1705 m), Motola (1700 m), Monte Centaurino (1433 m), Cocuzzo (1411 m), Bulgheria (1224 m), u Monte Stella (Cilento) (1131 m). Il-kosta hija baxxa u ramlija minn Sele sa Agropoli, u mbagħad ukoll bejn Casal Velino u Ascea; f'inħawi oħra, il-kosta hija għolja u bil-blat, spiss mogħnija b'diversi grotti u qaliet sbieħ.

Ġeoloġija

immodifika

Il-ġeoloġija tal-park nazzjonali hija kkaratterizzata minn żewġ tipi ta' blat predominanti: il-"Flysch ta' Cilento", mimli kuluri u stratifikazzjonijiet, li jinsab qrib il-baċir idrografiku tax-xmara Alento u fil-kosta tat-Tramuntana, u l-ġebla tal-ġir, mimli xquq u għerien karstiċi, tipiċi tal-ktajjen muntanjużi interni (Alburno-Cervati) u tal-parti tan-Nofsinhar tat-territorju tal-park.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Park Nazzjonali ta' Cilento, Vallo di Diano u Alburni, flimkien mas-siti arkeoloġiċi ta' Paestum u ta' Velia, u l-Monasteru ta' Padula, ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[3]

 
Il-Primula di Palinuro, pjanta endemika tal-kosta, is-simbolu tal-park nazzjonali

Fil-park nazzjonali ġew irreġistrati madwar 1,800 speċi veġetali, fosthom pjanta ta' interess komunitarju, magħrufa xjentifikament bħala Primula palinuri (bit-Taljan: primula di palinuro), kif ukoll 25 ħabitat. Peress li jinsab fiċ-ċentru tal-Mediterran, fost iż-żoni differenti skont il-klima u t-temperatura, hemm ukoll ċerti speċijiet ta' siġar li f'inħawi oħra huma pjuttost komuni, fosthom il-betula, iż-żnuber u l-buxus.

Il-veġetazzjoni qrib l-irdumijiet tal-kosta huma ta' interess partikolari. Hemmhekk jikber il-ġilju rari tal-baħar (Pancratium maritimum); f'kuntatt dirett mal-baħar tgħix ukoll il-pjanta endemika tal-lavanda tal-baħar (Limonium remotispiculum), filwaqt li fuq l-irdumijiet jgħixu l-primula di Palinuro, il-qronfol tal-irdumijiet, iċ-Centaurea, l-Iberide florida, u l-Campanula napoletana. Fl-2011, tul ix-xtajtiet tal-blat ġiet skoperta wkoll speċi oħra f'Palinuro, Bassia saxicola, li hija pjanta b'bixra ta' arbuxell tassew rari u li qabel kien magħruf li teżisti biss fil-gżejjer ta' Ischia e Stromboli.[9]

Tul il-kosta bejn Palinuro u Montecorice, b'distribuzzjoni ristretta ħafna, f'żoni bil-blat[10] u biż-żrar kserotermiku tal-ġir instabet il-pjanta endemika esklużiva f'Cilento msejħa l-ġummar ta' Cilento (Genista cilentina (Vals., 1993)).[11]

Ix-xagħri tal-ampelodeżma jinsab l-iktar tul il-kosta sa għoli ta' 700 metru. Hemmhekk jgħixu l-ġummar, il-ġniebru tal-Feniċi, iċ-ċistus ta' Montpellier, il-ġummar ta' Cilento (Genista cilentina)[12], kif ukoll is-siġar tal-mastiċi u l-ġummar xewki. Fil-makkja hemm ukoll is-siġar tal-frawli, is-sies tal-ħaxix tat-tip Erica, ir-riħan, is-siġar tal-batan, u ċ-ċistus ta' Montpellier. Fl-inħawi li ma ġewx affettwati żżejjed mill-impatt tal-bniedem, hemm foresti wkoll tal-ballut xewki, tal-ħarrub u tas-siġar taż-żebbuġ selvaġġ, u 'l hemm u 'l hawn, ftit palm nanu. Barra minn hekk, hemm ukoll sit ta' interess komunitarju b'bosk tas-siġar tal-arżnu ta' Sant'Iconio, li huwa relitt ta' boskijiet li kienu ferm ikbar fl-imgħoddi bi żnuber ta' Aleppo (li llum il-ġurnata qed jerġa' jiġi mħawwel).

 
Siġra taż-żebbuġ antika

Fiż-żoni interni hemm bosta boskijiet b'siġar ħorfija, il-ballut, il-ballut tat-Turkija, il-ballut tal-bajja, l-aġġru, il-Platanus orientalis oriġinarju ta' Velia, l-ulmu iswed, il-fraxxnu tal-manna u l-qastan. 'Il fuq minn 1,000 metru ġeneralment l-ewwel ikun hemm żona bl-alnu ta' Napli, u mbagħad ikun hemm żona mimlija fagu, u qajla l-berberi tal-Etna u l-pimpinelli.

Fil-kampanja, "f'kundizzjonijiet ekoloġiċi tassew 'estremi'"[13], jgħixu diversi pjanti endemiċi bħall-bużbież ta' Lucania (Portenschlagiella ramosissima), speċi li tinstab f'postijiet iżolati bħal-lokalità Limbida, fuq ix-xaqliba tal-ġir tal-Punent ta' Monte Bulgheria, mhux wisq 'il bogħod minn Palinuro u fuq il-ħitan tal-ġir qrib il-bokka tan-nixxigħa ta' Sammaro, bejn Sacco u Roscigno.[13]

Barra minn hekk, fiż-żona protetta tal-park nazzjonali jeżistu 254 speċi ta' orkidej selvaġġi mit-319-il speċi li jeżistu fl-Ewropa kollha u fil-Mediterran.

It-territorju kbir tal-park joffri bosta ambjenti differenti għall-ispeċijiet tal-annimali. Għaldaqstant hemm rikkezza u varjetà kbira ta' speċijiet li jgħixu fil-park nazzjonali: il-ftit stħarriġiet li saru fuq speċijiet ta' interess komunitarju rreġistraw li hemm 63 speċi. Uħud minnhom jitqiesu ta' interess prijoritarju: dawn huma l-Osmoderma eremita u r-Rosalia alpina, invertebrati, u, fost il-vertebrati, il-lupu. B'mod iktar ġenerali, fl-2003 ġew irreġistrati madwar 600 senjalazzjoni tal-ispeċijiet.

Fost il-mammiferi, l-ispeċijiet l-iktar interessanti huma il-farfett il-lejl ta' Cestoni (Myotis blythii (Tomes, 1857)), il-qanfud, il-ballotra, l-iskojjattlu, il-lupu u l-lontra, kif ukoll il-liebru tal-Appennini, il-ġurdien tal-imramma, annimal gerriemi żgħir li huwa priża tal-volpi u tal-ballotra tal-foresti, flimkien mal-ġurdien ħamrani, u l-far selvaġġ jew il-far ta' għonqu isfar jew il-far tal-ballut. Dawn huma l-priża wkoll tal-qattus selvaġġ, li huwa pjuttost mhedded u ta' interess naturalistiku kbir. Spiss jiġu rreġistrati wkoll il-ġrieden ta' denbhom pjuma. Hemm ukoll bosta ċingjali, u speċijiet differenti ta' ċriev introdotti mill-ġdid fl-2003 u fl-2004, li minn dak iż-żmien żdiedu ferm.

Apparti l-farfett il-lejl ta' Cestoni, hemm bosta speċijiet ta' friefet il-lejl, fosthom il-Miniopterus schreibersii Kuhl, 1817, il-Myotis myotis (Borkhausen, 1797), il-Myotis capaccinii (Bonaparte, 1837) u l-Myotis blythii (Tomes, 1857).

 
Il-Kaskata Capelli di Venere

Fost l-avifawna hemm diversi għasafar tal-priża bħall-ajkla rjali (Aquila chrysaetos), l-ajkla bajda (Circaetus gallicus), il-bies (Falco peregrinus), il-bies rasu qastnija (Falco biarmicus), l-għarab (Corvus corax), il-kokka imperjali (Bubo bubo) u l-kokka omm is-subien (Strix aluco). Ta' interess kbir hija l-preżenza tal-isparvier tal-ħamiem (Accipiter gentilis). Barra minn hekk, fost l-għasafar tal-priża hemm ukoll il-kuċċarda (Pernis apivorus), l-astun iswed (Milvus migrans), u l-astun aħmar (Milvus milvus). Fost l-għasafar inġenerali, huma komuni l-il-bulebbiet iswed (Dryocopus martius), is-sitta (Sitta europaea), iċ-ċuqlajta (Lullula arborea), il-buqrajq (Caprimulgus europaeus), il-kalandra (Melanocorypha calandra), il-kaċċamendula ħamra (Lanius collurio), il-farruġ (Coracias garrulus (Linnaeus, 1758)), iż-żanżarell tal-kullar (Ficedula albicollis (Temminck, 1815)), u qrib in-nixxigħat tal-ilma l-għasfur ta' San Martin (Alcedo atthis), l-għasfur tax-xmajjar (Cinclus cinclus (Linnaeus, 1758)) u l-monakella (Charadrius dubius (Scopoli, 1786)). Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, ta' min isemmi li fix-xtiewi tpassi l-gawwija munqarha aħmar (Ichthyaetus audouinii (Payraudeau, 1826)).

Fost ir-rettili jgħixu erba' speċijiet ta' sriep: is-serp b'erba' linji (Elaphe quatuorlineata), is-serp frosta ħadra ((Hierophis viridiflavus (Lacépède, 1789)), il-lifgħa ta' Cilento (Vipera aspis) u s-serp tal-ilma (Natrix maura). Fl-ilmijiet kesħin jgħixu wkoll l-anfibji bħas-salamandra rari tan-nuċċali (Salamandrina terdigitata (Bonnaterre, 1789)), li hija endemika fl-Italja, kif ukoll speċijiet iktar komuni bħas-salamandra komuni, il-gremxula tal-ilma Taljana (Lissotriton italicus (Peracca, 1898)), ir-rospu ta' żaqqu safra (Bombina variegata (Linnaeus, 1758)), iż-żrinġ tal-Appennini (Rana italica (Dubois, 1987)), iż-żrinġ aġli (Rana dalmatina), u r-rospu komuni (Bufo bufo (Linnaeus 1758)). Tul ix-xtut bir-ramel ta' Marina di Camerota kemm-il darba tfaċċaw il-fkieren il-baħar Caretta caretta (fl-2020 seħħ l-aħħar każ fejn bejtu u biedu l-bajd tul il-kosta). Il-fawna tal-baħar tvarja ferm u hija kumplessa: ġew irreġistrati wkoll, apparti d-diversi speċijiet ta' ħut, xi ċetaċji bħad-denfil komuni (Tursiops truncatus (Montagu, 1821)), il-gabdoll (Physeter macrocephalus) u d-denfil tal-istrixxi (Stenella coeruleoalba (Meyen 1833)). Ġew irreġistrati wkoll il-biċċa l-kbira taċ-Ċiprinidi ta' interess komunitarju, bħall-barbju (Barbus barbus), mhux awtoktonu, il-karpjun Taljan (Alburnus albidus) u l-vairone (Telestes muticellus), kif ukoll tipi differenti ta' mazzarelli u fil-bokka tax-xmara Mingardo il-killifish tal-Mediterran (Aphanius fasciatus (Nardo, 1827)).

Fost l-invertebrati ġew irreġistrati wkoll ir-Rosalia alpina, l-Oxygastra curtisii, il-Cucujus cinnaberinus u l-Osmoderma eremita.

Siti arkeoloġiċi

immodifika
  • Żona arkeoloġika lungo il litorale di Camerota
  • Żona arkeoloġika ta' Monte Pruno - Roscigno
  • Żona arkeoloġika ta' Paestum - Capaccio
  • Żona arkeoloġika ta' Elea-Velia - Ascea
  • Żona arkeoloġika ta' Moio della Civitella (phrourion)
  • Żona arkeoloġika ta' "Città di Leo" f'Roccagloriosa
 
Is-simbolu taċ-ċentru storiku ta' Roscigno

Attrazzjonijiet

immodifika
  • Il-Kosta ta' Cilento
  • Iċ-ċentru storiku u l-portali antiki ta' Ottati
  • Is-sit arkeoloġiku u l-fdalijiet antiki ta' insedjament rurali tal-1000 W.K. f'Colle Civita (Ottati)
  • Il-Perkors Magliano Nuovo - Postiglione, mogħdija tat-trekking li tgħaddi mill-pont Medjevali magħruf ta' Magliano Nuovo u mill-Gole del Calore
  • Il-Kunvent tad-Dumnikani (li ngħata lid-Dumnikani permezz tal-Breve ta' Papa Sistu IV tal-10 ta' Ottubru 1480) (Ottati)
  • Il-Grotta ta' Santacroce (Ottati)
  • Il-Knisja tal-Annunzjata b'portal tal-ġebel tal-1618 (Ottati)
  • Is-Santwarju tal-Madonna ta' Cardoneto (1100-1200), bi statwa tal-Madonna tas-seklu 15 (Ottati)
  • Il-mogħdija ta' Monte Panormo (Ottati)
  • L-għajn ta' Auso (Ottati)
  • Il-Knisja ta' San Donato (Ottati)
  • Il-Knisja tal-Madonna tal-Grazzji (1500) (Ottati)
  • Il-Knisja ta' San Biagio (fejn tiġi kkonservata r-relikwa tal-qaddis) (Ottati)
  • Iż-żona marina protetta ta' Santa Maria di Castellabate fil-komun ta' Castellabate
  • Ir-raħal Medjevali ta' Castellabate
  • Il-gżira ta' Licosa fil-komun ta' Castellabate
  • Il-pont Medjevali ta' Magliano Nuovo
  • Iċ-ċentru storiku u r-raħal Medjevali ta' Camerota
  • Iż-żona marina protetta ta' Costa degli Infreschi u ta' Masseta fil-komun ta' Camerota u ta' San Giovanni a Piro
  • Il-monasteru Biżantin fil-komun ta' San Giovanni a Piro
  • Is-Santwarju tal-Madonna ta' Pietrasanta fil-komun ta' San Giovanni a Piro
  • Monte Bulgheria fil-komuni ta' San Giovanni a Piro, Camerota, Roccagloriosa u Celle di Bulgheria
  • Monte Cervati fil-komuni ta' Monte San Giacomo, Piaggine u Sanza
  • Il-Biblijoteka Marone fil-komun ta' Monte San Giacomo
  • Monte Stella, iċ-ċentru storiku u l-veduta panoramika fil-komun ta' Omignano
  • Il-Kastell Medjevali ta' Rocca Cilento fil-komun ta' Lustra
  • Il-Kaskati Capelli di Venere fil-komun ta' Casaletto Spartano
  • Iċ-ċentru storiku ta' Castel San Lorenzo
  • Iċ-ċentru storiku ta' Teggiano
  • Iċ-ċentru storiku u l-port turistiku ta' Agropoli
  • Iċ-ċentru storiku u l-veduta panoramika fil-foresta tal-qastan fil-komun ta' Roccadaspide
  • Il-Monasteru ta' Padula fil-komun ta' Padula
  • Iċ-ċentru storiku, il-ġnien botaniku u l-monasteru Benedittin ta' Bellosguardo
  • Iċ-ċentru storiku, il-knisja u l-kastell ta' Magliano Nuovo
  • Gole del Calore fil-komun ta' Felitto
  • Il-Grotta tal-Anġlu fil-komun ta' Sant'Angelo a Fasanella
  • Il-Grotti ta' Capo Palinuro fil-komun ta' Centola
  • Il-Grotti ta' Castelcivita fil-komun ta' Castelcivita
  • Is-Santwarju djoċesan ta' Santa Marija tal-Borra fil-komun ta' Sanza
  • Iċ-ċentru storiku ta' Roscigno fil-komun ta' Roscigno
  • L-għejun tat-torrent Sammaro bejn il-komuni ta' Roscigno u Sacco
  • Is-Santwarju Ewkaristiku fil-komun ta' San Mauro La Bruca
  • Is-Santwarju tal-Madonna ta' Monte Sacro ta' Novi Velia
  • Il-mogħdija naturalistika ta' Campo d'amore u l-Grotta ta' Sant'Elija fil-komun ta' Postiglione
  • Iż-żona protetta tad-WWF fil-komun ta' Morigerati, bil-grotti fejn terġa' titfaċċa x-xmara Bussento
  • Ir-raħal Medjevali ta' San Severino di Centola
  • Iċ-ċentru storiku u l-veduta panoramika ta' Trentinara, it-"terrazza ta' Cilento"
  • Alento, iż-żona protetta tax-xmara Alento fil-komun ta' Prignano Cilento
  • Il-bajjiet ta' Masseta Scario

Mużewijiet

immodifika
  • Il-Mużew Ċiviku f'Camerota f'Piazza San Nicola
  • Il-Mużew Ekoloġiku Paleolitiku ta' Camerota
  • Il-Mużew u d-Dar ta' Josè Ortega a Bosco (San Giovanni a Piro)
  • Il-Mużew Vallicelli f'Monte San Giacomo
  • Il-Mużew ħaj tal-baħar f'Pioppi, distrett ta' Pollica
  • Il-Mużew taċ-"Ċiviltà tal-Bdiewa" f'Roscigno Vecchio
  • Il-Mużew tal-Arti Sagra ta' Castellabate
  • Il-Mużew tal-Arti Sagra f'Piazza Europa f'Roscigno Nuovo
  • Il-Mużew Naturalistiku ta' Alburni f'Corleto Monforte
  • Il-Mużew Arkeoloġiku Provinċjali ta' Lucania tal-Punent f'Padula
  • Il-Mużew Arkeoloġiku Nazzjonali ta' Paestum f'Capaccio
  • Il-Mużew taċ-Ċiviltà tal-Bdiewa u tal-Artiġjanat Lokali, fl-iskola primarja ta' Castel San Lorenzo
  • Il-Mużew taċ-Ċiviltà tal-Bdiewa f'Vatolla
  • Il-Mużew Vichiano f'Vatolla
  • L-Antikwarju u l-Laboratorju tal-Arkeoloġija tal-Iskavi ta' Monte Pruno f'Piazza Silvio Resciniti f'Roscigno Nuovo.
  • Il-Mużew Djoċesan tal-Arti Sagra f'Vallo della Lucania
  • Il-Mużew Paleontoloġiku tal-Park Nazzjonali ta' Cilento u ta' Vallo di Diano, f'Magliano Vetere
  • Il-Mużew Etnografiku ta' Morigerati

Aċċess

immodifika

Il-park nazzjonali jista' jiġi aċċessat faċilment mid-diversi komuni kbar tal-madwar, Capaccio-Paestum jew Sapri għal Cilento, u Sala Consilina u Monte San Giacomo għal Vallo di Diano. Madankollu, minħabba l-kobor tiegħu, l-aħjar li jiġi aċċessat minn postijiet differenti, skont l-attrazzjoni li wieħed ikun irid iżur. Barra minn hekk, hemm nuqqas ta' strutturi tal-akkoljenza u ta' kollegamenti infrastrutturali fuq distanza twila; għaldaqstant m'hemmx postijiet ewlenin ta' aċċess reali għall-park nazzjonali.

Il-komuni li jagħmlu parti minn dan il-park nazzjonali huma: Agropoli, Aquara, Ascea, Auletta, Bellosguardo, Buonabitacolo, Camerota, Campora, Cannalonga, Capaccio, Casalbuono, Casal Velino, Casaletto Spartano, Caselle in Pittari, Castel San Lorenzo, Castelcivita, Castellabate, Castelnuovo Cilento, Celle di Bulgheria, Centola, Ceraso, Cicerale, Controne, Corleto Monforte, Cuccaro Vetere, Felitto, Futani, Gioi, Giungano, Laureana Cilento, Laurino, Laurito, Lustra, Magliano Vetere, Moio della Civitella, Montano Antilia, Montecorice, Monteforte Cilento, Sala Consilina, Monte San Giacomo, Montesano sulla Marcellana, Morigerati, Novi Velia, Omignano, Orria, Ottati, Padula, Perdifumo, Perito, Petina, Piaggine, Pisciotta, Polla, Pollica, Postiglione, Roccadaspide, Roccagloriosa, Rofrano, Roscigno, Rutino, Sacco, Salento, San Giovanni a Piro, San Mauro Cilento, San Mauro La Bruca, San Pietro al Tanagro, San Rufo, Santa Marina, Santa Maria di Castellabate, Sant'Angelo a Fasanella, Sant'Arsenio, Sanza, Sapri, Sassano, Serramezzana, Sessa Cilento, Sicignano degli Alburni, Stella Cilento, Stio, Teggiano, Torre Orsaia, Tortorella, Trentinara, Vallo della Lucania u Valle dell'Angelo.

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Parco Nazionale del Cilento e Vallo di Diano". web.archive.org. 2012-06-29. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-06-29. Miġbur 2022-03-11.
  2. ^ "LEGGE 18 luglio 2011, n. 137 - Normattiva". www.normattiva.it. Miġbur 2022-03-11.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Cilento and Vallo di Diano National Park with the Archeological Sites of Paestum and Velia, and the Certosa di Padula". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-11.
  4. ^ "Parks.it | Parchi e altre aree naturali protette italiane nei Geoparchi mondiali UNESCO". www.parks.it. Miġbur 2022-03-11.
  5. ^ "Cilento and Vallo di Diano Geopark". Istituto Superiore per la Protezione e la Ricerca Ambientale (bit-Taljan). Miġbur 2022-03-11.
  6. ^ "Parco Nazionale del Cilento". digilander.libero.it. Miġbur 2022-03-11.
  7. ^ "Ministero dell`Ambiente - Parco Nazionale del Cilento e Vallo di Diano". web.archive.org. 2011-07-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-09. Miġbur 2022-03-11.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  8. ^ "Una biblioteca digitale per il Parco Cilento - Corriere del Mezzogiorno". corrieredelmezzogiorno.corriere.it. Miġbur 2022-03-11.
  9. ^ "Centola Palinuro: scoperta la kochia saxicola, pianta rara in Italia". SalernoToday (bit-Taljan). Miġbur 2022-03-13.
  10. ^ Giovanna Abbate, Francesco Corbetta, Anna Rita Frattaroli, Gianfranco Pirone, Il Parco del Cilento. Ambiente, flora e vegetazione, in Natura e Montagna, n. 1/2, a. XLIII.
  11. ^ "Conservazione della Natura - Macchia-a-Genista-cilentina". web.archive.org. 2014-01-11. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-01-11. Miġbur 2022-03-13.
  12. ^ Speċi deskritta minn Franca Valsecchi fl-1993
  13. ^ a b Giovanna Abbate, Francesco Corbetta, Anna Rita Frattaroli, Gianfranco Pirone, Il Parco del Cilento. Ambiente, flora e vegetazione, in Natura e Montagna, n. 1/2, a. XLIII.