Pamukkale
Pamukkale, li tfisser "kastell tal-qoton" bit-Tork, huwa sit naturali fil-Provinċja ta' Denizli fil-Lbiċ tat-Turkija. Iż-żona hija famuża għall-mineral karbonat li jitħalla mill-fluss tal-ilma tal-fawwara termali.[1] Is-sit jinsab fir-reġjun Eġew fuq ġewwa tat-Turkija, fil-wied tax-xmara Menderes, li għandu klima miti għall-biċċa l-kbira tas-sena.
Il-belt Griega antika ta' Hierapolis (li tfisser Belt Sagra) inbniet fuq formazzjoni tat-travertin (il-ġir li jifforma mill-fawwara termali) li b'kollox hija twila madwar 2,700 metru, wiesgħa 600 metru u għolja 160 metru.[1] Wieħed jista' jara s-sit mill-għoljiet fuq in-naħa opposta tal-wied fir-raħal ta' Denizli, xi 20 kilometru 'l bogħod. Din iż-żona magħrufa bħala Pamukkale-Hierapolis ilha tattira l-viżitaturi minħabba l-fawwariet termali tagħha minn żmien l-antikità klassika. L-isem bit-Tork jirreferi għas-superfiċe tal-ġebla tal-ġir bajda silġ, imsawra tul il-millenji mill-fawwariet mimlija kalċit. Bil-qatra l-qatra, l-ilmijiet mimlija minerali jgelglu ma' ġenb l-għolja tas-sit u jinġemgħu f'vaski minerali sa ma jfuru u joħolqu qishom kaskati żgħar għal ġol-vaski ta' taħt. Skont leġġenda l-formazzjonijiet huma qoton solidifikat (l-għalla prinċipali taż-żona) li l-ġganti ħallew jinxef fix-xemx.[1]
In-nies żaru ż-żona minn eluf ta' snin ilu minħabba l-attrazzjoni tal-fawwara termali. Saħansitra sa nofs is-seklu 20, kienu nbnew lukandi fuq il-fdalijiet ta' Hierapolis li kkawżaw ħsara konsiderevoli. Inbniet triq mill-wied sal-kaskati mtarrġin ta' Pamukkale, u l-muturi kienu jitħallew jitilgħu u jinżlu mill-għoljiet bojod. Meta ż-żona ġiet iddikjarata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, il-lukandi twaqqgħu u t-triq tneħħiet u ġiet sostitwita b'vaski artifiċjali. Hemm fdalijiet Rumani ppreservati tajjeb u mużew fil-post. Mogħdija tal-mixi żgħira tippermetti lill-viżitaturi jaslu sas-sit ħafjin billi jgħaddu minn fuq fluss tat-travertin, għalkemm il-kaskati mtarrġin kollha huma magħluqin għall-pubbliku, u wieħed jista' jħares biss lejhom, minħabba li ġarrbu ħsarat mill-erożjoni u t-tniġġis tal-ilma minħabba t-turiżmu.[2]
Pamukkale ġiet iddikjarata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988 flimkien ma' Hierapolis.[2]
Ġeoloġija
immodifikaIl-kaskati mtarrġin ta' Pamukkale huma magħmulin bit-travertin, blat sedimentari ddepożitat mill-ilma minerali tal-fawwariet termali. F'din iż-żona, hemm 17-il fawwara termali b'temperaturi li jvarjaw minn 35 °C (95 °F) sa 100 °C (212 °F). L-ilma li jfeġġ mill-fawwara jiġi ttrasportat 320 metru (1,050 pied) lejn il-parti ta' fuq tal-kaskati mtarrġin tat-travertin u jiddepożita l-karbonat tal-kalċju fuq sezzjoni twila bejn 60 u 70 metru (200 u 230 pied) li tkopri medda ta' 24 metru (79 pied) sa 30 metru (98 pied). Meta l-ilma, supersaturat bil-karbonat tal-kalċju, jasal fis-superfiċe, id-diossidu tal-karbonju jiddegassifika minnu, u jiġi ddepożitat il-karbonat tal-kalċju. Il-karbonat tal-kalċju jiġi ddepożitat mill-ilma bħala ġell artab li eventwalment jikkristallizza fit-travertin.[1]
Arkeoloġija
immodifikaFtit fatti storiċi biss huma magħrufa dwar l-oriġini tal-belt ħdejn Pamukkale. Ma hemm l-ebda traċċa tal-preżenza tal-Ittiti jew tal-Persjani. Il-Friġej bnew tempju, x'aktarx fl-ewwel nofs tas-seklu 7 Q.K. Dan it-tempju, li oriġinarjament kien jintuża miċ-ċittadini tar-raħal fil-qrib ta' Laodicea, iktar 'il quddiem ifforma ċ-ċentru ta' Hierapolis.
Hierapolis ġiet stabbilita bħala spa termali fil-bidu tas-seklu 2 Q.K. fi ħdan l-isfera tal-Imperu tas-Selewċidi. Antijoku l-Kbir bagħat 2,000 familja Lhudija lejn Lydia u Phrygia mill-Babilonja u mill-Mesopotamja, li iktar 'il quddiem ingħaqdu magħhom iktar familji mill-Ġudea. Il-kongregazzjoni ta' Lhud kibret f'Hierapolis u ġie stamat li kienet laħqet saħansitra l-50,000 ruħ fit-62 Q.K.[3] Hierapolis saret ċentru tal-fejqan fejn it-tobba kien jużaw il-fawwara termali bħala trattament għall-pazjenti tagħhom. Il-belt bdiet tizzekka l-muniti tal-bronż fis-seklu 2 Q.K. Fuq dawn il-muniti kien hemm isem il-belt ta' Hieropolis. Mhuwiex ċar jekk dan l-isem kienx jirreferi għat-tempju oriġinali (ἱερόν, hieron) jew kienx turija ta' ġieħ lil Hiera, il-mara ta' Telefu, iben Erakle u l-prinċipessa Auge, is-suppost fundatriċi tad-dinastija Attalida ta' Pergamon. Eventwalment dan l-isem inbidel għal Hierapolis ("belt sagra"). Fil-133 Q.K., meta miet Attalus III, ħalla b'wirt ir-renju tiegħu lil Ruma. Hierapolis b'hekk saret parti mill-provinċja Rumana tal-Asja. Fis-17 W.K., matul ir-renju tal-Imperatur Tiberju, terremot kbir qered il-belt.[4]
Permezz tal-influwenza tal-appostlu Kristjan Pawlu, ġiet stabbilita knisja hemmhekk meta kien f'Efesu.[5] L-appostlu Kristjan Filippu qatta' l-aħħar snin ta' ħajtu hawnhekk.[6] Il-martyrium tal-belt allegatament inbena fuq il-post fejn Filippu kien ġie msallab fit-80 W.K. Jingħad li t-tfal bniet tiegħu kienu jagħmluha ta' profeti fir-reġjun.[7][8] Matul is-seklu 4, il-Kristjani mlew id-Daħla ta' Plutone (ploutonion) bil-ġebel, li jagħti x'jifhem li l-Kristjaneżmu kien sar reliġjon dominanti u beda jieħu post reliġjonijiet oħra fiż-żona. Oriġinarjament sede tal-Phrygia Pacatiana[9], l-Imperatur Biżantin Ġustinjanu tella' l-grad ġerarkiku tal-isqof ta' Hierapolis għall-grad metropolitan fil-531. Il-banjijiet Rumani ġew ittrasformati f'bażilika Kristjana. Matul żmien il-Biżantini, il-belt kompliet tiffjorixxi u baqgħat ukoll ċentru importanti għall-Kristjaneżmu.
Mużew
immodifikaIl-mużew fih artefatti storiċi minn Hierapolis, kif ukoll dawk minn Laodiceia, Colossae, Tripoli, Attuda u rħula oħra tal-wied ta' Lycos (Çürüksu). Il-mużew fih ukoll sezzjoni ddedikata għall-artefatti li nstabu f'Beycesultan Hüyük li jinkludu eżempji tal-artiġjanat ta' Żmien il-Bronż.
Fil-mużew jintwerew ukoll artefatti mir-reġjuni ta' Caria, Pisidia u Lydia. L-ispazju tal-mużew jikkonsisti minn tliet kompartimenti magħluqa tal-Banju ta' Hierapolis u ż-żoni fil-beraħ fin-naħa tal-Lvant li huwa magħruf li kienu jintużaw bħala librerija u gymnasium. L-artefatti fl-ispazju fil-beraħ huma fil-biċċa l-kbira tal-irħam u tal-ġebel. Hierapolis hija maqsuma f'diversi fdalijiet differenti.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIs-sit ta' Hierapolis-Pamukkale ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988 u huwa attrazzjoni turistika bis-saħħa tas-sbuħija naturali ta' Pamukkale u l-importanza storika ta' Hierapolis.[2]
L-attività vulkanika taħt l-art li tikkawża l-fawwariet termali wasslet ukoll id-diossidu tal-karbonju f'għar, li kien issejjaħ Plutonju, li fil-lokalità kien jirreferi għall-"post tal-alla Plutone". Dan l-għar kien jintuża għal skopijiet reliġjużi mill-patrijiet ta' Ċibele, li sabu modi kif jibqgħu immuni għall-gass soffokanti.
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali".[2]
Protezzjoni tal-ilmijiet termali
immodifikaIl-lukandi li nbnew fis-snin 60 tas-seklu 20 twaqqgħu peress li kienu qed ikollhom effett negattiv fuq l-ilmijiet termali fil-pixxini tal-għawm tagħhom u kienu qed jikkawżaw ħsara lill-kaskati mtarrġin. Il-provvista tal-ilma lejn il-lukandi attwali lil hinn mis-sit ġiet ristretta fi sforz li jiġi ppreservat is-sit kollu u biex id-depożiti jitħallew jerġgħu jiġġeneraw.[2]
L-aċċess għall-kaskati mtarrġin huwa ristrett biss għal mogħdija ċentrali bejn il-kaskati tat-travertin u l-viżitaturi jridu jimxu ħafjin fil-partijiet bit-travertin u bl-ilma. L-għawm jitħalla biss fil-pixxini artifiċjali ħdejn il-mużew.
Ġemellaġġ
immodifikaIr-raħal bl-istess isem li żviluppa qrib Pamukkale huwa ġemellat ma':
- Eger, l-Ungerija,
- Las Vegas, l-Istati Uniti.
Postijiet simili
immodifikaDawn il-postijiet huma magħrufa sew ukoll għall-formazzjonijiet tat-travertin tagħhom:
- Egerszalók fl-Ungerija
- Badab-e Surt fl-Iran
- Mammoth Hot Springs fl-Istati Uniti
- Pink and White Terraces f'New Zealand[10][11]
- Hierve el Agua fil-Messiku
- Bagni San Filippo, Siena, fl-Italja
- Baishuitai fiċ-Ċina
- Tatev, fl-Armenja
- Terme di Saturnia fl-Italja
- Żona ta' Interess Storiku u Xeniku ta' Huanglong, Sit ta' Wirt Dinji simili tal-UNESCO fiċ-Ċina.[12]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ d Scheffel, Richard L.; Wernet, Susan J., eds. (1980). Natural Wonders of the World. United States of America: Reader's Digest Association, Inc. p. 286. ISBN 978-0-89577-087-5.
- ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Hierapolis-Pamukkale". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-26.
- ^ "Jewish Congregation in Hierapolis. Padfield.com" (PDF).
- ^ Kevin M. Miller (Lulju 1985). "Apollo Lairbenos". Numen. 32 (1): 46–70.
- ^ Kolossin 4:13.
- ^ "Papias (Roberts-Donaldson)". web.archive.org. 2015-09-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-09-24. Miġbur 2022-03-26.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "NPNF2-01. Eusebius Pamphilius: Church History, Life of Constantine, Oration in Praise of Constantine - Christian Classics Ethereal Library". web.archive.org. 2018-05-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-05-04. Miġbur 2022-03-26.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "NPNF2-01. Eusebius Pamphilius: Church History, Life of Constantine, Oration in Praise of Constantine - Christian Classics Ethereal Library". web.archive.org. 2017-10-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-10-14. Miġbur 2022-03-26.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ RAMSAY, Cities and Bishoprics of Phrygia (Oxford, 1895–1897)
- ^ Bunn, Rex; Nolden, Sascha (2017-06-07). "Forensic cartography with Hochstetter's 1859 Pink and White Terraces survey: Te Otukapuarangi and Te Tarata". Journal of the Royal Society of New Zealand. 48: 39–56.
- ^ Bunn and Nolden, Rex and Sascha (December 2016). "Te Tarata and Te Otukapuarangi: Reverse engineering Hochstetter's Lake Rotomahana Survey to map the Pink and White Terrace locations". Journal of New Zealand Studies. NS23: 37–53.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Huanglong Scenic and Historic Interest Area". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-26.