Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fin-Netherlands

lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fin-Netherlands

Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] In-Netherlands irratifikaw il-Konvenzjoni fis-26 ta' Awwissu 1992, u b'hekk is-siti indikattivi tiegħu setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]

Il-faċċati tal-Handelskade, Willemstad.

B'kollox, ir-Renju tan-Netherlands għandu 13-il Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Tnax minnhom jinsabu fl-art kontinentali tan-Netherlands u wieħed f'Curaçao, fil-Karibew. In-Netherlands u Curaçao huma żewġ entitajiet kostitwenti tar-Renju tan-Netherlands. Tnax-il sit huma kulturali u wieħed naturali. L-ewwel sit li żdied mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO kien dak ta' Schokland u l-Madwar fl-1995. L-aħħar sit żdiedu fl-2023: il-Planetarju ta' Eisinga fi Franeker. Is-sit transnazzjonali tal-Baħar ta' Wadden (is-sit naturali) huwa kondiviż mad-Danimarka u mal-Ġermanja, il-Kolonji tal-Benevolenza huma kondiviżi mal-Belġju, u l-Fruntieri Rumani Ġermaniċi t'Isfel huwa sit kondiviż mal-Ġermanja.

Siti ta' Wirt Dinji

immodifika

L-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali.[4]

NB: * Siti transnazzjonali (bl-ikħal)

Sit Stampa Post Sena tad-deżinjazzjoni Kriterji tal-Għażla Deskrizzjoni
Schokland u l-inħawi tal-madwar   Noordoostpolder, Flevoland 1995 iii, v (kulturali) Schokland toħroġ fid-dieher kif in-nies tan-Netherlands kienu qed jitħabtu kontra l-baħar. Hija peniżola li kienet ġiet abitata fiż-żminijiet preistoriċi, saret gżira fis-seklu 15, sa ma nbelgħet għalkollox miz-Zuiderzee fl-1859. In-Noordoostpolder inħoloq fis-snin 40 tas-seklu 20 u b'konsegwenza ta' dan Schokland ġiet irkuprata.[5]
Linji tal-Ilma Difensivi Olandiżi   it-Tramuntana tal-Olanda, Utrecht, in-Nofsinhar tal-Olanda u t-Tramuntana ta' Brabant 1996 ii, iv, v (kulturali) Il-linja difensiva ta' Amsterdam inbniet bejn l-1883 u l-1920. Il-fortifikazzjoni hija bbażata fuq il-prinċipju tal-kontroll tal-ilmijiet madwar il-belt. Tinkludi network ta' 45 forti armat u tista' tgħerreq il-polders temporanjament. In-network huwa estiż fuq 135 kilometru (84 mil) madwar Amsterdam. Is-sit oriġinarjament ġie elenkat bħala l-Linja Difensiva ta' Amsterdam fl-1996. Fl-2021, is-sit ġie estiż sabiex jiġu inklużi l-istrutturi difensivi f'total ta' 9 postijiet u ngħata l-isem ġdid ta' Linji tal-Ilma Difensivi Olandiżi.[6]
Network tal-Imtieħen f'Kinderdijk-Elshout   Alblasserdam u Nieuw-Lekkerland, in-Nofsinhar tal-Olanda 1997 i, ii, iv (kulturali) Dan is-sit huwa eżempju ta' pajsaġġ magħmul mill-bniedem permezz tad-drenaġġ tal-ilma mill-polders. Il-kostruzzjoni ta' impjanti idrawliċi bdiet fil-Medju Evu sabiex tinħoloq l-art għall-agrikoltura u għall-insedjamenti. Il-wirt teknoloġiku jinkludi kanali baxxi u għoljin tad-drenaġġ u tat-trasport għall-ilma żejjed tal-polders, meded tal-art irkuprati, digi, tliet impjanti tal-ippompjar, żewġ digi ta' skariku, żewġt idjar tal-Bord tal-Ilma, u 19-il mitħna tad-drenaġġ, li l-maġġoranza tagħhom inbnew bejn l-1738 u l-1740.[7]
Żona Storika ta' Willemstad, iż-Żona Interna tal-Belt u l-Port, Curaçao   Willemstad, Curaçao 1997 ii, iv, v (kulturali) Willemstad ġiet stabbilita bħala insedjament kummerċjali mill-merkanti min-Netherlands fl-1634. Ir-raħal modern jikkonsisti minn diversi distretti storiċi, li jirriflettu t-taħlita ta' influwenzi kulturali Olandiżi, Spanjoli u Portugiżi, kif ukoll mill-Afrika u l-Karibew. Diversi djar storiċi nżebgħu b'kuluri jgħajtu, li hija tradizzjoni li tmur lura għall-bidu tas-seklu 19.[8]
Impjant tal-Ippompjar bl-Istim ta' Wouda   Lemmer, Lemsterland, Friesland 1998 i, ii, iv (kulturali) L-Impjant tal-Ippompjar bl-Istim ta' Wouda huwa impjant li jaħdem bl-istim sabiex jipprevjeni l-għargħar fiż-żoni baxxi ta' Friesland. L-impjant beda jopera fl-1920. Meta nbena, kien l-ikbar impjant li jaħdem bl-istim u l-iżjed wieħed avvanzat teknoloġikament fid-dinja. L-impjant għadu jiffunzjona.[9]
Droogmakerij de Beemster (il-Polder ta' Beemster)   Beemster, it-Tramuntana tal-OIanda 1999 i, ii, iv (kulturali) Il-Polder ta' Beemster huwa l-ewwel polder li nħoloq bl-irkupru tal-art minn lag. Id-drenaġġ sar fl-1612, u dan sar possibbli bis-saħħa tal-avvanzi fit-teknoloġija tal-imtieħen. Il-polder ġie stabbilit bi pjanta ġeometrika, skont il-prinċipji tal-ippjanar Rinaxximentali. Il-pjanta bażika hija rettangolari, 180 metru (590 pied) b'900 metru (3,000 pied). In-network tat-toroq u tal-mogħdijiet tal-ilma huwa orjentat mit-Tramuntana għan-Nofsinhar u mil-Lvant għall-Punent. Il-polder għadu jintuża għall-agrikoltura.[10]
Dar ta' Rietveld Schröder   Utrecht, Provinċja ta' Utrecht 2000 i, ii (kulturali) Id-Dar ta' Rietveld Schröder inbniet fl-1924. Ġiet ikkummissjonata minn Truus Schröder-Schräder u ġiet iddisinjata minn Gerrit Thomas Rietveld. Id-dar hija waħda mill-iżjed eżempji magħrufa tal-moviment De Stijl. Tesa' familja żgħira waħda u għandha arranġament spazjali intern flessibbli, li kien jippermetti li jsiru bidliet gradwali maż-żmien skont il-bidliet fil-funzjonijiet. Fis-snin 70 u 80 tas-seklu 20 ġiet irrestawrata bir-reqqa għall-istat oriġinali tagħha u minn dak iż-żmien 'l hawn ġiet ippreservata bħala mużew.[11]
Baħar ta' Wadden*   Friesland, Groningen, u t-Tramuntana tal-Olanda 2009 viii, ix, x (naturali) Il-Baħar ta' Wadden jinkludi ż-Żona ta' Konservazzjoni tal-Baħar ta' Wadden fin-Netherlands, il-Parks Nazzjonali Ġermaniżi tal-Baħar ta' Wadden ta' Niedersachsen u ta' Schleswig-Holstein, u l-medda tad-Danimarka. Il-linja tal-kosta ġeneralment hija waħda ċatta u fiha artijiet bassasa, artijiet bit-tajn, imraġ u duni. Is-sit ikopri żewġ terzi tal-Baħar ta' Wadden u jospita bosta speċijiet ta' pjanti u ta' annimali. Fih jitnisslu sa 12-il miljun għasfur fis-sena u jappoġġa iktar minn 10 fil-mija tal-popolazzjoni ta' 29 speċi. Ġie estiż fl-2011 biex jinkludi l-Park Nazzjonali Ġermaniż tal-Baħar ta' Wadden ta' Amburgu u fl-2014 ġiet inkluża l-parti Daniża wkoll tal-Baħar ta' Wadden.[12]
Kanali ta' Amsterdam tas-seklu 17 fis-Singelgracht   Amsterdam, it-Tramuntana tal-Olanda 2010 i, ii, iv (kulturali) Id-Distrett tal-Kanali ta' Amsterdam ġie ddisinjat fl-aħħar tas-seklu 16 u nbena fis-seklu 17, bħala belt portwali artifiċjali ġdida għalkollox. Il-kanali huma stabbiliti bħala arki konċentriċi, b'intersezzjonijiet ta' mogħdijiet tal-ilma u ta' toroq radjali. Il-maġġoranza tad-djar li nbnew fis-sekli 17 u 18 ġew ippreservati, filwaqt li l-istrutturi ċivili u idrawliċi antiki ġeneralment ġew sostitwiti. Fis-sekli 17 u 18, Amsterdam kienet meqjusa bħala mudell ta' referenza għal diversi proġetti madwar id-dinja.[13]
Fabbrika ta' Van Nelle   Rotterdam, in-Nofsinhar tal-Olanda 2014 ii, iv (kulturali) Il-fabbrika nbniet fis-snin 20 tas-seklu 20 bħala impjant tal-ipproċessar tal-ikel u tal-imballaġġ tal-kafè, tat-te u tat-tabakk. Ġiet iddisinjata minn Leendert van der Vlugt u tirrappreżenta kunċett ġdid ta' fabbrika, simbolu tal-kultura tal-Moderniżmu u tal-Funzjonaliżmu tal-perjodu bejn il-gwerer dinjin. Il-faċċati huma magħmulin mill-azzar u mill-ħadid, biex il-ħaddiema jkollhom kemm jista' jkun dawl binhar. L-attivitajiet industrijali fil-fabbrika waqfu għalkollox fis-snin 90 tas-seklu 20, u l-proprjetà issa hija ġestita minn sid ġdid.[14]
Kolonji tal-Benevolenza*   Drenthe 2021 ii, iv (kulturali) [15]

Wara l-Gwerer ta' Napuljun fl-Ewropa, sezzjonijiet kbar tal-popolazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi spiċċaw ftaqru. Sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet soċjali, is-Soċjetà tal-Benevolenza ġiet stabbilita fl-1818 u, taħt is-superviżjoni ta' Johannes van den Bosch, inbnew seba' kolonji agrikoli għall-familji, għall-iltiema, għat-tallaba, u għall-persunal militari rtirat. Dan l-approċċ kien innovattiv b'kombinament ta' edukazzjoni, kura tas-saħħa u xogħol (sfurzat) sabiex tiġi żgurata l-awtosuffiċjenza tal-kolonja. Erba' kolonji tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, tlieta fin-Netherlands (Veenhuizen, Frederiksoord (fl-istampa) u Wilhelminaoord) u Wortel fil-Belġju.[16]

Fruntieri Rumani Ġermaniċi t'Isfel*   diversi siti 2021 ii, iii, iv (kulturali) Il-Fruntieri Rumani Ġermaniċi t'Isfel (bil-Latin: limes ad Germaniam inferiorem, bl-Olandiż: Neder-Germaanse Limes, bil-Ġermaniż: Niedergermanischer Limes) huma l-eks fruntiera bejn il-provinċja Rumana ta' Germania Inferior u Germania Magna. Dawn il-fruntieri kienu jisseparaw dik il-parti tar-Rheinland fix-xellug tax-xmara Renu kif ukoll in-Netherlands, li kienu parti mill-Imperu Ruman, mir-reġjuni inqas ikkontrollati strettament fil-Lvant tar-Renu. Fl-istampa jidher torri tal-għassa rikostruwit f'Vechten.[17]
Planetarju ta' Eisinga fi Franeker
 
Franeker, Friesland, in-Netherlands 2023 iv (kulturali) Il-Planetarju Rjali ta' Eise Eisinga fi Franeker huwa l-eqdem planetarju li għadu jaħdem fid-dinja. Jinkludi mudell mekkaniku tas-Sistema Solari li nbena minn Eise Eisinga bejn l-1774 u l-1781 u li għadu operattiv għalkollox.[18]

Referenzi

immodifika
  1. ^ "UNESCO World Heritage Centre - The World Heritage Convention". web.archive.org. 2016-08-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-27. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ "UNESCO World Heritage Centre - Convention Concerning the Protection of the World Cultural and Natural Heritage". web.archive.org. 2021-02-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-02-01. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ "Netherlands - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2020-06-30. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-05-13. Miġbur 2023-08-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ "UNESCO World Heritage Centre - The Criteria for Selection". web.archive.org. 2016-06-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-12. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Schokland and Surroundings". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
  6. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Dutch Water Defence Lines". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
  7. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Mill Network at Kinderdijk-Elshout". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
  8. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Area of Willemstad, Inner City and Harbour, Curaçao". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
  9. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Ir.D.F. Woudagemaal (D.F. Wouda Steam Pumping Station)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
  10. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Droogmakerij de Beemster (Beemster Polder)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
  11. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Rietveld Schröderhuis (Rietveld Schröder House)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
  12. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Wadden Sea". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
  13. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Seventeenth-Century Canal Ring Area of Amsterdam inside the Singelgracht". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
  14. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Van Nellefabriek". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
  15. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Colonies of Benevolence". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
  16. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Colonies of Benevolence". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
  17. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Frontiers of the Roman Empire – The Lower German Limes". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
  18. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Eisinga Planetarium in Franeker". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-23.