Leptis Magna

belt antika u sit arkeoloġiku fil-Libja

Leptis jew Lepcis Magna, magħrufa wkoll b'ismijiet oħra fl-antikità, kienet belt prominenti tal-Imperu Kartaġiniż u tal-Libja Rumana fil-bokka ta' Wadi Lebda fil-Mediterran.

Leptis Magna.

Oriġinarjment stabbilita minn grupp ta' Berberi lokali fis-sena 1000 Q.K.,[1] ġiet imkabbra ferm taħt l-Imperatur Ruman Septimius Severus (li rrenja fl-193-211), li twieled fil-belt. It-Tielet Leġjun Awgustjan ġie stazzjonat hemmhekk biex jiddefendi l-belt kontra l-invażjonijiet tal-Berberi. Wara li l-leġjun ġie xolt taħt Gordian III fil-238, il-belt kulma jmur kienet esposta għall-attakki fl-aħħar parti tas-seklu 3. Djoklezjanu reġa' stabbilixxa l-belt bħala belt kapitali provinċjali, u reġgħet kisbet prosperità sa ma spiċċat f'idejn il-Vandali fl-439. Ġiet inkorporata mill-ġdid fl-Imperu tal-Lvant fil-533 iżda baqgħet iġġarrab attakki mill-Berberi u qatt ma rkuprat l-importanza li kellha qabel. Għall-ħabta tas-647 ċediet għal invażjoni Musulmana u sussegwentement ġiet abbandunata.

Il-fdalijiet tagħha jinsabu attwalment f'Homs, il-Libja, 130 kilometru (81 mil) fil-Lvant ta' Tripli. Huma fost l-iżjed siti Rumani ppreservati fil-Mediterran.

Ismijiet

immodifika

L-isem Puniku tal-insedjament kien jinkiteb bħala lpq (bil-Puniku: 𐤋𐤐𐤒) jew lpqy (𐤋𐤐𐤒𐤉).[2][3][4] Dan ġie marbut kemxejn mal-għerq Semitiku (preżenti fl-Għarbi) lfq, li jfisser "tibni" jew "tarma flimkien", x'aktarx b'referenza għall-kostruzzjoni tal-belt.[5]

Dan l-isem ġie Ellenizzat bħala Léptis (bil-Grieg Antik: Λέπτις), magħruf ukoll bħala Léptis Megálē (Λέπτις μεγάλη, "Leptis il-Kbira") sabiex is-sit jiġi distint minn "Leptis iż-Żgħira" eqreb lejn Kartaġni attwalment fit-Tuneżija.[6] Il-belt kienet magħrufa mill-Griegi bħala Neápolis (Νεάπολις, "Raħal Ġdid"). Il-Latinizzazzjoni ta' dawn l-ismijiet kienet Lepcis jew Leptis Magna ("Leptis il-Kbira"), li dehret ukoll bħala l-"Belt Leptimanjiża" (bil-Latin: Leptimagnensis Civitas). Id-demonimu Latin kien "Leptizjan" (Leptitanus). Kienet magħrufa wkoll bħala Ulpia Traiana bħala kolonja Rumana. L-isem tagħha bit-Taljan huwa Lepti Maggiore, u bl-Għarbi huwa Labdah (لَبْدَة).[7]

 
Mappa ta' Leptis Magna.

Il-belt Feniċja ġiet stabbilita fit-tieni nofs tas-seklu 7 Q.K. Ma tantx nafu wisq dwar Leptis f'dan il-perjodu, iżda milli jidher kienet setgħana biżżejjed biex tirreżisti t-tentattiv ta' Dorieus li jistabbilixxi kolonja Griega fil-qrib għall-ħabta tal-515 Q.K. Bħall-biċċa l-kbira tal-insedjamenti Feniċji tal-Punent, Leptis saret parti mill-Imperu Kartaġiniż u sfat taħt il-kontroll ta' Ruma wara t-telfa li ġarrbet Kartaġni fil-Gwerer Puniċi. Leptis baqgħet indipendenti ferm għal xi żmien wara l-111 Q.K.

Repubblika Rumana

immodifika
 
Il-Forum.

Ir-Repubblika Rumana bagħtet xi kolonjalisti flimkien ma' gwarniġjon żgħir sabiex tikkontrolla l-belt. Il-belt gawdiet prosperità kbira u saħansitra tħalliet tizzekka l-muniti tagħha stess bil-fidda u bil-bronż. B'riflessjoni tat-taħlita ta' kulturi tagħha, il-muniti tagħha kellhom kitbiet Puniċi iżda mbagħad xbihat ta' Erkole u Dijoniżju. Wara ftit il-merkanti Taljani insedjaw il-belt u bdew jagħmlu l-profitt b'kummerċ fin-naħa ta' ġewwa tal-Libja. Il-belt kienet tiddependi primarjament fuq il-fertilità tar-raba' tal-madwar, fejn ġew skavati bosta moli taż-żebbuġ. Sas-46 Q.K., il-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa tal-belt tant kienet importanti li l-belt kienet kapaċi tipprovdi tliet miljun lira ta' żejt taż-żebbuġa kull sena lil Ġulju Ċesri bħala taxxa.[8]

Imperu Ruman

immodifika

Kenneth D. Matthews, Jr. jikteb:[9]

Matul ir-renju ta' Awgustu, Leptis Magna ġiet ikklassifikata bħala civitas libera et immunis, jew komunità ħielsa, li fir-rigward tagħha l-gvernatur kellu kontroll minimu assolut. B'hekk Leptis żammet iż-żewġ suphetes bħala kapijiet tal-gvern tagħha, bil-mhzm, simili għall-aediles Rumani, bħala maġistrati minuri. Barra minn hekk, kien hemm uffiċjali sagri bħall-ʾaddir ʾararim jew praefectus sacrorum, in-nēquim ēlīm, u x'aktarx kulleġġ sagru ta' ħmistax-il membru. (traduzzjoni mhux uffiċjali)

 
L-Arkata ta' Septimius Severus.

Leptis Magna baqgħet hekk sar-renju tal-imperatur Ruman Tiberju, meta l-belt u ż-żona tal-madwar ġew formalment inkorporati fl-imperu bħala parti mill-provinċja tal-Afrika. F'qasir żmien saret waħda mill-bliet ewlenin tal-Afrika Rumana u ċentru kummerċjali ewlieni. Il-belt kibret malajr taħt l-amministrazzjoni Rumana. Matul ir-renju ta' Neruni, inbena anfiteatru. L-insedjament ġie elevat għal municipium fl-64 jew fil-65 W.K. u għal colonia taħt Trajanu (li rrenja fit-98-117).

Leptis kisbet l-ikbar prominenza tagħha fil-bidu tal-193 W.K., bħala l-belt residenzjali tal-imperatur Septimius Severus. Septimius iffavorixxa l-belt tiegħu iktar mill-bliet provinċjali l-oħra kollha, u l-binjiet li bena u l-ġid li nefaq fiha wasslu biex Leptis Magna ssir it-tielet l-iktar belt importanti fl-Afrika, u tħaqqaqha ma' Kartaġni u Lixandra. Fil-205 W.K., hu u l-familja imperjali żaru l-belt u tawha unuri kbar. Fost il-bidliet li introduċa Severus kien hemm il-ħolqien ta' forum ġdid tal-għaġeb u l-kostruzzjoni mill-ġdid tat-tarzna. Il-port naturali kellu t-tendenza li jimtela bis-sedimenti, iżda l-bidliet ta' Severus iggravaw l-affarijiet, u l-baċiri tal-Lvant huma tassew ippreservati, peress li bil-kemm intużaw.

Leptis imbagħad qabdet it-triq tan-niżla matul dan il-perjodu. Matul il-kriżi tas-seklu 3, meta l-kummerċ naqas f'daqqa, l-importanza ta' Leptis Magna battiet ukoll, u sa nofs is-seklu 4, saħansitra qabel ma ġiet devastata għalkollox mit-tsunami tat-365, partijiet kbar mill-belt kien ġew abbandunati. Ammianus Marcellinus jirrakkonta li l-kriżi marret għall-agħar minħabba gvernatur Ruman korrott jismu Romanus, li kien jixxaħħam biex jipproteġi l-belt minn attakk tribali ewlieni. Il-belt fi stat ta' fdalijiet ma ħallsitx it-tixħim u ilmentat mal-imperatur Valentinjanu I. Romanus imbagħad xaħħam lin-nies fil-qorti u rranġa biex il-mibgħuta Lepzjani jiġu kkastigati "talli għamlu akkużi foloz". Il-belt reġgħet ħadet ftit ir-ruħ fil-bidu tar-renju tal-imperatur Teodożju I.

Renju tal-Vandali

immodifika

Fil-439, Leptis Magna u l-kumplament tal-bliet ta' Tripolitanja sfaw taħt il-kontroll tal-Vandali meta r-re tagħhom, Gaiseric, ħataf lil Kartaġni mingħand ir-Rumani u għamilha l-belt kapitali tiegħu. B'xorti ħażin għall-futur ta' Leptis Magna, Gaiseric ordna t-twaqqigħ tal-ħitan tal-belt sabiex jiddiswadi liċ-ċittadini tagħha milli jirribellaw kontra t-tmexxija tal-Vandali. Iċ-ċittadini ta' Leptis u l-Vandali t-tnejn ħallsu prezz qares għal dan fil-523 W.K. meta grupp ta' Berberi attakkaw u serqu r-rikkezzi tal-belt.

Imperu Biżantin

immodifika

Belisarju, il-ġeneral tal-Imperatur Ġustinjanu I, reġa' ħataf lil Leptis Magna f'isem l-Imperu Ruman għaxar snin wara, u fil-533-534 ġiet inkorporata mill-ġdid fl-imperu. Leptis saret belt kapitali provinċjali tal-Imperu tal-Lvant, iżda qatt ma rkuprat mill-qerda li ġarrbet mill-Berberi. Fil-544, taħt il-prefettura ta' Sergius, il-belt sfat attakkata b'iktar qilla mit-tribujiet Berberi, u wara xi suċċessi, Sergius kellu jirtira fil-belt, bil-konfederazzjoni tribali ta' Leuathae kkampjata barra d-daħla tal-belt titlob għal ħlasijiet. Sergius daħħal tmenin deputat fil-belt biex jippreżentaw it-talbiet tagħhom, iżda meta Sergius kien se jitlaq mill-konferenza, deputat minnhom żammu mill-mantell u l-oħrajn daruh. Dan wassal biex uffiċjal tal-gwardja tal-prefett joqtol lid-deputat li refa' idejh fuq il-prefett, u dan wassal għal massakru ġenerali. Il-Berberi rreaġixxew b'attakk frontali u Sergius eventwalment ġie mġiegħel jabbanduna lil Leptis u jirtira f'Kartaġni.[10]

Konkwista Iżlamika

immodifika

Sas-seklu 6, il-belt kienet ġiet Kristjanizzata għalkollox.[11] Matul id-deċennju 565-578 W.K. il-missjunarji Kristjani minn Leptis Magna saħansitra bdew jiċċaqilqu għal darb'oħra fost it-tribujiet Berberi lejn in-Nofsinhar sa Fezzan fid-deżert Libjan u kkonvertew lil Garamanti.[12] Inbnew bosta knejjes ġodda fis-seklu 6,[13] iżda l-belt baqgħet tmur lura, u sa żmien il-konkwista tal-Għarab għall-ħabta tas-647, il-belt kienet ġiet kważi abbandunata għalkollox għajr għal gwarniġjon Biżantin u popolazzjoni ta' inqas minn 1,000 abitant. Sas-seklu 10, il-belt ta' Al-Khums kienet assorbiet il-belt ta' Leptis kompletament.[14]

 
Il-fdalijiet ta' Leptis Magna fir-Renju Unit, mil-Lag ta' Virginia Water.

Illum il-ġurnata, is-sit ta' Leptis Magna fih fost l-iżjed fdalijiet impressjonanti tal-perjodu Ruman.

Parti minn tempju antik ta' Leptis Magna ttieħed lejn il-Mużew Brittaniku fl-1816 u ġie installat fir-residenza rjali tal-Forti Belvedere fl-Ingilterra fl-1826. Issa jinsab f'parti mill-Park il-Kbir ta' Windsor.[15] Il-fdalijiet jinsabu bejn il-kosta tan-Nofsinhar ta' Virginia Water u Blacknest Road qrib salib it-toroq mal-A30 London Road u Wentworth Drive.

Meta t-Taljani ħakmu l-Libja Taljana fil-bidu tas-seklu 20, huma allokaw sforzi enormi għall-iskoperta mill-ġdid ta' Leptis Magna. Fil-bidu tas-snin 30 tas-seklu 20, ir-riċerka arkeoloġiku Taljana rnexxielha terġa' tiżvela l-fdalijiet ta' kważi l-belt kollha. Nekropoli tas-sekli 4 sa 3 Q.K. instabet taħt it-teatru Ruman.[16]

 
It-teatru Ruman.

F'Ġunju 2005, ġie żvelat li l-arkeologi mill-Università ta' Amburgu kienu qed jaħdmu tul il-kosta tal-Libja meta sabu tul ta' 30 pied ta' ħames artijiet ikkuluriti bil-mużajk li kienu nħolqu matul is-seklu 1 jew 2. Il-mużajk juri xbihat eċċezzjonali ta' ġellied jiġġieled kontra ċerva, erba' żgħażagħ irġiel jissieltu kontra barri selvaġġ sa ma jniżżluh mal-art, u gladjatur għajjien jistrieħ u jiċċassa lejn l-avversarju li qatel. Il-mużajk kien iżejjen ukoll il-ħitan ta' pixxina kiesħa f'balneae fi ħdan villa Rumana f'Wadi Lebda f'Leptis Magna. Il-mużajk tal-gladjatur jitqies mill-istudjużi bħala wieħed mill-ifjen eżempji ta' arti rappreżentattiva bil-mużajk ta' kull żmien — "kapulavur paragonabbli bħala kwalità mal-mużajk ta' Alessandru f'Pompeii". Oriġinarjament il-mużajk ġie skopert fis-sena 2000 iżda l-iskoperta ma ġietx żvelata sabiex jiġi evitat is-serq. Attwalment jinsabu għall-wiri fil-Mużew ta' Leptis Magna.[17]

Kien hemm rapporti li Leptis Magna ntużat mill-forzi favur Gaddafi biex jinħbew it-tankijiet u l-vetturi militari matul l-Ewwel Gwerra Ċivili Libjana fl-2011.[18] Meta mistoqsija dwar il-possibbiltà li jitwettaq attakk mill-ajru fuq is-sit storiku, in-NATO rrifjutat li teskludi l-possibbiltà ta' tali azzjoni u sostniet li ma setgħetx tikkonferma jekk kienx veru dak li sostnew ir-ribelli li l-armi kienu qed jinħbew fis-sit.[19] Ftit wara l-gwerra, l-arkeologu Libjan Hafed Walda rrapporta li Leptis Magna, flimkien mal-Forti ta' Rasaimergib fil-qrib u t-Tripolis ta' Sabratha tal-Punent, ma kien ġarrbu "l-ebda telfa viżibbli" la mill-ġlied fuq l-art u lanqas mill-bumbardamenti mill-forzi internazzjonali.[20]

Qalb it-Tieni Gwerra Ċivili Libjana u l-għebien tal-appoġġ internazzjonali għas-sit, in-nies li kienu qed jgħixu fl-inħawi organizzaw ruħhom volontarjament biex jipproteġu u jieħdu ħsieb is-sit ta' Leptis Magna.[21]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Is-Sit Arkeoloġiku ta' Leptis Magna ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1982.[22]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[22]

Tibdil fil-klima

immodifika

Peress li jinsabu mal-kosta, il-fdalijiet ta' Leptis Magna huma vulnerabbli għaż-żieda fil-livell tal-baħar. Fl-2022, is-Sitt Rapport ta' Valutazzjoni tal-IPCC inkludihom fil-lista ta' siti kulturali Afrikani li se jkunu mhedda mill-għargħar u l-erożjoni kostali sal-aħħar tas-seklu, iżda biss jekk it-tibdil fil-klima jsegwi RCP 8.5, li hu x-xenarju ta' emissjonijiet għoljin u kontinwament jiżdiedu ta' gassijiet b'effett ta' serra assoċjati mat-tisħin dinji ta' iktar minn 4 °C., u ma għadux jitqies bħala probabbli ħafna.[23][24][25] Ix-xenarji l-oħra iktar plawżibbli jirriżultaw f'livelli iktar baxxi ta' tisħin u konsegwentement f'żieda iktar baxxa fil-livell tal-baħar: minkejja dan, il-livell tal-baħar se jibqa' jiżdied għal madwar 10,000 sena fix-xenarji kollha.[26] Anke jekk it-tisħin jiġi limitat għal 1.5 °C, iż-żieda globali fil-livell tal-baħar xorta waħda mistennija taqbeż iż-2-3 metri (7-10 pied) wara 2,000 sena (u livell ogħla ta' tisħin iwasslu għal żidiet ikbar), u konsegwentement tinqabeż iż-żieda fil-livell tal-baħar tal-2100 b'RCP 8.5 (~0.75 metru (2 piedi) b'medda ta' 0.5-1 metru (2-3 piedi)) ferm qabel is-sena 4000. B'hekk, fil-futur il-fdalijiet ta' Leptis Magna se jiġu mhedda miż-żieda fil-livell tal-baħar, sakemm ma jiġux protetti minn sforzi ta' adattament bħal xi ħitan fil-baħar.[27]

Gallerija

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Leptis Magna | Archiqoo". archiqoo.com. Miġbur 2023-10-31.
  2. ^ Ghaki, Mansour (2015). "Toponymie et onomastique. L'apport de l'ecriture punique neopunique". p. 67.
  3. ^ Brogan, Olwen Phillis Frances; Wilson, R. J. A. (2012). "Lepcis Magna". In Hornblower, Simon; Spawforth, Antony; Eidinow, Esther (eds.). The Oxford Classical Dictionary (4th ed.). Oxford & New York: Oxford University Press. p. 821. ISBN 9780199545568.
  4. ^ Head, Barclay; et al. (assisted by G. F. Hill, George MacDonald, and W. Wroth) (1911). "Syrtica". Historia Numorum (2nd ed.). Oxford: Clarendon Press. p. 875 – via Digital Historia Numorum, ed. Ed Snible.
  5. ^ Lipiński, Edward (2004). Itineraria Phoenicia. Orientalia Lovaniensia Analecta, 127; Studia Phoenicia, 18. Leuven; Paris; Dudley, MA: Uitgeverij Peeters en Departement Oosterse Studies. ISBN 9789042913448. p. 345.
  6. ^ Strabo (1903) [1854]. The Geography of Strabo. Bohn's Classical Library. Vol. 3, §17.3.18.
  7. ^ "Leptis Magna | Ancient Roman City, Libya | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-31.
  8. ^ Bullo, Silvia (2002). Provincia Africa. Le città e il territorio dalla caduta di Cartagine a Nerone [Province of Africa: The Cities and the Territory from the Fall of Carthage to Nero]. Le Rovine Circolari, 4 (bit-Taljan). Ruma: L'Erma di Bretschneider. ISBN 9788882651688. pp. 167-171.
  9. ^ Matthews, Kenneth D. Jr. (1957). Cities in the Sand: Leptis Magna and Sabratha in Roman Africa. Photographs by Alfred W. Cook. Philadelphia: University of Pennsylvania Press. p. 37.
  10. ^ Beechey, Frederick William; Beechey, Henry William (1828). Proceedings of the Expedition to Explore the Northern Coast of Africa, from Tripoly Eastward; in MDCCCXXI and MDCCCXXII. Comprehending an Account of the Greater Syrtis and Cyrenaica; and of the Ancient Cities Composing the Pentapolis. London: John Murray. pp. 54-56.
  11. ^ Mommsen, Theodor (1909) [1886]. The Provinces of the Roman Empire from Caesar to Diocletian. Vol. 2. Translated by Dickson, William P. (Corrected ed.). London: Macmillan. OCLC 4308504. Kap. 13.
  12. ^ Prevost, Virginie (2007). "Les dernières communautés chrétiennes autochtones d'Afrique du Nord" [The Last Native Christian Communities of North Africa]. Revue de l'histoire des religions (in French). 224 (4): 461–483. pp. 462-463.
  13. ^ "Lepcis Magna, Byzantine Church - Livius". www.livius.org. Miġbur 2023-10-31.
  14. ^ Bullo, Silvia (2002). Provincia Africa. Le città e il territorio dalla caduta di Cartagine a Nerone [Province of Africa: The Cities and the Territory from the Fall of Carthage to Nero]. Le Rovine Circolari, 4 (bit-Taljan). Ruma: L'Erma di Bretschneider. ISBN 9788882651688. pp. 185-188.
  15. ^ Cooper, Paul (2018-01-10). "How Ancient Roman Ruins Ended Up 2,000 Miles Away in a British Garden". The Atlantic (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-31.
  16. ^ Musso, Luisa (2010). Contributions by Daniela Baldoni, Barbara Bianchi, Maria Gloria Calì, Barbara Davidde, Ginette Di Vita-Evrard, Massimiliano Munzi, Roberto Petriaggi, Beatrice Pinna Caboni, Gianni Ponti & Ramadan Shebani. "Missione archeologica dell'Università Roma Tre, 1998-2007". The Department of Archaeology of Libya. Libya Antiqua (bl-Ingliż u bit-Taljan). Pisa u Ruma: Fabrizio Serra Editore. N.S., vol. V: 49–78.
  17. ^ Correspondent, By Dalya Alberge, Arts (2023-10-31). "Roman mosaic 'worthy of Botticelli'" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-31.
  18. ^ "Wonder of the Ancient World at risk as Gaddafi uses ruins to hide deadly rockets" (bl-Ingliż). 2023-10-31. Miġbur 2023-10-31.
  19. ^ "South African president blasts NATO actions in Libya". www.cnn.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-31.
  20. ^ D’emilio, Frances; Press, Associated (2011-11-04). "Expert: NATO raids spared Libyan antiquities". San Diego Union-Tribune (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-31.
  21. ^ "Famed Libyan ruins rely on locals for support" (bl-Ingliż). 2017-11-28. Miġbur 2023-10-31.
  22. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Archaeological Site of Leptis Magna". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-31.
  23. ^ Trisos, C.H., I.O. Adelekan, E. Totin, A. Ayanlade, J. Efitre, A. Gemeda, K. Kalaba, C. Lennard, C. Masao, Y. Mgaya, G. Ngaruiya, D. Olago, N.P. Simpson, and S. Zakieldeen 2022: Chapter 9: Africa. In Climate Change 2022: Impacts, Adaptation and Vulnerability [H.-O. Pörtner, D.C. Roberts, M. Tignor, E.S. Poloczanska, K. Mintenbeck, A. Alegría, M. Craig, S. Langsdorf, S. Löschke,V. Möller, A. Okem, B. Rama (eds.)]. Cambridge University Press, Cambridge, United Kingdom and New York, NY, US, pp. 2043-2121.
  24. ^ Hausfather, Zeke; Peters, Glen (29 January 2020). "Emissions – the 'business as usual' story is misleading". Nature. 577 (7792): 618–20.
  25. ^ Hausfather, Zeke; Peters, Glen (20 October 2020). "RCP8.5 is a problematic scenario for near-term emissions". PNAS. 117 (45): 27791–27792.
  26. ^ Technical Summary. In: Climate Change 2021: The Physical Science Basis. Contribution of Working Group I to the Sixth Assessment Report of the Intergovernmental Panel on Climate Change. IPCC. Awwissu 2021. p. TS14.
  27. ^ IPCC, 2021: Summary for Policymakers. In: Climate Change 2021: The Physical Science Basis. Contribution of Working Group I to the Sixth Assessment Report of the Intergovernmental Panel on Climate Change [Masson-Delmotte, V., P. Zhai, A. Pirani, S.L. Connors, C. Péan, S. Berger, N. Caud, Y. Chen, L. Goldfarb, M.I. Gomis, M. Huang, K. Leitzell, E. Lonnoy, J.B.R. Matthews, T.K. Maycock, T. Waterfield, O. Yelekçi, R. Yu, and B. Zhou (eds.)]. Cambridge University Press, Cambridge, ir-Renju Unit u New York, NY, US, pp. 3−32.