Konkatidral ta' San Ġwann

katidral fil-Belt Valletta

Il-Konkatidral ta` San Ġwann jinsab fil-Belt Valletta u ġawhra tal-arti u tal-istil Barokk. L-Ordni ta' San Ġwann bena din il-knisja bħala l-Knisja Konventwali tal-Ordni, jiġifieri din kienet il-knisja prinċipali fejn l-Ordni seta' jamministra s-servizzi reliġjużi. Il-knisja bdiet tinbena fl-1572 fi żmien il-Gran Mastru Jean de la Cassière fuq id-disinn tal-arkitett Malti, Ġlormu Cassar. Il-knisja hija ddedikata lil San Ġwann Battista, il-qaddis patrun tal-Ordni.

Konkatidral ta' San Ġwann
katidral, knisja
Data meta nħoloq1577 Immodifika
Native labelKonkatidral ta' San Ġwann Immodifika
ReliġjonKattoliċiżmu Immodifika
Imsemmi għalSan Ġwann Battista Immodifika
Founded byJean de la Cassière Immodifika
PajjiżMalta Immodifika
Entità amministrattiva territorjali fejn tinstabValletta Immodifika
Triq fejn jinstabMisraħ San Ġwann Immodifika
DjoċesiArċidjoċesi ta' Malta Immodifika
Rit liturġiku KristjanRit Ruman Immodifika
Koordinati35°53′52″N 14°30′46″E Immodifika
Iddedikata lilSan Ġwann Battista Immodifika
ArkitettĠlormu Cassar Immodifika
Stil arkitettonikuBarokk Immodifika
Deżinjazzjoni bħala wirtparti minn Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO Immodifika
Indirizz stradaliMisrah San Gwann Immodifika
Numru tat-telefown+356 2122 0536 Immodifika
Sit uffiċjalihttp://www.stjohnscocathedral.com/ Immodifika
Category for the exterior of the itemCategory:St. John's Co-Cathedral - Exterior Immodifika
Category for the interior of the itemCategory:Interior of St. John's Co-Cathedral Immodifika
Map

Il-faċċata sempliċi, li għandha kampnar kbir fuq kull naħa, hija awstera u għandha l-karattru ta' fortizza li jirrifletti l-istat sobriju tal-Ordni wara l-Assedju l-Kbir. In-navata hija twila 53 metru u wiesgħa 15-il metru u għandha kappelli tal-ġenb fuq kull naħa. Dawn il-kappelli kienu assenjati lid-diversi lingwi skont l-anzjanità. Il-lingwi ta' Franza, l-Italja u Aragona, li kienu predominanti, tqiegħdu l-aktar qrib l-altar.


Kif it-tbexbix tas-seklu 17 daħħal l-istil Barokk ġdid, il-Gran Mastru Kottoner ordna d-dekorazzjoni tal-knisja minn ġewwa. Il-Kavallieri kienu ħerqana li jħabbtuha mal-knejjes kbar ta' Ruma u l-karattru pompuż u dimostrattiv tal-era tahom materjal kemm riedu biex jagħmlu dan. L-artist Kalabriż Mattia Preti, li kien ikkummissjonat b'dan ix-xogħol, bidel ġewwa f'ċelebrazzjoni ta' arti Barokka. Huwa l-kuntrast bejn il-faċċata sempliċi u sobrija tal-binja mal-karattru festiv ta' ġewwa li jagħmel lil San Ġwann monument daqstant uniku.

Il-Gran Mastru Manuel Pinto da Fonseca għamel donazzjonijiet sostanzjali lill-Knisja Konventwali tal-Ordni, fosthom żewġ qniepen kbar u tqal fonduti mill-Mastru Funditur tal-Ordni, Aloisio Bouchut, fl-1747 u fl-1748; dawn għadhom imdendlin fil-kampnari tal-Konkatidral. Dawn il-qniepen ġew fonduti mill-bronż ta' żewġ bażiliski li ħallew warajhom it-Torok fl-assedju tal-1565.

Kif il-Knisja Konventwali saret Konkatidral

immodifika

Bosta jikkonfondu għaliex il-Konkatidral ta’ San Ġwann hu msejjaħ hekk - Konkatidral u mhux Katidral. L-Ordni kien bena l-Knisja Konventwali biex din isservi esklużivament bħala knisja tal-Ordni. L-Isqof ta’ Malta qatt ma kellu xi jeddijiet fuq din il-knisja sakemm l-Ordni baqa’ f’Malta. Meta Napuljun keċċa lill-Ordni minn Malta, l-Isqof Labini, immedjatament talab lill-awtoritajiet Franċiżi biex il-knisja ta’ San Ġwann tgħaddi taħt idejh. Din it-talba kienet aċċettata fuq bażi temporanja ta’ sena. Meta mbagħad Malta waqgħet f’idejn l-Ingliżi, dawn ma ridux li l-knisja ta’ San Ġwann tingħata f’idejn l-Isqof ta’ Malta. L-argument tagħhom kien illi jekk il-Knisja Konventwali kienet nbniet mill-Ordni, li kien jiggverna lil Malta, mela l-knisja ta’ San Ġwann kellha bi dritt taqa’ f’idejn l-awtorità governattiva, li f’dan il-każ kienet l-Gvernatur Ingliż. Biss qatt ma azzardaw li jbiddlu din il-knisja f'waħda Anglikana għax kienu jafu li l-konsegwenzi kienu jkunu kbar.

 
Il-Konkatidral ta’ San Ġwann jeħlisha ħafif mill-ħsara tal-attakki mill-ajru matul it-Tieni Gwerra Dinjija

Din il-kwistjoni baqgħet għal bosta snin taħt it-tapit. Sadattant, l-Isqof kellu biża’ kbir li din il-knisja tant prestiġġjuża bir-rikkezzi tagħha xi darba taqa’ f’idejn il-Gvern barrani, li kien ta’ twemmin Anglikan, l-aktar għax issa bdew jiġu l-għalliema Metodisti. L-Isqof Mattei ra kif għamel u ġab l-approvazzjoni mingħand il-Papa biex din il-knisja taqa’ taħt r-responsabbiltà tiegħu. Bi ftehim mal-Gvernatur Ingliż li aċċetta s-sitwazzjoni, fis-27 ta’ Jannar 1816, il-Papa Piju VII ta r-rikonoxximent u eleva l-istatus tal-knisja għal dak ta’ “Konkatidral”, jiġifieri Katidral li jaqsam id-dinjità u l-preċedenza onorarja tiegħu mal-Katidral tal-Imdina. Biex ma tinkisirx ir-rieda tajba mal-Gvern Ingliż, b’mod diplomatiku ntlaħaq ftehim li bih l-Gvern Ingliż kellu ċerta setgħa nominali fuq il-Konkatidral. B’hekk fuq il-presbiterju b'mod simboliku, mat-tron tal-Isqof tqiegħed ukoll it-tron irriżervat għall-Gvernatur. Intant, l-awtorità tal-Gvernatur vis a vis il-Knisja f’Malta kienet tkun manifestata fl-istess Konkatidral f’Jum il-gandlora meta kull sena il-Gvernatur kien jagħmel id-diskors tiegħu lill-kleru minn fuq il-presbiterju. Fi snin aktar riċenti qamu diżgwidi oħra, din id-darba mal-Gvern Malti dwar min kellu d-dritt tal-proprjetà tal-Konkatidral.

It-tibdil ta' xogħol artistiku min-Nazzareni

immodifika

Il-pittur famuż Giuseppi Hyzler (1787-1858), artist Malti ta’ dixxendenza Ġermaniża, kien issieħeb ma’ moviment artistiku f'Ruma magħruf bħala n-Nazzareni. Meta ġie lura minn Ruma, fl-1823, hu ħajjar lil bosta artisti Maltin biex isegwu dan l-istil. Hyzler ħadem ħafna ma’ ħuh Vincenzo u mal-assistent tiegħu Giuseppe Calleja, kif ukoll ma’ ħames artisti oħra, l-aktar f’xogħlijiet fil-knejjes. Hyzler kien ħass li l-arti Barokka fil-Konkatidral ta’ San Ġwann kienet frivola u esaġerata, u allura ma kienx għad hemm lokha. B’hekk ħa l-inkarigu li jqaxxar l-induratura tal-ħitan u jneħħi l-iskultura Barokka li kien hemm fil-kappelli u n-navata. Kienu laħaq biss dar il-kappella ta’ Franza, (iddedikata lil San Pawl), meta mbagħad ix-xogħol waqaf.

Tul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-Konkatidral ta' San Ġwann ġarrab ħsarat kbar waqt attakk bil-bombi mill-ajru fuq il-Belt Valletta. Parti mill-Anness sofriet l-aktar u l-knisja nnifisha ħelset qerda totali għal ftit. Il-kampnari u l-Sagristija wkoll saritilhom ħsara kbira u l-bieb prinċipali nfaqa' 'l ġewwa. Fortunatament, dak li kien hemm fil-knisja kien diġà ġie trasferit f'post ieħor fil-ħin.

 
L-intern tal-Konkatidral ta' San Ġwann

L-intern tal-Konkatidral, il-biċċa kbira huwa magħmul mill-pittur magħruf Mattia Preti. Suor Maria de Dominici kienet fost l-artisti u assistenti oħra li ħadmu ma' Preti. L-istil huwa dak Barokk u l-intern huwa mżejjen ħafna speċjalment fil-faċċata. Preti ħadem fil-ħitan u pinġa l-artali li kellhom xeni mil-ħajja ta' San Ġwann. Viċin l-entrata prinċipali, wieħed jista' jara' il-monumenti tal-Gran Mastru Fra Marc'Antonio Zondadari.

Opri tal-arti

immodifika
 
Il-Qtugħ ir-Ras ta' San Ġwann, 1608.

Il-Konkatidral huwa mimli b'xogħlijiet importanti tal-arti kemm f'dak li hu pittura kif ukoll skultura. Wieħed mill-aktar xogħlijiet prestiġjużi u importanti huma l-pitturi l-Qtugħ ir-Ras ta' San Ġwann u l-Meditazzjoni ta' San Ġirolamu, it-tnejn xogħlijiet tal-pittur famuż Michelangelo Merisi da Caravaggio. Dawn jinsabu fl-Oratorju.

Caravaggio

immodifika

Caravaggio kien ġie Malta fl-1607. Dan l-artist famuż jibqa’ jissemma bħala l-ewwel u l-aqwa esponent tal-istil ta' arti magħruf bħala il-chiaroscuro. Caravaggio jibqa' magħruf ukoll bħala l-artist pijunier tar-Realiżmu. Hu kien jagħżel il-mudelli tiegħu min-nies kwalunkwe li kien jiltaqa’ magħhom. Fl-arti Karavaġġeska jispiċċa l-idealiżmu tas-sbuħija u l-perfezzjoni tal-figura umana. Minflok tispikka r-realtà bid-difetti u anki l-kruha kollha tagħha. Hekk pereżempju fil-pittura ta’ San Ġirolamu, dan il-karattru hu rrappreżentat b'mod mill-aktar uman, bil-fattizzi li jagħmluh bniedem li kien jeżisti verament. Fil-figura ta' dan il-qaddis ma tidhirx figura iddillistika b'wiċċ b'fattizzi perfetti biex il-qaddis ikun perfett fis-sbuħija tiegħu. F'dan ir-ritratt, il-figura għandha l-ġilda mkemxa tal-pala tal-id. Din għandha tonalità ta' kulur differenti minn dik tad-driegħ bajdanija, bħalma jiġri fir-realtà meta bniedem ikun liebes u protett mix-xemx. Karatteristika oħra importanti tal-pitturi ta’ Caravaggio hi l-kompożizzjoni tal-pittura bis-saħħa tad-dawl bħalma naraw fil-kapulavur tiegħu l-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann. Hawn naraw id-dawl fuq l-iġsma tal-karattri ġej minn sors wieħed, minn naħa ta' fuq, bħallikieku l-uniku dawl dieħel mit-tieqa hu dak li hemm fis-saqaf tal-oratorju. Fl-arti, dan id-dawl jissejjaħ, luce della cantina.

Arazzi Fjammingi

immodifika

Fil-mużew tal-Konkatidral ta’ San Ġwann hemm sett ta' arazzi magħruf bħala “L-Arazzi Fjammingi” li nġieb Malta fl-1701. L-arazzi kienu kkumissjonati mill-Gran Mastru Perellos biex iżejnu l-Knisja Konventwali tal-Ordni ta’ San Ġwann. Dan is-sett hu msejjaħ hekk għaliex kien maħdum minn Judocus de Vos, fil-belt Fjamminga ta’ Brussell. Is-sett hu magħmul minn ħmistax-il biċċa tapizzerija, kull waħda, 7.5 m b’6.5 m, u minn 14-il panew żgħir (kull wieħed 2 m b’7.5 m). Dan is-sett jittratta t-tema tat-“Trijonf tal-Fidi”. Dawn l-arazzi kienu maħdumin fuq disinn ta’ Peter Paul Rubens u ta’ Nicholas Poussielgue. Fl-antik, dawn it-tapizzerji kienu jiddendlu fil-Konkatidral għall-festi ta’ Corpus u ta’ San Ġwann il-Battista, fil-Pentekoste u fl-Imnarja.

Illum il-Konkatidral ta’ San Ġwann hu wkoll post fejn isiru avvenimenti kulturali u hu wieħed mill-attrazzjonijiet l-aktar popolari mat-turisti f'Malta. Huwa amministrat mill-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann li twaqqfet fl-2001 biex tiżgura l-konservazzjoni u r-restawr kull fejn u meta jkun meħtieġ, kif ukoll tieħu ħsieb id-dħul u li l-finanzi minn dan id-dħul ikunu sostenibbli.