Hatra
Hatra (/ˈhæ.trə/; bl-Għarbi: الحضر; bis-Sirjan: ܚܛܪܐ) kienet belt antika fin-naħa ta' fuq tal-Mesopotamja, li tinsab fil-Governorat ta' Nineveh attwali fit-Tramuntana tal-Iraq. Il-belt tinsab 290 kilometru (180 mil) fil-Majjistral ta' Bagdad u 110 kilometri (68 mil) fil-Lbiċ ta' Mosul. Titqies bħala l-iżjed sit arkeoloġiku rikk magħruf sa issa mill-Imperu Partiku.
Hatra kienet belt iffortifikati sew tal-karovani u l-belt kapitali tar-Renju Għarbi żgħir ta' Hatra, li kien jinsab bejn l-Imperu Ruman u l-Imperu Partiku/tas-Sassanidi. Hatra ffjorixxiet fis-seklu 2, u nqerdet fis-seklu 3. Il-fdalijiet impressjonanti tagħha ġew skopruti fis-seklu 19.
Etimoloġija
immodifikaHatra hija magħrufa bħala al-Ḥaḍr (الحضر) bl-Għarbi. Ġiet irreġistrata bħala ḥṭrʾ, imlissna bħala Ḥaṭrāʾ, fil-kitbiet imnaqqxa bl-Aramajk ta' Hatra, li x'aktarx tfisser "ċint, xatba, sies tal-ħaxix". Bis-Sirjan, normalment tiġi rreġistrata bil-plural bħala Ḥaṭrē. Fix-xogħlijiet Rumani, tiġi rreġistrata bil-Grieg bħala Átra u bil-Latin bħala Hatra u Hatris.
Il-belt uffiċjalment kienet tissejjaħ Beit ʾElāhāʾ, jiġifieri d-"Dar ta' Alla", fil-kitbiet imnaqqxa bl-Aramajk ta' Hatra u darba ġiet irreġistrata bħala ċ-"Ċint ta' Shamash" (ḥtrʾ d-šmš) fuq munita.
Storja
immodifikaMa hemm l-ebda informazzjoni arkeoloġika dwar il-belt qabel il-perjodu Partiku, iżda l-insedjament fl-inħawi x'aktarx li jmur lura għal mill-inqas il-perjodu Selewċida. Hatra ffjorixxiet taħt il-Partiċi, matul is-sekli 1 u 2 W.K., bħala ċentru reliġjuż u kummerċjali. Iktar 'il quddiem, il-belt saret il-belt kapitali ta' possibbilment l-ewwel Renju Għarbi fil-katina ta' bliet Għarab minn Hatra, fil-Grigal, sa Palmyra, Baalbek u Petra, fil-Lbiċ. Ir-reġjun ikkontrollat minn Hatra kien ir-Renju ta' Hatra, renju ta' lqugħ semiawtonomu fil-limiti tal-Punent tal-Imperu Partiku, immexxi minn prinċpijiet tal-Arabja.
Hatra saret belt iffortifikata importanti fil-fruntiera u kellha rwol importanti fit-Tieni Gwerra Partika, peress li rreżistiet l-attakki ripetuti mill-Imperu Ruman. Matul is-seklu 2 W.K., il-belt irreżistiet l-assedji kemm ta' Trajanu (116/117) kif ukoll ta' Septimius Severus (198/199). Il-forzi ta' Hatra għelbu lill-Persjani Sassanidi axxendenti fil-238 fil-Battalja ta' Shahrazoor, iżda ġarrbu telfa ftit wara fil-241 kontra l-armata tar-re Sassanid Shapur I u nqerdet. Il-ġrajjiet tradizzjonali tal-waqgħa ta' Hatra jsemmu lil al-Nadirah, bint ir-Re ta' Araba, li ttradiet il-belt favur Shapur peress li saret tħobbu. Skont il-ġrajja, Shapur qatel lir-re u żżewweġ lil al-Nadirah, iżda iktar 'il quddiem qatilha wkoll wara li rrealizza x'nuqqas ta' gratitudni kellha lejn missierha.
Hatra kienet l-iżjed eżempju ppreservat u informattiv ta' belt Partika. Il-pjanta tagħha kienet ċirkolari, u madwarha kien hemm ħitan interni u esterni b'dijametru ta' kważi żewġ kilometri (1.2 mil), li kienu appoġġati b'iktar minn 160 torri. Kien hemm temenos (τέμενος) madwar il-binjiet sagri prinċipali fiċ-ċentru tal-belt. It-tempji kienu jkopru xi 1.2 ettaru u kienu ddominati mit-Tempju l-Kbir, struttura enormi bil-volti u bil-kolonni li xi darba kienu għoljin sa 30 metru. Il-belt kienet famuża għall-fużjoni tagħha ta' panteon Griegi, tal-Mesopotamja, Kananiti, Arameani u tal-Arabja, magħruf bl-Aramajk bħala Beiṯ Ĕlāhā ("Dar ta' Alla"). Il-belt kellha tempji lil Nergal (Assirjan-Babilonjan u Akkadjan), Hermes (Grieg), Atargatis (Sirjan-Aramean), Allat, Shamiyyah (tal-Arabja), u Shamash (l-alla tax-xemx tal-Mesopotamja). Divinitajiet oħra msemmija fil-kitbiet imnaqqxa bl-Aramajk ta' Hatra kienu Ba'al Shamayn tal-Arameani, u d-divinità femminili magħrufa bħala Ashurbel, li x'aktarx kienet l-assimilazzjoni taż-żewġ divinitajiet: l-alla Assirjan Ashur u l-alla Babilonjan Bel — minkejja li individwalment kienu divinitajiet maskili.
Lista ta' mexxejja
immodifikaF'kitbiet imnaqqxa li nstabu f'Hatra jissemmew diversi mexxejja. Mexxejja oħra jissemmew fuq fuq minn awturi klassiċi. Il-mexxejja bikrin ingħataw it-titlu ta' mrjʾ (māryā, "mulej") u dawk ta' wara ngħataw it-titlu ta' mlkʾ d-ʿrb ("re tal-Għarab"; malkā, "re").
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaHatra ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Arti ta' Hatra
immodifikaSkont John M. Rosenfield, l-istatwi ta' Hatra huma parti mill-isfera kulturali Partika, b'bosta similaritajiet f'termini ta' lbies, elementi dekorattivi jew postura, li għandhom it-tendenza li jkunu massivi u frontali, b'saqajhom spiss miftuħin. L-arkitettura ta' Hatra stess ġeneralment titqies bħala eżempju ta' arkitettura Partika. Wieħed jista' jara similaritajiet mal-Arti tal-Imperu ta' Kux ukoll, minħabba skambji kulturali diretti bejn l-inħawi tal-Mesopotamja u l-Imperu ta' Kux ta' dak iż-żmien, jew minħabba sfond artistiku Partiku komuni li wassal għal tipi simili ta' rappreżentazzjoni.
-
Statwa bla ras ta' nobbli b'dettall kbir.
-
Kmandant militari mill-belt ta' Hatra. Il-Mużew tal-Iraq, Bagdad.
-
Statwa tal-ġebla tal-ġir ta' kmandant militari bl-uniformi u jżomm statwa ta' divinità.
-
Riljiev tal-alla Nergal minn Hatra.
-
Riljiev ta' devot minn Hatra.
Hatra moderna
immodifikaL-ewwel stħarriġ tas-sit sar minn Walter Andrae tat-tim Ġermaniż tal-iskavi li kien qed jaħdem f'Assur mill-1906 sal-1911. Iżda l-iskavi sistematiċi twettqu mhux qabel l-1951 mill-arkeologi Iraqqini. Mis-snin 80 tas-seklu 20, l-Ispedizzjoni Arkeoloġika Taljana, taħt id-direzzjoni ta' R. Ricciardi Venco (mill-Università ta' Torino), għamlet skoperti kbar f'Hatra. L-iskavi ffukaw fuq dar importanti (il-"Binja A"), li kienet tinsab qrib it-Temenos, u fuq is-sejbiet madwar iż-żona ċentrali tat-Temenos. L-Ispedizzjoni issa hija attiva f'proġetti differenti rigward il-preservazzjoni u l-iżvilupp tas-sit arkeoloġiku. Fl-1990, spedizzjoni Pollakka taċ-Ċentru Pollakk tal-Arkeoloġija Mediterranja tal-Università ta' Varsavja rreġistrat u studjat il-ħitan difensivi tal-belt.
Restawr ta' Saddam Hussein
immodifikaSaddam Hussein kien tal-fehma li l-istorja tal-Mesopotamja tas-sit setgħet tirrifletti l-glorja fuqu nnifsu, u ordna li s-sit jiġi rrestawrat, flimkien ma' oħrajn f'Nineveh, f'Nimrud, f'Assur u fil-Babilonja, bħala simbolu tal-kisba Għarbija, u nefaq iktar minn US$80 miljun fl-ewwel fażi tar-restawr tal-Babilonja. Saddam Hussein talab li l-brikks il-ġodda fir-restawr ikollhom ismu (bħala imitazzjoni ta' Nebukadnessar) u partijiet minn tempju rrestawrat ta' Hatra jinkludu isem Saddam.
Qerda tal-ISIL
immodifikaL-azzjonijiet tal-Istat Iżlamiku tal-Iraq u tal-Levant, li okkupaw l-inħawi f'nofs l-2014, kien theddida kbira għal Hatra. Fil-bidu tal-2015 ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jeqirdu bosta artefatti, u sostnew li tali "immaġnijiet tal-oqbra" ma kinux Iżlamiċi, iħeġġu l-idolatrija (jew il-politeiżmu), u ma setgħux jitħallew jibqgħu jeżistu, minkejja l-preservazzjoni tas-sit għal 1,400 sena minn diversi reġimi Iżlamiċi. Il-militanti tal-ISIL wegħdu li jeqirdu l-artefatti kollha li kien għad fadal. Ftit wara, urew filmat tal-qerda ta' xi artefatti minn Hatra. Wara t-tkissir ta' Nimrud bil-gafef fil-5 ta' Marzu 2015, "kien imiss tabilħaqq lil Hatra" sostna Abdulamir Hamdani, arkeologu Iraqqin mill-Università ta' Stony Brook. Fis-7 ta' Marzu, sorsi Kurdi u Iraqqini uffiċjali rrapportaw li l-ISIS kienu bdew jeqirdu l-fdalijiet ta' Hatra. Il-qerda tal-monumenti minn ISIL fix-xahar ta' wara ntweriet fuq filmat ieħor iktar 'il quddiem.
L-UNESCO u l-ISESCO ħarġu stqarrija konġunta fejn stqarrew "B'dan l-aħħar att barbariku kontra Hatra, l-ISIL ħarġu fid-dieher l-istmerrija tal-istorja u tal-wirt tal-poplu Għarbi".
Il-gvern pro-Iraqqin tal-Forzi Popolari tal-Mobilizzazzjoni ħatfu l-belt fis-26 ta' April 2017. Kelliema għall-milizji stqarret li l-ISIL kienu qerdu l-iskulturi u l-immaġnijiet imnaqqxa tas-sit, iżda l-ħitan u t-torrijiet kienu għadhom weqfin għalkemm kien fihom toqob u grif ikkawżati mill-balal tal-ISIL. L-unitajiet tal-Forzi Popolari tal-Mobilizzazzjoni stqarrew ukoll li l-grupp tal-ISIL kien mela d-daħliet tal-Lvant tas-sit bil-mini tal-art, u b'hekk ipprevjena temporanjament li ssir xi valutazzjoni tal-ħsarat mill-arkeologi. Fl-1 ta' Mejju ġie rrapportat li s-sit kien ġarrab inqas ħsara milli kien maħsub inizjalment. Ġurnalist tal-EFE kien irrapporta li bosta statwi kienu nqerdu, diversi binjiet ingħataw in-nar u kien hemm ukoll sinjali ta' serq. Layla Salih, il-kap tal-antikitajiet għall-Governorat ta' Nineveh, stqarret li l-biċċa l-kbira tal-binjiet kienu intatti u l-qerda ma kinitx paragonabbli ma' dik ta' siti arkeoloġiċi oħra tal-Iraq. Kmandant tal-Forzi Popolari tal-Mobilizzazzjoni stqarrew ukoll li l-ħsara kienet relattivament minuri.
Klima
immodifikaHatra għandha klima semiarida u sħuna (skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen: BSh). Il-biċċa l-kbira tal-preċipitazzjoni tinżel fix-xitwa. It-temperatura annwali medja f'Hatra tkun 20.7 °C (69.3 °F). Kull sena jinżlu madwar 257 mm (10.12 pulzieri) ta' xita.
Data klimatika għal Hatra (Al Hadar) | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja medja f'°C (°F) | 12.8
(55.0) |
15.8
(60.4) |
19.8
(67.6) |
25.3
(77.5) |
33.0
(91.4) |
39.0
(102.2) |
42.3
(108.1) |
42.1
(107.8) |
37.9
(100.2) |
31.0
(87.8) |
22.5
(72.5) |
14.8
(58.6) |
28.0
(82.4) |
Temp. baxxa medja f'°C (°F) | 3.2
(37.8) |
4.6
(40.3) |
7.6
(45.7) |
11.7
(53.1) |
17.3
(63.1) |
21.8
(71.2) |
24.8
(76.6) |
24.1
(75.4) |
19.7
(67.5) |
14.3
(57.7) |
8.8
(47.8) |
4.1
(39.4) |
13.5
(56.3) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 43
(1.7) |
39
(1.5) |
49
(1.9) |
36
(1.4) |
13
(0.5) |
0
(0) |
0
(0) |
0
(0) |
0
(0) |
8
(0.3) |
25
(1.0) |
44
(1.7) |
257
(10.1) |
Sors: climate-data.org |
Gallerija
immodifika-
Fdalijiet ta' diversi tempji u ħitan antiki (2004).
-
Veduta mill-għoli tas-sit fl-2007.
-
Faċċata ta' tempju (Mejju 2006).
-
Veduta ta' tempju min-Nofsinhar (Mejju 2006).
-
Veduta ta' arkata fl-2008.
-
It-Tempju ta' Marn (Novembru 2008).
-
Hatra f'Novembru 2008.
-
Suldati Amerikani fis-sit, Settembru 2010.
-
Suldati Amerikani fis-sit, Settembru 2010.
-
Veduta mill-għoli tat-tempju (Settembru 2014).
-
Detall ta' tempju b'arkitettura Ellenistika, tal-Mesopotamja u Iranjana.
-
Ħnejja mżejna bl-uċuħ.
-
Veduta tal-iwan.
-
Dettall ta' iwan.
-
Faċċata ta' tempju.
-
Arkata ta' tempju.
-
Ras ħierġa 'l barra minn ħajt.
-
Statwa tad-divinità femminili Shahiro.
-
Mix-xellug għal-lemin, mexxej mhux identifikat, Hermes, divinità femminili, u Sanatruq I. Minn Hatra. Il-Mużew taċ-Ċivilizzazzjoni ta' Erbil.
-
Riljiev ta' daħla minn Hatra. Is-sekli 2-3 W.K. Il-Mużew ta' Sulaymaniyah, il-Kurdistan Iraqqin.