Hampi

monumenti antiki u Medjevali f'Karnataka, l-Indja

Hampi jew Hampe, ġieli magħruf ukoll bħala l-Grupp ta' Monumenti ta' Hampi, huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li jinsab fil-Belt ta' Hampi, fid-distrett ta' Vijayanagara, fil-Lvant u ċ-ċentru ta' Karnataka, l-Indja.[1] Is-sit ta' Hampi jmur lura għal qabel l-Imperu ta' Vijayanagara; jissemma fir-Ramayana u l-Purana tal-Induiżmu bħala Pampa Devi Tirtha Kshetra.[2][3] Hampi għadu ċentru reliġjuż importanti, li jospita t-Tempju ta' Virupakxa, monasteru attiv marbut ma' Adi Shankara u diversi monumenti tal-belt antika.[4][5]

It-Tempju ta' Virupakxa f'Hampi.

Hampi kienet il-belt kapitali tal-Imperu ta' Vijayanagara fis-seklu 14 u kienet belt iffortifikata. Il-kronaki li ħejjew il-vjaġġaturi Persjani u Ewropej, b'mod partikolari l-Portugiżi, isostnu li Hampi kienet belt prosperuża, grandjuża u mimlija ġid qrib ix-xmara Tungabhadra, b'bosta tempji, irziezet u swieq kummerċjali. Sal-1500 W.K., Hampi-Vijayanagara kienet it-tieni l-ikbar belt fid-dinja, wara Beijing, u x'aktarx l-iżjed waħda sinjura fl-Indja dak iż-żmien, u b'hekk kienet tattira kummerċjanti mill-Persja u mill-Portugall.[6][7] L-Imperu ta' Vijayanagara ġarrab telfa kontra koalizzjoni ta' sultanati Musulmani; il-belt kapitali tagħha nħakmet, ġew misruqa r-rikkezzi tagħha u nqerdet mill-armati tas-sultanati fl-1565, u mbagħad Hampi baqgħet fi stat ta' fdalijiet.[8]

Il-fdalijiet ta' Hampi jinsabu f'Karnataka qrib il-belt moderna ta' Hosapete, u huma mifruxa fuq 4,100 ettaru (16-il mil kwadru). Is-sit ġie deskritt mill-UNESCO bħala "sit awster grandjuż" li fih iktar minn 1,600 fdalijiet eżistenti tal-aħħar renju Induista kbir fin-Nofsinhar tal-Indja u li jinkludi "fortijiet, strutturi fuq in-naħa tax-xmara, kumplessi rjali u sagri, tempji, santwarji, swali bil-pilastri, mandapa, imfakar, strutturi tal-ilma u oħrajn".[1]

Pożizzjoni

immodifika
 
Hampi tinsab f'art bil-blat.

Hampi tinsab max-xtut tax-xmara Tungabhadra fil-parti tal-Lvant taċ-ċentru ta' Karnataka qrib il-fruntiera statali ma' Andhra Pradesh. Tinsab 376 kilometru (234 mil) minn Bengaluru, u 165 kilometru (103 mili) minn Hubli. L-eqreb stazzjon ferrovjarju huwa dak ta' Hosapete (Hospet), 13-il kilometru (8.1 mili) 'il bogħod, u l-eqreb ajruport jinsab 32 kilometru (20 mil) 'il bogħod u huwa l-Ajruport ta' Jindal Vijaynagar f'Toranagallu, b'kollegamenti ma' Bengaluru. Karozzi tal-linja u ferroviji li joperaw billejl jikkollegaw ukoll lil Hampi ma' Goa u Bengaluru. Tinsab 140 kilometru (87 mil) fix-Xlokk tas-siti arkeoloġiċi ta' Badami, ta' Aihole u ta' Pattadakal.[9][10]

Is-sinonimu Hampi — magħrufa tradizzjonalment bħala Pampa-kshetra, Kishkindha-kshetra jew Bhaskara-kshetra — oriġina minn Pampa, isem ieħor tal-alla femminili Parvati fit-teoloġija Induista. Skont il-mitoloġija, ix-xebba Parvati (li hija l-inkarnazzjoni mill-ġdid tal-mara preċedenti ta' Xiva, Sati) tiddeċiedi li tiżżewweġ lill-axxetiku Xiva li kien iħobb joqgħod fis-solitudni. Il-ġenituri tagħha jsiru jafu bix-xewqa tagħha u jippruvaw jiskoraġġuha, iżda hi twettaq ix-xewqa tagħha. Xiva jintilef fil-meditazzjoni tal-joga, u mid-dinja ta' madwaru; Parvati tappella lill-allat għall-għajnuna biex jgħinuha tqajmu u tiġbidlu l-attenzjoni. Indra jibgħat lil Kamadeva — l-alla Induista tax-xewqat, l-imħabba erotika, l-attrazzjoni u l-imħabba — biex iqajjem lil Xiva mill-meditazzjoni. Kama jilħaq lil Xiva u jisparalu vleġġa tax-xewqa. Xiva jiftaħ it-tielet għajn fi ġbinu u jaħraq lil Kama u jġibu rmied.[11][12]

Parvati ma titlifx it-tama u ċ-ċertezza tagħha li se tirbaħ qalb Xiva; hija tibda tgħix bħalu u tibda twettaq l-istess attivitajiet — l-axxetiċiżmu, il-joga u t-tapasja — sa ma tqajmu u tattiralu l-interess. Xiva jiltaqa' ma' Parvati f'għamla pajsana u jipprova jiskoraġġiha, u jgħidilha bid-dgħufijiet u bil-problemi fil-personalità ta' Xiva. Parvati tirrifjuta li tisma' u tinsisti li tibqa' twebbes rasha. Xiva finalment jaċċettaha u jiżżewġu. Iktar 'il quddiem Kama jerġa' jitqajjem mill-mewt wara ż-żwieġ ta' Xiva u Parvati. Skont is-Sthala Purana, Parvati (Pampa) kompliet bl-istil ta' ħajja axxetika u tal-joga fuq l-Għolja ta' Hemakuta, li issa hija parti minn Hampi, sabiex tikkonvinċi lill-axxetiku Xiva jerġa' lura għall-ħajja domestika normali. Xiva jissejjaħ ukoll Pampapati (li tfisser "ir-raġel ta' Pampa"). Ix-xmara qrib l-Għolja ta' Hemakuta saret magħrufa bħala x-xmara Pampa. Il-kelma bis-Sanskritu "Pampa" saret il-kelma bil-Kannada "Hampa" u l-post fejn Parvati baqgħet baqgħet sakemm ikkonvinċiet lil Xiva sar magħruf bħala Hampe jew Hampi.[13][14][15]

Is-sit kien post tal-pellegrinaġġi Medjevali bikrin magħruf bħala Pampakshetra. Il-fama tiegħu ġiet mill-kapitlu ta' Kishkindha tal-ġrajja epika Induista tar-Ramayana, fejn Rama u Lakxmana jiltaqgħu ma' Hanuman, Sugriva u l-armata tax-xadini fit-tfittxija tagħhom għall-maħtufa Sita. L-inħawi ta' Hampi jixbhu ħafna l-post deskritt fil-ġrajja epika. It-tradizzjoni reliġjuża ssostni li s-sit huwa l-post imsemmi fir-Ramayana, u b'hekk jattira l-pellegrini. Saret magħrufa bis-saħħa tal-inġinier u l-kurunell Colin Mackenzie matul is-seklu 19.[16]

Żmien il-qedem sas-seklu 14 W.K.

immodifika

L-editti fuq il-blat tal-Imperatur Ashoka f'Nittur u f'Udegolan — li saru t-tnejn li huma fid-distrett ta' Bellary fil-269-232 Q.K. — jissuġġerixxu li dan ir-reġjun kien parti mill-Imperu Mawrjan matul is-seklu 3 Q.K. Kitba mnaqqxa Braħmina u siġill tat-terrakotta li jmorru lura għall-ħabta tas-seklu 2 W.K. instabu matul l-iskavi fis-sit.[17][18] Ir-raħal jissemma fil-kitbiet imnaqqxa ta' Badami Chalukya bħala Pampapura, għall-ħabta ta' bejn is-sekli 6 u 8.

Sas-seklu 10, is-sit kien sar ċentru ta' attivitajiet reliġjużi u edukattivi matul ir-renju tar-rejiet Induisti Kalyana Chalukya, li l-kitbiet imnaqqxin tagħhom isostnu li r-rejiet taw l-artijiet għat-Tempju ta' Virupakxa.[19] Diversi kitbiet imnaqqxa mis-sekli 11 sa 13 huma dwar is-sit ta' Hampi, u jissemmew id-doni lill-alla femminili Hampa-devi. Bejn is-sekli 12 u 14, ir-rejiet Induisti tal-Imperu ta' Hoysala tan-Nofsinhar tal-Indja bnew tempji ddedikati lil Durga, Hampadevi u Xiva, skont kitba mnaqqxa li tmur lura għall-ħabta tal-1199 W.K. Hampi saret it-tieni residenza rjali; wieħed mir-rejiet ta' Hoysala kien magħruf bħala Hampeya-Odeya jew "il-mulej ta' Hampi". Skont Burton Stein, il-kitbiet imnaqqxin tal-perjodu ta' Hoysala jsejħu lil Hampi by b'ismijiet alternattivi bħal Virupakshapattana u Vijaya Virupakshapura f'ġieħ it-tempju l-antik ta' Virupakxa (Xiva).

Seklu 14 u wara

immodifika

L-armati tas-Sultanat ta' Delhi, b'mod partikolari dawk ta' Alauddin Khalji[20][21] u Muhammad bin Tughlaq, invadew u serqu r-rikkezzi tan-Nofsinhar tal-Indja. L-Imperu ta' Hoysala u l-belt kapitali tiegħu Dvarasamudra fin-Nofsinhar ta' Karnataka nsterqulhom ir-rikkezzi u nqerdu fil-bidu tas-seklu 14 mill-armati ta' Alauddin Khalji, u mill-ġdid fl-1326 W.K. mill-armata ta' Muhammad bin Tughlaq.[22][23][24]

Ir-renju Kampili fit-Tramuntana u ċ-ċentru ta' Karnataka ġie wara l-waqgħa tal-Imperu ta' Hoysala. Kien renju Induista b'għomor qasir u l-belt kapitali tiegħu kienet tinsab madwar 33 kilometru (21 mil) 'il bogħod minn Hampi.[25][26] Ir-renju Kampili ntemm wara invażjoni mill-armati Musulmani ta' Muhammad bin Tughlaq. In-nisa Induisti tar-renju Kampili wettqu jauhar (suwiċidju ritwali tal-massa) meta s-suldati tar-renju Kampili ġarrbu telfa kontra l-armata ta' Tughlaq.[27][28] Fl-1336 W.K., l-Imperu ta' Vijayanagara feġġ mill-fdalijiet tar-renju Kampili u kiber f'wieħed mill-imperi Induisti famużi tan-Nofsinhar tal-Indja b'renju ta' iktar minn 200 sena.[29]

L-Imperu ta' Vijayanagara bena l-belt kapitali tiegħu madwar Hampi, bl-isem ta' Vijayanagara. Bosta storiċi jipproponu li Harihara I u Bukka I, il-fundaturi tal-imperu, kienu kmandanti fl-armata tal-Imperu ta' Hoysala stazzjonati fir-reġjun ta' Tungabhadra sabiex inaffru l-invażjonijiet Musulmani mit-Tramuntana tal-Indja. Uħud isostnu li kienu membri tal-poplu Telugu, li ħadu l-kontroll tal-partijiet tat-Tramuntana tal-Imperu ta' Hoysala matul id-deklin tiegħu.[30] Skont xi testi bħall-Vidyaranya Kalajana, Vidyaranya Vritanta, Rajakalanirnaya, Pitamahasamhita, u Sivatatvaratnakara, kienu uffiċjali tat-teżor ta' Pratap Rudra, ir-Re tar-Renju Kakatiya. Meta Muhammad Bin Tughlaq ġie biex ifittex lil Baha-Ud-Din Gurshasp (li kien fittex refuġju fil-qorti ta' Pratap Rudra), Pratap Rudra ġarrab telfa u r-renju Kakatiya nqered. Matul dan iż-żmien, iż-żewġ aħwa Harihara I u Bukka I, flimkien ma' armata żgħira, marru fis-sit attwali ta' Vijayanagara, Hampi. Vidyaranya, it-12-il Jagadguru ta' Śringeri Śarada Pītham ħadhom taħt il-protezzjoni tiegħu, stabbilihom fuq it-tron, u l-belt issemmiet Vidyanagara fl-1336.[31]

Huma kabbru l-infrastruttura u t-tempji. Skont Nicholas Gier u studjużi oħra, sal-1500 Hampi-Vijayanagara kienet it-tieni l-ikbar belt Medjevali fid-dinja wara Beijing, u x'aktarx l-iżjed waħda sinjura tal-Indja. Il-ġid tagħha attira lill-kummerċjanti tas-seklu 16 miż-żona tad-Dekkan, mill-Persja u mill-kolonja Portugiża ta' Goa.[32] Il-mexxejja ta' Vijayanagara wettqu żviluppi fl-affarijiet intellettwali u fl-arti, kellhom qasam militari b'saħħtu u ġġieldu bosta gwerer mas-sultanati fit-Tramuntana u fil-Lvant. Huma investew fit-toroq, fl-istrutturi tal-ilma, fl-agrikoltura, fil-binjiet reliġjużi u fl-infrastruttura pubblika. Skont il-UNESCO, dawn kienu jinkludu "fortijiet, strutturi man-naħa tax-xmara, kumplessi rjali u sagri, tempji, santwarji, swali bil-pilastri, mandapa (swali fejn in-nies setgħu jpoġġu bilqiegħda), imfakar, daħliet, postijiet tal-kontroll, stalel, strutturi tal-ilma, u iktar". Is-sit kien multireliġjuż u multietniku; kien fih monumenti Induisti u Ġainisti ħdejn xulxin. B'mod ġenerali, il-binjiet segwew l-arti u l-arkitettura Induista tan-Nofsinhar tal-Indja ta' żmien l-istili ta' Aihole u ta' Pattadakal, iżda l-bennejja ta' Hampi użaw ukoll elementi tal-arkitettura Indjana fil-Lotus Mahal, fil-banju pubbliku u fl-istalel tal-iljunfanti.

Skont il-memorji storiċi tal-kummerċjanti Portugiżi u Persjani li żaru Hampi, il-belt kellha daqs ta' metropoli; huma ddeskrivewha bħala "waħda mill-isbaħ bliet". Meta kienet prosperuża u mimlija infrastruttura, il-gwerer bejn il-Musulmani u l-Induisti, bejn is-Sultanati Musulmani u l-Imperu ta' Vijayanagara baqgħu għaddejjin. Fl-1565, fil-Battalja ta' Talikota, koalizzjoni ta' sultanati Musulmani daħlu fi gwerra mal-Imperu ta' Vijayanagara. Huma qabdu u qatgħu ras ir-Re Aliya Rama Raya,[33][34] wara qerda enormi tal-infrastruttura ta' Hampi u tal-metropoli ta' Vijayanagara. Ir-rikkezzi tal-belt insterqu u l-belt ingħatat in-nar għal sitt xhur wara l-gwerra, u mbagħad ġiet abbandunata fi stat ta' fdalijiet, li issa jissejħu l-Grupp ta' Monumenti ta' Hampi.[35]

Sit arkeoloġiku

immodifika
 
Konfigurazzjoni ta' Hampi.

Hampi u r-reġjun tal-madwar baqgħu jiġu kkontestati u miġġielda mill-kapijiet lokali, in-nizam Musulmani ta' Hyderabad, ir-rejiet Induisti ta' Maratha, u Hyder Ali u ibnu Tipu s-Sultan ta' Mysore matul is-seklu 18.[36] Fl-1799, Tipu s-Sultan ġarrab telfa u nqatel meta l-qawwiet Brittaniċi u d-dinastija Wadiyar sabu qbil. Imbagħad ir-reġjun ġie taħt l-influwenza tal-Brittaniċi. Il-fdalijiet ta' Hampi sarilhom stħarriġ fl-1800 mill-Kurunell Skoċċiż Colin Mackenzie, l-ewwel Surveyor Ġenerali tal-Indja. Mackenzie kiteb li s-sit ta' Hampi kien abbandunat u kienu jgħixu fih l-organiżmi selvaġġi biss. Xi artikli spekulattivi tas-seklu 19 minn storiċi ta' wara Mackenzie tefgħu l-ħtija fuq l-armati tas-seklu 18 ta' Hyder Ali u r-rejiet ta' Maratha għall-ħsarat li ġarrbu l-monumenti ta' Hampi.

Il-karru tal-ġebel ta' Garuda u l-gopuram tat-Tempju ta' Vittala fl-1856 (xellug) u fl-2016 (lemin).

Is-sit ta' Hampi fil-biċċa l-kbira tiegħu baqa' injorat sa nofs is-seklu 19, meta Alexander Greenlaw żar is-sit u ħa xi ritratti fl-1856.[37] Huwa ħoloq arkivju ta' 60 ritratt kalotipiku tat-tempji u tal-istrutturi rjali li kienu għadhom weqfin fl-1856. Dawn ir-ritratti nżammew f'kollezzjoni privata fir-Renju Unit u ma ġewx ippubblikati qabel l-1980. Dawn huma l-iżjed sors siewi għall-istudjużi dwar l-istat tal-monumenti ta' Hampi f'nofs is-seklu 19.

Traduzzjoni tal-memorji miktuba minn Abdul Razzaq, mibgħut Persjan fil-qorti ta' Devaraya II (1424-1446), ippubblikata fil-bidu tas-snin 80 tas-seklu 19, iddeskriviet xi monumenti tas-sit abbandunat. Din it-traduzzjoni, għall-ewwel darba, tuża termini Għarab bħal "zenana" biex jiġu deskritti wħud mill-monumenti ta' Hampi. Uħud minn dawn it-termini saru l-ismijiet tal-istrutturi. Alexander Rea, uffiċjal tad-dipartiment tal-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Presidenza ta' Madras fi ħdan l-Indja Brittanika, ippubblika l-istħarriġ tiegħu tas-sit fl-1885.[38] Robert Sewell ippubblika s-saġġ tiegħu bħala studjuż, A Forgotten Empire, fl-1900,[39] u b'hekk ġibed l-attenzjoni ta' bosta studjużi oħra. L-interess dejjem jikber fir-rigward ta' Hampi wassal biex Rea u s-suċċessur tiegħu Longhurst jikklerjaw u jwettqu t-tiswijiet meħtieġa għall-grupp ta' monumenti ta' Hampi.

Is-sit huwa sinifikanti storikament u arkeoloġikament, kemm għall-perjodu ta' Vijayanagara kif ukoll għal qabel.[40] L-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja għadu qed iwettaq skavi fl-inħawi.[41]

Deskrizzjoni

immodifika

Is-sit ta' Hampi jinsab qalb l-għoljiet iffurmati minn ħaġar tal-granit.[42] Il-monumenti ta' Hampi inklużi fis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO huma subsett ta' fdalijiet usa' tal-Imperu ta' Vijayanagara.[1] Kważi l-monumenti kollha nbnew bejn l-1336 u l-1570 W.K. matul ir-renju tal-Imperu ta' Vijayanagara.[43] Is-sit fih madwar 1,600 monument u jkopri erja ta' 41.5 kilometru kwadru (16-il mil kwadru).

Is-sit ta' Hampi ġie studjat fi tliet żoni wesgħin; l-ewwel ingħata l-isem ta' "ċentru sagru" minn studjużi bħal Burton Stein u oħrajn; it-tieni ngħata l-isem ta' "qalba urbana" jew "ċentru rjali"; u t-tielet jinkludi l-kumplament tal-metropoli ta' Vijayanagara. Iċ-ċentru sagru, man-naħa tax-xmara, fih l-eqdem tempji bi storja ta' pellegrinaġġi u monumenti li jmorru lura għal qabel l-Imperu ta' Vijayanagara.[44] Il-qalba urbana u ċ-ċentru rjali fihom iktar minn sittin tempju fi fdalijiet apparti dawk fiċ-ċentru sagru, iżda t-tempji fil-qalba urbana jmorru lura kollha għal żmien l-Imperu ta' Vijayanagara. Il-qalba urbana tinkludi wkoll l-infrastruttura pubblika bħal toroq, akkwedott, ġibjuni tal-ilma, mandapa, daħliet, swieq u monasteri. Din id-distinzjoni ġiet assistita minn xi 77 kitba mnaqqxa.[45][46]

Il-biċċa l-kbira tal-monumenti huma Induisti; it-tempji u l-infrastruttura pubblika bħall-ġibjuni u s-swieq jinkludu riljievi u opri tal-arti li juru d-divinitajiet Induisti u t-temi mit-testi Induisti. Hemm ukoll sitt tempji u monumenti Ġainisti u moskea u oqbra Musulmani.[47] L-arkitettura nbniet mill-ġebla lokali abbundanti; l-istil dominanti huwa Dravidjan, b'għeruq fl-iżviluppi fl-arti u fl-arkitettura Induista fit-tieni nofs tal-ewwel millenju fir-reġjun Dekkan.[48] Kienet tinkludi wkoll elementi tal-arti li żviluppaw matul ir-renju tal-Imperu ta' Hoysala fin-Nofsinhar bejn is-sekli 11 u 14 bħal fil-pilastri tat-tempju ta' Ramachandra u s-soqfa ta' wħud mill-istrutturi tal-kumpless tat-tempju ta' Virupakxa.[49] L-arkitetti adottaw ukoll stil Indo-Iżlamiku fi ftit monumenti, bħall-banju tar-Reġina u l-istalel tal-iljunfanti, li l-UNESCO ssostni li jirrifletti "soċjetà multireliġjuża u multietnika evoluta".[50]

Monumenti Induisti

immodifika

Tempju u l-kumpless tas-suq ta' Virupakxa

immodifika

It-tempju ta' Virupakxa huwa l-eqdem santwarju u d-destinazzjoni prinċipali tal-pellegrini u tat-turisti, u għadu sit attiv ta' qima Induista. Partijiet mit-tempji ta' Xiva, ta' Pampa u ta' Durga kienu jeżistu fis-seklu 11; il-kumpless ġie estiż matul żmien l-Imperu ta' Vijayanagara. It-tempju huwa ġabra ta' tempji iżgħar: gopuram għolja 50 metru (160 pied) li tiġi miżbugħa regolarment, monasteru Induista ddedikat lil Vidyaranya tat-tradizzjoni ta' Advaita Vedanta, ġibjun tal-ilma (Manmatha), kċina komunitarja, monumenti oħra u suq tal-ġebel irvinat twil 750 metru (2,460 pied) b'santwarju monolitiku ta' Nandi fuq in-naħa tal-Lvant.

It-tempju jħares lejn il-Lvant, u huwa allinjat mas-santwarji u t-tempji ta' Xiva u ta' Pampa Devi u ma' tlugħ ix-xemx; fid-daħla tiegħu hemm gopuram kbira. Is-sovrastruttura hija torri piramidali b'diversi sulari ta' pilastri b'bosta opri tal-arti, fosthom skulturi erotiċi. Il-gopuram tagħti għal bitħa rettangolari fil-beraħ li tintemm b'gopuram oħra iżgħar li tmur lura għall-1510. Man-naħa tan-Nofsinhar hemm sala b'mitt kolonna b'riljievi Induisti fuq l-erba' naħat ta' kull pilastru. Ikkollegata ma' din is-sala pubblika hemm kċina komunitarja, karatteristika preżenti f'tempji ewlenin oħra ta' Hampi. Hemm kanal imħaffer fil-blat li jwassal l-ilma sal-kċina u s-sala tal-ikel. Il-bitħa ta' wara l-gopuram iż-żgħira għandha dipa-stambha (pilastru b'għamla ta' lampa) u skultura ta' Nandi.

Il-bitħa ta' wara l-gopuram iż-żgħira tagħti għall-mandapa prinċipali tat-tempju ta' Xiva, li tikkonsisti mill-mandapa kwadra oriġinali u estensjoni rettangolari magħmula minn żewġ kwadri fużi u sittax-il pilastru mibnija minn Krishnadevaraya. Is-saqaf tas-sala miftuħa ta' fuq il-mandapa hija mpittra, u turi l-leġġenda tax-Xivaniżmu marbuta maż-żwieġ ta' Xiva u Parvati; sezzjoni oħra turi l-leġġenda ta' Rama-Sita tat-tradizzjoni tal-Vixnuviżmu. It-tielet sezzjoni turi l-leġġenda tal-alla tal-imħabba Kama jispara vleġġa lejn Xiva biex jibda jinteressa ruħu f'Parvati, u r-raba' sezzjoni turi lill-istudjuż Induista Advaita Vidyaranya jinġarr f'purċissjoni. Skont George Michell u studjużi oħra, id-dettalji u l-isfumaturi tal-kuluri jissuġġerixxu li l-pitturi kollha ta' mas-saqaf imorru lura għal rinnovazzjoni tas-seklu 19, u t-temi tal-pitturi oriġinali mhumiex magħrufa. Il-pilastri tal-mandapa għandhom skulturi kbar magħrufa bħala yalis, annimal mitiku b'karatteristiċi ta' żiemel, iljun u annimali oħra b'ġellied armat riekeb fuqu — karatteristika tal-Imperu ta' Vijayanagara.

Il-qalba tat-tempju fiha mukha-linga; linga ta' Xiva b'wiċċ imbuzzat bir-ram isfar. It-tempju ta' Virupakxa għandu wkoll santwarji iżgħar għal żewġ aspetti ta' Parvati-Pampa u ta' Bhuvaneshwari lejn it-Tramuntana tas-santwarju prinċipali. Is-santwarju ta' Bhuvaneshwari għandu arkitettura Chalukya u juża l-granit minflok il-ġebel artab. Il-kumpless fih gopura fit-Tramuntana, iżgħar mill-gopura tal-Lvant, li tagħti għall-ġibjun ta' Manmatha u b'mogħdija lejn ix-xmara b'riljievi fil-ġebel b'rabta mar-Ramayana. Lejn il-Punent ta' dan il-ġibjun hemm is-santwarji tat-tradizzjonijiet tax-Xaktiżmu u tal-Vixnuiżmu, bħal dawk iddedikati lil Durga u lil Vixnu rispettivament. Uħud mis-santwarji tul din il-mogħdija tal-pellegrini ġew miżbugħin bl-abjad fis-seklu 19 fuq ordnijiet tal-uffiċjal tal-Indja Brittanika F.W. Robinson, li ried jirrestawra l-kumpless tat-tempju ta' Virupakxa; it-tbajjid ta' dan ir-raggruppament ta' monumenti storiċi baqa' jsir minn żmien għal żmien bħala tradizzjoni.

Skont it-tradizzjoni lokali, it-tempju ta' Virupakxa huwa l-unika tempju li baqa' jkun post ta' ġabra għall-Induisti u baqgħu jżuruh il-pellegrini wara l-qerda ta' Hampi fl-1565. It-tempju jattira folol kbar; festa annwali b'purċissjoni b'karru li jfakkar iż-żwieġ ta' Virupakxa u Pampa ssir fir-rebbiegħa, flimkien mal-festival solenni ta' Maha Shivaratri. It-tempju attira kritika mit-turisti għat-trattament ta' iljunfant residenti, Lakxmi, li jgħix fuq in-naħa ta' wara tat-tempju fi sqaq dejjaq.

Tempju ta' Krixna, suq, Narasimha u linga

immodifika
 
Il-fdalijiet tat-Tempju ta' Krixna.

It-tempju ta' Krixna, magħruf ukoll bħala t-tempju ta' Balakrixna, fuq in-naħa l-oħra tal-Għolja ta' Hemakuta, jinsab madwar kilometru (0.62 mili) fin-Nofsinhar tat-tempju ta' Virupakxa. Imur lura għall-1515; din il-parti tal-kumpless ta' Hampi tissejjaħ Krixnapura fil-kitbiet imnaqqxa. Quddiem il-fdalijiet tat-tempju hemm triq twila tas-suq, magħrufa lokalment ukoll bħala l-bażar. Bejn il-fdalijiet tal-ħwienet bil-kolonni hemm triq wiesgħa li minnha setgħu jgħaddu l-karrijiet għat-trasport tal-merkanzija lejn is-suq u minnu, u fiha kienu jsiru funzjonijiet ċerimonjali u ċelebrazzjonijiet festivi. Lejn it-Tramuntana ta' din it-triq u nofs is-suq hemm Puxkarani kbir — ġibjun tal-ilma pubbliku mtarraġ b'paviljun artistiku fiċ-ċentru tiegħu. Maġenb il-ġibjun hemm sala pubblika (mandapa) fejn in-nies setgħu joqogħdu bilqiegħda.

Linga ta' Xiva (xellug) u monolit ta' Yoga-Narasimha mnaqqax fil-post, b'pedestall bil-marki tal-ħruq.

It-tempju jiftaħ lejn il-Lvant; għandu daħla bir-riljievi tal-għaxar avatar kollha ta' Vixnu, l-ewwel ta' Matsya fil-qiegħ. Fuq ġewwa hemm il-fdalijiet tat-tempju ta' Krixna u l-fdalijiet ta' santwarji żgħar għall-allat femminili. Il-kumpless tat-tempju fih saffi differenti ta' mandapa, inkluż kompartiment estern u ieħor intern. Il-kumpless fih żewġ daħliet bil-gopuram. Fuq ġewwa, mandapa miftuħa tagħti għal mandapa magħluqa. Ix-xbieha oriġinali ta' Balakrixna (Krixna tarbija) fil-qalba tat-tempju issa tinsab f'mużew f'Chennai. Triq moderna tgħaddi quddiem il-gopuram tal-Lvant, u tikkollega lil Kamalapuram ma' Hampi. Il-gopuram tal-Punent fiha freġji ta' formazzjoni militari u ta' suldati.

Fin-Nofsinhar tat-tempju ta' Krixna minn barra hemm żewġ santwarji biswit xulxin, wieħed fih l-ikbar linga monolitika ta' Xiva u l-ieħor fih l-ikbar avatar monolitiku ta' Yoga-Narasimha ta' Vixnu f'Hampi. Il-linga ta' Xiva għolja tliet metri (9.8 piedi) tinsab fl-ilma f'kamra kubika u għandha tliet għajnejn fuq in-naħa ta' fuq tagħha. Fin-Nofsinhar tagħha hemm is-santwarju bl-avatar ta' Vixnu, Narasimha, b'għamla ta' raġel u iljun bilqiegħda f'poża tal-joga, għolja 6.7 metri (22 pied). L-iskultura monolitika ta' Narasimha oriġinarjament kellha l-alla femminili ta' Lakxmi magħha, iżda turi sinjali ta' ħsara estensiva u tebgħat tal-karbonju mal-art — evidenza ta' tentattivi biex is-santwarju jingħata n-nar. L-istatwa tnaddfet u partijiet mis-santwarju ġew irrestawrati.

Tempju u l-kumpless tas-suq ta' Achyutaraya

immodifika
Xellug: il-fdalijiet tat-tempju ta' Achyutaraya; Lemin: is-suq ta' quddiem il-fdalijiet tat-tempju.

It-tempju ta' Achyutaraya, magħruf ukoll bħala t-tempju ta' Tiruvengalanatha, jinsab madwar kilometru (0.62 mili) fil-Lvant tat-tempju ta' Virupakxa u parti miċ-ċentru sagru tiegħu jinsab qrib ix-xmara Tungabhadra. Fil-kitbiet imnaqqxa jissemma li jinsab f'Achyutapura u jmur lura għall-1534. Huwa wieħed mill-ikbar erba' kumplessi f'Hampi. It-tempju mhuwiex allinjat bħas-soltu għaliex iħares lejn it-Tramuntana. Huwa ddedikat lil Vixnu. Fi żmien l-Imperu ta' Vijayanagara, tradizzjonalment wieħed kien jersaq lejn it-tempju min-naħa tax-xmara, l-ewwel lil hinn minn ġibjun ċerimonjali u mbagħad tul it-triq tas-suq minn triq wiesgħa. It-tempju kellu gopuram esterna li kienet tagħti għal bitħa b'sala b'100 kolonna u b'gopuram interna li tagħti għat-tempju ta' Vixnu. Fuq kull naħa ta' kull pilastru fis-sala tal-100 kolonna hemm riljievi tal-avatars ta' Vixnu; ta' divinitajiet oħra bħal Xiva, Surja u Durga; xeni mill-ħajja ta' kuljum — rishi, koppji ta' maħbubin, buffi; nies b'pożi tal-joga; nies b'pożi ta' namaste; u emblemi ta' Vijayanagara.

Id-daħla tat-tempju fiha l-emblemi dinastiċi ta' Vijayanagara; ċingjal minn Varaha, xabla, ix-xemx u l-qamar. It-tempju u t-triq tas-suq huma rvinati iżda l-konfigurazzjoni tagħhom tissuġġerixxi li kien hemm suq kbir b'toroq li minnhom setgħu jgħaddu l-karrijiet.

Tempju u l-kumpless tas-suq ta' Vittala

immodifika
 
Gopuram u suq tat-tempju ta' Vittala.

It-tempju u l-kumpless tas-suq ta' Vittala jinsabu 3 kilometri (1.9 mil) fil-Grigal tat-tempju ta' Virupakxa qrib ix-xtut tax-xmara Tungabhadra. It-tempju huwa l-iżjed tempju Induista sofistikat artistikament f'Hampi, u huwa parti miċ-ċentru sagru ta' Vijayanagara. Mhuwiex ċar meta nbena l-kumpless tat-tempju, u min bnieh; il-biċċa l-kbira tal-istudjużi jsostnu li jmur lura għal perjodu ta' kostruzzjoni lejn il-bidu sa nofs is-seklu 16. Xi sorsi jsemmu li l-kostruzzjoni tiegħu bdiet fi żmien Devaraya II u baqgħet għaddejja matul ir-renju ta' Krishnadevaraya, ta' Achuytaraya, u x'aktarx ta' Sadasivaraya u mbagħad waqfet ħesrem minħabba l-qerda tal-belt fl-1565. Il-kitbiet imnaqqxa jinkludu ismijiet maskili u femminili, li jissuġġerixxu li l-kumpless kien inbena minn diversi sponsors. It-tempju ġie ddedikat lil Vittala, forma ta' Krixna msejħa wkoll Vitoba. It-tempju jiftaħ lejn il-Lvant, għandu pjanta kwadra u fih gopuram bħala daħla b'żewġ gopuram laterali. It-tempju prinċipali jinsab fin-nofs ta' bitħa pavimentata u diversi santwarji sussidjarji, kollha kemm huma allinjati lejn il-Lvant. It-tempju huwa struttura unifikata f'bitħa ta' 500 pied bi 300 pied li hija mdawra minn ringiela tripla ta' pilastri. L-istruttura tat-tempju hija baxxa sular. It-tempju fih tliet kompartimenti distinti: garbhagriha, ardhamandapa u mahamandapa (jew sabha mandapa).

 
Is-santwarju ta' Garuda bl-għamla ta' karru tal-ġebel fit-tempju ta' Vittala.

It-tempju ta' Vittala fih santwarju ddedikat lil Garuda b'għamla ta' karru tal-ġebel fil-bitħa; simbolu famuż ta' Hampi. Fuq il-karru hemm torri, li tneħħa matul is-snin 40 tas-seklu 20, skont l-istoriku Dr. S. Shettar. Quddiem il-karru tal-ġebel hemm sabha mandapa jew sala komunitarja kbira, kwadra, bil-pilastri fil-beraħ u assjali. Il-mandapa fiha erba' sezzjonijiet, tnejn minnhom allinjati mal-qalba tat-tempju. Il-mandapa fiha 56 xriek tal-ġebel imnaqqax ta' dijametri, għamliet, tul, u wċuħ differenti, li jipproduċu ħsejjes mużikali meta wieħed isabbat fuqhom; skont it-twemmin tradizzjonali lokali. Din is-sala kienet tintuża għal ċelebrazzjonijiet pubbliċi bil-mużika u ż-żfin. Hija kklassifikata bħala Karakkoil, tempju mmudellat fuq il-karrijiet bit-tempji li jittieħdu fil-purċissjonijiet madwar it-tempju matul il-festivals.

Il-mandapa hija kkollegata ma' pradakshina patha integrata għall-mixi madwar il-qalba tat-tempju. Madwar din il-mandapa assjali hemm (skont id-direzzjoni tal-arloġġ mil-Lvant); is-santwarju ta' Garuda, il-mandapa ta' Kalyana (għaċ-ċerimonji tat-tiġijiet), il-mandapa b'100 kolonna, is-santwarju ta' Amman u l-mandapa ta' Utsav (is-sala tal-festivals). L-istruttura bil-ħitan tkopri madwar 1.3 ettaru (3.2 akri) b'verandi bil-kolonni tul il-ħitan tal-kumpless. Fir-rokna tax-Xlokk hemm kċina b'klerestorju.

Barra l-kumpless tat-tempju, lejn Xlokk il-Lvant, hemm il-fdalijiet tat-triq tas-suq bil-kolonni, twila kważi kilometru (0.62 mili). Lejn it-Tramuntana hemm suq ieħor u santwarju jħares lejn in-Nofsinhar b'riljievi tax-xeni tar-Ramayana, tax-xeni tal-Mahabharata u ta' qaddisin ta' Vaishnava. It-triq tat-Tramuntana kienet tintemm f'tempju f'ġieħ il-filosfu Induist Ramanuja. Ir-reġjun madwar it-tempju ta' Vittala kien jissejjaħ Vittalapura. Dan kien jospita Vaishnava matha (monasteru), iddisinjat bħala ċentru tal-pellegrinaġġi ċċentrat madwar it-tradizzjoni Alvar. Skont il-kitbiet imnaqqxa li nstabu kien ukoll ċentru għall-produzzjoni tal-artiġjanat.

Monumenti tal-għolja ta' Hemakuta

immodifika
 
It-tempji fl-Għolja ta' Hemakuta.

L-Għolja ta' Hemakuta tinsab bejn il-kumpless tat-tempju ta' Virupakxa lejn it-Tramuntana u t-tempju ta' Krixna lejn in-Nofsinhar. Fiha ġabra ta' monumenti mdaqqsin li huma l-aqwa eżempji ppreservati tat-tempji u tal-kostruzzjoni ta' qabel l-Imperu ta' Vijayanagara u tal-bidu tal-Imperu ta' Vijayanagara. Is-sit fih diversi kitbiet imnaqqxa importanti, huwa aċċessibbli faċilment u joffri veduti ta' xi partijiet ta' Hampi u l-wied agrikolu u għammiel li jissepara ċ-ċentru sagru mill-qalba urbana biċ-ċentru rjali tagħha.

L-għolja fiha iktar minn tletin tempju żgħir jew medju, flimkien ma' ġibjuni tal-ilma, daħliet u paviljuni lajċi. L-eżempji l-iktar reċenti jmorru lura għall-bidu tas-seklu 14. Uħud mill-istrutturi huma prototip ta' tempji jew ta' mandapa b'daqsijiet differenti, assemblati minn blokok tal-ġebel. Hemm ukoll monumenti sħaħ b'disinni differenti, pereżempju bl-istil Phamsana. Żewġ gruppi ta' tempji b'dan l-istil huma simili ħafna ta' xulxin; kull wieħed fih vimana tripla li tikkonsisti minn qalba kwadra u kull sett huwa kkollegat mal-mandapa kwadra tiegħu stess. It-torrijiet (shikara) fuq dawn l-istrutturi piramidali tal-granit jikkonsistu minn ħdax-il għamla kwadra ġo xulxin, waħda iżgħar mill-oħra, u quċċata kalasha kwadra bl-istil Dekkan. Iż-żewġ settijiet huma tempji ddedikati lil Xiva b'linga tripla; sorsi bikrin identifikawhom bi żball bħala tempji Ġainisti minħabba l-ħitan esterni u interni sempliċi tagħhom. Wieħed minn dawn il-gruppi għandu kitba mnaqqxa storikament importanti li tirreġistra li Kampila bena l-monument fil-bidu tas-seklu 14. Din il-kitba mnaqqxa tikkollega lil Hampi mar-renju ta' Kampili u tissuġġerixxi rabta bejn l-istorja ta' Kampili u dik tal-Imperu ta' Vijayanagara ta' wara. L-istil tat-tempji fuq l-Għolja ta' Hemakuta jissuġġerixxi li l-għolja jaf kienet ċentru ta' studju u ta' esperimentazzjoni b'tipi differenti ta' tempji Induisti. L-istili preżenti jinkludu dawk tal-perjodu Chalukya, tal-perjodu Rashtrakuta u tal-perjodi ta' wara. L-għolja jaf kienet ukoll mudell għat-tempju oriġinali ta' Virupakxa, li iktar 'il quddiem ġie mkabbar ferm iktar b'gopuram, b'mandala u bi strutturi oħra. Monument simili ddedikat lil Narasimha, l-avatar nofsu raġel u nofsu iljun ta' Vixnu, jinsab fil-Lvant ta' Hampi; ħdejh hemm kitba mnaqqxa li tgħid li t-tempju kien għadu jintuża fl-1379.

L-Għolja ta' Hemakuta fiha wkoll żewġ monumenti monolitiċi ta' Ganexa; Kadalekalu Ganexa u Sasivekalu Ganexa. Il-monument ta' Kadalekalu Ganexa, imsemmi għal żaqq Ganexa, jinsab fin-nofs taċ-ċentru sagru ta' Hampi fuq in-naħa tal-Lvant tal-għolja qrib Matanga. Mandapa miftuħa bil-kolonni tagħti għall-qalba, li tospita xbieha monolitika ta' Ganexa għolja iktar minn 4.5 metri (15-il pied), li ġiet imnaqqxa mill-blat fil-post. In-nejba ta' Ganexa u partijiet oħra ġarrbu ħsarat estensivi, iżda l-id ix-xellugija — b'kejk tar-ross miżmum b'imnieħru — għadha teżisti.

Il-monument ta' Sasivekalu Ganexa, imsemmi għal żaqq Ganexa b'għamla ta' żerriegħa tal-mustarda, jinsab qrib it-tempju ta' Krixna fil-Lbiċ tal-monument ta' Kadalekalu Ganexa. Huwa monument monolitiku għoli 2.4 metri (7.9 piedi) li tnaqqax mill-blat fil-post. Ix-xbieha ta' Sasivekalu Ganexa hija mnaqqxa flimkien ma' ommu Parvati, u jidher bilqiegħda f'ħoġorha. Hija viżibbli biss min-naħa ta' wara tal-istatwa. Il-monument jinsab f'mandapa miftuħa bil-pilastri; l-id ix-xellugija u l-imnieħer ġarrbu ħsarat estensivi.

Tempju ta' Hazara Rama

immodifika
Xellug: it-tempju ta' Hazara Rama; Lemin: il-pilastri fuq ġewwa.

It-tempju ta' Hazara Rama, magħruf ukoll bħala t-tempju ta' Ramachandra fil-kitbiet imnaqqxa, kien jokkupa l-parti tal-Punent tal-qalba urbana fis-sezzjoni taċ-ċentru rjali ta' Hampi. Dan it-tempju kien iddedikat lil Rama tar-Ramayana, u avatar ta' Vixnu. Kien it-tempju ċerimonjali għall-familja rjali. It-tempju jmur lura għall-bidu tas-seklu 15 u ġie attibwit li nbena minn Devaraya I. Il-ħitan esterni tat-tempju juru l-Mahanavami (Dasara) Induista u l-purċissjonijiet u ċelebrazzjonijiet festivi tal-Holi fir-rebbiegħa bi strixxi paralleli ta' opri tal-arti (riljievi imbuzzati). L-istrixxa l-iktar fil-baxx turi l-iljunfanti mexjin, l-istrixxa ta' fuqha turi ż-żwiemel immexxija mir-rikkieba, imbagħad is-suldati ċċelebrati mill-pubbliku, imbagħad iż-żeffiena u l-mużiċisti, u fl-aħħar l-istrixxa ta' fuq turi purċissjoni brijuża tal-pubbliku. Ir-riljievi tirrifletti d-deskrizzjoni tal-festivals u tal-purċissjonijiet fil-memorji tal-Persjani u tal-Portugiżi li kienu żaru il-belt kapitali ta' Vijayanagara.

Xellug: ir-riljievi mal-ħitan esterni tat-tempju ta' Hazara Rama juru purċissjoni f'festa Induista; Lemin: riljiev ta' tirthankar Ġainista ġot-tempju.

Il-ħitan interni tat-tempju fihom freġji bl-iżjed narrazzjoni estensiva tal-ġrajja epika Induista tar-Ramayana. It-tempju fih mandapa b'daħla u sala taċ-ċerimonji tat-tip yajna, b'saqaf iddisinjat għall-ventilazzjoni tad-dħaħen u tal-irwejjaħ minn ġos-saqaf. Fil-mandapa prinċipali hemm erba' pilastri mnaqqxin b'mod elaborat bl-istil Hoysala; dawn it-tinqixiet jinkludu xbihat ta' Rama, ta' Lakxmana, u ta' Sita tal-Vixnuiżmu, ta' Durga bħala Mahishasuramardini tax-Xaktiżmu u ta' Xiva-Parvati tax-Xivaiżmu. Mill-qalba kwadra hemm xbihat neqsin. It-tempju fih santwarju iżgħar bi freġji li juru l-leġġendi tal-avatar ta' Vixnu.

Dan il-kumpless ta' tempji rvinati huwa magħruf sew għall-eluf ta' tinqix u ta' kitbiet imnaqqxa tiegħu, għall-affreski elaborati tiegħu li juru t-teosofija Induista, u l-bitħa kbira tiegħu mimlija ġonna.

Tempju ta' Kodandarama u l-monumenti fuq in-naħa tax-xmara

immodifika
 
Skulturi ta' Xivling u ta' Nandi mal-blat tax-xmara Tungabhadra, Hampi.

Il-kumpless tat-tempju ta' Kodandarama jinsab qrib ix-xmara Tungabhadra, u fit-Tramuntana tat-tempju ta' Achyutaraya. It-tempju jinsab faċċata ta' Chakratirtha, fejn ix-xmara Tungabhadra ddur lejn it-Tramuntana u lejn il-Ħimalaja. Ix-xtut tax-xmara, meqjusa sagra, jakkomoaw ghat u mandapa għall-għawm tal-era ta' Vijayanagara. Quddiem it-tempju hemm dipa stambha (pilastru tat-tidwil) taħt siġra Pipal, u fuq ġewwa hemm il-qalba ddedikata lil Rama, Sita, Lakxmana u Hanuman. Fil-qrib, u jibqgħu sejrin sa Kotitirtha fit-Tramuntana, hemm għadd ta' santwarji iżgħar, iddedikati lil Vittala, Anjaneya, Xiva u divinitajiet oħra. Fuq il-wiċċ tal-blat hemm riljievi ta' Anantashayana Vixnu (Vishnu mimdud li qed joħloq iċ-ċiklu kożmiku ta' Ranganatha), freġji li jirrakkontaw il-leġġendi ta' Narasimha u ta' Prahlada, u l-erbgħa u għoxrin avatar ta' Vixnu skont it-tradizzjoni Puranika tal-Vixnuiżmu. Qrib ix-xmara hemm blata mnaqqxa b'1,008 linga tax-Xivaiżmu.

Kumpless tat-tempju ta' Pattabhirama

immodifika
 
It-tempju ta' Pattabhirama fis-subborgi ta' Hampi.

Il-kumpless tat-tempju ta' Pattabirama jinsab fiċ-ċentru suburban tan-Nofsinhar 'il barra miċ-ċentru sagru u l-qalba urbana, madwar 500 metru (550 jarda) mill-mużew ta' Hampi amministrat mill-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja (ASI). Kien in-nukleu tal-attivitajiet ekonomiċi u kulturali ta' dan is-subborg, li issa jinsab fil-Grigal ta' Kamalapura. Il-kumpless, magħruf ukoll bħala Varadevi Ammana Pattana, x'aktarx li nbena fil-bidu tas-seklu 16 u ġie ddedikat lil Rama (avatar ta' Vixnu). Il-kumpless fih tempju prinċipali, bitħa bil-kolonni ġo kompartiment u mandapa kwadra msaqqfa b'64 pilastru quddiem il-qalba. Il-kumpless u l-qalba jħarsu lejn il-Lvant; għalkemm id-daħla normali kienet mill-gopura tal-Lvant. Il-fdalijiet jissuġġerixxu li l-gopuram kellha sitt saffi. It-tempju ta' Pattabhirama kien jinkludi sala b'100 pilastru — x'aktarx sala tal-ikel — mehmuża mal-ħajt tan-Nofsinhar tal-kumpless integrat. Il-pilastri għandhom riljievi li juru temi Induisti li jinkludu allat maskili u femminili, xeni mit-testi Induisti, pożi tal-joga u ta' namaste.

Pjattaforma, pjazza pubblika u kumpless ta' Mahanavami

immodifika
 
Il-monument tal-pjattaforma ta' Mahanavami.

Il-pjattaforma ta' Mahanavami, imsejħa wkoll il-"Pjattaforma l-Kbira", is-"Sala tal-Udjenzi", id-"Dasara" jew il-monument ta' "Mahanavami Dibba", fi ħdan kompartiment ta' 7.5 ettari (19-il akru) f'wieħed mill-ogħla punti fi ħdan iċ-ċentru rjali (qalba urbana), bi strutturi ċerimonjali. Dan jissemma fil-memorji tal-barranin li żaru lil Vijayanagara, u wħud isejħulu d-"Dar tar-Rebħa". L-ikbar monument f'dan il-kumpless fih tliet saffi kwadri telgħin 'il fuq lejn pjattaforma kwadra kbira li x'aktarx kellha mandapa tal-injam fuqha. Din ingħatat in-nar matul il-qerda ta' Hampi.

Iż-żewġ saffi l-iktar baxxi tal-pjattaforma huma magħmulin mill-granit. Fihom riljievi — x'aktarx katalogu tal-attivitajiet irjali tas-seklu 14 —u linji ta' annimali mexjin, fosthom iljunfanti, żwiemel u iġmla. Ir-riljievi fuq in-naħa tan-Nofsinhar juru mużiċisti u żeffiena, inkluż żeffiena femminili stilizzati. It-tielet saff ta' riljievi juri purċissjoni f'battalja, koppji u xeni ta' ċittadini komuni jiċċelebraw il-Holi (Vasantotsava) billi jissuttaw l-ilma lejn xulxin. Qrib il-pjattaforma l-kbira hemm sala tal-udjenzi, li wkoll x'aktarx kellha paviljun tal-injam, kif joħroġ fid-dieher minn 100 bażi tal-ġebel; dan ukoll ingħata n-nar u nqered.

Fin-Nofsinhar tal-pjattaforma hemm akkwedott li jwassal l-ilma lejn ġibjun imtarraġ simetriku kbir magħmul mill-granit li ġie skavat mill-arkeologi fis-snin 80 tas-seklu 20. Il-kumpless fih vaska kbira oħra tal-ilma — x'aktarx għall-isport tal-ilma — kif ukoll ġnien u diversi mandapa. Qrib il-ġibjun imtarraġ hemm il-fdalijiet ta' tempju jew monument.

Infrastruttura tal-ilma

immodifika
 
Wieħed mill-ġibjuni tal-ilma ta' Hampi.

Il-Paviljun Kwadru tal-Ilma, magħruf ukoll bħala l-Banju tar-Reġina, jinsab fix-Xlokk taċ-ċentru rjali. Għandu paviljun, baċir tal-ilma u metodu tat-trasferiment tal-ilma ħelu lejh u tat-trasferiment tal-ilma użajt u mormi lil hinn minnu. Il-baċir huwa mdawwar bi struttura ta' konfini bil-pilastri u bil-volti elaborati. Fil-qrib hemm il-fdalijiet tal-akkwedott. L-isem modern ta' din il-binja, il-Banju tar-Reġina, x'aktarx li huwa bbażat fuq fehim ħażin peress li dan kien banju għall-irġiel u għall-vjaġġaturi. Il-ħnejjiet interni tal-binja juru influwenza mill-istil Indo-Iżlamiku, li jirrifletti era li fiha l-arti Induisti u Musulmani influwenzat lil xulxin fl-Indja.

L-Imperu ta' Vijayanagara bena infrastruttura estensiva tal-ilma, li wħud minnhom — inkluż il-ġibjun ta' Manmatha qrib it-tempju ta' Virupakxa, li jmur lura għall-ħabta tas-seklu 9 — imorru lura għal qabel żmien l-Imperu ta' Vijayanagara. Skont kitba mnaqqxa li nstabet hemmhekk, il-ġibjun ta' Manmatha ġie mmodernizzat u ġie miżjud santwarju ta' Durga fl-1199, u żdiedu wkoll l-opri tal-arti fil-ġibjun, bħall-ġellied jiġġieled kontra iljun, li jmur lura għas-seklu 13, meta l-Hoysala kienu f'Hampi.

 
Ġibjun tal-ilma kwadru b'ħafna taraġ.

Il-monumenti ta' Hampi jinkludu l-akkwedotti li jwasslu l-ilma sal-ġibjuni u lejn partijiet oħra tal-belt, kif ukol id-drenaġġi u l-kanali għat-tneħħija tal-ilma żejjed jew mormi. L-iskavi li saru fis-snin 80 tas-seklu 20 qrib il-pjattaforma ta' Mahanavami fil-qalba urbana żvelaw ġibjun imtarraġ kwadru kbir li kien mimli bl-ilma permezz ta' akkwedott. Il-ġibjuni kienu pubbliċi għalkemm uħud x'aktarx li kienu jintużaw għaċ-ċerimonji rjali.

Mill-iskavi arkeoloġiċi li sar fl-1990 instabu 33 bir u ċisterna fil-metropoli ta' Hampi-Vijayanagara. Minnhom, 13 instabu 'l barra mill-ħitan tal-belt fis-subborgi, u għaxra fi ħdan il-ħitan. Minnhom 12 instabu mal-ġnub tat-toroq, 8 ħdejn it-tempji, 10 fiż-żoni residenzjali u 2 kienu jintużaw għall-irrigazzjoni fi ħdan il-qalba urbana. Iktar strutturi tal-ilma nstabu fil-wied ta' Daroji u kienu jintużaw għall-agrikoltura. Skont l-arkeologi Kathleen Morrison u Carla Sinopoli, l-infrastruttura tal-ilma ta' Hampi kienet tintuża għall-vjaġġaturi, għar-ritwali, għall-użu domestiku u għall-irrigazzjoni.

Funtani u kċina komunitarja

immodifika

Diversi tempji ewlenin f'Hampi fihom kċina integrata kif ukoll swali tal-ikel b'100 pilastru jew iktar. Hampi kellha wkoll Bhojana shala (dar tal-ikel) pubblika ddedikata fejn bosta thali (ikliet) kienu mnaqqxa f'sensiela fil-blat fuq iż-żewġ naħat ta' kanal tal-ilma. Eżempju partikolari jinsab qrib funtana ottagonali fin-Nofsinhar taċ-ċentru rjali; skont sorsi epigrafiċi, din il-bhojan shala ta' Hampi kienet utada kaluve jew "kanal ikkollegat mingħajr l-ikel".

Stalel tal-iljunfanti u konfini

immodifika
Il-Lotus Mahal (xellug) u l-istalel tal-iljunfanti: monumenti bi stil sinkretiku.

Fil-Lvant taċ-ċentru rjali jinsabu l-Gajashala, jew l-istalel tal-iljunfanti, li jikkonsistu minn 11-il kompartiment kwadru allinjati mit-Tramuntana għan-Nofsinhar. Id-daħliet tal-istalel huma bl-arkati; fuqhom, għaxar kompartimenti jalternaw b'koppli sempliċi u mrikkbin. Fin-nofs tal-istalel hemm taraġ li jagħti għas-saqaf.

Qrib l-istalel tal-iljunfanti hemm kompartiment madwarhom ta' konfini; kien issemma f'memorji Persjani li t-traduzzjoni tagħhom fis-seklu 19 kienet introduzzjoni bikrija għall-fdalijiet ta' Hampi għal bosta nies. Il-kompartiment fih il-Lotus Mahal, paviljun ta' żewġ sulari fiċ-ċentru rjali. Il-Lotus Mahal jikkombina disinn ta' mandala kwadra u simetrika Induista ma' arkati ppuntati, volti u koppli tal-istil Indo-Iżlamiku. Il-pjan terran tiegħu u t-torrijiet piramidali huma bbażati fuq l-arkitettura tat-tempji Induisti. Kważi bħall-istrutturi kollha fiċ-ċentru rjali ta' Hampi, dan il-monument ma fih l-ebda kitba mnaqqxa jew epigrafi li jsemmuh li permezz wieħed jista' jasal għad-datazzjoni tiegħu jew biex jistabbilixxi l-funzjoni tiegħu. Madankollu, il-Lotus Mahal u strutturi oħra fil-qalba urbana ta' Hampi, ma nbnewx b'patroċinju Musulman, għad-differenza tal-oqbra f'diversi kwartieri Musulmani tal-belt. Dawn il-binjiet jirriflettu l-approċċ assimilattiv tal-mexxejja Induisti ta' Vijayanagara. Il-Lotus Mahal jidher bħala spazju sinkretiku bi skop mhux ċar. Fost l-ispekulazzjonijiet dwar il-funzjoni tiegħu jingħad ukoll li kien sala tal-kunsill.

Tempji u monumenti Induisti oħra

immodifika

Fiċ-ċentru sagru qrib ix-xtut tan-Nofsinhar tax-xmara Tungabhadra u qrib il-kumpless tat-tempju ta' Vittala, hemm daħliet u monument issa magħruf bħala l-Miżien tar-Re. Dan tal-aħħar huwa simili għall-monumenti fid-daħliet tat-tempji Induisti tan-Nofsinhar tal-Indja għaċ-ċerimonji tat-tula-purush-dāna jew tat-thulabharam li fihom persuna tagħti rigal skont il-piż tal-ġisem tagħha (daqs jew iktar mill-piż).

Il-mexxejja tal-Imperu ta' Vijayanagara bnew fortijiet, daħliet iffortifikati u torrijiet tal-għassa wara li d-dinastija tagħhom ġiet stabbilita mill-fdalijiet tal-gwerra u għas-sigurtà mill-attakki u mill-invażjonijiet ripetuti. L-arkati bi stil Induist huma preżenti l-iżjed fid-daħliet u fit-torrijiet tal-għassa. Daħla partikolari minnhom tinsab fix-Xlokk tat-tempju Ġainista ta' Ganagitti; tinkorpora bastjun ċentrali bi swar iddisinjat biex iħawwad u jaqbad stranġier, bl-iskop li jiġi sorpriż, filwaqt li l-viżitaturi li kienu jżuru spiss kienu jafu x'kienu t-tliet bidliet fid-direzzjoni qabel id-daħla. Dawn il-monumenti Induisti funzjonali huma identifikabbli minn karattru Induist leġġendarju inkorporat fihom, pereżempju Bima tal-Pandava ta' Mahabharata. Daħla simili oħra tinsab fit-triq tal-Grigal li tagħti għall-monument Induist ta' Talarighat u t-tempju ta' Vittala.

Is-sit ta' Hampi fih iktar minn 1,600 fdalijiet eżistenti — l-iktar Induisti — li huma mifruxa fuq medda wiesgħa. Monumenti sinifikanti oħra jinkludu tempju qrib il-banju ottagonali ddedikat lil Saraswati, alla femminili Induista tal-għarfien u tal-mużika; tempju fis-subborgi ddedikat lil Ananthasayana Vixnu; it-tempju ta' Uddana Virbhadra ddedikat lil Xiva u lil Vixnu; santwarju ddedikat lil Kali, il-forma feroċi ta' Durga li għad-differenza tas-soltu jidher b'ballun tar-ross u b'kuċċarun; tempju taħt l-art fiċ-ċentru rjali; l-għar-tempju ta' Sugriva; il-monumenti tal-Għolja ta' Matanga; it-tempju ta' Purandaradasa ddedikat lill-mużiċist u lill-istudjuż famuż għat-tradizzjoni mużikali Karnatika; it-tempju ta' Chandrashekhara ddedikat lil Xiva qrib il-Banju tar-Reġina; u l-Għolja ta' Malyavanta ddedikata lil Rama-Sita-Lakxmana u lil Xiva. L-Għolja ta' Malyavanta fiha diversi santwarji, inkluż it-tempju ta' Raghunatha u ringiela linga ta' Xiva mnaqqxin fil-ġebel.

Monumenti Ġainisti

immodifika

Hemm riljievi Ġainisti fit-tempji Ġainisti ta' Hemkut, ta' Ratnantraykut, ta' Parsvanath Charan u ta' Ganagitti f'Hampi. Il-biċċa l-kbira tal-idoli issa huma neqsin minn dawn it-tempji, li kienu nbnew fis-seklu 14.

Kumpless tat-tempju ta' Ganagitti

immodifika
 
It-tempju Ġainista ta' Ganagitti.

It-tempju Ġainista ta' Ganigitti jinsab qrib id-daħla ta' Bima fix-Xlokk tal-qalba urbana ta' Hampi. Quddiemu hemm pilastru monolitiku b'għamla ta' lampa. It-tempju kien iħares lejn it-Tramuntana u jmur lura għall-1385, matul ir-renju tar-re Induista Harihara II, abbażi ta' kitba mnaqqxa fit-tempju. Huwa ddedikat lil Tirthankara Kunthunatha u l-ħitan tiegħu huma lixxi u sempliċi. Fih mandapa bil-pilastri u qalba kwadra li fiha hemm statwa nieqsa ta' Jina. Fuq il-pilastri hemm il-kapitelli u d-daħliet fihom it-tiżjin. Fuq il-qalba kwadra hemm torri piramidali kwadru jidjieq bi stil Dravidjam. Il-monumenti l-oħra fil-kumpless tat-tempju huma fi stat ta' fdalijiet.

Tempji u monumenti Ġainisti oħra

immodifika

Hemm raggruppament ta' tempji Ġainisti oħra 150 metru (160 jarda) fil-Lvant tal-istalel tal-iljunfanti. Tempju orjentat lejn it-Tramuntana huwa ddedikat lil Parshvanatha Tirthankara. Dan inbena mir-re Devaraya II u jmur lura għall-1426, skont kitba mnaqqxa fit-tempju. Quddiem it-tempju hemm il-fdalijiet ta' żewġ tempji; wieħed iddedikat lil Xiva u l-ieħor iddedikat lil Mahavira. It-tirthankara Ġainisti huma inklużi wkoll fir-riljievi ġewwa t-tempji Induisti.

Monumenti Musulmani

immodifika
 
Il-qabar ta' Ahmad Khan f'Hampi.

Is-sit ta' Hampi jinkludi kwartier Musulman b'oqbra Iżlamiċi, żewġ moskej u ċimiterju. Dawn ma jinsabux fiċ-ċentru sagru jew fiċ-ċentru rjali tas-sit ta' Hampi. Xi monumenti Musulmani huma parti mill-qalba urbana filwaqt li oħrajn jinsabu fis-subborgi fejn kienu jgħixu l-biċċa l-kbira tar-residenti ta' Vijayanagara. Dawn jinsabu fil-wied tal-Grigal tal-qalba urbana, fejn hemm ukoll insedjamenti Induisti u Ġainisti. Il-biċċa l-kbira ta' dan ir-reġjun fiha bosta sedimenti u l-ħamrija għadha tostor tempji abbandunati, toroq, ġibjuni tal-ilma, daħliet u kwartieri residenzjali.

Moskea u qabar ta' Ahmad Khan

immodifika

Hemm monumenti Musulmani fix-Xlokk tal-qalba urbana fit-triq minn Kamalapura għal Anegondi, qabel il-kanal ta' Turuttu fil-wied irrigat. Dawn il-monumenti nbnew għall-ewwel darba fl-1439 minn Ahmad Khan, uffiċjal Musulman fl-armata tar-re Induista Devaraya II. Il-monumenti jinkludu moskea, bir ottagonali u qabar. Il-koppla tal-moskea ċediet u l-moskea hija paviljun bil-pilastri, filwaqt li l-qabar fih koppla u ħnejjiet. Monumenti Musulmani oħra u ċimiterju ġew miżjuda wara qrib il-legat ta' Ahmad Khan.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Grupp ta' Monumenti ta' Hampi ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986 u fl-2012 saritlu modifika minuri fiż-żona ta' lqugħ tiegħu.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

 
Il-blat imnaqqax ta' Hampi.

Fil-memorji ta' Niccolò de' Conti, merkant u vjaġġatur Taljan li żar Hampi għall-ħabta tal-1420, il-belt kellha ċirkonferenza stmata ta' 60 mil (97 kilometru) u kienet tħaddan fiha għelieqi agrikoli u insedjamenti fil-fortifikazzjonijiet tagħha. Fl-1442, Abdul Razzaq, li żar mill-Persja, iddeskriviha bħala belt b'seba' saffi ta' fortijiet, b'saffi esterni għall-agrikoltura, għall-artiġjanat u għar-residenzi, u mit-tielet sas-seba' saffi ffollati ħafna bil-ħwienet u bil-bażars (swieq).

Fl-1520, Domingo Paes, vjaġġatur Portugiż, żar Vijayanagara bħala parti minn kontinġent kummerċjali minn Goa Portugiża. Fil-memorji tiegħu, Chronica dos reis de Bisnaga, stqarr li Vijayanagara kienet "kbira daqs Ruma, u s-sbuħija tagħha tolqtok kif taraha... l-iżjed belt moqdija bil-provvisti fid-dinja". Skont Paes, "fi ħdanha hemm bosta għelieqi, u fil-ġonna tad-djar, bosta kanali tal-ilma li jnixxu f'nofsha, u f'xi postijiet hemm il-lagi...".

Il-fdalijiet ta' Hampi fis-seklu 19.
It-tempju ta' Krixna fl-1868.
It-tempju ta' Rama fl-1868.
It-tempju ta' Vittala fl-1880.
Il-miżien tar-re fl-1858.

Cesare Federici, merkant u vjaġġatur Taljan, żar il-belt ftit deċennji wara t-telfa u l-waqgħa tal-Imperu ta' Vijayanagara fl-1565. Skont Sinopoli, Johansen u Morrison, Federici ddeskriviha bħala belt differenti ħafna. Huwa kiteb, "il-belt ta' Bezeneger (Hampi-Vijayanagara) ma nqerditx għalkollox, għad hemm xi djar weqfin, iżda vojta, u fihom ma għadu jgħix xejn, kif ġie rrapportat, għajr tigri u annimali selvaġġi oħra".

L-istoriku Will Durant, f'Our Oriental Heritage: The Story of Civilization jirrakkonta l-ġrajja ta' Vijayanagara u jiddeskrivi l-ħakma u l-qerda tagħha bħala ġrajja ta' qtigħ il-qalb. Huwa jikteb, "il-morali evidenti tagħha hi li ċ-ċivilizzazzjoni hija xi ħaġa prekarja, li l-ordni, il-ħelsien, il-kultura u l-paċi tagħha", fi kwalunkwe ħin, jistgħu jinqerdu minn xi gwerra u mill-vjolenza feroċi.

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Group of Monuments at Hampi". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-12.
  2. ^ Anila Verghese (2002). Hampi. Oxford University Press. ISBN 978-0-19-565433-2. pp. 1-18.
  3. ^ John M. Fritz; George Michell; Clare Arni (2001). New Light on Hampi: Recent Research at Vijayanagara. Marg Publications. pp. 1–7. ISBN 978-81-85026-53-4.
  4. ^ Fritz, John M; Michell, George (2016). Hampi Vijayanagara. Jaico. ISBN 978-81-8495-602-3. pp. 11-23.
  5. ^ Joan-Pau Rubiés (2002). Travel and Ethnology in the Renaissance: South India Through European Eyes, 1250–1625. Cambridge University Press. pp. 234–236. ISBN 978-0-521-52613-5.
  6. ^ Michael C. Howard (2011). Transnationalism and Society: An Introduction. McFarland. pp. 77–78. ISBN 978-0-7864-8625-0.
  7. ^ Nicholas F. Gier (2014). The Origins of Religious Violence: An Asian Perspective. Lexington. pp. 11–14. ISBN 978-0-7391-9223-8.
  8. ^ Lycett, Mark T.; Morrison, Kathleen D. (2013). "The Fall of Vijayanagara Reconsidered: Political Destruction and Historical Construction in South Indian History 1". Journal of the Economic and Social History of the Orient. 56 (3): 433–470.
  9. ^ Fritz, John M; Michell, George (2016). Hampi Vijayanagara. Jaico. ISBN 978-81-8495-602-3. pp. 154-155.
  10. ^ Anila Verghese (2002). Hampi. Oxford University Press. ISBN 978-0-19-565433-2. pp. 85-87.
  11. ^ James Lochtefeld (2002), The Illustrated Encyclopedia of Hinduism, Vol. 2: N–Z, Rosen Publishing, ISBN 978-0-8239-2287-1. pp. 503-505.
  12. ^ David Kinsley (1988). Hindu Goddesses: Visions of the Divine Feminine in the Hindu Religious Tradition. University of California Press. ISBN 978-0-520-90883-3. pp. 42-44; 46-52.
  13. ^ Fritz, John M; Michell, George (2016). Hampi Vijayanagara. Jaico. ISBN 978-81-8495-602-3. pp. 14-15.
  14. ^ Anila Verghese (2002). Hampi. Oxford University Press. ISBN 978-0-19-565433-2. pp. 6-7; 40; 92.
  15. ^ D. Devakunjari (2007). World Heritage Series: Hampi. Eicher Goodearth Ltd., New Delhi – for Archaeological Survey of India. p. 8. ISBN 978-81-87780-42-7.
  16. ^ Arnold P. Kaminsky; Roger D. Long (2016). Nationalism and Imperialism in South and Southeast Asia. Taylor & Francis. pp. 75–76. ISBN 978-1-351-99742-3.
  17. ^ Burton Stein (1989). The New Cambridge History of India: Vijayanagara. Cambridge University Press. pp. 31–32. ISBN 978-0-521-26693-2.
  18. ^ D. Devakunjari (2007). World Heritage Series Hampi. Eicher Goodearth Ltd., New Delhi - for Archaeological Survey of India. p. 11. ISBN 978-8187780427.
  19. ^ D.V. Devaraj; C.S. Patil (1987). Vijayanagara, Progress of Research. Directorate of Archaeology & Museums. pp. 112–113.
  20. ^ Abraham Eraly (2015). The Age of Wrath: A History of the Delhi Sultanate. Penguin Books. pp. 155–157. ISBN 978-93-5118-658-8.
  21. ^ Roshen Dalal (2002). The Puffin History of India for Children, 3000 BC - AD 1947. Penguin Books. p. 195. ISBN 978-0-14-333544-3.
  22. ^ David M. Knipe (2015). Vedic Voices: Intimate Narratives of a Living Andhra Tradition. Oxford University Press. pp. 38–39. ISBN 978-0-19-026673-8.
  23. ^ B. L. Rice (2001). Gazetteer of Mysore. Asian Educational Services. pp. 353–354. ISBN 978-81-206-0977-8.
  24. ^ Robert Bradnock; Roma Bradnock (2000). India Handbook. McGraw-Hill. p. 959. ISBN 978-0-658-01151-1.
  25. ^ Burton Stein (1989). The New Cambridge History of India: Vijayanagara. Cambridge University Press. pp. 18–19. ISBN 978-0-521-26693-2.
  26. ^ Cynthia Talbot (2001). Precolonial India in Practice: Society, Region, and Identity in Medieval Andhra. Oxford University Press. pp. 281–282. ISBN 978-0-19-803123-9.
  27. ^ Mary Storm (2015). Head and Heart: Valour and Self-Sacrifice in the Art of India. Taylor & Francis. p. 311. ISBN 978-1-317-32556-7.
  28. ^ Kanhaiya L Srivastava (1980). The position of Hindus under the Delhi Sultanate, 1206-1526. Munshiram Manoharlal. p. 202. ISBN 9788121502245.
  29. ^ David Gilmartin; Bruce B. Lawrence (2000). Beyond Turk and Hindu: Rethinking Religious Identities in Islamicate South Asia. University Press of Florida. pp. 300–306, 321–322. ISBN 978-0-8130-3099-9.
  30. ^ Sewell 1900; Sastri 1955; N. Ventakaramanayya, The Early Muslim expansion in South India, 1942; B. Surya Narayana Rao, History of Vijayanagar, 1993; Kamath 2001, pp. 157–160.
  31. ^ Murthy, HV Sreenivasa; Ramakrishnan, R (1982). History of Karnataka. S Chand. p. 148.
  32. ^ Rene J. Barendse (2016). The Arabian Seas: The Indian Ocean World of the Seventeenth Century: The Indian Ocean World of the Seventeenth Century. Taylor & Francis. p. 68. ISBN 978-1-317-45835-7.
  33. ^ Hermann Kulke; Dietmar Rothermund (2004). A History of India. Routledge. p. 191. ISBN 978-0-415-32920-0.
  34. ^ Eaton, Richard M. (2006). A social history of the Deccan, 1300–1761: eight Indian lives. Cambridge: Cambridge University Press. ISBN 978-0-521-71627-7. p. 98.
  35. ^ Fritz, John M; Michell, George (2016). Hampi Vijayanagara. Jaico. ISBN 978-81-8495-602-3. p. 23.
  36. ^ Fritz, John M; Michell, George (2016). Hampi Vijayanagara. Jaico. ISBN 978-81-8495-602-3. p. 51.
  37. ^ Fritz, John M; Michell, George (2016). Hampi Vijayanagara. Jaico. ISBN 978-81-8495-602-3. pp. 50-51.
  38. ^ Fritz, John M; Michell, George (2016). Hampi Vijayanagara. Jaico. ISBN 978-81-8495-602-3. pp. 52-53.
  39. ^ Sewell, Robert (1900). A Forgotten Empire (1924 Reprint ed.). George Allen & Unwin.
  40. ^ J.M. Fritz; George Michell, eds. (2001). New Light on Hampi: Recent Research at Vijayanagara. Marg. ISBN 978-81-85026-53-4.
  41. ^ "Archaeological Survey of India". asi.nic.in. Miġbur 2023-08-13.
  42. ^ Fritz, John M; Michell, George (2016). Hampi Vijayanagara. Jaico. ISBN 978-81-8495-602-3. pp. 13-14.
  43. ^ "Archaeological Survey of India". asi.nic.in. Miġbur 2023-08-13.
  44. ^ Burton Stein (1989). The New Cambridge History of India: Vijayanagara. Cambridge University Press. pp. 31–39. ISBN 978-0-521-26693-2.
  45. ^ Verghese, Anila; Eigner, Dieter (1998). "A Monastic Complex in Vithalapura, Hampi Vijayanagara". South Asian Studies. 14 (1): 127–140.
  46. ^ Fritz, John M. (1986). "Vijayanagara: Authority and Meaning of a South Indian Imperial Capital". American Anthropologist. 88 (1): 44–55.
  47. ^ Anila Verghese (2002). Hampi. Oxford University Press. ISBN 978-0-19-565433-2. pp. 20-22.
  48. ^ Michael W. Meister; Madhusudan A. Dhaky (1996). Encyclopaedia of Indian Temple Architecture. American Institute of Indian Studies. ISBN 978-81-86526-00-2. pp. 17-18.
  49. ^ Anila Verghese (2002). Hampi. Oxford University Press. ISBN 978-0-19-565433-2. pp. 18-22.
  50. ^ Anila Verghese (2000). Archaeology, Art and Religion: New Perspectives on Vijayanagara. Oxford University Press. ISBN 978-0-19-564890-4. pp. 1-12.