Giovanni Battista Belzoni

antikwarju Taljan (1778-1823)

Giovanni Battista Belzoni ([dʒoˈvanni batˈtista belˈtsoːni]; twieled fil-5 ta' Novembru 1778 – miet fit-3 ta' Diċembru 1823), xi kultant magħruf bħala Belzoni l-Kbir, kien esporatur prolifiku u arkeologu pijunier Taljan tal-antikitajiet Eġizzjani. Huwa magħruf għat-tneħħija u għat-trasport lejn l-Ingilterra tal-bust ta' seba' tunnellati ta' Ramesses II, għat-tneħħija tar-ramel mid-daħla tat-tempju grandjuż ta' Abu Simbel, għall-iskoperta u għad-dokumentazzjoni tal-qabar ta' Seti I (li għadha s'issa magħrufa bħala l-"Qabar ta' Belzoni"), inkluż is-Sarkofagu ta' Seti I, u għax kien l-ewwel persuna li rnexxielha tidħol fil-Piramida ta' Khafre, it-tieni l-ikbar mill-Piramidi Eġizzjani ta' Giza.

Giovanni Battista Belzoni
Ħajja
Twelid Padova, 5 Novembru 1778, 1778
Nazzjonalità Repubblika ta' Venezja
Renju Unit
Mewt Ughoton, 3 Diċembru 1823
Kawża tal-mewt kawżi naturali (dissenterija)
Familja
Konjuga/i Sarah Belzoni
Edukazzjoni
Lingwi Taljan
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni esploratur
antikwarju
Eġittologu
arkeologu
rumanzier
kittieb tal-vjaġġi

Ħajja bikrija

immodifika
 
Belzoni bħala artist b'saħħtu taċ-ċirklu

Belzoni twieled f'Padova, l-Italja. Missieru kien barbier li kellu erbatax-il wild. Il-familja tiegħu kienet minn Ruma u meta Belzoni kellu 16-il sena mar jaħdem hemmhekk, billi qal li kien se jistudja l-idrawlika. Huwa kien beħsiebu jsir patri, iżda fl-1798 l-okkupazzjoni tal-belt mit-truppi Franċiżi waslitu biex jitlaq minn Ruma u jibdel il-ħsieb dwar il-karriera f'ħajtu. Fl-1800 huwa mar jgħix fir-Repubblika Batavjana (issa n-Netherlands) fejn kien jaqla' l-għajxien tiegħu bħala barbier.

Fl-1803 huwa ħarab lejn l-Ingilterra biex jevita li jispiċċa l-ħabs.[1] Hemmhekk huwa żżewweġ lil mara Ingliża, Sarah Bane. Belzoni kien raġel twil ħafna, b'tul ta' sitt piedi u seba' pulzieri (2.01 metri). Sors partikolari jsostni li martu kienet twila ħafna wkoll, iżda s-sorsi l-oħra kollha jiddeskrivuha bħala mara b'tul normali. Il-koppja ngħaqdet f'ċirklu li kien jivvjaġġa minn post għall-ieħor.[2] Għal xi żmien kienu obbligati jwettqu wirjiet ta' saħħa u ta' aġilità fil-fieri u fit-toroq ta' Londra biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom.[3] Fl-1804 Belzoni kien involut f'ċirklu fl-Anfiteatru ta' Astley u ħa sehem f'varjetà ta' spettakli. Belzoni kellu interess fil-fantażmagorija u sperimenta bl-użu tal-lanterni maġiċi fl-ispettakli tiegħu.[4]

Antikitajiet Eġizzjani

immodifika
 
Iċ-ċaqliq tal-bust ta' Ramesses II

Fl-1812 huwa telaq mill-Ingilterra u wara diversi spettakli taċ-ċirklu fi Spanja, fil-Portugall u fi Sqallija, fl-1815 huwa mar Malta fejn iltaqa' ma' Ismael Gibraltar, emissarju tal-Paxà tal-Eġittu Muhammad Ali, li dak iż-żmien kien qed iwettaq programm ta' rkupru tal-art agrarja u xogħlijiet importanti tal-irrigazzjoni.[5] Belzoni ried juri makkinarju idrawliku li kien ivvinta lil Muhammad Ali. Dan il-makkinarju kien jintuża biex itella' l-livell tal-ilma tan-Nil. Minkejja li l-esperiment b'dan il-makkinarju rnexxa, il-proġett ma ġiex approvat mill-Paxà. Belzoni, li kien spiċċa mingħajr impjieg, iddeċieda li jissokta bil-vjaġġi tiegħu. Fuq rakkomandazzjoni tal-Orjentalista J. L. Burckhardt huwa ntbagħat minn Henry Salt, il-Konslu Brittaniku għall-Eġittu, fir-Ramesseum ta' Thebes. Hemmhekk, b'ħila kbira rnexxielu jneħħi l-bust kolossali ta' Ramesses II, magħruf l-iktar bħala "Memnon iż-Żgħir". Belzoni ttrasporta l-monument lejn l-Ingilterra, u l-bust ta' seba' tunnellati għadu jintwera sa llum fil-British Museum f'Londra. Kien hemm bżonn 130 raġel li ħadmu għal 17-il jum biex ċaqilqu l-bust sax-xmara billi olzawh fuq zkuk kbar u letteralment ġew irromblati sax-xmara b'erba' ħbula distribwiti b'mod ugwali. Fl-ewwel jum, is-27 ta' Lulju, ġew koperti biss ftit metri, fit-tieni jum ġew koperti kważi 46 metru u kellhom jiġu mkissrin il-partijiet t'isfel ta' żewġ kolonni biex ikun jista' jiġi ttrasportat il-bust. Wara 137 metru, il-bust weħel fir-ramel, u kienet meħtieġa devjazzjoni ta' 274 metru fuq art iktar soda. Minn hemm 'il quddiem, kollox mexa iktar ħarir, u fit-12 ta' Awwissu, irnexxielu jwassal il-bust sax-xmara biex jitgħabba fuq dgħajsa u jiġi ttrasportat lejn l-Ingilterra. L-iskavi tiegħu u t-tneħħija tal-bust ta' Memnon iż-Żgħir u ta' ħaġriet oħra matul din l-ispedizzjoni ġew awtorizzati b'mod espliċitu minn mandat ta' Muhammad Ali nnifsu.[6]

 
Il-bust kolossali ta' Ramesses II fil-British Museum

Belzoni wessa' l-investigazzjonijiet tiegħu għat-tempju l-kbir ta' Edfu, żar il-gżejjer ta' Elephantine u Philae, neħħa r-ramel minn quddiem id-daħla tat-tempju l-kbir ta' Abu Simbel (1817), wettaq skavi fit-tempju ta' Karnak, u fetaħ is-sepolkru ta' Seti I (li xi kultant għadu jissejjaħ "il-Qabar ta' Belzoni"). Huwa kien l-ewwel persuna li rnexxielu jidħol fil-Piramida ta' Khafre, it-tieni l-akbar piramida tal-kumpless ta' Giza, u l-ewwel Ewropew fiż-żminijiet moderni li żar l-Oasi ta' Bahariya. Huwa identifika wkoll il-fdalijiet ta' Berenice mal-Baħar l-Aħmar.[7]

Fl-1819 huwa reġa' lura l-Ingilterra u s-sena ta' wara ppubblika rakkont dwar il-vjaġġi u l-iskoperti tiegħu msejjaħ Rakkont dwar l-Operazzjonijiet u l-Iskoperti Reċenti fi ħdan il-Piramidi, it-Tempji, l-Oqbra u l-Iskavi fl-Eġittu u fin-Nubja (bl-Ingliż: Narrative of the Operations and Recent Discoveries within the Pyramids, Temples, Tombs and Excavations in Egypt and Nubia).[8] Matul l-1820 u l-1821 huwa organizza wirja ta' replika tal-Qabar ta' Seti I. Il-wirja ġiet organizzata fis-Sala Eġizzjana, Piccadilly, Londra.[9] Fl-1822 Belzoni wera r-replika f'Pariġi.[7]

 
L-iskrizzjoni ta' Belzoni fil-qalba tal-Piramida ta' Khafre

Fl-1823 huwa reħielha għall-Punent tal-Afrika, bil-ħsieb li jivvjaġġa lejn Timbuktu, il-Mali. Minħabba li ma ngħatax il-permess li jgħaddi mill-Marokk, huwa għażel ir-rotta kostali tal-Golf tal-Guinea. Huwa wasal fir-Renju tal-Benin, iżda qabditu d-disinterija f'villaġġ imsejjaħ Gwato (issa Ughoton), u miet hemmhekk. Skont il-vjaġġatur magħruf Richard Francis Burton huwa ġie misruq u nqatel. Fl-1829 l-armla tiegħu ppubblikat it-tpinġijiet tiegħu tal-oqbra rjali ta' Thebes.[7]

Kommemorazzjoni

immodifika
 
Medalja bil-profil ta' Belzoni li tinsab fil-British Museum

Medalja bi profil ta' Belzoni maħluqa minn William Brockedon ġiet fonduta fl-1821 minn Sir Edward Thomason. Il-ħabib ta' Belzoni, Sir Francis Ronalds, kien introduċa l-artisti u s-suġġett. Snin wara, fl-1859 f'Padova, Ronalds ta pariri lill-iskultur Rinaldo Rinaldi dwar il-medaljun il-kbir li kien qed joħloq biex jikkommemora lil Belzoni f'raħal twelidu.[10]

Matthew Kelly ħadimha ta' Belzoni fid-dokumentarju tal-BBC tal-2005 imsejjaħ Egypt.

Alberto Siliotti kkompleta edizzjoni unika bħala studjuż dwar il-kitba tal-ivvjaġġar ta' Belzoni, u kienet is-suġġett tal-ispedizzjoni Horus fl-1988.

Horace Smith, poeta qrib Percy Bysshe Shelley, kiteb il-poeżija Address to the Mummy in Belzoni's Exhibition.

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Giovanni Battista Belzoni". web.archive.org. 2008-06-18. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-06-18. Miġbur 2021-11-04.
  2. ^ "Giovanni Belzoni". web.archive.org. 2011-04-11. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-04-11. Miġbur 2021-11-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ "Giovanni Battista Belzoni". web.archive.org. 2008-06-18. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-06-18. Miġbur 2021-11-04.
  4. ^ Stanley Mayes: The Great Belzoni, The Circus Strongman who Discovered Egypt's Treasures, ISBN 1-84511-333-0.
  5. ^ "Ancient Egypt and Archaeology Web Site - Ancient Egypt - European interest in Egypt ( Pasha Muhammad Ali, Bankes, Salt, Drovetti etc)". www.ancient-egypt.co.uk. Miġbur 2021-11-04.
  6. ^ "Ancient Egypt and Archaeology Web Site - Ancient Egypt - European interest in Egypt ( Pasha Muhammad Ali, Bankes, Salt, Drovetti etc)". www.ancient-egypt.co.uk. Miġbur 2021-11-04.
  7. ^ a b ċ Belzoni, Giovanni Battista. 3. Miġbur 2021-11-04.
  8. ^ Belzoni, Giovanni Battista (1835). Narrative of the Operations and Recent Discoveries Within the Pyramids, Temples, Tombs, and Excavations, in Egypt and Nubia: And of a Journey to the Coast of the Red Sea, in Search of the Ancient Berenkè; and Another to the Oasis of Jupiter Ammon (bl-Ingliż). Remy. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  9. ^ Blessington, Marguerite Countess of (1823). The Magic Lantern; Or, Sketches of Scenes in the Metropolis (bl-Ingliż). Longman, Hurst, Rees, Orme, and Brown. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  10. ^ Ronalds, B.F. (2016). Sir Francis Ronalds: Father of the Electric Telegraph. Londra: Imperial College Press. ISBN 978-1-78326-917-4.