Abu Simbel

tempji fl-Eġittu

Abu Simbel huwa sit arkeoloġiku magħmul minn żewġ tempji mnaqqxin fil-blat fil-villaġġ ta' Abu Simbel (bl-Għarbi: أبو سمبل‎), fil-Governorat ta' Aswan, fin-Nofsinhar tal-Eġittu ħdejn il-fruntiera mas-Sudan. Dawn iż-żewġ tempji issa jinsabu max-xatt tal-Punent tal-Lag ta' Nasser, madwar 230 kilometru fil-Lbiċ minn Aswan (madwar 300 kilometru bit-triq). Il-kumpless huwa parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO msejjaħ "Monumenti Nubjani"[1], li huwa magħmul minn diversi monumenti bejn Abu Simbel sa Philae (ħdejn Aswan), u jinkludu Amada, Wadi es-Sebua, u siti Nubjani oħra. Iż-żewġ tempji ta' Abu Simbel oriġinarjament ġew imnaqqxin mill-blat fil-muntanja fis-seklu 13 Q.K., matul ir-renju tad-19-il dinastija tal-Faragħun Ramesses II. Dawn it-tempji kienu jservu bħala monument dejjiemi għall-Faragħun Ramesses II. Martu Nefertari u uliedhom jidhru mnaqqxin fi statwi iżgħar ħdejn riġlejh, peress li kienu jitqiesu inqas importanti u ma ngħatawx l-istess pożizzjoni bħala skala. It-tempji jfakkru r-rebħa tal-Faragħun fil-Battalja ta' Kadesh. Il-figuri enormi mnaqqxin fil-blat saru ikoniċi.

Id-daħla tat-Tempju l-Kbir ta' Abu Simbel

Il-kumpless kollu ġie rilokat fl-1968 taħt is-superviżjoni ta' arkeologu Pollakk, Kazimierz Michałowski, miċ-Ċentru Pollakk tal-Arkeoloġija Mediterranja tal-Università ta' Varsavja[2], u tressaq fuq għolja artifiċjali magħmula minn struttura sferika, ferm 'il fuq mill-ġibjun tad-Diga l-Għolja ta' Aswan. Ir-rilokazzjoni tat-tempji kienet meħtieġa għaliex inkella kienu jiġu mgħerrqa bil-ħolqien tal-Lag ta' Nasser, il-ġibjun artifiċjali enormi tal-ilma li fforma wara l-kostruzzjoni tad-Diga l-Għolja ta' Aswan fuq ix-xmara Nil. Il-proġett twettaq bħala parti mill-Kampanja ta' Salvataġġ tal-Monumenti Nubjani tal-UNESCO.[1][2]

Storja immodifika

Kostruzzjoni immodifika

 
L-istatwa ta' Ramesses II fit-Tempju l-Kbir ta' Abu Simbel qed jiġi assemblat mill-ġdid wara li t-tempju kollu ġie mċaqlaq fl-1967 biex jiġi salvat mill-għargħar.

Matul ir-renju tiegħu, Ramesses II wettaq programm estensiv ta' kostruzzjoni kullimkien fl-Eġittu u fil-parti ta' Nubja taħt il-kontroll tal-Eġittu. Nubja kienet importanti ħafna għall-Eġizzjani għaliex kienet sors ta' deheb u bosta oġġetti kummerċjali prezzjużi oħra. Għalhekk, il-Faragħun bena diversi tempji grandjużi hemmhekk biex jimpressjona lin-Nubjani s-setgħa tal-Eġittu u biex il-poplu ta' Nubja jiġi Eġizzjanizzat.[3][4] L-iżjed tempji prominenti huma t-tempji mnaqqxin fil-blat ħdejn il-villaġġ modern ta' Abu Simbel, fit-Tieni Ċarċara tan-Nil, il-fruntiera bejn Nubja t'Isfel u Nubja ta' Fuq.[4] Il-kumpless ta' Abu Simbel jinkludi żewġ tempji, it-Tempju l-Kbir, iddedikat lil Ramesses II nnifsu, u t-Tempju ż-Żgħir, iddedikat lill-mara ewlenija tiegħu r-Reġina Nefertari.

Il-kostruzzjoni tal-kumpless tat-tempji beda għall-ħabta tal-1264 Q.K. u dam għal madwar 20 sena, sal-1244 Q.K. Kien magħruf bħala t-"Tempju ta' Ramesses, maħbub minn Amun".

Skoperta mill-ġdid immodifika

Bit-trapass taż-żmien, it-tempji ma baqgħux jintużaw u eventwalment tgħattew bir-ramel. Sas-seklu 6 Q.K., ir-ramel kien diġà għatta l-istatwi tat-tempju prinċipali sa rkopptejhom. It-tempju ntesa sal-1813, meta r-riċerkatur Żvizzeru Johann Ludwig Burckhardt sab il-freġju ta' fuq tat-tempju prinċipali. Burckhardt tkellem dwar l-iskoperta tiegħu mal-esploratur Taljan Giovanni Belzoni, li vvjaġġa sas-sit, iżda ma rnexxielux iħaffer daħla għat-tempju. Belzoni rritorna fl-1817, u din id-darba rnexxielu jidħol fil-kumpless. Deskrizzjoni dettaljata tat-tempji, flimkien ma' tpinġijiet kontemporanji, jinstabu fid-Deskrizzjoni tal-Eġittu (bl-Ingliż:Description of Egypt) ta' Edward William Lane (1825-1828).[5]

Rilokazzjoni immodifika

 
Mudell fuq skala li juri l-pożizzjoni oriġinali u attwali tat-tempji (fir-rigward tal-livell tal-ilma) fil-Mużew Nubjan, f'Aswan

Fl-1959 bdiet kampanja internazzjonali ta' ġbir tad-donazzjonijiet biex jiġu salvati l-monumenti ta' Nubja: l-iktar relitti tan-Nofsinhar ta' din iċ-ċivilizzazzjoni umana tal-qedem kienu mhedda miż-żieda fil-livell tal-ilma tan-Nil li kienu waslu biex jirriżultaw mill-kostruzzjoni tad-Diga l-Għolja ta' Aswan.

Skema partikolari biex jiġu salvati t-tempji kienet ibbażata fuq idea ta' William MacQuitty li tinbena diga tal-ilma ħelu trasparenti madwar it-tempji, bl-ilma fiha miżmum sal-għoli tan-Nil. Kellu jkun hemm kompartimenti taħt l-ilma biex wieħed ikun jista' jara t-tempji. Fl-1962 l-idea ssarrfet f'proposta mill-arkitetti Jane Drew u Maxwell Fry u mill-inġinier ċivili Ove Arup.[6] Dawn qiesu li l-olzar tat-tempji kien jinjora l-effett tal-erożjoni tal-blat ramli mill-irjieħ tad-deżert. Madankollu, il-proposta, għalkemm ġie rikonoxxut li kienet waħda tassew eleganti, ġiet irrifjutata.

Is-salvataġġ tat-tempji ta' Abu Simbel beda fl-1964 minn tim multinazzjonali ta' arkeologi, inġiniera u operaturi tas-sengħa li kienu kapaċi jaħdmu b'tagħmir tqil. Dawn kollha ġibdu ħabel wieħed taħt il-qafas tal-UNESCO. Il-proġett sewa xi 40 miljun dollaru Amerikan dak iż-żmien (ugwali għal 300 miljun dollaru Amerikan ekwivalenti fl-2017). Bejn l-1964 u l-1968, is-sit kollu ġie ssegat f'blokok kbar (sa 30 tunnellata, b'medja ta' 20 tunnellata kull blokka), żarmat, olzat u assemblat mill-ġdid f'post ġdid xi 65 metru 'l fuq u xi 200 metru lura mix-xmara, f'waħda mill-akbar sfidi tal-inġinerija arkeoloġika fl-istorja.[7] Xi strutturi ġew saħansitra salvati minn taħt l-ilma tal-Lag ta' Nasser. Illum, it-tempji jżuruhom ftit mijiet ta' turisti kuljum. Bosta viżitaturi jaslu wkoll bl-ajruplan f'ajruport li nbena apposta għal min jixtieq iżur it-tempji, jew inkella bit-triq minn Aswan li hi l-eqreb belt.

Il-kumpless jikkonsisti minn żewġ tempji. It-Tempju l-Kbir huwa ddedikat lil Ra-Harakhty, Ptah u Amun, it-tliet allat statali tal-Eġittu dak iż-żmien, u fih erba' statwi kbar ta' Ramesses II mal-faċċata. It-Tempju ż-Żgħir huwa ddedikat lill-alla femminili Hathor, ippersonifikata f'Nefertari, il-mara maħbuba ewlenija ta' Ramesses II fost il-bosta nisa li kellu.[8] It-tempji attwalment huma miftuħin għall-pubbliku.

It-Tempju l-Kbir immodifika

 
Detall tal-babbwini mnaqqxa

It-Tempju l-Kbir ta' Abu Simbel, li ħa xi 20 sena biex inbena, tlesta għall-ħabta tal-24 sena tar-renju ta' Ramesses il-Kbir (li tikkorrispondi għall-1265 Q.K.). It-tempju ġie ddedikat lill-allat Amun, Ra-Horakhty, u Ptah, kif ukoll lil Ramesses divinizzat stess.[9] Ġeneralment jiġi kkunsidrat bħala l-iktar tempju grandjuż u sabiħ mit-tempji kkummissjonati matul ir-renju ta' Ramesses II, u wieħed mill-isbaħ fl-Eġittu.

Daħla immodifika

Maġenb id-daħla unika tat-tempju hemm erba' statwi kolossali ta' 20 metru, u kull waħda tirrappreżenta lil Ramesses II bilqiegħda fuq tron u liebes il-kuruna doppja tal-Eġittu ta' Fuq u t'Isfel. L-ewwel statwa fuq ix-xellug tad-daħla ġarrbet xi ħsarat minħabba terremot li wassal biex ras u sider l-istatwa jikkrollaw; dawn il-biċċiet li kkrollaw ma ġewx irrestawrati fuq l-istatwa matul ir-rilokazzjoni iżda minflok tqiegħdu qrib saqajn l-istatwa fil-pożizzjonijiet kif kienu nstabu oriġinarjament. Maġenb riġlejn Ramesses II hemm għadd ta' statwi iżgħar oħra; l-ebda waħda minnhom mhi ogħla minn irkopptejn il-faragħun, u juru: il-mara ewlenija tiegħu, Nefertari Meritmut; ir-reġina omm tiegħu Mut-Tuy; l-ewwel żewġ ulied subien tiegħu, Amun-her-khepeshef u Ramesses B; u l-ewwel sitt ulied bniet tiegħu: Bintanath, Baketmut, Nefertari, Meritamen, Nebettawy u Isetnofret.[9]

Il-faċċata wara l-istatwi kolossali hija għolja 33 metru u wiesgħa 38 metru. Għandha freġju bi 22 babbwin iqimu tlugħ ix-xemx b'dirgħajhom mgħollijin u bi stele li tfakkar iż-żwieġ ta' Ramesses II ma' bint ir-Re Ḫattušili III, li ssiġilla l-paċi bejn l-Eġittu u l-Ittiti.[10]

Fuq id-daħla stess hemm immaġnijiet b'bassoriljiev tar-re jqim lil Ra Horakhty b'ras ta' falkun, u hemm statwa tiegħu f'niċċa kbira. Ra jżomm il-user bil-ġeroglifiċi u rixa f'idu l-leminija, b'Maat (l-alla tal-verità u tal-ġustizzja) f'idu x-xellugija; din hija kriptogramma għal isem Ramesses II fuq it-tron, User-Maat-Re.[9]

Ġewwa immodifika

Il-parti ta' ġewwa tat-tempju għandha l-istess tqassim triangolari li għandhom il-biċċa l-kbira tat-tempji Eġizzjani antiki, bi kmamar li jiċkienu mid-daħla sas-santwarju. It-tempju għandu struttura kumplessa u pjuttost mhux tas-soltu minħabba li fih bosta kompartimenti fil-ġnub. Is-sala ipostila (li xi kultant tissejjaħ pronaos) hija twila 18-il metru u hija wiesgħa 16.7-il metru; hija mirfuda minn tmien pilastri enormi ta' Osiris b'Ramesses divinizzat u kkollegat mal-alla Osiris, l-alla tal-fertilità, tal-agrikultura, tal-ħajja wara l-mewt, tal-mejtin, tal-qawmien mill-mewt, tal-ħajja u tal-veġetazzjoni, biex tiġi indikata n-natura dejjiema tal-faragħun. L-istatwi kolossali mal-ħajt tan-naħa tax-xellug għandhom il-kuruna l-bajda tal-Eġittu ta' Fuq, filwaqt li dawk fuq in-naħa opposta lebsin il-kuruna doppja tal-Eġittu ta' Fuq u t'Isfel. Il-bassoriljievi fuq il-ħitan tal-pronaos juru xeni ta' battalji fil-kampanji militari li ħa sehem fihom Ramesses II. Il-biċċa l-kbira tal-iskulturi huma ddedikati lill-Battalja ta' Kadesh, fuq ix-xmara Orontes fis-Sirja tal-lum, fejn re Eġizzjan kien iġġieled kontra l-Ittiti. L-iktar riljiev famuż juri re fuq il-karru tiegħu jispara l-vleġeġ kontra l-għedewwa tiegħu huma u jaħarbu, huma u jittieħdu bħala priġunieri. Xeni oħra juru r-rebħiet Eġizzjani fil-Libja u f'Nubja.[10]

Mis-sala ipostila, wieħed jidħol fit-tieni sala bil-pilastri, b'erba' pilastri mżejna b'xeni mill-isbaħ ta' offerti lill-allat. Hemm xeni ta' Ramesses u Nefertari bid-dgħajjes sagri ta' Amun u ta' Ra-Horakhty. Din is-sala tagħti aċċess għal vestibolu trasversali, u fin-nofs tiegħu hemm id-daħla tas-santwarju. Hawnhekk, fuq ħajt iswed, hemm skulturi mnaqqxin fil-blat ta' erba' figuri bilqiegħda: Ra-Horakhty, ir-re divinizzat Ramesses, u l-allat Amun Ra u Ptah. Ra-Horakhty, Amun Ra u Ptah kienu d-divinitajiet prinċipali f'dak il-perjodu u ċ-ċentri tat-twemmin tagħhom kienu jinsabu f'Heliopolis, f'Thebes u f'Memphis rispettivament.[10]

Allinjament max-Xemx immodifika

 
Detall tal-uċuħ tal-istatwi ewlenin

Jingħad li l-assi tat-tempju ġie ppożizzjonat mill-arkitetti Eġizzjani tal-qedem b'tali mod li fit-22 ta' Ottubru u fit-22 ta' Frar, ir-raġġi tax-xemx jippenetraw is-santwarju u l-iskulturi mal-ħajt ta' wara jiġu jiddu kollha, għajr l-istatwa ta' Ptah, alla kkollegat mal-mejtin u li dejjem kien jibqa' fid-dlam. Diversi nies jinġabru f'Abu Simbel f'dawn il-jiem biex jaraw dan l-avveniment b'għajnejhom.[9]

Allegatament, dawn id-dati huma d-data ta' għeluq snin ir-re u l-jum meta kien inkurunat, rispettivament. Ma hemm l-ebda evidenza diretta li tappoġġa din l-allegazzjoni. Madankollu, huwa loġiku li wieħed jassumi li dawn id-dati kellhom xi rabta ma' avveniment sinifikanti. Fil-fatt, skont il-kalkoli li saru abbażi tat-tlugħ eljakali tal-istilla Sirius (Sothis) u l-iskrizzjonijiet li nstabu mill-arkeologi, din id-data x'aktarx li kienet it-22 ta' Ottubru. Din l-immaġni tar-re ġiet imsaħħa u rivitalizzata mill-enerġija tal-istilla solari, u Ramesses divinizzat il-Kbir seta' b'hekk jieħu postu ħdejn Amun-Ra u Ra-Horakhty.[9]

Minħabba d-deriva akkumulata tat-Tropiku tal-Qabru minħabba l-preċessjoni assjali tad-Dinja f'dawn l-aħħar tliet millenji, id-data tal-avveniment kienet differenti meta nbena t-tempju. Dan huwa kkonfermat ukoll mill-fatt li t-tempju ġie rilokat mill-konfigurazzjoni oriġinali tiegħu, u b'hekk l-allinjament attwali jaf mhuwiex daqshekk preċiż daqs dak oriġinali.[11]

Graffiti bil-Grieg immodifika

Graffiti magħruf miktub bil-Grieg fuq ir-riġel tax-xellug tal-istatwa kolossali bilqiegħda ta' Ramesses II, fuq in-naħa tan-Nofsinhar tad-daħla tat-tempju jgħid hekk:

Meta r-Re Psammetichus (Psamtik II) ġie fuq il-Gżira Elephantine, dan inkiteb minn dawk li baħħru ma' Psammetichus iben Teokle, u waslu lil hinn minn Kerkis sakemm tippermetti x-xmara. Dawk li kienu jitkellmu b'ilsna barranin (il-Griegi u l-Karjani li naqqxu isimhom ukoll fuq il-monument) kienu mmexxija minn Potasimto, u l-Eġizzjani minn Amasis."[12]

Kerkis kienet tinsab ħdejn il-Ħames Ċarċara tan-Nil li kienet parti mir-Renju Kuxita.[13]

It-Tempju ż-Żgħir immodifika

 
It-Tempju ż-Żgħir wara r-rilokazzjoni

It-tempju ta' Hathor u Nefertari, magħruf ukoll bħala t-Tempju ż-Żgħir, inbena madwar 100 metru fil-Grigal tat-Tempju ta' Ramesses II u ġie ddedikat lill-alla Hathor u lill-mara ewlenija ta' Ramesses II, Nefertari. Din kienet fil-fatt it-tieni darba fl-istorja Eġizzjana tal-qedem li tempju ġie ddedikat lil reġina. L-ewwel darba, Akhenaten iddedika tempju lill-mara rjali tiegħu, Nefertiti. Il-faċċata mnaqqxa fil-blat hija mżejna b'żewġ gruppi ta' statwi kolossali li huma sseparati b'daħla kbira. L-istatwi, kemxejn iktar għoljin minn 10 metri, huma tar-re u tar-reġina tiegħu. Fuq in-naħa l-oħra tal-portal hemm żewġ statwi tar-re, darba liebes il-kuruna l-bajda tal-Eġittu ta' Fuq (l-istatwa kolossali tan-Nofsinhar) u darba liebes il-kuruna doppja (l-istatwa kolossali tat-Tramuntana); maġenbhom hemm statwi tar-reġina.[9]

B'mod notevoli, din hija waħda mill-ftit drabi fl-arti Eġizzjana fejn l-istatwi tar-re u tar-reġina tiegħu għandhom daqs ugwali. Tradizzjonalment, l-istatwi tal-irġejjen kienu jkunu qrib dawk tal-faragħun, iżda qatt ma kienu jkunu itwal minn irkopptejh. Ramesses II mar f'Abu Simbel ma' martu fl-24 sena tar-renju tiegħu. L-istess bħal fit-Tempju l-Kbir tar-re, hemm statwi żgħar tal-prinċepijiet u tal-prinċipessi ħdejn il-ġenituri tagħhom. F'dan il-każ jinsabu ppożizzjonati b'mod simetriku: fuq in-naħa tan-Nofsinhar (fuq ix-xellug kif wieħed iħares lejn id-daħla) hemm, mix-xellug għal-lemin, il-prinċepijiet Meryatum u Meryre, il-prinċipessi Meritamen u Henuttawy, u l-prinċepijiet Pareherwenemef u Amun-her-khepeshef, filwaqt li fuq in-naħa tat-Tramuntana hemm l-istess figuri imma bl-ordni inversa. Il-pjanta tat-Tempju ż-Żgħir hija verżjoni ssimplifikata ta' dik tat-Tempju l-Kbir.[9]

 
Nefertari toffri sistri (strumenti mużikali) lill-alla bilqiegħda Hathor, freġju ġewwa t-Tempju ż-Żgħir

Bħal fit-Tempju l-Kbir iddedikat lir-re, is-sala ipostila fit-Tempju ż-Żgħir hija mirfuda minn sitt pilastri; madankollu, f'dan il-każ, mhumiex pilastri ta' Osiris b'immaġnijiet tar-re, iżda huma mżejna b'xeni mar-reġina ddoqq is-sistri (strument sagru għall-alla Hathor), flimkien mal-allat Horus, Khnum, Khonsu, u Thoth, u mal-allat femminili Hathor, Isis, Maat, Mut ta' Asher, Satis u Taweret; f'xena minnhom Ramesses II jidher jippreżenta xi fjuri jew inċens jaqbad. Il-kapitelli tal-pilastri għandhom wiċċ l-alla Hathor fuqhom; din it-tip ta' kolonna hija magħrufa bħala ta' Hathor. Il-bassoriljievi fis-sala bil-pilastri juru d-divinizzazzjoni tar-re, il-qerda tal-għedewwa tiegħu fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar (f'dawn ix-xeni r-re huwa akkumpanjat minn martu), u r-reġina tagħmel offerti lill-allat femminili Hathor u Mut. Is-sala ipostila hija segwita minn vestibolu, u l-aċċess għalih jingħata permezz ta' tliet bibien kbar. Mal-ħitan tan-Nofsinhar u tat-Tramuntana ta' dan il-kompartiment hemm żewġ bassoriljievi grazzjużi u poetiċi tar-re u tar-reġina tiegħu jippreżentaw pjanti tal-papiru lil Hathor, li tidher bħala baqra tbaħħar fost il-papiru. Mal-ħajt tal-Punent, Ramesses II u Nefertari jidhru qed jagħmlu offerti lill-alla Horus u lid-divinitajiet tal-Ċarċara — Satis, Anubis u Khnum.[10]

Is-santwarju mnaqqax fil-blat u ż-żewġ kompartiment fil-ġnub huma kkollegati mal-vestibolu trasversali u huma allinjati mal-assi tat-tempju. Il-bassoriljievi mal-ħitan tal-ġnub tas-santwarju ż-żgħir jirrappreżentaw xeni ta' offerti lil diversi allat mill-faragħun jew mir-reġina. Mal-ħajt ta' wara, li jinsab fil-Punent tul l-assi tat-tempju, hemm niċċa li fiha Hathor, b'għamla ta' baqra divina, jidher bħal donnu ħierġa mill-muntanja: l-alla femminili li tidher bħala l-patrun tat-tempju ddedikat lilha u lir-reġina Nefertari, li għandha rabta intima mal-alla femminili.[9]

Klima immodifika

Is-sistema tal-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen-Geiger tikklassifika l-klima ta' Abu Simbel bħala waħda sħuna ta' deżert (BWh).

Data klimatika għal Abu Simbel
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja medja f'°C (°F) 23.6

(74.5)

26

(79)

30.2

(86.4)

35.3

(95.5)

39.1

(102.4)

40.6

(105.1)

40.2

(104.4)

40.2

(104.4)

38.7

(101.7)

36

(97)

29.7

(85.5)

24.9

(76.8)

33.7

(92.7)

Temp. medja kuljum f'°C (°F) 16.4

(61.5)

18.2

(64.8)

22.1

(71.8)

27

(81)

31

(88)

32.7

(90.9)

32.7

(90.9)

32.9

(91.2)

31.4

(88.5)

28.8

(83.8)

22.7

(72.9)

18.1

(64.6)

26.2

(79.2)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) 9.2

(48.6)

10.4

(50.7)

14.1

(57.4)

18.8

(65.8)

23

(73)

24.8

(76.6)

25.3

(77.5)

25.7

(78.3)

24.2

(75.6)

21.6

(70.9)

15.8

(60.4)

11.4

(52.5)

18.7

(65.6)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 0

(0)

0

(0)

0

(0)

0

(0)

0

(0)

0

(0)

0

(0)

0

(0)

0

(0)

0

(0)

0

(0)

0

(0)

0

(0)

Medja ta' jiem bix-xita 0 0 0 0 0 0 0 0 0 0 0 0 0
Medja ta' sigħat ta' xemx 10 10 10 10 11 11 11 11 10 10 10 10 10
Sors 1: Climate-Data.org[14]
Sors 2: Weather to Travel għas-sigħat ta' xemx u għall-jiem bix-xita[15]

Sit ta' Wirt Dinji immodifika

Il-Monumenti Nubjani minn Abu Simbel sa Philae, inkluż iż-żewġ tempji ta' Abu Simbel, ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet" u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Referenzi immodifika

  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Nubian Monuments from Abu Simbel to Philae". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-24.
  2. ^ a b "Abu Simbel". pcma.uw.edu.pl. Miġbur 2021-11-24.
  3. ^ Verner, Miroslav. Temple of the Word: Sanctuaries, Cults and Mysteries of Ancient Egypt. (Cairo: The American University in Cairo Press, 2013).
  4. ^ a b Hawass, Zahi. The Mysteries of Abu Simbel. (Cairo: The American University in Cairo Press, 2000).
  5. ^ Lane E, "Descriptions of Egypt," American University in Cairo Press. pp. 493-502.
  6. ^ Fry Drew Knight Creamer, 1978, Londra, Lund Humphries
  7. ^ Inc, Time. LIFE (bl-Ingliż). Time Inc. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  8. ^ Fitzgerald, Stephanie (2008). Ramses II: Egyptian Pharaoh, Warrior and Builder. New York: Compass Point Books. ISBN 978-0-7565-3836-1.
  9. ^ a b ċ d e f ġ g Alberto Siliotti, Egypt: temples, people, gods, 1994.
  10. ^ a b ċ d Ania Skliar, Grosse kulturen der welt-Ägypten, 2005.
  11. ^ "NASA" (PDF).
  12. ^ "King Psammetichus II (Psamtik II) of Egypt's 26th Dynasty". www.touregypt.net. Miġbur 2021-11-24.
  13. ^ Britannica, p. 756.
  14. ^ "Abu Simbel climate: Average Temperature, weather by month, Abu Simbel weather averages - Climate-Data.org". en.climate-data.org. Miġbur 2021-11-24.
  15. ^ Weather2Travel.com. "Holiday Weather Averages & Forecast". Weather2Travel.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-24.